|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6813 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Estonja
(C/2024/6813)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Estonja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tal-Estonja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fit-18 ta' Ġunju 2021, l-Estonja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fid-29 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja (9), li ġiet emendata fis-16 ta' Ġunju 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Estonja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
L-Estonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 fil-25 ta' April 2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024 fit-30 ta' April 2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Estonja dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(9) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Estonja. Dan ivvaluta l-progress tal-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Estonja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Estonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(10) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja żdied minn defiċit ta' 1,0 % tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta' 3,4 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 18,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 19,6 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Estonja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni mhijiex ser tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Estonja. |
|
(11) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Estonja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-Estonja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Estonja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (13) kienet espansjonarja, b'1,6 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta' 1,0 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi t-tnaqqis ta' 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza mmirati għall-enerġija għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll it-tnaqqis ta' 0,2 % tal-PDG fil-kost tal-offerta ta' protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet għalhekk parzjalment biss dovuta għall-appoġġ għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) kien immotivat minn infiq ogħla fuq il-pagi pubbliċi u l-pensjonijiet flimkien ma' aktar programmi ġodda ta' nfiq permanenti għad-difiża, l-edukazzjoni u l-benefiċċji tat-tfal, mhux akkumpanjati minn żidiet proporzjonali fuq in-naħa tad-dħul. Kumplessivament, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 5,8 % tal-PDG fl-2023, b'żieda annwali ta' 1,4 punti perċentwali mill-2022. L-Estonja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. L-Estonja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-iżvilupp ta' servizzi ta' avvenimenti u gateway diġitali għall-imprendituri, il-kapitalizzazzjoni tal-Fond Ekoloġiku (li jagħmel investimenti f'fondi ta' kapital ta' riskju u investimenti ta' ekwità fl-intrapriżi) u t-tisħiħ tal-grilja tal-elettriku biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jsir adattament għat-tibdil fil-klima. Dak l-investiment pubbliku huwa ffinanzjat mill-Faċilità. |
|
(12) |
Fil-Programm ta' Stabbiltà 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 0,0 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta' 3,6 % fl-2024 u 2,7 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3,5 % tal-PDG fl-2024 (14) u 3,0 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 22,6 % sa tmiem l-2024 u 24,9 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 2,2 % tal-PDG fl-2026, 1,4 % fl-2027, u 0,8 % fl-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jaqbiżx il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat mill-2025. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied għal 26,2 % fl-2026 u mbagħad jonqos gradwalment għal 26,0 % fl-2027, u 25,0 % fl-2028. |
|
(13) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jonqos b'0,5 % fl-2024 u jikber bi 3,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-HICP ser tkun ta' 3,4 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025. |
|
(14) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 3,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 21,4 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-impatt tad-defiċit tal-gvern. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali f'livell ta' 0,1 % tal-PDG fl-2024. |
|
(15) |
In-nefqa li tammonta għal 0,9 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Estonja. |
|
(16) |
Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li l-Estonja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 4,9 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Estonja huwa pprojettat li jkun -0,7 % tal-PDG fl-2024 (meta mqabbel ma' -1,3 % tal-PDG fl-2023), u b'hekk fil-livell tal-objettiv baġitarju fuq terminu medju (MTO) tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta' -0,75 % tal-PDG. Għalhekk, l-Estonja hija meqjusa bħala li hija konformi ma' dak li ġie rakkomandat mill-Kunsill. |
|
(17) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Estonja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, l-Estonja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (16) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 0,2 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,0 % fl-2024 u fl-2025. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
|
(18) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Estonja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 5,8 % tal-PDG fl-2023 għal 6,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(19) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,3 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-impatt nett ta' riforma fit-taxxa fuq l-introjtu personali li hija mistennija tnaqqas id-dħul tal-gvern. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 24,6 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-impatt tad-defiċit tal-gvern. |
|
(20) |
Id-dħul mit-taxxa tal-Estonja bħala sehem tal-PDG żdied fl-2023 iżda huwa ferm taħt il-medja tal-Unjoni, u jillimita l-finanzjament disponibbli għan-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-protezzjoni soċjali. Fl-2022, id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà, li huwa fost it-taxxi l-inqas detrimentali għat-tkabbir, kien jammonta biss għal 0,3 % tal-PDG, madwar seba' darbiet aktar baxx mill-medja tal-Unjoni. L-Estonja ġabret inqas minn terz tal-medja tal-Unjoni minn taxxi kapitali (2,7 % tal-PDG), kellha wħud mill-aktar taxxi baxxi fuq it-trasport fl-Unjoni, u hija wieħed mill-ftit Stati Membri mingħajr taxxa annwali fuq il-karozzi. Barra minn hekk, il-piż tat-taxxa mhuwiex imqassam b'mod uniformi, u r-riformi tat-taxxa li ġejjin huma mistennija li jkomplu jżidu l-inugwaljanza. B'mod aktar speċifiku, fl-2025, żieda fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu minn 20 % għal 22 %, u żieda fl-eżenzjoni mit-taxxa bażika, flimkien mat-twessigħ tal-ambitu ta' applikazzjoni tagħha biex tkopri l-kontribwenti kollha tat-taxxa fuq l-introjtu, huma mistennija li jkunu rigressivi. Barra minn hekk, it-taxxa fuq l-introjtu mix-xogħol tal-Estonja, anke jekk hija qrib il-medja tal-Unjoni ta' 17,2 % tal-PDG, hija rigressiva, u tintaxxa livelli ogħla ta' introjtu b'rata effettiva aktar baxxa. L-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali naqas fl-2022 u għadu ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Dan jissarraf f'livelli relattivament baxxi u kopertura limitata tal-benefiċċji soċjali, bil-pensjonijiet tax-xjuħija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. In-nefqa fuq is-servizzi pubbliċi ġenerali hija, fil-livell ta' 3,7 % tal-PDG, kważi żewġ terzi aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni. |
|
(21) |
L-Estonja adottat diversi riformi biex ittejjeb l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa. Filwaqt li r-riformi mexjin fid-direzzjoni t-tajba, għadu mhuwiex żgurat finanzjament sostenibbli għall-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa. B'riżultat ta' dan, il-pagamenti mill-but għadhom għoljin u l-ħtieġa mhux issodisfata għall-kura medika żdiedet. L-aċċess għall-kura medika huwa inkonsistenti madwar il-pajjiż, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' kapaċità u riżorsi fost il-muniċipalitajiet biex jipprovdu biżżejjed servizzi biex jissodisfaw id-domanda. Filwaqt li d-domanda mhijiex issodisfata għalkollox, l-infiq pubbliku fuq il-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa għadu fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Dan huwa akkoppjat ma' nuqqas ta' ħaddiema f'dawk is-setturi. Minħabba l-bidliet demografiċi, id-domanda għall-aċċess għall-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa hija mistennija li tiżdied. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat finanzjament adegwat għat-tnejn li huma. |
|
(22) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Estonja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Estonja tkompli timplimenta r-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(23) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), l-Estonja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. L-Estonja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet bejn il-belt kapitali u l-bqija tal-Estonja. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi tal-politika ta' koeżjoni jibqgħu rilevanti. Huwa partikolarment importanti li tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji, speċjalment ta' dawk barra miż-żona metropolitana, u li tingħata spinta lill-kapaċità tagħhom li jinnovaw. It-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini privat u pubbliku kif ukoll tan-negozji huwa prijorità għolja. L-aċċess għall-impjiegi permezz ta' miżuri attivi u preventivi tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta' ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa għadhom importanti. Jenħtieġ li tingħata prijorità wkoll lit-titjib tal-kwalità, l-effettività u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ; il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid flessibbli kif ukoll l-inklużjoni attiva; u ż-żieda tal-aċċessibbiltà, l-effettività u r-reżiljenza tas-servizzi tal-kura fit-tul. Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, il-ħtiġijiet relatati mal-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura fit-tul jistħoqqilhom aktar attenzjoni, filwaqt li tingħata prijorità lill-għajxien indipendenti. L-Estonja tista' tuża wkoll il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), speċifikament b'rabta mal-investiment fil-manifattura ta' teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti u l-appoġġ għat-trasformazzjoni tal-industrija, pereżempju, fl-oqsma tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, it-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali, u l-bijomediċina. L-Estonja tista' żżid ukoll il-kapaċità tagħha li tipproċessa metalli tal-materjali tal-art rari u li tinvolvi ruħha fir-riċerka u l-iżvilupp li jappoġġawha. |
|
(24) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, l-Estonja qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mal-protezzjoni soċjali, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ħiliet. |
|
(25) |
Il-protezzjoni soċjali biex jingħata appoġġ lil persuni akbar fl-età, persuni b'diżabilità u persuni f'forom mhux standard ta' xogħol u b'perjodi qosra ta' xogħol għadha dgħajfa. B'riżultat ta' dan, is-sehem ta' persuni b'diżabilità f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali mhux biss żdied fl-2022 iżda kien it-tieni l-ogħla fl-Unjoni. Il-faqar fix-xjuħija qed jiżdied, u kien wieħed mill-ogħla fl-Unjoni fl-2022, prinċipalment minħabba li l-pensjonijiet għadhom baxxi meta mqabbla mal-introjtu mix-xogħol. L-adegwatezza baxxa tax-xibka ta' sikurezza soċjali tirriżulta f'livell għoli ta' inugwaljanza fl-introjtu, li qed jiżdied, minkejja li sar xi ftit titjib fis-snin preċedenti. Il-kopertura baxxa tal-benefiċċji tal-qgħad, speċjalment għal dawk f'forom mhux standard ta' xogħol u b'perjodi qosra ta' xogħol, taggrava l-inugwaljanza fl-introjtu u l-faqar. Għalkemm id-durata tal-benefiċċji tal-qgħad ġiet aġġustata skont il-pjan Estonjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-estensjoni tal-kopertura għad trid tiġi implimentata. Iż-żieda fl-inugwaljanza hija marbuta maż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet u fl-għoli tal-ħajja, li ma ġietx akkumpanjata minn żieda korrispondenti fil-benefiċċji soċjali u fil-pagi minimi. Is-sitwazzjoni għall-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx marret għall-agħar minħabba inflazzjoni għolja u persistenti fil-passat, u hija mistennija li tkompli tiddeterjora b'riżultat tar-riformi tat-taxxa fl-2024-2025. L-iżgurar ta' miżuri ta' mitigazzjoni adegwati, inkluż għall-pensjonijiet, u ż-żieda tal-adegwatezza tas-sistema tal-protezzjoni soċjali jistgħu jnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi. Dawk il-miżuri kollha jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi mill-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali, li ġie pilotat fl-2024. F'konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Semestru Ewropew irid jinkludi s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn permezz ta' qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali. |
|
(26) |
Is-sehem taż-żejt tax-shale fit-taħlita tal-enerġija tal-Estonja għadu sinifikanti u qed ixekkel it-tranżizzjoni ekoloġika. L-użu ulterjuri tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli huwa meħtieġ biex jgħin fl-eliminazzjoni gradwali taż-żejt tax-shale filwaqt li fl-istess ħin jinżamm livell għoli ta' indipendenza enerġetika. Minbarra li jikkawża ħsara ambjentali, l-industrija taż-żejt tax-shale tirrappreżenta 90 % tal-iskart perikoluż tal-Estonja. L-Estonja għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta' produttività tar-riżorsi fost l-Istati Membri, li tista' tkun parzjalment dovuta għall-industrija taż-żejt tax-shale tal-pajjiż li tuża ħafna riżorsi, kif ukoll għas-sistema industrijali ġenerali li tuża ħafna riżorsi. Il-produttività tar-riżorsi bilkemm żdiedet minn EUR 1/kg tar-riżorsi użati għal EUR 1,1/kg, u baqgħet aktar baxxa minn nofs il-medja tal-Unjoni fl-2022. Is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija sar emittent tas-CO2 minflok assorbitur. Is-settur tal-forestrija huwa kkaratterizzat minn volumi għoljin ta' qtugħ tas-siġar, kif ukoll minn valorizzazzjoni baxxa tar-riżorsi. L-Estonja tibbenefika miż-żieda fl-effiċjenza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, tranżizzjoni ulterjuri lejn ekonomija ċirkolari, u t-titjib tal-ġestjoni tal-iskart. Barra minn hekk, il-produttività tar-riżorsi hija waħda mid-dgħufijiet tal-Estonja fir-rigward tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-pajjiż. L-Estonja ġiet ikklassifikata fit-13-il post fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ekoinnovazzjoni tal-2022 (115,5 imqabbla ma' medja tal-UE ta' 121,5, relattiva għal medja tal-Unjoni ta' 100 fl-2013). It-tisħiħ tal-ekoinnovazzjoni u l-innovazzjoni b'bażi bijoloġika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali ser jgħin biex itejjeb il-produttività tar-riżorsi u l-kompetittività tal-Estonja. |
|
(27) |
In-nuqqas ta' ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet jeżistu f'ħafna setturi u jnaqqsu l-kompetittività tal-Estonja. In-negozji identifikaw in-nuqqas ta' persunal tas-sengħa bħala ostaklu għall-investiment u għall-potenzjal tal-esportazzjoni tagħhom. In-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u l-ispariġġ kbir fil-ħiliet jikkoinċidu ma' tkabbir rapidu fil-pagi u żieda fil-kost ta' unità lavorattiva. Kemm it-tranżizzjoni ekoloġika kif ukoll dik diġitali żiedu d-domanda għall-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati, filwaqt li n-nuqqas fil-kura tas-saħħa u fl-edukazzjoni għadu akut u aggravat bit-tixjiħ tal-forza tax-xogħol. Fl-istess ħin, rati relattivament għoljin kemm ta' tluq bikri mill-iskola kif ukoll ta' tluq bikri mill-iskola fl-edukazzjoni għolja jirriżultaw f'għadd insuffiċjenti ta' gradwati tas-sengħa. Din il-problema għandha dimensjoni reġjonali partikolari, billi ż-żoni rurali u remoti jiffaċċaw aktar diffikultajiet biex jattiraw professjonisti kwalifikati. L-ispariġġ fil-ħiliet jista' jkun limitat permezz ta' titjib ulterjuri tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-investiment fil-gwida għall-karriera, l-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, iż-żieda fl-opportunitajiet għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, u l-antiċipazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet. Minħabba l-ħtieġa li l-ekonomija tiddiversifika f'attivitajiet b'valur miżjud għoli, jgħinu wkoll modi aħjar biex jinżamm u jiġi attirat it-talent. |
|
(28) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Estonja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (19) fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż sa taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat u maż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju. Twessa' l-bażi tat-taxxa u ttejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul u l-finanzjament tagħhom. |
|
2. |
Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fis-settur tal-kura fit-tul, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Issaħħaħ il-protezzjoni soċjali, fost l-oħrajn biex jiġi indirizzat il-faqar fix-xjuħija u billi tiġi estiża l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, b'mod partikolari għal dawk b'perjodi qosra ta' xogħol u f'forom mhux standard ta' xogħol. |
|
4. |
Tnaqqas is-sehem taż-żejt tax-shale fit-taħlita tal-enerġija u żżid il-produttività tar-riżorsi permezz ta' innovazzjoni b'bażi bijoloġika. Ittejjeb il-produttività tax-xogħol u l-provvista tal-ħiliet permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, u billi tattira u żżomm aħjar it-talent. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 12532/21 INIT; ST 12532/21 ADD 1.
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja (ST 9367/2023 INIT); ST 9367/23 ADD 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Estonja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja għall-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 44).
(13) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.
(14) L-awtoritajiet Estonjani infurmaw lill-Kummissjoni li l-gvern approva u bagħat baġit supplimentari għall-2024 (Att tal-Baġit Addizzjonali tal-Istat 456 SE tal-2024) lill-parlament nazzjonali fil-5 ta' Ġunju 2024, li għadda mill-ewwel qari fil-parlament nazzjonali fl-10 ta' Ġunju, it-tieni qari fl-14 ta' Ġunju u huwa mistenni li jgħaddi mit-tielet qari fid-19 ta' Ġunju 2024. Dan il-baġit supplimentari huwa mistenni li jnaqqas id-defiċit nominali b'0,4 % tal-PDG (li l-biċċa l-kbira minnu huwa tnaqqis permanenti fin-nefqa, iżda jinkludi wkoll miżuri li jżidu d-dħul).
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tal-Estonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 tal-Estonja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 49).
(16) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(17) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(19) Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6813/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)