European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1675

14.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1675

tas-16 ta’ Frar 2024

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.62829 (2023/C) implimentata mir-Rumanija għal Blue Air Aviation SA

(notifikata bid-dokument C(2024) 910)

(It-test bil-lingwa Rumena biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1), il-punt (a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet (1) imsemmija hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-20 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-għajnuna ppjanata għal Blue Air Aviation SA (“Blue Air”) fil-forma ta’ garanzija mill-Istat fuq self li jammonta għal RON 300 775 000 (EUR 62,13 miljun) (2), li minnhom EUR 28,29 miljun (RON 136,9 miljun) bħala kumpens għad-danni skont l-Artikolu 107(2), il-punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u EUR 33,84 miljun (RON 163,8 miljun) bħala għajnuna għas-salvataġġ skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (il-“Linji Gwida R&R”) (3) u l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE (id-“deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ”) (4).

(2)

Ir-Rumanija ħarġet il-garanzija mill-Istat fl-20 ta’ Ottubru 2020. Blue Air użat is-self minn EximBank S.A. fit-23 ta’ Ottubru 2020. Fit-22 ta’ April 2021, ir-Rumanija kkomunikat il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Blue Air lill-Kummissjoni li kien appoġġat b’estensjoni tal-garanzija mill-Istat għal total ta’ sitt snin.

(3)

Fit-12 ta’ Awwissu 2021, l-awtoritajiet Rumeni pprovdew informazzjoni għall-valutazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar li tappoġġa l-pjan ta’ ristrutturar inizjali.

(4)

Fl-20 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni pprovdiet valutazzjoni preliminari tal-għajnuna għar-ristrutturar u talbet informazzjoni addizzjonali.

(5)

Fis-16 ta’ Novembru 2021, ir-Rumanija kkomunikat il-pjan ta’ ristrutturar emendat ta’ Blue Air (il-“pjan ta’ ristrutturar”) lill-Kummissjoni u pprovdiet informazzjoni għall-valutazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar li tappoġġa l-pjan.

(6)

F’vidjokonferenza fis-17 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni talbet kjarifiki u indikat informazzjoni ewlenija li kienet għadha meħtieġa biex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar. Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni kkonfermat bil-miktub il-punti ewlenin diskussi u fakkret il-kwistjonijiet pendenti ewlenin dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna li għandhom jiġu ċċarati mir-Rumanija.

(7)

Fit-8 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-awtoritajiet Rumeni relatata mal-pjan ta’ ristrutturar u l-għajnuna ta’ sostenn. Il-Kummissjoni bagħtet tfakkira fis-6 ta’ Settembru 2022. Ir-Rumanija ma pprovdietx l-informazzjoni mitluba.

(8)

Fid-29 ta’ Settembru u fil-5 ta’ Diċembru 2022, wara rapporti tal-istampa li jsemmu waqfien f’daqqa u temporanju tal-operazzjonijiet ta’ Blue Air u wara li l-Kummissjoni kienet talbet aġġornament, ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-attivitajiet ta’ Blue Air u dwar il-passi li kienet ħadet ir-Rumanija wara li ġiet eżerċitata l-garanzija mill-Istat imsemmija fil-premessa (1).

(9)

Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ April 2023 (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li kienet iddeċidiet li tinbeda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-għajnuna. Wara żewġ tfakkiriet, ir-Rumanija ressqet il-kummenti tagħha fil-5 ta’ Settembru 2023.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom.

(11)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda. Fl-1 ta’ Awwissu 2023 għaddiethom lir-Rumanija, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi iżda ma għamlitx dan.

2.   Il-Benefiċjarju

2.1.   L-attivitajiet ta’ Blue Air

(12)

Blue Air hija kumpannija b’ishma bi sħab Rumena, stabbilita l-ewwel bħala Blue Air Airline Management Solutions SRL u ilha topera minn Awwissu 2013. Blue Air ħadet f’idejha l-attività tat-trasport bl-ajru ta’ Blue Air Transport Aerian SA fi proċess ta’ sejħa għall-offerti meta din tal-aħħar waqqfet l-operazzjonijiet. Fl-2018, Blue Air Airline Management Solutions SRL biddlet l-isem u l-forma ġuridika għal Blue Air Aviation S.A. Sa Novembru 2022, Airline Invest S.A., kumpanija privata Rumena mingħajr ebda attività oħra ħlief li żżomm l-ishma ta’ Blue Air, kellha 76,18 % tal-kapital azzjonarju ta’ Blue Air, filwaqt li żewġ individwi kellhom, rispettivament, ishma ta’ 23,81 % u 0,1 %.

(13)

Blue Air kabbret l-operazzjonijiet tagħha matul is-snin għalkemm bi żbilanċi finanzjarji. Sa tmiem l-2019, Blue Air kellha fatturat annwali ta’ madwar EUR 414 miljun u operat 23 inġenju tal-ajru Boeing-737 li ttrasportaw 4,2 miljun passiġġier fis-sena, u li 60 % minnhom kienu ċittadini Rumeni li jgħixu barra mill-pajjiż. Minn Settembru 2021, Blue Air kellha 1 058 impjegat b’erba’ bażijiet operazzjonali fir-Rumanija u waħda fl-Italja biex tipprovdi (i) servizzi tat-trasport internazzjonali u domestiċi tal-passiġġieri bl-ajru, (ii) servizzi ta’ charter lil aġenziji tal-ivvjaġġar, u (iii) inġenji tal-ajru mikrija bl-ekwipaġġ (6).

(14)

Skont l-informazzjoni fil-pjan ta’ ristrutturar ikkomunikat fis-16 ta’ Novembru 2021, in-network ta’ Blue Air kien, kważi esklussivament Ewropew b’madwar 90 destinazzjoni minn punt għal punt, f’kompetizzjoni prinċipalment ma’ Tarom, Ryanair u Wizz Air. Blue Air operat 20 minn dawn ir-rotot bħala operatur uniku. F’36 minn dawn ir-rotot, trasportatur tal-ajru ieħor ukoll ipprovda servizzi ta’ trasport. Fuq ir-rotot l-oħra, żewġ trasportaturi jew aktar operaw flimkien ma’ Blue Air.

2.2.   Id-diffikultajiet ta’ Blue Air u l-għajnuna għas-salvataġġ preċedenti

(15)

Ir-Rumanija tispjega li, sal-2018, Blue Air esperjenzat tkabbir aċċellerat, u wettqet investimenti kbar fil-ftuħ ta’ bażijiet u rotot ġodda. Blue Air wettqet l-attività u l-programm ta’ espansjoni tagħha mingħajr aċċess xieraq għall-finanzi, li rriżulta fi kwistjonijiet ta’ likwidità u solvenza. Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ innotat l-ekwità negattiva ta’ Blue Air ta’ EUR 18,9 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2019 u telf akkumulat ta’ EUR 37,7 miljun li jaqbeż il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha ta’ EUR 0,2 miljun u r-riżervi ta’ EUR 0,62 miljun. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ innotat li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv sinifikanti fuq il-prestazzjoni ta’ Blue Air mill-bidu ta’ Marzu 2020 (7). It-telf u l-ekwità negattiva akkumulaw, u ġiegħlu lil Blue Air tapplika għal qabel l-insolvenza fis-6 ta’ Lulju 2020.

(16)

Kif stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, il-garanzija mill-Istat imsemmija fil-premessa (1) kienet relatata ma’ self li ffinanzja, flimkien ma’ kumpens għad-danni skont l-Artikolu 107(2), il-punt (b), tat-TFUE, anke porzjon tal-bilanċ tal-flus negattiv mistenni bejn Settembru 2020 u Frar 2021, kif stabbilit fil-pjan ta’ likwidità ta’ Blue Air. Is-self ingħata għal sitt snin, bl-impenn li jiġi nnotifikat pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur mill-għoti. Ipoteki tal-ogħla grad fuq ċerti assi ta’ Blue Air u partijiet terzi żguraw il-garanzija tal-Istat (8).

(17)

L-abbozz tal-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern li pprovdiet ir-Rumanija fin-notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ tagħha speċifika li l-kollateral għall-garanzija mill-Istat kien jinkludi, fost assi oħra, parteċipazzjoni azzjonarja ta’ 75 % fi Blue Air miżmuma minn Airline Invest SA u individwu wieħed fil-kapital azzjonarju ta’ Blue Air. Jekk il-garanzija tkun ġiet eżegwita, il-proprjetà tal-kollateral tiġi ttrasferita lill-Istat, li jsir azzjonist (9). Il-valur tal-kollateral ma ġiex stabbilit fl-ordinanza.

(18)

Fil-5 ta’ Diċembru 2022, l-awtoritajiet Rumeni infurmaw lill-Kummissjoni li l-garanzija mill-Istat favur is-sellief EximBank S.A. kienet ġiet eżegwita u li l-Ministeru tal-Finanzi kien ħallas kompletament l-ammonti relatati mas-self garantit ikkuntrattat minn Blue Air.

3.   Deskrizzjoni tal-Pjan ta’ Ristrutturar u l-Għajnuna ta’ Sostenn

3.1.   Pjan ta’ ristrutturar: durata u miżuri ta’ ristrutturar ippjanati

(19)

Il-pjan ta’ ristrutturar għal Blue Air ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2025, li jaħbat mas-snin finanzjarji tal-benefiċjarju 2021-2025. Matul dan il-perjodu, qed jiġu implimentati jew se jiġu implimentati diversi miżuri operazzjonali ta’ ristrutturar, b’mod partikolari, miżuri biex (i) jitnaqqsu l-kostijiet tal-flotta, (ii) jitnaqqsu l-kostijiet tal-manutenzjoni, inkluż ir-rimi tal-inġenji tal-ajru; (iii) jinżamm is-servizz u tiġi żgurata l-flessibbiltà tal-ivvjaġġar għall-passiġġieri (iv) jiġi ristrutturat in-network ta’ ajruporti u tar-rotot biex jinkludi l-ajruporti ċentrali ewlenin; (v) tinbidel l-istrateġija kummerċjali biex issir trasportatur bi prezz baxx ewlieni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, (vi) tiżdied il-kontribuzzjoni tal-mezzi ta’ bejgħ dirett; (vii) jiġu ttrasformati s-sistemi tal-IT; (viii) isiru aġġustamenti organizzattivi u jitnaqqsu l-kostijiet tal-persunal; (ix) tiġġedded il-flotta, biex jiġi ffrankat il-kost tal-fjuwil u taċ-ċertifikati tas-CO2; (x) jinfetħu attivitajiet tekniċi u ta’ manutenzjoni għas-suq permezz ta’ trasferiment lil entità maħluqa ġdida; u (xi) id-dejn jiġi skedat mill-ġdid u tiġi evitata l-insolvenza.

3.2.   Finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturar

(20)

L-ammont tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġu koperti l-kostijiet tar-ristrutturar huwa ta’ EUR 194,26 miljun. Ir-Rumanija tiddikjara li l-kostijiet jiġu ffinanzjati parzjalment b’għajnuna għar-ristrutturar, għal ammont ta’ EUR 33,84 miljun, u parzjalment b’kontribuzzjoni proprja minn Blue Air, għal ammont ta’ EUR 160,42 miljun.

(21)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija l-ewwel infurmat lill-Kummissjoni li l-garanzija mill-Istat li tkopri s-self ta’ għajnuna għas-salvataġġ inżammet, minn issa ’l quddiem bħala għajnuna għar-ristrutturar favur Blue Air, sal-maturità ta’ sitt snin ta’ dak is-self, li tippermetti l-ħlas lura tagħha sal-2026. Sussegwentement, fil-5 ta’ Diċembru 2022, ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni li l-garanzija mill-Istat kienet ġiet eżegwita u li l-Ministeru tal-Finanzi kien ħallas kompletament l-ammonti relatati mas-self garantit ikkuntrattat minn Blue Air. Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-kollateral tal-garanzija, l-Istat ħa f’idejh, permezz tal-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat, 75 % tal-ishma fi Blue Air (10), filwaqt li l-bqija tal-25 % tal-kapital azzjonarju totali ta’ Blue Air baqa’ f’idejn Airline Invest S.A. (1,191 %) u individwu wieħed (23,809 %).

(22)

Fir-rigward tal-parti allegatament mhux megħjuna tal-finanzjament, il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi, b’mod partikolari, is-sorsi addizzjonali li ġejjin:

(a)

it-tħassir ta’ dejn ta’ obbligi ta’ servizz lil partijiet terzi li jammonta għal EUR 34,79 miljun. Il-partijiet terzi jinkludu: (i) passiġġieri Taljani, (ii) kredituri Rumeni u Taljani bħala parti minn ftehimiet ta’ kompożizzjoni ġudizzjarja u (iii) diversi kredituri wara negozjati kuntrattwali;

(b)

L-azzjonisti ta’ Blue Air minbarra l-Istat iħallsu lura dejn ta’ EUR 28,57 miljun dovut minn Blue Air lil sidien ta’ inġenji tal-ajru privati, u b’hekk isiru temporanjament kredituri ta’ Blue Air; l-azzjonisti jikkonvertu tali dejn f’ekwità ta’ Blue Air permezz ta’ tliet fażijiet li kellhom jitlestew fi tmiem l-2022, u b’hekk Blue Air ma tħallasx lura d-dejn;

(c)

diżinvestiment tal-inġenji tal-ajru li bħalissa huma mwiegħda lil NAFA- u ALC- Aero Leasing 3 Designated Activity Company, li mistenni li jirriżulta f’kontribuzzjoni proprja ta’ EUR 5,89 miljun. Ir-Rumanija ssemmi li l-proċedura tal-bejgħ kellha titlesta f’Ottubru 2023;

(d)

finanzjament estern fl-ammont ta’ EUR 54,47 miljun, li jinkludi t-twaqqif ta’ impriża konġunta biex topera linja tal-ajru ġdida bl-ammont ta’ EUR 14,47 miljun u finanzjament ta’ EUR 40 miljun biex ikopri d-diskrepanza tal-likwidità fl-2021 u fl-2022 u biex jiżgura s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet matul il-perjodu ta’ ristrutturar;

(e)

riżorsi ġġenerati internament, li jinkludu riżultati netti (qligħ) ippjanati ta’ EUR 30,02 miljun mistennija matul is-sena finanzjarja 2022.

3.3.   Ir-restawr tal-vijabbiltà fuq terminu twil: projezzjonijiet finanzjarji

(23)

Il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi li l-għadd ta’ inġenji tal-ajru huwa ppjanat li jiżdied minn 19 fl-2020 għal 23 fl-2023 u jibqa’ stabbli minn hemm ’il quddiem sal-2025. Is-sits disponibbli għal kull kilometru jiżdiedu minn 7,2 miljun fl-2019 u 3,2 miljun fl-2020 għal 10,2 miljun fl-2023 u jibqgħu stabbli sal-2025. Barra minn hekk, ir-Rumanija tispjega li l-miżuri ta’ ristrutturar operazzjonali għandhom l-għan li jiżguraw li Blue Air taċċellera l-proċess ta’ ristrutturar tan-network biex tiżgura l-kontinwità tan-negozju permezz ta’ aġġustament rapidu u kontinwu tal-kapaċità disponibbli għad-domanda.

(24)

Il-pjan ta’ ristrutturar ibassar li Blue Air se tikseb qligħ pożittiv qabel l-imgħax, deprezzament tat-taxxa u l-amortizzament (“EBITDA”) u marġni ta’ EBITDA għal dħul ta’ 16,8 % mill-2022, li mistenni jiżdied sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar, kif muri fit-Tabella 1. Barra minn hekk, skont l-istimi tal-fluss tal-flus fil-pjan, bejn l-2022 u l-2025, l-influss tal-flus ta’ Blue Air ikun ta’ madwar EUR 600 miljun u l-ħruġ ta’ flus ikun madwar EUR 580 miljun, b’bilanċ tal-flus pożittiv mill-2022, li jilħaq EUR 21 miljun fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar.

Tabella 1

Data finanzjarja magħżula mill-pjan ta’ ristrutturar (is-snin finanzjarji 2021 sal-2025, data f’miljuni ta’ EUR)

 

Perjodu ta’ ristrutturar

FY21

FY22

FY23

FY24

FY25

Dħul

112,01

344,02

424,63

443,31

460,75

EBITDA

(58,21 )

57,76

98,24

104,86

103,59

EBIT

(58,49 )

19,09

39,77

42,86

42,46

Riżultat nett

(68,04 )

30,02

8,83

12,95

19,93

Bilanċ tal-fluss tal-flus

(3,81 )

19,45

11,65

12,07

21,28

Marġni ta’ EBITDA

–51,9  %

16,8  %

23,1  %

23,6  %

22,5  %

Sors:

Pjan ta’ Ristrutturar, taqsimiet 4 u 7, paġni 16 u 46

(25)

Il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi projezzjonijiet finanzjarji f’xenarju ta’ każ bażi bid-data finanzjarja ppreżentata fit-Tabella 1. Il-projezzjonijiet ma jinkludu l-ebda informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ ekwità u l-ammont ta’ kapital użat, u lanqas xenarju pessimist. Il-pjan ma jispjegax kif Blue Air se tirrimedja għall-problemi ta’ solvenza murija mill-pożizzjoni ta’ ekwità negattiva ħafna rreġistrata fil-premessa (15). Barra minn hekk, ir-riżultati netti akkumulati bejn l-2021 u l-2025 murija fit-Tabella 1 jissuġġerixxu li l-pożizzjoni ta’ ekwità ma titjiebx materjalment u ma ssirx pożittiva matul il-perjodu ta’ ristrutturar, anke jekk jiġi injettat kapital ġdid kif ippjanat (ara l-premessa (22)).

(26)

Meta kkomunikat il-pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija kienet kunfidenti li Blue Air se tiġġenera biżżejjed riżorsi biex tħallas lura bis-sħiħ is-self megħjun matul il-perjodu ta’ ristrutturar. Madankollu, fl-istess ħin, ir-Rumanija enfasizzat ukoll li s-sopravivenza tal-benefiċjarju kienet għadha f’riskju minħabba t-telf sinifikanti mġarrab mill-2020 u minħabba likwidità limitata.

3.4.   Miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(27)

Ir-Rumanija pproponiet miżuri strutturali u tnaqqis tal-attivitajiet tan-negozju, kif ukoll miżuri ta’ mġiba mmirati biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-għajnuna għar-ristrutturar.

3.4.1.   Miżuri strutturali — diżinvestimenti u tnaqqis tal-attivitajiet tan-negozju

(28)

Id-diżinvestimenti u t-tnaqqis tal-attivitajiet kummerċjali li għandhom jitwettqu minn Blue Air huma dawn li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis tal-bażijiet u r-rotot operazzjonali mhux profittabbli, inkluż l-għeluq ta’ disa’ rotot sa Ottubru 2021 u l-għeluq tal-bażijiet ta’ Larnaca (Ċipru) u Iași (ir-Rumanija) minn April 2020;

(b)

ir-ritorn minn qabel ta’ erba’ inġenji tal-ajru;

(c)

l-esternalizzazzjoni tal-amministrazzjoni, is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà tax-xogħol u l-benefiċċji u l-attivitajiet ta’ kumpens;

(d)

barra minn hekk, bħala l-aktar miżura importanti biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, skont ir-Rumanija, is-sussidjarja tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru Blue Air Technic S.R.L., se testendi l-forniment ta’ servizzi ta’ manutenzjoni lil kumpaniji li mhumiex Blue Air.

3.4.2.   Miżuri ta’ mġiba

(29)

Skont is-sottomissjoni mill-awtoritajiet Rumeni, ġew stabbiliti miżuri ta’ mġiba fil-bażi ġuridika għall-garanzija mill-Istat u l-ftehim ta’ self relatat li jiżguraw li l-għajnuna tintuża biss biex tiffinanzja r-restawr tal-vijabbiltà fuq terminu twil, sabiex is-self ma jintużax għal:

(a)

espansjonijiet kummerċjali aggressivi jew it-teħid ta’ riskju eċċessiv;

(b)

l-akkwist ta’ kompetituri jew operaturi oħra, inklużi operazzjonijiet upstream jew downstream;

(c)

is-sussidjar inkroċjat ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra ta’ intrapriżi integrati li kienu f’diffikultà f’Diċembru 2019;

(d)

barra minn hekk, ir-remunerazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-membri maniġerjali tal-benefiċjarju mhux se tiżdied aktar mil-livell eżistenti f’Diċembru 2019, sakemm is-self u l-garanzija tal-Istat jitħallsu lura.

3.5.   Ir-rwol ta’ Blue Air fir-Rumanija u kontrofattwali għall-għajnuna

(30)

Skont l-awtoritajiet Rumeni, minħabba l-istat ħażin tan-network tat-toroq u tal-ferrovija fir-Rumanija, Blue Air hija strumentali fl-iżgurar tal-konnettività interreġjonali fin-network tar-rotot tagħha. Ir-Rumanija spjegat li t-tkabbir ta’ Blue Air f’dawn l-aħħar 15-il sena ta’ operazzjoni – meta titqies ukoll l-attività tal-kumpanija predeċessur tagħha – kien segwa x-xejra tal-migrazzjoni Rumena. Blue Air offriet is-servizzi tagħha bi prezzijiet affordabbli għall-ħaddiema Rumeni li jgħixu barra mill-pajjiż. Il-kumpanija kompliet tiżviluppa rotot domestiċi, flimkien mat-trasportatur stabbilit Rumen Tarom, iżda bi prezzijiet aktar kompetittivi, biex tikkumpensa għad-diskrepanza fil-konnettività terrestri, filwaqt li tiżgura l-konnettività ta’ aktar minn 700 000 ċittadin fis-sena. Xi wħud minn dawk ir-rotot fuq distanzi qosra ma ġewx indirizzati tajjeb mit-trasportaturi internazzjonali.

(31)

Ir-Rumanija iddikjarat li Blue Air kellha wkoll rwol importanti għall-ekonomija lokali, peress li toħloq fatturat f’ajruporti żgħar u reġjonali u tikkontribwixxi għall-baġit tal-Istat permezz ta’ taxxi u pagamenti tas-sigurtà soċjali. Ir-Rumanija iddikjarat li l-benefiċjarju kellu persunal tat-taħriġ b’livell ta’ esperjenza għoli u jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ professjonali b’valur miżjud għoli, pereżempju taħriġ “ab initio” għall-bdoti, u taħriġ rikorrenti għall-bdoti, l-ekwipaġġ tal-kabina u l-persunal tekniku. Skont ir-Rumanija, dan kien importanti għall-ekonomija Rumena.

(32)

Fl-osservazzjonijiet inizjali tagħha, ir-Rumanija argumentat li l-ħruġ ta’ Blue Air mis-suq jikkawża falliment tas-suq u tbatija soċjali skont it-tifsira tal-punt 44 tal-Linji Gwida R&R. Il-ħruġ mis-suq ta’ Blue Air ikun ta’ detriment għall-ekonomija u l-konnettività Rumena minħabba r-rwol importanti ta’ Blue Air fit-trasport ta’ ħaddiema migranti u intraprendituri żgħar lejn ir-Rumanija u fi ħdanha. Ir-Rumanija iddikjarat li jkun diffiċli għall-kompetituri li jintervjenu u jirreplikaw id-destinazzjonijiet u s-slots tan-network uniku ta’ Blue Air fuq terminu qasir sa medju.

(33)

Fid-29 ta’ Settembru 2022, wara t-talba tal-Kummissjoni, ir-Rumanija infurmat li Blue Air inizjalment kienet issospendiet it-titjiriet kollha mis-6 ta’ Settembru 2022 sal-10 ta’ Ottubru 2022, minħabba nuqqas ta’ finanzjament għal operazzjonijiet normali inklużi l-kostijiet tal-fjuwil. F’terminu qasir, Wizz Air, Ryanair jew Tarom irripatrijaw jew offrew sits lil għexieren ta’ eluf ta’ passiġġieri ta’ Blue Air li tħallew l-art.

(34)

Fil-5 ta’ Diċembru 2022, ir-Rumanija spjegat li Blue Air kienet infurmat lill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura li ma kinitx se terġa’ tibda t-titjiriet qabel Marzu 2023 u li kienet f’diskussjonijiet ma’ investituri potenzjali li setgħu jipprovdu finanzjament biex jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru. F’dak iż-żmien, skont ir-Rumanija, wieħed biss mis-sitt inġenji tal-ajru Boeing-737 fil-flotta ta’ Blue Air kien affidabbli.

(35)

Fit-18 ta’ Novembru 2022, l-awtoritajiet Rumeni ddeċidew li jissospendu l-liċenzja operattiva ta’ Blue Air, mill-21 ta’ Novembru 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023. Ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni li din is-sospensjoni tista’ tiġi rieżaminata jekk Blue Air tippreżenta pjan ta’ rkupru finanzjarju li fih jintwera li identifikat ir-riżorsi finanzjarji xierqa u meħtieġa biex tiffinanzja l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru f’volum li jippermettilha tissodisfa l-obbligi tagħha.

3.6.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(36)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li (i) il-kontinwazzjoni tal-garanzija mill-Istat għal aktar minn sitt xhur (il-premessi (1) u ((21))), kif ukoll (ii) l-infurzar tal-kollateral li jiggarantixxi l-garanzija mill-Istat u t-trasferiment lill-Istat ta’ 75 % tal-ishma miżmuma minn eks azzjonisti ta’ Blue Air wara l-eżekuzzjoni tal-garanzija u l-ħlas tal-ammonti tas-self pendenti kif deskritt fil-premessi (8) u (20), jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-għajnuna kienet diġà daħlet fis-seħħ u vvalutat jekk tali għajnuna kinitx kompatibbli mas-suq intern.

(37)

Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għajnuna għar-ristrutturar kinitx konformi mar-rekwiżiti prinċipali tal-Linji Gwida R&R. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha dubji (i) jekk il-ħruġ definittiv ta’ Blue Air mis-suq joħloqx tbatija soċjali jew falliment tas-suq, f’termini ta’ konnettività bl-ajru fir-Rumanija, (ii) rigward il-preżenza ta’ kontribuzzjoni proprja reali u attwali suffiċjenti ħielsa minn għajnuna mill-benefiċjarju, (iii) dwar ir-restawr tal-vijabbiltà tagħha fuq terminu twil u (iv) dwar in-nuqqas ta’ miżuri kumpensatorji sinifikanti.

4.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(38)

Ryanair Designated Activity Company (“Ryanair”) ressqet kummenti fid-29 ta’ Ġunju 2023. Ryanair taqbel mas-sejba interim tal-Kummissjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar u titlob li r-Rumanija ma tkunx awtorizzata żżid tali għajnuna fi sforzi għalxejn biex terġa’ tagħti l-ħajja lil Blue Air li waqfet topera aktar minn għaxar xhur qabel. Ryanair tqis li l-waqfien tal-operazzjonijiet tat-trasport ta’ Blue Air huwa effettiv issa, mingħajr ma tħalla l-ebda passiġġier u ma jidher l-ebda impatt fuq il-konnettività bl-ajru fir-Rumanija wara li l-kompetituri daħlu fil-biċċa l-kbira tar-rotot domestiċi jew internazzjonali li qabel kienu moqdija minn Blue Air.

(39)

Ryanair tqis ukoll li l-għajnuna għar-ristrutturar hija sproporzjonata peress li l-kontribuzzjoni proprja nieqsa u l-kondiviżjoni tal-piżijiet huma insuffiċjenti u, barra minn hekk, ma tistax tappoġġa l-vijabbiltà ta’ Blue Air abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturar li issa hu skadut, b’mod partikolari wara li ntilfu slots f’ajruporti kkoordinati fis-suq intern u kważi l-persunal kollu. L-inabbiltà ta’ Blue Air li tikseb ċertifikat ġdid ta’ operatur tal-ajru bbażat fuq l-organizzazzjoni tagħha biex tiżgura s-sikurezza tal-operazzjonijiet tat-trasport tikkomprometti irrimedjabbilment il-vijabbiltà tagħha. Il-pjan imur ukoll kontra l-Linji Gwida R&R peress li kkontempla t-twaqqif ta’ rotot mhux profittabbli biss u espansjoni reali tal-kapaċità ta’ Blue Air.

5.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA

(40)

L-awtoritajiet Rumeni ma indirizzawx il-kummenti mill-parti interessata jew id-dubji li l-Kummissjoni qajmet dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern. L-osservazzjonijiet tagħhom jinkludu kjarifiki fattwali dwar l-insolvenza ta’ Blue Air u l-passi meħuda f’dak il-kuntest.

(41)

L-awtoritajiet Rumeni (il-Ministeru tal-Finanzi) jispjegaw li wara n-notifika tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza mit-Tribunalul București – Secția a Vll-a Civilă, fil-kawża Nru 8307/3/2023 kontra Blue Air, ippubblikata f’B.P.I. Nru 5743/31.3.2023, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa ippreżentat, sal-iskadenza stabbilita mill-qorti, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fil-patrimonju tal-insolvenza għall-ammont totali ta’ RON 411 707 165 (EUR 82,81 miljun) f’dejn garantit u pretensjonijiet baġitarji.

(42)

Wara ċ-ċaħda ta’ xi ammonti (taxxa fuq il-valur miżjud), it-tabella preliminari tal-pretensjonijiet u d-debituri ta’ Blue Air ġiet ippubblikata f’B.P.I. Nru 11066. Skont it-tabella preliminari, id-Direttorat Ġenerali għall-Kontribwenti Kbar ġie inkluż fl-ammont li għandu jintalab ta’ RON 84 964 821 (EUR 17,1 miljun) fl-ordni ta’ preferenza prevista fl-Artikolu 159(1)-(3) tal-Liġi Nru 85/2014, flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi bil-pretensjoni ta’ RON 342 365 589 (EUR 68,86 miljun) fl-ordni ta’ preferenza prevista fl-Artikolu 159(1)(3) tal-istess att leġiżlattiv. L-ammont ta’ għajnuna mill-Istat mogħti lill-kumpanija ddaħħal ukoll bħala pretensjoni valida bil-kundizzjoni li jiġi ddeterminat il-valur tas-suq tal-merkanzija (garanziji) mitlufa għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat f’konformità mal-Artikolu 9(2) tal-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 139/2020.

(43)

L-awtoritajiet Rumeni (l-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat) jispjegaw u jfakkru wkoll li, skont il-bażi ġuridika tal-garanzija mill-Istat kif emendata, fil-każ tal-infurzar tal-garanzija mill-Istat, il-kollaterali rilevanti, inklużi l-ishma ta’ Blue Air miżmuma minn azzjonisti preċedenti kellhom jiġu ttrasferiti bis-sħiħ lill-Istat, permezz tal-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat, u l-Istat kellu jsir azzjonist.

(44)

Għaldaqstant, fit-8 ta’ Diċembru 2022, kif deċiż mill-Assemblej Ġenerali tal-Azzjonisti ta’ Blue Air Aviation S.A., Airline Invest S.A. u Blue Air Technic S.R.L., l-Istat Rumen permezz tal-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat sar l-azzjonist maġġoritarju ta’ 75 % ta’ Blue Air permezz tat-trasferiment volontarju ta’ ishma garantiti mis-sidien tagħhom lill-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat, li ma kellha l-ebda għażla jekk teħodhomx jew le. L-azzjonisti ta’ Blue Air dak iż-żmien ħadu l-passi kollha meħtieġa biex jirreġistraw dawn id-deċiżjonijiet ukoll fir-Reġistru tal-Kummerċ, li tlesta fit-12 ta’ Diċembru 2022.

(45)

L-awtoritajiet Rumeni infurmaw ukoll li mid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza fil-31 ta’ Marzu 2023, Blue Air ma wettqitx attività kummerċjali f’konformità mal-għan tan-negozju tagħha u li, minħabba l-waqfien tal-attività prinċipali tagħha, tnedew tkeċċijiet kollettivi ta’ persunal u proċeduri għall-aċċess għall-Fond ta’ Garanzija tas-Salarji.

(46)

F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Rumeni jqisu li t-trasferiment tal-ishma ma ta l-ebda vantaġġ dirett jew indirett lil Blue Air u li Blue Air ma kisbet l-ebda vantaġġ ekonomiku fuq l-ammonti tas-self dovut, filwaqt li jitqies in-nuqqas kważi totali ta’ fondi miżmuma fil-kontijiet f’Diċembru 2022 u l-istat ta’ waqfien tal-pagamenti minn Settembru 2022. B’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet Rumeni jiddikjaraw li dan it-trasferiment tal-ishma ta’ Blue Air ma kien fih l-ebda ammont ta’ flus disponibbli li seta’ jagħti xi vantaġġ ekonomiku lil Blue Air billi naqset milli tħallas lura s-self garantit mill-Istat.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE

(47)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(48)

Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tkun waħda li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.1.   Kontinwazzjoni ta’ aktar minn sitt xhur tal-garanzija mill-Istat: vantaġġ ekonomiku

(49)

Fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanzija mill-Istat mogħtija lil kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R&R kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għal Blue Air skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE (11). Għar-raġunijiet stabbiliti fih, imsaħħa mill-fatt li s-sitwazzjoni finanzjarja u operazzjonali ta’ Blue Air marret għall-agħar meta mqabbla ma’ Awwissu 2020 meta ġiet approvata l-għajnuna għas-salvataġġ, il-fehma tal-Kummissjoni hija li l-garanzija mill-Istat, għall-porzjon tas-self mogħti bħala għajnuna għas-salvataġġ, ukoll sa fejn tkompliet lil hinn mill-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi f’dik id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għall-ammont sħiħ tas-self garantit.

(50)

Bħala eżempju, jidher li Blue Air ma setgħetx tibqa’ tissodisfa l-kostijiet operatorji normali tagħha u, fin-nuqqas ta’ finanzjament tas-suq, kellha twaqqaf l-operazzjonijiet f’Settembru u Ottubru 2022 (il-premessi\ * MERGEFORMAT (32) u\ * MERGEFORMAT (33)). Minn dan isegwi li Blue Air ma kinitx tkun tista’ tikseb bil-kundizzjonijiet tas-suq il-likwidità ta’ RON 163,8 miljun (EUR 33,84 miljun) ipprovduta mill-garanzija mill-Istat, lanqas meta dik il-garanzija ngħatat inizjalment jew wara, meta nżammet fis-seħħ wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ għajnuna għas-salvataġġ.

(51)

Is-sejba ta’ vantaġġ ekonomiku mhijiex kontradetta mill-eżami tal-konformità possibbli mas-suq tal-aġir tal-awtoritajiet Rumeni. L-esponiment tal-Istat Rumen favur Blue Air jirriżulta minn garanzija li r-Rumanija pprovdiet għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku relatati, fost l-oħrajn, għaż-żamma tal-konnettività tat-trasport bl-ajru fil-kuntest tal-miżuri tas-saħħa pubblika adottati biex jitrażżan it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19 (12). Fi kliem ieħor, attur tas-suq fl-istess pożizzjoni tal-Istat Rumen ma kienx jagħti jew iżomm il-garanzija inkwistjoni. L-imġiba tal-Istat wara l-għoti tal-garanzija hija biss il-konsegwenza tal-għajnuna mill-Istat li kien ta preċedentement fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità pubblika, u għalhekk ma kinitx xprunata minn fatturi li operatur tas-suq kien iqis fil-kalkoli ekonomiċi tiegħu f’kundizzjonijiet normali tas-suq (13).

6.1.2.   L-infurzar tal-kollateral li jiggarantixxi l-garanzija mill-Istat u t-trasferiment tal-ishma ta’ Blue Air lill-Istat: vantaġġ ekonomiku

(52)

Fir-rigward tat-tieni miżura eżaminata fid-deċiżjoni tal-ftuħ, u għall-kuntrarju tal-opinjoni preliminari espressa fiha, il-Kummissjoni tqis li l-infurzar tal-kollateral li jiggarantixxi l-garanzija mill-Istat u t-trasferiment lill-Istat ta’ 75 % tal-ishma ta’ Blue Air wara li l-Istat ġie sfurzat iħallas is-self ta’ Blue Air skont il-garanzija ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE separata mill-għajnuna diġà inkorporata f’dik il-garanzija mill-Istat.

(53)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li s-sostituzzjoni fis-sjieda tal-ishma minn privata għal pubblika ma tipprovdix lil Blue Air vantaġġ ekonomiku dirett minħabba s-sempliċi bidla fis-sjieda. Madankollu, il-Kummissjoni sabet b’mod preliminari li s-sostituzzjoni ta’ titolu ta’ dejn li jippermetti lill-Istat jiġi rimborżat tal-ammonti ta’ self dovuti lil EximBank S.A. b’titolu ta’ sjieda ta’ ishma, li ma jkunx għadu jeħtieġ rimborż minn Blue Air, teħles il-fondi fi flus kontanti li Blue Air preċedentement kellha tiżgura mill-operazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-akkwist tal-kollateral seħħx b’referenza għall-valuri tas-suq ta’ tali kollateral. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali turi li l-ebda żborż ta’ fondi, speċjalment għall-benefiċċju ta’ Blue Air, ma akkumpanja l-bidla fit-titolu ta’ sjieda (il-premessi (43)(44)). Barra minn hekk, iż-żamma ta’ ishma mill-Istat bl-ebda mod ma tnaqqas l-intitolament tiegħu bħala kreditur għall-ammonti ta’ garanzija infurzata biex jitlob rimborż tal-flus dovuti minn Blue Air (il-premessa (42)). Minn dan isegwi li s-sostituzzjoni tat-titolu ta’ dejn tal-Istat bi strument ta’ ekwità, permezz ta’ trasferiment ta’ 75 % tal-ishma ta’ Blue Air lill-Istat, ma pprovdietx lil Blue Air vantaġġ ekonomiku li jkun separat mill-vantaġġ li kienet kisbet permezz tal-garanzija mill-Istat għall-ammont ta’ self relatat mal-għajnuna għas-salvataġġ.

6.1.3.   Garanzija mill-Istat: Ir-riżorsi tal-Istat, is-selettività u l-effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni

(54)

Il-garanzija mill-Istat, ukoll peress li nżammet fis-seħħ wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ għajnuna għas-salvataġġ, tinvolvi r-riżorsi tal-Istat Rumen permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Istat u tiffavorixxi biss lil Blue Air. Fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku hija, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex tiġi preżunta n-natura selettiva ta’ miżura (14). Dan huwa minnu irrispettivament minn jekk ikunx hemm operaturi fis-swieq rilevanti li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni kumparabbli. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li Tarom ibbenefikat minn garanzija mill-Istat simili permezz tal-istess ordinanza ta’ emerġenza bħal Blue Air, il-garanzija mill-Istat li qed tiġi eżaminata mhijiex parti minn miżura ġenerali disponibbli għall-impriżi kollha attivi fis-settur tat-trasport bl-ajru fir-Rumanija; għalhekk, il-miżura hija selettiva.

(55)

Il-miżura ta’ għajnuna, li ppermettiet lil Blue Air tibqa’ fis-suq, konsegwentement setgħet ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq intern, fejn Blue Air kienet tipprovdi servizzi tat-trasport bl-ajru f’diversi Stati Membri f’kompetizzjoni, fost l-oħrajn, ma’ Ryanair u Wizz Air (il-premessa (14)). Għaldaqstant, din il-miżura għandha titqies li tista’ toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.4.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta’ għajnuna

(56)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet kumulattivi għall-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-trasferiment lill-Istat ta’ 75 % tal-ishma ta’ Blue Air ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-garanzija mill-Istat, peress li ngħatat u nżammet fis-seħħ lil hinn mill-perjodu ta’ għajnuna għas-salvataġġ, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni se tivvaluta l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

6.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(57)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti biex tkun tista’ tressaq il-kummenti tagħha, bi kwalunkwe pjan biex tingħata jew tinbidel l-għajnuna. Jekk tqis li pjan bħal dan ma jkunx kompatibbli mas-suq intern wara li tikkunsidra l-Artikolu 107, għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu u l-Istat Membru kkonċernat ma għandux idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu qabel ma din il-proċedura tkun irriżultat f’deċiżjoni finali.

(58)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (ir-Regolament Proċedurali) (15), it-tibdil fl-għajnuna eżistenti jikkostitwixxi “għajnuna ġdida” li hija notifikabbli skont l-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Proċedurali, l-għajnuna li tkun notifikabbli ma għandhiex tiddaħħal fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew titqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza tali għajnuna.

(59)

Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ awtorizzat għajnuna lil Blue Air fil-forma ta’ garanzija mill-Istat, biex tikseb il-ħlas lura tas-self għas-salvataġġ li kienet irċeviet. Din il-miżura kif stabbilita fl-abbozz tal-bażi ġuridika nnotifikat lill-Kummissjoni kienet kundizzjonali fuq il-komunikazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur, li għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Rumeni kkomunikaw lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar inizjali fi żmien sitt xhur mill-ewwel prelevament tas-self garantit (il-premessa (2)). L-estensjoni tad-durata tal-garanzija, approvata l-ewwel darba għal sitt xhur bħala għajnuna għas-salvataġġ, tista’ għalhekk tiġi awtorizzata temporanjament f’konformità mal-punt 55(d) tal-Linji Gwida R&R.

(60)

Madankollu, sal-lum u minkejja talbiet imtennija, ir-Rumanija ma ppreżentatx pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv li l-Kummissjoni tista’ tapprova f’konformità mal-punt 45 tal-Linji Gwida R&R. Il-garanzija mill-Istat, peress li ngħatat u nżammet fis-seħħ lil hinn mill-perjodu ta’ għajnuna għas-salvataġġ, għalhekk tammonta għal għajnuna illegali.

6.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna u l-bażi ġuridika għall-valutazzjoni

(61)

Il-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta jekk l-għajnuna għar-ristrutturar tistax tinstab kompatibbli mas-suq intern. Huwa f’idejn l-Istat Membru li jinvoka raġunijiet possibbli ta’ kompatibbiltà, u li juri li l-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà huma ssodisfati.

(62)

L-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE jipprevedi li l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi awtorizzata meta tingħata biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi u fejn din l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Il-Linji Gwida R&R jipprovdu regoli u kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar lil impriżi f’diffikultà skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE.

(63)

Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar mas-suq intern trid tinvolvi l-eżaminazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida R&R humiex issodisfati. Meta ppreżentat il-pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija sostniet li f’dan il-każ tali kundizzjonijiet ġew issodisfati. Madankollu, ir-Rumanija la invokat u lanqas ma tenniet tali raġunijiet ta’ kompatibbiltà bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Kummissjoni xorta waħda se tivvaluta l-kompatibbiltà fid-dawl tad-dubji mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

6.3.1.   Kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ attività jew żona ekonomika

(64)

F’ċerti sitwazzjonijiet, ir-ristrutturar ta’ impriża f’diffikultà jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet jew żoni ekonomiċi, anke lil hinn mill-istess attivitajiet imwettqa mill-benefiċjarju. Dan huwa l-każ meta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna, il-falliment tal-benefiċjarju jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ falliment tas-suq jew ta’ tbatija soċjali, u b’hekk jimpedixxi l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi u/jew taż-żoni li jkunu affettwati minn tali sitwazzjonijiet. Il-punt 44 tal-Linji Gwida R&R jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn. Billi tippermetti lill-benefiċjarju jkompli bl-operazzjonijiet tiegħu, l-għajnuna tipprevjeni tali falliment tas-suq jew tbatija soċjali u għalhekk, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-attivitajiet jew taż-żoni li kienu jiġu affettwati mill-ħruġ mis-suq tal-benefiċjarju. F’każ ta’ għajnuna għar-ristrutturar, dan huwa minnu biss meta l-għajnuna tabilħaqq tippermetti lill-benefiċjarju jikkompeti fis-suq fuq il-merti tiegħu stess, li jista’ jiġi żgurat biss jekk l-għajnuna tkun akkumpanjata minn pjan ta’ ristrutturar li jirrestawra l-vijabbiltà tal-benefiċjarju fuq terminu twil.

6.3.1.1.   Ir-restawr tal-vijabbiltà fuq terminu twil

(65)

Skont il-punt 45 tal-Linji Gwida R&R, fil-każ ta’ għajnuna għar-ristrutturar, il-Kummissjoni se tirrikjedi li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv biex jirrestawra l-vijabbiltà tal-benefiċjarju fuq terminu twil. Il-pjan ta’ ristrutturar irid jirrestawra l-vijabbiltà tal-benefiċjarju fuq terminu twil fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ previżjonijiet realistiċi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet futuri operattivi li għandhom jeskludu kull għajnuna ulterjuri mill-Istat li ma tkunx koperta mill-pjan ta’ ristrutturar. Skont il-punt 52 tal-Linji Gwida R&R, il-vijabbiltà fuq terminu twil tinkiseb meta impriża tkun tista’ tipprovdi redditu adegwat previst fuq il-kapital wara li tkun kopriet il-kostijiet kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-imposti finanzjarji.

(66)

L-ewwel nett, ir-Rumanija ddikjarat li, dment li t-traffiku tal-ajru Ewropew ikun ġie rrestawrat, ir-riżultati u l-pożizzjoni finanzjarja ta’ Blue Air kienu jitjiebu sas-sajf tal-2022. Barra minn hekk, il-projezzjonijiet tal-flussi tal-flus ta’ Blue Air huma bbażati fuq suppożizzjonijiet ottimisti dwar id-domanda, id-dħul u/jew il-kostijiet. It-Tabella 1 turi li r-Rumanija tistenna flussi ta’ flus netti pożittivi minn operazzjonijiet ta’ Blue Air li jaqbżu l-EUR 10 miljun għall-2023, u li jaqbżu l-EUR 19 miljun għall-2022. Madankollu, skont l-iżviluppi fil-ħarifa tal-2022, Blue Air ma setgħetx tħallas il-kostijiet diretti meħtieġa għall-operat tat-titjiriet (eż. kwoti tas-CO2, spejjeż tal-fjuwil) u tħallas lura d-drittijiet fuq is-self għas-salvataġġ (ara l-premessi (20) u (32)).

(67)

It-tieni nett, kif stabbilit fil-premessa (25) u fit-Tabella 1, ir-Rumanija naqset milli tipprovdi sett ta’ indikaturi ekonomiċi ewlenin għall-perjodu ta’ ristrutturar u d-data mitluba mill-Kummissjoni dwar il-profittabbiltà ta’ Blue Air għad-durata tal-pjan ta’ ristrutturar. Sempliċi profitt ipotetiku li jidher fil-pjan ikkomunikat lill-Kummissjoni bl-ebda mod ma huwa indikazzjoni suffiċjenti tal-vijabbiltà fuq terminu twil. Il-pjan ta’ ristrutturar ma fihx projezzjonijiet speċifiċi dwar il-pożizzjoni tal-ekwità jew il-kapital użat jew ta’ ingranaġġ li jippermettu kwalunkwe konklużjoni dwar is-solvenza u dwar jekk il-pożizzjoni ta’ ekwità ta’ Blue Air hijiex se ssir pożittiva u solida. L-informazzjoni nieqsa rigward ir-redditu fuq l-ekwità u r-redditu fuq il-kapital użat meta mqabbel, pereżempju, mal-kost tal-kapital u ma’ linji tal-ajru komparabbli, tagħmilha impossibbli li jiġi vvalutat jekk Blue Air eventwalment tkunx vijabbli fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar.

(68)

It-tielet, ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda analiżi tas-sensittività, li tistabbilixxi kif il-projezzjonijiet tax-xenarju bażi jevolvu f’xenarju aktar pessimist. Xenarju bħal dan għandu jkun meħtieġ juri kif l-indikaturi finanzjarji jvarjaw, filwaqt li xorta jiġġenera biżżejjed qligħ biex ikopri l-kostijiet operattivi u jiżgura l-pożizzjoni ta’ Blue Air fis-suq mingħajr aktar għajnuna mill-Istat fi tmiem il-perjodu (ara l-premessa (25)).

(69)

Id-dubji serji li l-Kummissjoni kellha dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturar kienx konformi mal-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida R&R u kienx iwassal għar-restawr tal-vijabbiltà ta’ Blue Air ma tneħħewx u huma kkorroborati aktar min-nuqqas ta’ kapaċità ta’ Blue Air li żżomm l-operazzjonijiet. Il-pjan ta’ ristrutturar ma ġiex aġġornat wara l-waqfien tal-operazzjonijiet jew l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

6.3.1.2.   Żvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew oqsma ekonomiċi

(70)

Kif stabbilit fil-premessa (30), Blue Air ipprovdiet, b’mod partikolari, servizzi ta’ trasport bl-ajru bi prezz baxx liċ-ċittadini Rumeni li jgħixu barra mill-pajjiż. Hija ħolqot konnessjoni bejn ir-reġjuni Rumeni fil-pajjiż u destinazzjonijiet Ewropej oħra u b’hekk ikkontribwiet għall-iżgurar tal-konnettività f’pajjiż fejn in-networks tat-toroq u tal-ferrovija ftit li xejn żviluppati ma jikkostitwixxux alternattiva vijabbli għat-trasport bl-ajru.

(71)

Li kieku Blue Air kellha tieqaf topera b’mod definittiv, ir-Rumanija sostniet li jista’ jkun hemm riskju li ebda kompetitur ma jintervjeni biex joffri t-titjiriet, fuq xi rotot fejn Blue Air kienet l-uniku operatur, jew li l-prezzijiet jiżdiedu fuq rotot li kienu operati b’kompetitur wieħed biss. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-attività f’dan is-segment tas-settur tat-trasport bl-ajru. Ir-Rumanija ressqet ukoll benefiċċji usa’ oħra għall-ekonomija Rumena li ġabet magħha Blue Air (il-premessi (30) sa (31)).

(72)

Madankollu, Blue Air bħalissa qed tesperjenza diffikultajiet finanzjarji serji, li wasslu għas-sospensjoni tal-liċenzja tal-operat tagħha u għall-waqfien tal-flotta tagħha minn Novembru 2022. B’riżultat ta’ dan, linji tal-ajru oħra ssostitwixxew, tal-inqas parzjalment, l-allegati servizzi mhux replikabbli pprovduti minn Blue Air (il-premessi (32) u (38)), mingħajr ma din is-sostituzzjoni parzjali ġiet irrifjutata mir-Rumanija.

(73)

Skont il-punti 23 u 43 tal-Linji Gwida R&R, impriża f’diffikultà tista’ biss titqies xierqa biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attività jew żona ekonomika jekk twettaq pjan ta’ ristrutturar estensiv li jkun kapaċi jiżgura l-vijabbiltà tagħha fuq terminu twil (il-punti 27, 45 u 52 tal-Linji Gwida R&R). Il-Kummissjoni kellha dubji serji dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturar ikkomunikat mir-Rumanija kienx adattat biex jirrestawra l-vijabbiltà ta’ Blue Air fuq terminu twil (il-premessi (66) sa (69)) sabiex is-servizzi tat-trasport bl-ajru li tipprovdi jkomplu jiġu pprovduti matul il-perjodu ta’ ristrutturar u minn hemm ’il quddiem fuq bażi dejjiema. Dawn id-dubji ma tneħħewx.

(74)

Peress li l-vijabbiltà ta’ Blue Air fuq terminu twil sal-lum mhijiex żgurata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta’ ristrutturar ma jurix li l-benefiċjarju jkun jista’ jikkompeti fis-suq fuq il-merti tiegħu stess fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar, u għalhekk li l-ħruġ mis-suq tiegħu jiġi rrimedjat minn dak ir-ristrutturar, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika.

(75)

Barra minn hekk, peress li Blue Air waqqfet temporanjament l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru u s-servizzi li tipprovdi ġew akkwistati jew replikati mill-inqas parzjalment minn linji tal-ajru oħra fuq rotot li qabel kienu moqdija minn Blue Air, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Rumanija ma wrietx li l-ħruġ definittiv ta’ Blue Air mis-suq, fid-dawl tar-replikazzjoni tas-servizz tagħha li diġà seħħet, joħloq tbatija soċjali jew falliment tas-suq, b’mod partikolari f’termini ta’ konnettività bl-ajru tar-Rumanija.

6.3.2.   Il-miżura ta’ għajnuna ma tridx taffettwa b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni

6.3.2.1.   Proporzjonalità u kontribuzzjoni proprja

(76)

Skont il-punt 62 tal-Linji Gwida R&R, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna għar-ristrutturar, hija meħtieġa kontribuzzjoni sinifikanti għall-kostijiet tar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-azzjonisti jew il-kredituri tiegħu jew il-grupp kummerċjali li jappartjeni għalih, jew minn investituri ġodda. Tali kontribuzzjoni proprja normalment għandha tkun komparabbli mal-għajnuna mogħtija f’termini ta’ effetti fuq il-pożizzjoni ta’ solvenza jew ta’ likwidità tal-benefiċjarju.

(77)

Filwaqt li l-pjan ta’ ristrutturar huwa bbażat fuq il-finanzjament tas-suq għal aktar minn 50 % tal-kostijiet tar-ristrutturar ta’ Blue Air (il-premessa (20)), li jidher li huwa konformi mal-punt 64 tal-Linji Gwida R&R, din il-kontribuzzjoni trid, skont il-punt 63 tal-Linji Gwida R&R, tkun reali, jiġifieri attwali, bl-esklużjoni tal-profitti futuri mistennija bħall-fluss tal-flus.

(78)

Kif iddikjarat fil-premessi (22)(a) u (b), applikazzjoni għar-ristrutturar tad-dejn fuq il-pretensjonijiet tal-kredituri Rumeni u Taljani li jammontaw għal EUR 63,36 miljun fil-forma ta’ tħassir tad-dejn u konverżjoni tad-dejn f’ekwità ġiet approvata mill-qrati kompetenti. Madankollu, ir-Rumanija ma pprovdietx prova ta’ impenji definittivi u vinkolanti mill-kredituri fuq termini ħielsa mill-għajnuna jew tas-suq, u għalhekk il-Kummissjoni ma għandha l-ebda element biex tikkonkludi li dan il-finanzjament partikolari jikkostitwixxi kontribuzzjoni proprja reali u attwali.

(79)

Ir-Rumanija ppreżentat ukoll il-bejgħ ta’ inġenji tal-ajru bħala sors ieħor ta’ kontribuzzjoni proprja, (ara l-premessa (21)(b)). Madankollu, ir-Rumanija rrikonoxxiet li ċ-ċessjoni ta’ dawn l-assi kellha titlesta f’Ottubru 2023. Ir-Rumanija stmat li d-dħul ipotetiku mill-bejgħ jammonta għal EUR 5,89 miljun. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li dan il-bejgħ fil-fatt seħħ. Minn dan isegwi li r-rikavat mistenni mill-bejgħ tal-inġenji tal-ajru mhuwiex effettiv jew reali. Fi kwalunkwe każ, tali rikavati, anki jekk jiġu aċċettati, jammontaw biss għal ftit aktar minn 3,5 % tal-kontribuzzjoni proprja totali (ara l-premessa (20)).

(80)

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni ppreżentata mir-Rumanija, kellu jiġi stabbilit proġett ma’ investitur potenzjali li jipprovdi sa EUR 54,47 miljun ta’ finanzjament estern (ara l-premessa (21) (c)). Madankollu, ir-Rumanija ma pprovdietx evidenza minn investituri li kienu lesti li jappoġġaw din il-kontribuzzjoni potenzjali ta’ finanzjament ġdid għall-pjan ta’ ristrutturar. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda assigurazzjoni li n-negozjati biex jiġi attirat il-finanzjament tas-suq se jimmaterjalizzaw, minħabba n-nuqqas ta’ impenji vinkolanti minn investituri identifikati u l-ħruġ ta’ azzjonisti preċedenti minn Blue Air skont il-premessa (20).

(81)

Bl-istess mod, fl-2022 ir-Rumanija inkludiet EUR 30,02 miljun f’riżorsi ġġenerati internament bħala sors ta’ kontribuzzjoni proprja (ara l-premessa (21)(d)). Madankollu, ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda evidenza li tikkonferma li dawn ir-riżultati netti ppjanati fil-fatt inkisbu u għaliex il-profitti ipotetiċi għandhom jitqiesu bħala sors reali tal-kontribuzzjoni proprja skont il-punt 63 tal-Linji Gwida R&R, li jeskludi l-profitti mistennija bħall-fluss tal-flus.

(82)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sorsi ta’ finanzjament identifikati mir-Rumanija (filwaqt li kienu mistennija jimmaterjalizzaw qabel id-data ta’ din id-deċiżjoni) huma fil-biċċa l-kbira ipotetiċi u ma jikkostitwixxux kontribuzzjoni proprja sinifikanti, reali u attwali għall-kostijiet tar-ristrutturar. Il-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturar ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida R&R fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja li tkun suffiċjenti fl-ammont u reali fin-natura li tiżgura l-proporzjonalità tal-għajnuna.

6.3.2.2.   Miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(83)

Skont il-punt 76 u s-segwitu tal-Linji Gwida R&R, meta tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar, iridu jittieħdu miżuri biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ jiġu minimizzati kemm jista’ jkun u l-effetti pożittivi jegħlbu kwalunkwe effett negattiv. B’mod partikolari, il-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni normalment għandhom jieħdu l-forma ta’ miżuri strutturali, jiġifieri diżinvestimenti ċari ta’ attivitajiet li ma jagħmlux telf li xorta waħda jkollhom jiġu abbandunati biex tiġi ppreservata l-vijabbiltà.

(84)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat jekk kwalunkwe waħda mill-miżuri proposti deskritti fid-dettall fil-premessi (28) u (29) tikkostitwixxix miżuri ta’ kompetizzjoni strutturali jew validi.

(85)

Ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda informazzjoni li tista’ tneħħi d-dubji tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, ir-Rumanija ma wrietx li l-forniment lil partijiet terzi ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni minn entità jew sussidjarja ta’ Blue Air li kienet tipprovdi tali servizzi internament biss lil kumpaniji jew entitajiet taħt l-istess kontroll bħal Blue Air mhuwiex sempliċi għażla kummerċjali li żżid id-dħul tagħha. Ir-Rumanija naqset milli turi li s-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni inkwistjoni huma tant uniċi li l-provvista tagħhom fis-suq tikkumpensa jew ittaffi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(86)

Ir-Rumanija naqset ukoll milli tipprovdi evidenza li r-rotot li ġew proposti biex jingħalqu kienu profittabbli jew li l-għeluq tal-bażijiet tal-ajruporti ma kienx meħtieġ biex jiġu ffrankati l-kostijiet fi kwalunkwe każ u biex tiġi lliberata riżorsa importanti jew rari li kapaċi tattira kompetituri interessati. Barra minn hekk, il-pjan tar-Rumanija ma jinkludi l-ebda diżinvestiment f’attivitajiet profittabbli jew assi ta’ Blue Air, bħal negozji awtonomi, u/jew rilaxxi ta’ slots f’ajruporti konġestjonati.

(87)

Fl-aħħar nett, il-pjan ta’ ristrutturar kif ikkomunikat lill-Kummissjoni jipprevedi żieda fil-flotta tal-inġenji tal-ajru ta’ Blue Air u l-preżenza fis-suq imkejla f’postijiet disponibbli għal kull kilometru meta mqabbel mal-perjodu immedjatament qabel ma tfassal u beda jiġi implimentat il-pjan ta’ ristrutturar (il-premessa (23)). B’kuntrast, il-punti 78 u 79 tal-Linji Gwida R&R jindikaw miżuri li jnaqqsu l-preżenza fis-suq u/jew il-kapaċità tal-benefiċjarju, speċjalment fi swieq b’kapaċità eċċessiva sinifikanti.

6.3.3.   L-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effett negattiv fuq is-suq intern

(88)

Miżura ta’ għajnuna mill-Istat imfassla bir-reqqa għandha tiżgura li l-bilanċ globali tal-effetti jevita li jaffettwa ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni u jkun pożittiv. Il-Linji Gwida R&R jistabbilixxu l-kriterji li skonthom il-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriża f’diffikultà mas-suq intern, filwaqt li jiżguraw li l-iżvilupp tal-attività ekonomika inkwistjoni ma jaffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(89)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq (f’din it-taqsima 6), il-Kummissjoni tikkonkludi li, minn naħa, ma ntweriex li l-għajnuna għar-ristrutturar, b’mod partikolari wara l-waqfien tal-attivitajiet tat-trasport bl-ajru ta’ Blue Air, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-attività ekonomika jew il-konnettività bl-ajru tar-Rumanija. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna għar-ristrutturar ma tikkonformax mar-rekwiżiti prinċipali tal-Linji Gwida R&R li jfittxu li jiżguraw li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġġenerata mill-għajnuna tkun limitata kif xieraq. Għalhekk, l-għajnuna għar-ristrutturar trid titqies li taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, u għalhekk mhijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE.

7.   IRKUPRU

(90)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jibdel jew jabolixxi l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. (16) Il-qrati tal-Unjoni sostnew ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna li l-Kummissjoni tqis inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel. (17)

(91)

F’dan il-kuntest, il-Qrati tal-Unjoni stabbilixxew li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk jirrinunzja l-vantaġġ li huwa kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq intern, u titreġġa’ lura s-sitwazzjoni li kien hemm qabel tħallset l-għajnuna. (18)

(92)

F’konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Proċedurali jiddikjara li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.”

(93)

Għalhekk, minħabba li l-għajnuna għar-ristrutturar għal ammont ta’ EUR 33,84 miljun (RON 168,4 miljun) ġiet implimentata mit-22 ta’ April 2021 (ara l-premessa (2)) bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u għandha titqies bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, din għandha tiġi rkuprata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq intern qabel l-għoti tagħha. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien mid-data ta’ meta l-għajnuna ġiet estiża fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar validu sal-irkupru effettiv. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jinkludi l-imgħax mid-data ta’ meta l-garanzija mill-Istat saret illegali fit-22 ta’ April 2021, wara li jkun skada l-perjodu tal-għajnuna għas-salvataġġ, approvata għal sitt xhur, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar validu, sal-irkupru effettiv. Il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li l-garanzija mill-Istat setgħet intemmet meta l-Istat ħallas lura s-self għas-salvataġġ fuq talba tas-sellief bl-ebda mod ma elimina l-vantaġġ li rriżulta, għall-benefiċjarju, minn dik il-garanzija. Għall-kuntrarju, dak il-vantaġġ fil-fatt intuża kemm jista’ jkun, u għadu għand il-benefiċjarju sakemm il-pretensjoni sussegwenti tal-Istat fil-konfront ta’ Blue Air ma titħallasx lura bl-interessi.

8.   KONKLUŻJONI

(94)

Il-Kummissjoni ssib li r-Rumanija implimentat l-għajnuna għar-ristrutturar lil Blue Air b’mod illegali li kienet tikkonsisti fil-kontinwazzjoni tal-garanzija mill-Istat lil hinn minn sitt xhur u s-sostituzzjoni tal-kreditur preċedenti bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Ir-Rumanija għandha tirkupra dik l-għajnuna bl-imgħax. Madankollu, l-infurzar tal-kollateral li jiggarantixxi l-garanzija mill-Istat u t-trasferiment lill-Istat ta’ 75 % tal-ishma ta’ Blue Air ma jammontax għal għajnuna mill-Istat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-trasferiment ta’ 75 % tal-ishma ta’ Blue Air Aviation SA lir-Rumanija ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

L-għajnuna ad hoc mill-Istat li tikkonsisti mill-garanzija mill-Istat li tammonta għal RON 163,8 miljun (EUR 33,84 miljun) miżmuma illegalment favur Blue Air Aviation SA mir-Rumanija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

(1)   Ir-Rumanija għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju.

(2)   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha l-għajnuna saret illegali fit-22 ta’ April 2021 sal-irkupru effettiv tagħhom.

(3)   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (19) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (20) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(4)   Ir-Rumanija għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

(2)   Ir-Rumanija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

(1)   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħax ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni; u

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

(2)   Ir-Rumanija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 2. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprat mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tar-Rumanija.

Il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-ammonti ta’ għajnuna u ta’ mgħaxijiet tal-irkupru fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU C 195, 2.6.2023, p. 18.

(2)  Ir-rata tal-kambju RON/EUR = 0,20656 tintuża għal skopijiet illustrattivi f’din id-deċiżjoni.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Awwissu 2020 fil-Kawża SA.57026 (2020/N) – ir-Rumanija- COVID-19 – Għajnuna għal Blue Air (ĠU C 430, 11.12.2020, p. 2).

(5)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Bl-arranġament ta’ kiri bl-ekwipaġġ, is-sid iforni l-inġenju tal-ajru kif ukoll mill-inqas membru wieħed tal-ekwipaġġ. Is-sid jassumi responsabbiltà operazzjonali, li tinkludi t-twettiq tal-manutenzjoni, l-akkwist tal-assigurazzjoni, u responsabbiltajiet legali oħra tal-operazzjonijiet.

(7)  Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, il-premessi (11) sa (13), (36) u (102).

(8)  Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, il-premessi (19), (20)(g) u (45) sa (48).

(9)  L-abbozz imressaq f’notifika ġie adottat bħala Ordonanta de Urgenta Guvernul Romaniei n° 139 din 19 august 2020, ippubblikat f’Monitorul Oficial Nru 763 tal-20 ta’ Awwissu 2020. L-Artikolu 4(2) tal-abbozz tal-ordinanza previst fin-notifika stabbilixxa l-lista ta’ kollateral mirhun bħala ipoteka u l-Artikolu 9(2) stabbilixxa l-prinċipju tat-trasferiment lill-Istat u s-sjieda minnu jekk il-garanzija tkun ġiet eżegwita, permezz tal-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Komunikazzjoni.

(10)  Kif attwalment fis-seħħ kif emendat bil-liġi Nru 162 tat-30 ta’ Mejju 2022 ippubblikata f’Monitorul Oficial Nru 534 tal-31 ta’ Mejju 2022, l-Artikolu 9(2) tal-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 139 tad-19 ta’ Awwissu 2020 jaħtar l-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat bħala detentur tal-assi ta’ Blue Air u oħrajn f’isem l-Istat – minflok dak ta’ qabel, il-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Komunikazzjoni-.

(11)  Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, il-premessi (69) sa (75).

(12)  Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, il-premessi (85) sa (97) u (50) sa (63).

(13)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C-579/16 P, EU:C:2018:159, il-punt 58.

(14)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P, EU:C:2015:362, il-punt 60.

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj?locale=mt).

(16)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-70/72, EU:C:1973:87, il-punt 13.

(17)  Is-Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, il-Belġju vs Kummissjoni, C-142/87, EU:C:1990:125, il-punt 66.

(18)  Is-Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-75/97, EU:C:1999:311, il-punti 64 u 65.

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2004/794/oj?locale=mt)

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1675/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)