|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3166 |
20.6.2025 |
Riżoluzzjoni dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni territorjali fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali tal-UE għas-Settur Awtomobilistiku
(C/2025/3166)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
WARA LI KKUNSIDRA:
- il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ Azzjoni Industrijali għas-settur awtomobilistiku Ewropew) (1);
1.
jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja t-tranżizzjoni tas-settur awtomobilistiku lejn mobbiltà nadifa, diġitalizzazzjoni, u kompetittività msaħħa permezz tal-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali tal-UE għas-Settur Awtomobilistiku (Pjan ta’ Azzjoni);
2.
minkejja l-attenzjoni mogħtija lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-proċess ta’ konsultazzjoni, jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni mogħtija lid-dimensjoni territorjali fil-Pjan ta’ Azzjoni u n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-post fil-miżuri proposti;
3.
jirrikonoxxi l-fatt li r-rieżami tar-Regolament li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet se jsir diġà fl-2025; jirrikonoxxi li l-emenda mmirata tar-Regolament tista’ tipprovdi flessibbiltà għall-industriji awtomobilistiċi waqt li ssegwi l-objettivi klimatiċi ġenerali tal-UE b’mod prammatiku flimkien ma’ politika industrijali robusta; madankollu, iqis li din l-emenda mhijiex biżżejjed biex tindirizza l-kriżi fis-settur u biex toħloq ċertezza regolatorja;
4.
iwissi kontra l-aġġustamenti leġiżlattivi frekwenti li jikkompromettu l-prevedibbiltà għall-industrija tal-UE u jimpedixxu t-tranżizzjoni industrijali. Dawn l-aġġustamenti jirriskjaw li jheddu l-vantaġġ kompetittiv tal-industriji awtomobilistiċi Ewropej fis-suq globali. B’mod partikolari, jibża’ li bidliet bħal dawn jistgħu jipperikolaw l-impenn tagħna li nelettrifikaw is-settur awtomobilistiku u niksbu emissjonijiet żero mill-karozzi u l-vannijiet il-ġodda sal-2035. Biex nindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi futuri, irridu nżommu b’mod deċiżiv mal-objettivi miftiehma tagħna u nsaħħu d-dimensjoni reġjonali tal-pjan;
5.
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu approċċ aktar gradwali b’newtralità teknoloġika sħiħa bħala prinċipju ewlieni fir-rieżami tar-Regolament dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 kif enfasizzat mill-President von der Leyen u tressaq ir-rieżami tar-Regolament mill-aktar fis possibbli;
6.
jinnota wkoll ir-restrizzjonijiet teknoloġiċi u tas-suq fl-użu ta’ vetturi heavy-duty b’emissjonijiet żero u baxxi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod simili għall-karozzi u l-vannijiet, rieżami u flessibbiltajiet aktar bikrija fir-Regolament li jistabbilixxi standards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi heavy-duty;
7.
iwissi li l-bidliet regolatorji se joħolqu instabbiltà, ifixklu l-prevedibbiltà u l-progress industrijali, u b’hekk ipoġġu s-settur awtomobilistiku tal-Ewropa fi żvantaġġ kompetittiv;
8.
jirrimarka n-nuqqas ta’ politika industrijali koerenti tal-UE għas-settur awtomobilistiku kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi (2); jappella għal strateġija ta’ tranżizzjoni Ewropea globali għall-industrija awtomobilistika biex jiġi ppreservat dan is-settur ekonomiku vitali għall-prosperità u t-tkabbir tal-UE;
9.
jitlob promozzjoni konsistenti ta’ sistemi ta’ sewqan b’emissjonijiet baxxi, li jkopru approċċi teknoloġiċi differenti. Minbarra l-elettromobilità, il-motorizzazzjoni bl-idroġenu, il-fjuwils sintetiċi u l-vetturi ibridi plug-in għandhom jitqiesu wkoll bħala opzjonijiet ekwivalenti għat-tnaqqis tas-CO2. Regolamentazzjoni favur l-innovazzjoni għandha tiżgura li t-teknoloġiji kollha jkunu jistgħu jiġu żviluppati aktar taħt kundizzjonijiet ġusti;
10.
jissottolinja li l-kompetizzjoni internazzjonali qed tpoġġi lill-UE taħt pressjoni dejjem akbar biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżviluppa soluzzjonijiet sostenibbli fis-settur awtomobilistiku; jenfasizza li, bil-bidliet fil-politika ġeopolitika u kummerċjali li għaddejjin bħalissa, primarjament fir-relazzjonijiet transatlantiċi, hemm ħtieġa addizzjonali u urġenti li tittieħed azzjoni, inklużi fjuwils alternattivi bħall-e-fjuwils u l-bijofjuwils, li se jippermettu li din it-tranżizzjoni tirnexxi mingħajr ma tikkomprometti l-kompetittività tas-settur;
11.
jilqa’ r-rikonoxximent tad-diversi sfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni dipendenti fuq l-industrija awtomobilistika, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-pubblikazzjoni tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni (3);
12.
jenfasizza li l-elettrifikazzjoni tal-karozzi u l-vannijiet tibqa’ l-aktar triq effettiva lejn in-newtralità karbonika fis-settur awtomobilistiku u mutur ewlieni tal-kompetittività globali.Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi estiża u mtejba l-infrastruttura tal-iċċarġjar biex tiġi żgurata kopertura mifruxa, aċċessibbli u affidabbli li tissodisfa d-domanda dejjem tikber. Jenfasizza l-importanza li l-iċċarġjar isir aktar affordabbli fit-tul biex tiġi appoġġjata din it-tranżizzjoni;
13.
jirrimarka li, kif muri fi studju reċenti tal-KtR dwar Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri tar-reġjuni awtomobilistiċi (4), tranżizzjoni b’suċċess tal-industrija awtomobilistika għandha rwol deċiżiv fl-iżgurar tal-attraenza fit-tul tar-reġjuni;
14.
jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment fl-UE kollha bħala element ewlieni għall-kompetittività tas-settur awtomobilistiku tal-Ewropa. Konsegwentement, iħeġġeġ sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ din l-infrastruttura billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u jiġu pprovduti inċentivi finanzjarji, biex b’hekk jiġu żgurati l-aċċess ekwu u l-affordabbiltà;
15.
jisħaq fuq l-importanza li jiġu involuti u jitqiesu l-fehmiet u s-soluzzjonijiet proposti mir-reġjuni awtomobilistiċi u r-raggruppamenti awtomobilistiċi reġjonali fil-kisba ta’ tranżizzjoni ġusta, u jenfasizza li l-KtR stabbilixxa l-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi (ARA) biex jippromovi l-ilħna tagħhom fil-livell tal-UE;
16.
jenfasizza li r-Regolament li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet jirrikonoxxi l-ARA bħala msieħba għall-Kummissjoni Ewropea biex tidentifika kwalunkwe diskrepanza fil-finanzjament fl-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta fl-aktar reġjuni affettwati mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali;
17.
jilqa’ l-istudju reċenti tal-OECD dwar il-futur tal-ktajjen tal-valur awtomobilistiċi (5) li jenfasizza r-rwol ewlieni tar-reġjuni biex jattiraw l-investiment dirett barrani (IDB) u r-rabtiet mal-SMEs, u jirrimarka li r-reġjuni awtomobilistiċi u r-raggruppamenti awtomobilistiċi reġjonali qed jipprovdu tweġibiet li jvarjaw minn appoġġ soċjali u opportunitajiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema, għall-appoġġ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni, u għat-tfassil ta’ politiki industrijali u ta’ mobbiltà li jħarsu ’l quddiem;
18.
jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi Alleanza Ewropea għall-Vetturi Konnessi u Awtonomi. L-għan huwa li jsir progress fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ komponenti ta’ hardware u software għal sewqan konness u awtonomu, biex b’hekk jiġu żgurati l-kompetittività u r-reżiljenza tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis l-esperjenza u t-tħassib tal-livell reġjonali meta tfassal qafas regolatorju komprensiv għall-vetturi awtonomi;
19.
jirrimarka li n-Nota Ekonomika tal-Kummissjoni “Mapping the impact of industrial decline on European regions” (6) (L-immappjar tal-impatt tad-deklin industrijali fuq ir-reġjuni Ewropej — mhux disponibbli bil-Malti) tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi fl-identifikazzjoni tal-impatt tad-deklin industrijali fir-reġjuni awtomobilistiċi u r-rilevanza tagħha f’deċiżjonijiet ta’ politika infurmati dwar fejn għandha tiġi ffukata l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE;
20.
jenfasizza li s-settur awtomobilistiku għandu rwol ewlieni għall-industrija tal-manifattura f’ħafna Stati Membri u li huwa raggruppat f’diversi reġjuni, fejn l-assemblaġġ tal-karozzi u l-katina tal-provvista kollha jaqdu rwol ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, billi jipprovdu impjiegi u investiment fir-riċerka u l-iżvilupp; jenfasizza li l-impatt jestendi lil hinn mir-reġjuni fejn jiġu assemblati l-karozzi, u spiss jaffettwa b’mod aktar sinifikanti lir-reġjuni li jospitaw faċilitajiet ta’ sottoproduzzjoni tal-industrija tal-provvista tal-karozzi;
21.
jappella għal żieda fil-finanzjament għal tranżizzjoni ġusta fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, b’mod partikolari permezz ta’ politika ta’ koeżjoni msaħħa biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali eżistenti u jiġu promossi soluzzjonijiet ibbażati fuq il-post, biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikun imfassal għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull reġjun, b’mod partikolari dawk l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;
22.
jappella għal aktar appoġġ għall-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali, b’mod partikolari permezz ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u azzjonijiet iddedikati għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni interreġjonali bejn ir-reġjuni awtomobilistiċi tul il-katina tal-valur;
23.
jappella sabiex jiġi promoss ix-xiri ta’ komponenti minn sorsi lokali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u l-marka tal-karbonju, u li l-istrumenti ta’ appoġġ ekonomiku għan-negozji jiġu mħeġġa jinkludu kriterji ta’ evalwazzjoni li jippromovu x-xiri minn fornituri mill-UE stess;
24.
jappella mhux biss li tiġi ssemplifikata r-regolamentazzjoni iżda wkoll li jinbidlu l-kundizzjonijiet biex tingħata għajnuna lis-settur sabiex jitħeġġu u jiżdiedu l-investimenti tas-settur awtomobilistiku Ewropew;
25.
iqis li huwa essenzjali li jiġu implimentati programmi komprensivi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid biex jissaħħu l-ħiliet u l-għarfien espert tal-forza tax-xogħol attwali kif ukoll futura fis-settur awtomobilistiku. Dawn l-inizjattivi għandhom jitfasslu apposta biex jissodisfaw id-domandi li qed jevolvu tal-industrija awtomobilistika, jindirizzaw in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol, u jadattaw għall-isfidi ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ, anke fir-rigward tas-settur tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi, li, minħabba t-tranżizzjoni teknoloġika, jirriskja li jgħaddi minn tnaqqis strutturali sinifikanti;
26.
jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp għall-kompetittività futura tal-industrija tal-karozzi; għalhekk jitlob li jkun hemm aktar finanzjament għar-riċerka tal-UE għal riċerka avvanzata u bażika;
27.
jappella għall-ħolqien ta’ djalogu territorjali dwar tranżizzjoni ġusta bbażat fuq sħubijiet b’saħħithom bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha ta’ governanza bl-objettiv li jinstabu soluzzjonijiet ibbażati fuq il-post;
28.
jitlob li jinħoloq “djalogu ta’ implimentazzjoni mar-reġjuni awtomobilistiċi” bil-għan li tiġi stabbilita pjattaforma strutturata għar-reġjuni awtomobilistiċi u r-raggruppamenti awtomobilistiċi reġjonali biex isiru skambji mal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki u jsir kontribut għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni;
29.
jenfasizza li l-KtR, permezz tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi (ARA) tiegħu, il-Grupp Interreġjonali tiegħu dwar il-Futur tal-Industrija tal-Karozzi u r-rabtiet mal-ħidma tal-Alleanza tal-Ħiliet fis-settur Awtomobilistiku u mal-ħdima tal-Alleanza Ewropea tar-Reġjuni tas-Semikondutturi, jinsab lest li jiffaċilita l-iskambji mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni bis-saħħa tal-għarfien lokali u reġjonali biex tiġi żgurata tranżizzjoni bbilanċjata u inklużiva tas-settur awtomobilistiku kif ukoll biex jiġu segwiti objettivi konġunti u tinħoloq sjieda skont id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Industrija Awtomobilistika.
Brussell, it-3 ta’ April 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
(1) COM(2025) 95 final.
(2) https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness/draghi-report_en#paragraph_47059.
(3) A modernised Cohesion policy: The mid-term review. (Politika ta’ Koeżjoni modernizzata: Rieżami ta’ nofs it-terminu — mhux disponibbli bil-Malti). COM(2025) 163 final.
(4) Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri tar-reġjuni awtomobilistiċi, studju tal-KtR.
(5) OECD SME and Entrepreneurship Papers, The future of the automotive value chain — Implications for FDI-SME linkages (Il-futur tal-katina tal-valur tas-settur awtomobilistiku — Implikazzjonijiet għal konnessjonijiet FDI-SME — mhux disponibbli bil-Malti).
(6) https://single-market-economy.ec.europa.eu/publications/mapping-impact-industrial-decline-european-regions_en.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3166/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)