17.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/40


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1202

tal-14 ta’ Awwissu 2020

li tittermina l-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li tagħmel l-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal sorveljanza

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 56(5) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-18 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina billi ppubblikat notifika ta’ bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(2)

L-investigazzjoni nbdiet wara li tressaq ilment minn sitt produtturi tal-UE: Atrom Impex srl (ir-Rumanija), Bizon Int. Sp. z.o.o. (il-Polonja), Ergo Staples (il-Kroazja), Grupodesa (Spanja), Omer SpA (l-Italja) u Velo srl (l-Italja), (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-pins u l-istejpils. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li jirriżulta, u dan tqies biżżejjed biex il-bidu tal-investigazzjoni jkun iġġustifikat.

(3)

Fin-notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentaturi, lil produtturi magħrufa oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet Ċiniżi, lil importaturi, fornituri u utenti magħrufa, negozjanti, kif ukoll assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(4)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali sal-limitu ta’ żmien stipulat fin-notifika ta’ bidu.

2.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(5)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, l-ilmentaturi infurmaw lill-Kummissjoni li kienu rtiraw l-ilment.

(6)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-proċedimenti jistgħu jiġu terminati, fejn ilment jiġi rtirat, sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

(7)

L-investigazzjoni ma kienet żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li huwa fl-interess tal-Unjoni li jitkompla l-każ. Madankollu, il-Kummissjoni ħadet ukoll nota ta’ dak li ġie ddeterminat fis-26 ta’ Mejju 2020 mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti f’investigazzjoni anti-dumping u antisussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti stejpils tal-azzar fi strixxa mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li huma tipi ta’ prodott tal-prodott ikkonċernat. Minħabba r-riskju potenzjali ta’ devjazzjonijiet tat-traffiku kummerċjali fil-futur, il-Kummissjoni se tqis it-tendenzi statistiċi tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat għal perjodu ta’ 24 xahar mill-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. B’hekk, il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-ħtieġa potenzjali li tibda investigazzjoni ġdida skont ir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku.

(8)

Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ pins u stejpils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jenħtieġ li jiġi terminat mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri.

(9)

Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. L-ebda parti interessata ma oġġezzjonat għat-terminazzjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit mill-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7317 00 20, ex 7317 00 60, ex 7317 00 80, ex 7326 20 00, ex 7616 10 00, 8305 20 00 u ex 8308 10 00 (il-kodiċijiet TARIC 7317002040, 7317006040, 7317008040, 7326200040, 7616100040 u 8308100040), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa terminat.

Artikolu 2

Il-kodiċijiet TARIC li jissemmew fl-Artikolu 1 jew kwalunkwe kodiċi korrispondenti fil-ġejjieni għandhom jibqgħu miftuħa għal perjodu ta’ 24 xahar mill-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ssegwi t-tendenzi statistiċi tal-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils f’konformità mal-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(3)   ĠU C 425, 18.12.2019, p. 21.