|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1548 |
7.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1548
tat-8 ta’ Ġunju 2026
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2139 (1), il-Protokoll rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025-2029) (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”), ġie ffirmat fis-6 ta’ Ottubru 2025, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(2) |
L-objettiv tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jistadu fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe, kif ukoll li jippermetti lill-Unjoni u lil São Tomé u Príncipe jaħdmu aktar mill-qrib flimkien biex jiżviluppaw politika tas-sajd sostenibbli, biex jippromwovu l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe u fl-Oċean Atlantiku, u biex jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd. |
|
(3) |
Dan il-Protokoll jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni. |
|
(4) |
L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2) (“il-Ftehim”) jistabbilixxi Kumitat Konġunt (“il-Kumitat Konġunt”) inkarigat mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim, inkluż il-Protokolli ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għall-Protokolli ta’ Implimentazzjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni tal-emendi tal-Protokoll, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprova dawk il-modifiki f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(5) |
Il-Kunsill jenħtieġ li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki għall-Protokoll. L-emendi għall-Protokoll proposti jiġu approvati dment li minoranza ta’ Stati Membri li timblokka , f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma toġġezzjonax għalihom. |
|
(6) |
Peress li l-Protokoll għandu durata ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda, l-impenji baġitarji involuti jistgħu jitqassmu tul id-durata tal-Protokoll għall-pagamenti annwali, f’konformità mal-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(7) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fl-20 ta’ Awwissu 2025, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029) (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
F’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi tal-Protokoll adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (5).
Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
A. VAFEADES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2139 tat-30 ta’ Settembru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029) (ĠU L, 2025/2139, 22.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2139/oj).
(2) ĠU L 205, 7.8.2007, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2007/894/oj.
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ANNESS
Proċedura biex jiġu approvati l-emendi tal-Protokoll li l-Kumitat Konġunt għandu jadotta
(1)
Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi tal-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 16(2) tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mal-Gvern ta’ São Tomé u Príncipe u, jekk xieraq u soġġett għall-konformità mal-punt (3) ta’ dan l-Anness, tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi proposti tal-Protokoll dwar:|
(a) |
ir-rieżami tal-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 9(1), u l-Artikolu 10(2), tal-Protokoll, u, konsegwentement, tal-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Protokoll; |
|
(b) |
il-proċeduri tal-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali previsti fl-Artikolu 7 tal-Protokoll; |
|
(c) |
il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tekniċi tat-twettiq tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom mill-bastiment tal-Unjoni; |
|
(d) |
is-salvagwardji addizzjonali għall-ħarsien tad-data personali previsti bl-Artikolu 15(4) tal-Protokoll; |
(2)
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni li ssir f’isem l-Unjoni:|
(a) |
tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd; |
|
(b) |
tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali; |
|
(c) |
tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika u bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni. |
(3)
Għal dak l-għan, u abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu (2)(c), il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fi żmien biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, dokument preparatorju li jistabbilixxi l-partikolaritajiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni proposta (minn hawn ’il quddiem “id-dokument preparatorju”), għall-konsiderazzjoni u l-approvazzjoni.
(4)
Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni li tinsab fid-dokument preparatorju għandha titqies li ġiet approvata, dment li għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka fil-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma jqajjimx oġġezzjoni f’laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien 20 jum minn meta jasal id-dokument preparatorju, skont liema jiġi l-ewwel. Fil-każ ta’ tali oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill.
(5)
Jekk, waqt laqgħat sussegwenti tal-Kumitat Konġunt, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill, f’konformità mal-proċedura prevista fil-punti (2) sa (4), sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis elementi ġodda.
(6)
Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu, fi żmien xieraq, il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura s-segwitu tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, jekk xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni ta’ kull proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(7)
Fir-rigward tal-kwistjonijiet l-oħra, li ma jikkonċernawx emendi tal-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 16(2) tal-Protokoll, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi ddeterminata f’konformità mat-Trattati u l-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1548/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)