Brussell, 31.3.2026

COM(2026) 147 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-kostijiet annwali kumplessivi mġarrba għall-issodisfar tal-kompiti tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2025 sal-31 ta' Diċembru 2025 u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali imposti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 fl-2025


1.Introduzzjoni

(1)Dan ir-rapport huwa indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest tal-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065 ( 1 ) – l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Id-DSA jistabbilixxi regoli armonizzati applikabbli għal fornituri ta’ servizzi intermedjarji biex jistabbilixxi ambjent online sikur, prevedibbli, u fdat fis-suq intern. Hu jiffissa l-obbligi bażiċi applikabbli għall-fornituri kollha ta’ servizzi intermedjarji, kif ukoll obbligi addizzjonali għall-fornituria’ servizzi ta’ hosting (inklużi l-pjattaformi online), għall-fornituri ta’ pjattaformi online, u għall-pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) u għall-magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs). Jistabbilixxi wkoll sistema ta’ superviżjoni u infurzar ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(2)Id-DSA jafda lill-Kummissjoni bil-kompetenza esklużiva li tiddeżinja l-VLOPs u l-VLOSEs u tissorvelja l-konformità tal-fornitur tagħhom mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tad-DSA kif ukoll il-kompetenza li tissorvelja l-konformità tagħhom ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-DSA. Il-Kummissjoni għandha wkoll il-mandat li tikkoordina u tiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tas-superviżjoni ta’ kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti fir-rigward tal-VLOPs u l-VLOSEs. Barra minn hekk, hemm kompiti addizzjonali assenjati lill-Kummissjoni li huma relatati mad-daqs u l-firxa transfruntiera u/jew pan-UE intrinsika ta’ tali servizzi deżinjati.

(3)Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha r-riżorsi neċessarji biex twettaq b’mod effettiv il-kompiti superviżorji fdati lilha skont id-DSA f’termini ta’ persunal, ta’ għarfien espert, u ta’ mezzi finanzjarji, l-Artikolu 43 tad-DSA jirrikjedi li l-Kummissjoni timponi tariffa superviżorja annwali lil kull fornitur tal-VLOP jew tal-VLOSE, soġġett għall-kundizzjonijiet previsti f’dak l-Artikolu.

(4)L-Artikolu 43(7) tad-DSA jipprevedi t-tħejjija ta’ rapport annwali mill-Kummissjoni, indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bħala mod kif jiġu pprovduti r-responsabbiltà u t-trasparenza lil dawk l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni skont id-DSA, li għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 ( 2 ). B’mod partikolari, ir-rapport irid jinkludi informazzjoni dwar l-ammont totali tat-tariffi superviżorji imposti fuq il-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs fis-sena preċedenti u dwar l-ammont globali tal-kostijiet imġarrba mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dak ir-Regolament, kif stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament Delegat.

(5)Għaldaqstant, dan ir-rapport jipprovdi prospett tal-kostijiet imġarrba mill-Kummissjoni fl-2025 għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont id-DSA. Dan jispjega b’mod partikolari l-kostijiet speċifiċi mġarrba għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA, li huma dawk koperti bit-tariffi superviżorji imposti fl-2024.

(6)Barra minn hekk, dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-ammont totali tat-tariffi superviżorji imposti fl-2025 biex ikopru l-kostijiet li għandhom jiġġarrbu mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont id-DSA fl-2026. Jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-istatus tal-pagamenti, kif ukoll dwar il-proċedimenti tal-qorti li jkunu għaddejjin, relatati mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffi superviżorji annwali fir-rigward ta’ kull fornitur.

2.Kostijiet imġarrba mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont id-DSA fl-2025

(7)Dan ir-rapport ikopri l-perjodu ta’ rappurtar mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Dan il-perjodu kien ikkaratterizzat mill-ewwel sena sħiħa ta’ operat ġenerali tal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali (il-“Bord”) minn meta saret l-ewwel laqgħa tiegħu fid-19 ta’ Frar 2024; it-terminazzjoni tad-deżinjazzjoni ta’ Stripchat bħala VLOP,( 3 ) ) li tirriżulta f’ 22 VLOPs u 2 VLOSEs iddeżinjati sa Diċembru 2025; il-ħidma preparatorja għad-deżinjazzjoni ta’ WhatsApp bħala VLOP (adottata b’mod effettiv fis-26 ta’ Jannar 2026) ( 4 ) ) u l-adozzjoni ta’ diversi azzjonijiet ta’ infurzar fir-rigward tal-konformità tal-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs mal-obbligi stabbiliti skont id-DSA, b’mod partikolari dawk relatati mad-disseminazzjoni ta’ kontenut illegali, inklużi prodotti, kif ukoll l-integrità tal-proċessi elettorali u l-protezzjoni tal-minorenni online. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, f’Lulju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Linji Gwida dwar il-Miżuri biex tiżgura livell għoli ta’ privatezza, sikurezza u sigurtà online għall-minuri, b’forniment ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri li l-Kummissjon tqis li l-fornituri tal-pjattaformi online aċċessibbli għall-minuri jeħtieġ li jqiegħdu fis-seħħ ħalli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 28(1) DSA.( 5 ). Il-Kummissjoni bdiet ukoll proċedimenti formali biex tinvestiga l-infrazzjonijiet suspettati minn erba’ fornituri tal-VLOPs li jxandru kontenut pornografiku, bir-rigward tal-obbligu tagħhom li jiżguraw li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni għall-minuri fis-servizz li joffru u li b’mod diliġenti jevalwaw u jimmitigaw b’mod effettiv ir-riskju fis-sistema għall-protezzjoni tal-minuri li jinbet mis-servizzi li joffru.( 6 ) Matul dak l-istess perjodu, aktar minn 80 talba għal informazzjoni (“RFIs” jiġifieri Requests for Information) intbgħatu lill-fornituri tal-VLOPs u l-VLOSEs, u nfetħu 4 proċedimenti formali oħra kontra għadd ta’ fornituri tal-VLOPs u l-VLOSEs, minn total ta’ 19-il proeċediment formali totali li nfetħu mill-2023 sa tmiem l-2025. Barra minn hekk, fl-2025, il-Kummissjoni indirizzat 7 sejbiet preliminari lil xi fornituri tal-VLOPs, u adottat l-ewwel deċiżjoni ta’ nonkonformità skont id-DSA, bl-imponiment tal-ewwel multa li qatt saret għal infrazzjoni tad-DSA.( 7 ) Il-Kummissjoni adottat ukoll deċiżjoni li għamlet l-impenji offruti minn fornitur wieħed tal-VLOP fil-kuntest tal-proċedimenti tad-DSA legalment vinkolanti fuq dak il-fornitur.( 8 ). Fl-aħħar nett, fl-aħħar kwart tal-2025, il-Kummissjoni mexxiet il-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni (i) li tibda l-proċedimenti kontra l-fornitur ta’ X in konnessjoni mal-iskjerament tal-funzjonalitajiet ta’ Grok fl-Unjoni u l-obbligi tiegħu li jevalwa b’mod diliġenti u jimmitiga b’mod effettiv ir-riskji sistemiċi li jinbdu minn dak is-servizz fir-rigward tax-xandir ta’ kontenut illegali fl-UE, bħal stampi espliċiti mbagħbsa sesswalment, u (ii) li testendi l-proċeduri mibdija f’Diċembru 2023 in konnessjoni mas-sistemi tar-rakkomandazzjonijiet ta’ X u kwalunkwe sistemi algoritmiċi rilevanti oħra. Id-Deċiżjoni ġiet adottata f’Jannar 2026.( 9 )

(8)Matul il-perjodu msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ l-istrutturi interni meħtieġa u allokat ir-riżorsi umani, operazzjonali u amministrattivi xierqa għal infurzar effettiv tad-DSA u għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Dan kien jinkludi r-reklutaġġ ta’ persunal u ta’ esperti nazzjonali sekondati speċjalizzati fl-oqsma kollha ta’ ħidma koperti mid-DSA, l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT meħtieġa, u l-ikkuntrattar ta’ attivitajiet u ta’ appoġġ superviżorji għall-bini tal-kapaċità.

(9)Fir-rigward tar-riżorsi umani, il-Kummissjoni żiedet l-għadd ta’ persunal għas-superviżjoni u l-infurzar tad-DSA wara ż-żieda fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità. Fil-perjodu ta’ rappurtar, ġew reklutati 80 membru tal-persunal, inklużi uffiċjali legali, uffiċjali tal-politika, xjenzati tad-data/speċjalisti tat-teknoloġija, uffiċjali tal-komunikazzjoni, speċjalisti tal-baġit u tal-awditjar u maniġers tal-proġetti. 54 minn dawn il-membri ngħaqdu mad-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CNECT) u s-26 l-oħrajn ingħaqdu mar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri.

(10)Il-kostijiet ġenerali mġarrba mill-Kummissjoni għall-kompiti kollha tal-infurzar tad-DSA, inklużi l-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA ( 10 ) u kompiti oħra mwettqa skont artikoli oħra tad-DSA matul il-perjodu ta’ rappurtar, skont il-kategoriji tal-kostijiet, huma dawn li ġejjin: ( 11 )

Total tal-kostijiet imġarrba

EUR 46,14 miljun

Nefqa fuq ir-riżorsi umani

EUR 24,17 miljun

Nefqa operazzjonali u amministrattiva

EUR 21,97 miljun

(11)Il-qsim tan-nefqa bejn il-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA u l-kompiti l-oħra kollha tal-infurzar tad-DSA minbarra d-dettalji għal kull kategorija tal-kostijiet u l-indikazzjoni ta’ kwalunkwe surplus jew defiċit iġġenerat fl-2025 huma ppreżentati fit-taqsimiet 2.1 sa 2.3 hawn taħt.

2.1Kostijiet imġarrba għall-kompiti relatati mal-Artikolu 43(2) tad-DSA

(12)Fl-ammont globali tal-kostijiet imsemmija fil-paragrafu (11) ta’ dan ir-rapport, in-nefqa speċifika mġarrba mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA fil-perjodu ta’ rappurtar, u għalhekk koperta mit-tariffi superviżorji imposti fuq il-fornituri tas-servizzi deżinjati fl-2024, hija kif ġej:

Kostijiet imġarrba għal kompiti relatati mal-Artikolu 43(2) tad-DSA

EUR 42,56 miljun

Nefqa fuq ir-riżorsi umani

EUR 21,15 miljun

Nefqa operazzjonali u amministrattiva

Attivitajiet u appoġġ superviżorji għall-bini tal-kapaċità

Ftehimiet amministrattivi tal-IT

Esperti esterni

Bażijiet tad-data, għodod diġitali u sistemi tal-IT

Attivitajiet tal-bord

Missjonijiet

Nefqa amministrattiva għar-reklutaġġ

EUR 21,41 miljun

EUR 9,63 miljun

EUR 4,58 miljun

EUR 3,55 miljun

EUR 2,84 miljun

EUR 0,48 miljun

EUR 0.15 miljun EUR 0.15 miljun

a.Nefqa fuq ir-riżorsi umani

(13)Il-kalkolu annwali tan-nefqa fuq ir-riżorsi umani twettaq abbażi tal-kostijiet annwali medji għal kull impjegat ekwivalenti għall-full-time (“FTE”), inkluż in-nefqa ġenerali medja pro rata u l-kontribuzzjonijiet soċjali applikabbli relatati ma’ dawn ir-riżorsi umani, f’konformità mal-Artikolu 2(2), il-punt (a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127. ( 12 ) Għall-kalkolu tal-FTEs, il-Kummissjoni qieset biss il-ħin tax-xogħol effettiv tal-membri tal-persunal f’attivitajiet relatati mal-kompiti superviżorji msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA u fi proporzjon mal-ħin li ħadmu għall-Kummissjoni fl-2025.

(14)Minkejja li total ta’ 80 membru ġdid tal-persunal inżiedu matul l-2025, ir-reklutaġġ ta’ dan il-opersunal ġdid ħa aktar żmien milli previst u rriżulta f’ammont aktar baxx milli previst ta’ FTEs mifruza fuq is-sena, li jammonta għal total ta’ madwar 138 FTE (inkluż total ta’ madwar 34 uffiċjal u aġent temporanju FTE, 92 aġent kuntrattwali FTE u 12-il espert nazzjonali sekondati FTE) iddedikati għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) DSA) għal ammont globali ta’ EUR 21,153-il miljun. ( 13 )

b.Nefqa operazzjonali u amministrattiva

(15)Il-kalkolu tan-nefqa operazzjonali u amministrattiva jqis il-kostijiet skont l-Artikolu 2(2), il-punt (b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 u l-lista mhux eżawrjenti tal-elementi tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament Delegat, fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025, li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA. Il-kostijiet operazzjonali u amministrattivi totali fil-perjodu ta’ rappurtar jammontaw għal EUR 21,46 miljun. L-attivitajiet imwettqa taħt din il-kategorija tal-kostijiet huma deskritti fil-paragrafi li ġejjin.

(16)L-attivitajiet u l-appoġġ relatati mal-bini tal-kapaċità superviżorja (EUR 9.63 miljun) jinkludu:

̶Il-Ftehim ta’ kooperazzjoni ffirmat mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (EUR 5 miljun) għall-forniment ta’ għarfien espert dwar ir-riskji u l-ksur relatati mal-proprjetà intellettwali assoċjati mal-VLOPs u mal-VLOSEs;

̶Iċ-Ċentru Ewropew tat-Trasparenza Algoritmika (ECAT) taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) (EUR 1 miljun) għall-għoti ta’ appoġġ tekniku u xjentifiku fl-investigazzjonijiet u l-politiki tal-infurzar,

̶Disa’ kuntratti ta’ servizz għal appoġġ tekniku u għarfien espert dwar diversi suġġetti, fost l-oħrajn dawn li ġejjin: Il-bażi tad-data tat-trasparenza tad-DSA, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-kontenut illegali, l-użu ħażin tal-VLOPs u tal-VLOSEs għal attivitajiet illegali, it-trasparenza tas-sistema ta’ rakkomandazzjoni, l-iscams finanzjarji u l-protezzjoni tal-minorenni (EUR 3.54 miljun);

̶L-organizzazzjoni ta’ taħriġ lill-uffiċjali b’enfasi fuq il-kapaċitajiet li qed jiġu żviluppati fir-rigward tal-monitoraġġ tekniku tal-VLOPs u tal-VLOSEs (EUR 0.04 miljun);

̶L-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u konferenzi mal-partijiet ikkonċernati dwar ir-riskji sistemiċi (EUR 0.04 miljun); u

̶l-attivitajiet preparatorji dwar l-aċċess għad-data għar-riċerkaturi abbażi tal-Artikolu 40 tad-DSA (EUR 0,01 miljun).

(17)Il-ftehimiet amministrattiv tal-IT (EUR 4,58 miljun) jikkonsistu fit-tliet ftehimiet li ġejjin minn fost tnejn iffirmati mid-DĠ CNECT ma’:

̶Id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Diġitali (DĠ DIGIT) (EUR 3,71 miljun) għall-forniment ta’ servizzi tal-IT speċjalizzati u riżorsi tal-cloud, u appoġġ tal-IT għall-Portal ta’ Aċċess għad-Data tad-DSA, il-Portal tal-Pjattaformi, u s-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikoli 9, 10 u 85 tad-DSA;

̶Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP) (EUR 0,87 miljun) għall-forniment tal-kapaċità u tal-appoġġ tal-IT li jikkonċerna l-ġestjoni tal-każijiet u s-superviżjoni tal-konformità tal-VLOPs u tal-VLOSEs.

(18)In-nefqa fl-esperti esterni (EUR 3,55 miljun) tikkonċerna l-kuntratti ta’ servizzi għal:

̶Esperti tal-IT (EUR 3,41 miljun) taħt is-superviżjoni tad-DĠ CNECT, li jwettqu kompiti ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni tas-sistema tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85 tad-DSA, tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) tad-DSA u, tal-għodod tal-IT biex jiġu skambjati komunikazzjonijiet mal-VLOPs u l-VLOSEs. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, ġew ikkuntrattati esperti esterni fid-dominji tal-IT li ġejjin: l-iżvilupp back-end u front-end; l-intelligenza tan-negozju; il-bażi tad-data, l-applikazzjoni, il-cloud, u l-arkitettura tal-intrapriżi; l-operazzjonijiet tal-cloud; ix-xjenza tad-data; l-ittestjar; il-ġestjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti; is-sigurtà tal-IT; l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-IT; il-ġestjoni tal-appoġġ; l-inġinerija u l-integrazzjoni tas-sistema; l-esperjenza tal-utent; l-operazzjonijiet fuq l-internet; u l-analiżi tan-negozju.

̶Il-persunal tal-aġenzija (interim) (EUR 0,138 miljun) bi profili legali, ta’ politika, tax-xjenza tad-data u tas-segretarjat, li jipprovdi appoġġ lill-persunal tad-DĠ CNECT dwar il-kompiti tal-infurzar imsemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, ġew ikkuntrattati 12-il membru tal-persunal tal-aġenzija.

(19)In-nefqa fil-bażijiet tad-data, fl-għodod diġitali u fis-sistemi tal-IT (EUR 2,84 miljun) tinkludi l-akkwist ta’ tagħmir speċjalizzat għall-monitoraġġ tal-konformità, għall-forensika, għall-kapaċità u għall-kmamar tad-data u ta’ liċenzji għal software u għal bażijiet tad-data kummerċjalizzati eżistenti relatati mal-implimentazzjoni tal-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 43(2) tad-DSA. Tkopri wkoll il-forniment ta’ servizzi tal-IT għall-manutenzjoni tas-Sistema tal-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni tad-DSA skont l-Artikolu 85 tad-DSA, inkluż l-istabbiliment tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-ordnijiet skont l-Artikoli 9 u 10 tad-DSA. Fl-aħħar nett, dan jinkludi l-manutenzjoni tal-għodda tal-Informaturi tad-DSA. ( 14 )

(20)In-nefqa fl-attivitajiet tal-Bord (EUR 0,48 miljun) tinkludi l-organizzazzjoni ta’ ħames laqgħat wiċċ imb wiċċ mid-disa’ laqgħat li saru (l-oħrajn saru b’mod remot) mill-Bord (inklużi tliet laqgħat ad hoc) u sitt laqgħat wiċċ imb wiċċ mis-sittax-il laqgħa li saru mill-Gruppi ta’ Ħidma tal-Bord ( 15 ). kif ukoll attivitajiet għall-bini tal-kapaċità fil-forma ta’ taħriġ indirizzat lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali.

(21)In-nefqa amministrattiva għar-reklutaġġ tinkludi l-kostijiet imġarrba għar-reklutaġġ tal-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fuq il-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 43(2) tad-DSA, bħar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-parteċipazzjoni fil-proċessi tal-għażla u bħall-kostijiet tal-onboarding (EUR 0,15 miljun).

(22)In-nefqa fil-kostijiet superviżorji tal-ivvjaġġar (missjonijiet) (EUR 0,15 miljun) tinkludi l-kostijiet għall-persunal tal-Kummissjoni biex jipparteċipa f’missjonijiet matul l-2025 dwar attivitajiet relatati mas-superviżjoni diretta tal-VLOPs u tal-VLOSEs u mal-iżvilupp tal-għarfien espert u tal-bini tal-kapaċità dwar ir-riskji sistemiċi u emerġenti.

2.2Kostijiet imġarrba għall-kompiti tad-DSA li mhumiex relatati mal-Artikolu 43(2) tad-DSA

(23)Id-differenzi fil-kostijiet għall-kompiti kollha tad-DSA u għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA biss huma spjegati min-nefqa li ġejja mħallsa mill-approprjazzjonijiet baġitarji tal-Unjoni u mhux mid-dħul assenjat estern li jirriżulta mit-tariffa superviżorja annwali:

Kostijiet imġarrba għall-kompiti mhux relatati mal-Artikolu 43(2) tad-DSA

EUR 3,57 miljun

Nefqa fuq ir-riżorsi umani

EUR 3,02 miljun

Nefqa operazzjonali u amministrattiva

EUR 0,55 miljun

(24)In-nefqa fuq ir-riżorsi umani ta’ EUR 3,02 miljun hija dovuta għat-twettiq ta’ kompiti bħall-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni u l-istrutturi nazzjonali, il-koordinazzjoni bejn is-servizzi f’suġġetti qrib xulxin biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-liġijiet tal-Unjoni mad-DSA, l-adozzjoni tar-rapporti tal-Kummissjoni jew il-gwida politika ġenerali, l-appoġġ għall-infurzar fir-rigward ta’ fornituri mhux deżinjati u ta’ kompiti oħra mhux relatati mal-kompiti superviżorji tad-DSA msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA.

(25)In-nefqa amministrattiva u operazzjonali ta’ EUR 0,55 miljun hija dovuta għall-kost tan-nefqa li ġejja mhux relatata mal-kompiti superviżorji tad-DSA msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA:

̶Erba’ kuntratti ta’ servizz relatati mal-Linji Gwida dwar Miżuri biex jiġi żgurat livell għoli ta’ privatezza, sikurezza u sigurtà għall-minorenni online, soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21 tad-DSA, l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 91(1) tad-DSA tal-interazzjoni tad-DSA ma’ atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni, l-interazzjoni bejn id-DSA u l-miżuri nazzjonali (EUR 0,35 miljun);

̶Persunal tal-Aġenzija (interim) (EUR 0,02 miljun);

̶Il-missjonijiet mhux superviżorji (EUR 0,06 miljun).

̶Servizzi ta’ konsulenza pprovduti minn DIGIT (EUR 0,09 miljun);

̶Il-kostijiet relatati mal-workshops tad-DSA dwar ir-reklamar online (l-Artikolu 46 tad-DSA), ir-rimborż tal-kostijiet minħabba l-attendenza f’konferenzi u l-ħlas ta’ espert dwar l-Att Delegat dwar l-Aċċess għad-Data (EUR 0,007 miljun);

̶Laqgħat mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Diġitali (EUR 0,006 miljun).

2.3Surplus jew defiċit

(26)Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127, dan ir-rapport irid jindika kwalunkwe kost imġarrab matul il-perjodu ta’ rappurtar li jkun qabeż l-ammont tal-kostijiet stmati għall-istess perjodu, jew kwalunkwe surplus, kif applikabbli.

(27)It-tqabbil tal-istima tal-kostijiet imwettqa fl-2024 għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji imposti fuq dik is-sena u tan-nefqa attwali mġarrba fl-2025 fir-rigward tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA juri li n-nefqa fir-riżorsi umani kienet ta’ EUR 8,061 miljun inqas milli stmat, filwaqt li n-nefqa operazzjonali u amministrattiva kienet ta’ EUR 7,592 miljun anqas. Dan irriżulta f’defiċit ta’ EUR 15,653 miljun.

Previst fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (2024) (miljun)

Nefqa attwali fl-2025 (miljun)

Surplus (+)/ Defiċit (-) (miljun)

Infiq totali

EUR 58,219

EUR 42,566

(+) EUR 15,653

Nefqa fuq ir-riżorsi umani

EUR 29,214

EUR 21,153

(+) EUR 8,061

Nefqa operazzjonali u amministrattiva

EUR 29,005

EUR 21,412

(+) EUR 7,592

(28)Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127, eċċess iġġenerat fl-2025, u li jammonta għal EUREUR 15 653 141, se jitqies fl-istima tal-kostijiet annwali ġenerali li huma mistennija li jiġġarrbu għat-twettiq tal-kompiti tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA fis-sena 2027.

3.Ammont globali tat-tariffi superviżorji imposti fl-2025

(29)L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 jipprevedi li l-kostijiet li għandhom jiġu stmati għat-tariffi superviżorji imposti fis-sena n jenħtieġ li jiġu ddeterminati billi jitqiesu r-riżorsi umani kollha li għandhom jiġu impjegati mill-Kummissjoni, kif ukoll infiq operazzjonali u amministrattiv ieħor relatat mat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tad-DSA fis-sena n+1.

(30)L-Artikolu 43(6) tad-DSA jipprevedi li t-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fuq kull fornitur tal-VLOP jew tal-VLOSE skont l-Artikolu 43(1) tad-DSA jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ( 16 )

(31)Id-dħul assenjat estern totali stmat li jirriżulta mit-tariffi superviżorji imposti fi tmiem l-2025 għas-sena 2026, ġie inkluż fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni għas-Sena Finanzjarja 2026 skont l-Artikolu 41(8) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-prospett tal-elementi kkunsidrati għall-istima tal-ammont ta’ dħul assenjat estern li jirriżulta mit-tariffa superviżorja, abbażi tal-previżjonijiet tan-nefqa għall-2026, ġie ppubblikat fis-27 ta’ Ġunju 2025. ( 17 ) Għalhekk, it-tariffi superviżorji imposti fl-2025 ma koprew l-ebda nefqa mġarrba mill-Kummissjoni biex twettaq b’mod effettiv il-kompiti superviżorji tagħha fl-Unjoni fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025, peress li se jkopru biss in-nefqa mġarrba fis-sena 2026.

(32)Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127, f’dan ir-rapport il-Kummissjoni jeħtiġilha tindika l-ammont globali tat-tariffi superviżorji imposti, inkluża d-data tal-pagamenti rispettivi, kwalunkwe pagament nieqes jew tard, il-proċedimenti tal-qorti li jkunu għaddejjin relatati mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Delegat u l-proċeduri ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament relatati mat-tariffi superviżorji imposti, fid-data tal-finalizzazzjoni tar-rapport.

(33)L-ammont globali tat-tariffi superviżorji imposti fl-2025 biex ikopru l-kostijiet tal-Kummissjoni fl-2026 kien ta’ EUR 54 819 372. Il-fornituri kollha ta’ servizzi deżinjati bagħtu l-pagamenti tagħhom lill-Kummissjoni sal-iskadenza stabbilita tal-31 ta’ Diċembru 2025. Ma hemm l-ebda pagament nieqes jew arretrat fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport fir-rigward tat-tariffi superviżorji imposti fuq il-fornituri tas-servizzi deżinjati fl-2025.

(34)Fid-data tal-finalizzazzjoni ta’ dan ir-rapport, hemm ħdax-il proċediment tal-qorti li għadhom għaddejjin relatati mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127. Dawn il-proċedimenti tal-qorti huma elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt.

Numru tal-kawża

Servizz(i) deżinjat(i)

Sena tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata

T-55/24

(taħt appell C-744/25 P)

Facebook u Instagram

2023

T-58/24

(taħt appell C-745/25 P)

TikTok

2023

T-88/25

TikTok

2024

T-89/25

Facebook u Instagram

2024

T-92/25

Google Maps, Google Play, Google Search, Google Shopping u YouTube

2024

T-70/26

Stripchat

2025

T-73/26

Facebook u Instagram

2025

T-89/26

Google Maps, Google Play, Google Search, Google Shopping u YouTube

2025

T-90/26

TikTok

2025

T-91/26

Amazon Store

2025

T-92/26

Zalando

2025

(35)Ma hemm l-ebda proċedura ta’ rkupru għaddejja msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 relatat mat-tariffi superviżorji imposti.

(1)

() Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj). http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj ).

(2)

() Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati rigward it-tariffi superviżorji imposti mill-Kummissjoni fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna (ĠU L 149, 9.6.2023, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1127/oj ).

(3)

() L-istqarrija għall-istampa tat-27 ta’ Mejju 2024; https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_25_1339.

(4)

() L-istqarrija għall-istampa tas-26 ta’ jannar 2026; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/commission-designates-whatsapp-very-large-online-platform-under-digital-services-act .

(5)

() L-istqarrija għall-istampa tal-14 ta’ Lulju 2025; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/commission-publishes-guidelines-protection-minors .

(6)

() L-istqarrija għall-istampa tas-27 ta’ Mejju 2025; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/commission-opens-investigations-safeguard-minors-pornographic-content-under-digital-services-act .

(7)

() L-istqarrija għall-istampa tal-5 ta’ Diċembru 2025; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/commission-fines-x-eu120-million-under-digital-services-act .

(8)

() L-istqarrija għall-istampa tat-18 ta’ Ġunju 2025; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/commission-makes-aliexpress-commitments-under-digital-services-act-binding .

(9)

() L-istqarrija għall-istampa tas-26 ta’ Jannar 2026; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/commission-investigates-grok-and-xs-recommender-systems-under-digital-services-act .

(10)

() L-Artikolu 43(2) tad-DSA jirreferi għall-kostijiet relatati mad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 33, għall-istabbiliment, għall-manutenzjoni u għall-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u għas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, għar-riferimenti skont l-Artikolu 59, għall-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u għall-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.

(11)

() Iċ-ċifri ppreżentati f’dan id-dokument huma rrappurtati f’miljuni ta’ EUR b’żewġ deċimali, mingħajr ebda teknika ta’ ttondjar applikata. Għal din ir-raġuni, xi totali jistgħu ma jikkorrispondux mas-somma taċ-ċifri separati ppreżentati fir-rapport.

(12)

() Il-kostijiet medji applikabbli għal kull FTE jiġu kkalkulati kull sena mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (“DĠ BUDG”) fil-kuntest tat-tħejjija tad- Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva u tar-ritrasferimenti. Tali kostijiet medji għas-sena 2025, li diġà jinkludu n-nefqa operatorja medja pro capita tal-bini u tal-IT u li diġà żdiedu bid-dispożizzjoni applikabbli għall-kontribuzzjonijiet soċjali (24,2 %), ammontaw għal EUR 237 657 għall-uffiċjali u għall-aġenti temporanji, EUR 126 839 għall-Aġenti Kuntrattwali u EUR 132 180 għall-Esperti Nazzjonali Sekondati.

(13)

() L-għadd ta’ FTEs irrappurtati fit-taqsima 2.1 ta’ dan ir-rapport ma jirrappreżentax l-għadd totali tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni li ħadmu fuq id-DSA fl-2025. Dan jinkludi strettament il-ħin tax-xogħol effettiv tal-membri tal-persunal koperti mill-Artikolu 43(2) tad-DSA u l-proporzjon tal-ħin li ħadmu fuq dawk il-kompiti matul dik is-sena, b’żieda gradwali fir-reklutaġġ mill-ewwel trimestru sar-raba’ trimestru.

(14)

() https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/dsa-whistleblower-tool .

(15)

() Il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali stabbilixxa tmien Gruppi ta’ Ħidma li jappoġġaw il-missjoni tal-Bord: https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/policies/dsa-board-working-groups .

(16)

() Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni), ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj .

(17)

() Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Overview of elements accounted for the estimation of the amount of external assigned revenues stemming from the supervisory fee pursuant to Article 6(1) of Commission Delegated Regulation (EU) 2023/1127”, 27.6.2025 SWD(2025)175 final ( https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/overview-elements-accounted-estimation-amount-external-assigned-revenues-stemming-0 ).