7.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/128


LINJA GWIDA (UE) 2021/565 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Marzu 2021

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2021/10)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jeħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet robusti ta’ riżerva f’għadd kbir ta’ kuntratti u strumenti finanzjarji. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet ta’ riżerva, il-waqfien possibbli fil-futur ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, bħall-Euribor, jista’ jkollu riperkussjonijiet serji għall-funzjonament tas-swieq u, bħala riżultat, għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dawn ir-riperkussjonijiet jistgħu jinkludu l-inabbiltà tal-parteċipanti fis-suq li jivvalutaw il-pożizzjonijiet tal-karta tal-bilanċ, il-frustrazzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ kuntratti, u t-tfixkil f’ċerti swieq — inklużi s-swieq tas-self — li huma importanti għall-politika monetarja tal-Eurosistema. Ir-rati mil-lum għall-għada komposti bl-arretrati huma waħda mill-għażliet alternattivi vijabbli li hija rakkomandata mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-parteċipanti fis-suq jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ tali rati. Il-pubblikazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rati komposti bbażati fuq il-valuri storiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) għalhekk tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni ta’ riskju sistemiku f’xenarji fejn jitwaqqfu l-parametri referenzjarji, filwaqt li tippromwovi użu usa’ tal-€STR u trawwem konsistenza tul l-oqsma tal-muniti ewlenin fl-għażliet alternattivi disponibbli għall-parteċipanti fis-suq.

(2)

Il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE pprovduti fil-Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/19) (2) għandhom jiġu aġġornati sabiex jinkludu l-kalkolu u l-pubblikazzjoni ta’ rati komposti.

(3)

Sabiex jissaħħaħ fiċ-ċarezza tiegħu, il-qafas għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati previst fl-Artikolu 14 tal-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19) għandu jiġi aġġornat.

(4)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 1

Suġġett

1.   Din il-Linja Gwida tirregola r-rata tal-euro fuq terminu qasir u tistabbilixxi r-responsabbilitajiet tal-BĊE għall-amministrazzjoni tagħha u s-sorveljanza tal-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-Linja Gwida tistabbilixxi ukoll il-kompiti u responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-BĊNi fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom ghall-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri oħra ta’ negozju.

2.   Din il-Linja Gwida tirregola wkoll il-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost.

2.

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (15) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(15)

“partijiet interessati” tfisser aġenti li jirrapportaw, utenti tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, utenti tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u/jew utenti tal-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost;’;

(b)

il-punt (24) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(24)

“bidla materjali” tfisser bidla fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, fil-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, jew għar-regoli tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u/jew l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost (inkluża deċiżjoni li titwaqqaf il-pubblikazzjoni ta’ waħda minnhom jew tat-tnejn li huma) li jista’ jkollha impatt fuq l-interessi tal-partijiet interessati;’;

(c)

jiżdied il-punt (28) li ġej:

‘(28)

“rata medja tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta” tfisser rata medja kkalkulata bl-użu biss ta’ valuri storiċi ta’ kuljum tar-rata tal-euro fuq terminu qasir li tapplika r-regoli ta’ kalkolu u pubblikazzjoni ppubblikati mill-BĊE;’;

(d)

jiżdied il-punt (29) li ġej:

‘(29)

“indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost” tfisser indiċi ta’ kuljum li jippermetti l-kalkolu tar-rata medja tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta għal kwalunkwe perijodu ta’ imgħax abbażi tal-valuri ppubblikati għall-indiċi li jikkorrispondi għad-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodu partikolari.’;

3.

jiżdied l-Artikolu 4a li ġej:

‘Artikolu 4a

Kompiti u responsabbiltajiet tal-BĊE fir-rigward tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u/jew l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost

1.   Il-BĊE huwa responsabbli għad-dmirijiet segwenti:

(a)

il-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta għas-sett ta’ maturitajiet li ġejjin: ġimgħa, xahar, tliet xhur, sitt xhur u tnax-il xahar, kif ukoll l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost;

(b)

Il-pubblikazzjoni tar-regoli tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost.

Il-BĊE għandu jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu r-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta għas-sett ta’ maturitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, kif ukoll l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost, sa ħames pożizzjonijiet deċimali għar-rati u sa tmien pożizzjonijiet deċimali għall-indiċi mhux aktar tard mid-9:15 CET f’kull jum ta’ negozju TARGET2, mill-15 ta’ April 2021. Ma għandu jkun hemm l-ebda reviżjoni tal-valuri ppubblikati għar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost wara dak iż-żmien.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-BĊE u l-BĊNi m’għandhomx ikunu responsabbli għall-użu, jew għad-dipendenza fuq, ir-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost minn parti interessata jew parti terza oħra fi kwalunkwe strument finanzjarju, kuntratt, tranżazzjoni jew kwalunkwe attività kummerċjali oħra jew deċiżjoni ta’ investiment. Il-BĊE għandu jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu ċaħda ta’ responsabbiltà tal-BĊE u tal-BĊNi f’dan ir-rigward.’;

4.

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘3.   Minbarra l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jistabbilixxi u jżomm ċerti proċeduri ta’ negozju li jiddeskrivu:

(a)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-BĊE u minn BĊNi biex iwettqu l-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-pubblikazzjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kif ukoll il-proċeduri ta’ wara l-produzzjoni.

(b)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-BĊE għall-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost.’;

5.

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘1.   Il-kompiti u r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 4a u 5 m’għandhomx ikunu esternalizzati lil xi parti terza.’;

6.

fl-Artikolu 8, huwa miżjud il-paragrafu 6 li ġej:

‘6.   Il-kalkolu tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost mill-BĊE għandu jkun soġġett għall-proċeduri ta’ negozju msemmija fl-Artikolu 6(3) u l-proċedura tal-ilmenti stabbilita fl-Artikolu 11.’;

7.

fl-Artikolu 9(5) qed jiżdied il-punt (k) li ġej:

‘(k)

jissorvelja kwalunkwe bidla materjali fir-regoli tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost jew kwalunkwe proposta biex titwaqqaf il-pubblikazzjoni tagħhom’;

8.

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 7 li ġej huwa miżjud:

‘7.   Ilmenti bil-miktub jistgħu wkoll jiġu sottomessi lill-BĊE skont il-paragrafi 1 sa 6 fir-rigward tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tal-BĊE tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost skont l-Artikolu 4a.’

9.

L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 14

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

1.   Il-BĊE għandu jikkonsulta l-partijiet interessati sa fejn dan ikun possibbli jew prattiku qabel kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni ta’ bidla materjali fir-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(b)

l-adozzjoni ta’ politiki jew proċeduri dwar il-waqfien possibbli tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(c)

il-waqfien tal-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u/jew l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost

(d)

bidla materjali fir-regoli tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati medji tar-rata tal-euro fuq terminu qasir komposta u/jew l-indiċi tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kompost.

F’każ bħal dan il-BĊE għandu jippubblika t-tnedija ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni u jagħmilha raġonevolment qabel l-azzjoni proposta.

2.   Skont l- Artikolu 9(5)(d) u (k), il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jirrevedi l-azzjonijiet proposti msemmija fil-paragrafu 1 qabel ma jiġu kkonsultati l-partijiet interessati.’.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊNi).

2.   Il-BĊNi għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April 2021.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016. p. 1).

(2)  Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2019 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19) (ĠU L 199, 26.7.2019, p. 8).