Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan li jista’ jaffettwa sit protett fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit – Kunċett ta’ ‘pjan’”
Fil-Kawża C‑332/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura
Friends of the Irish Environment CLG
vs
Government of Ireland,
Minister for Agriculture, Food and the Marine,
Ireland,
Attorney General
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen, M. Condinanzi u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Friends of the Irish Environment CLG, minn J. Devlin, SC, J. Kenny, BL, u F. Logue, solicitor,
– għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Burke, A. Joyce u J. McCann, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, SC, S. Keniry, BL, u E. Synnott, BL,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Cullen u N. Ruiz García, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-ħabitat”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Friends of the Irish Environment CLG (iktar ’il quddiem “FIE”), organizzazzjoni mhux governattiva attiva fil-qasam tal-ambjent, u l-Government of Ireland (il-Gvern Irlandiż), il-Minister for Agriculture, Food and the Marine (il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Affarijiet Marittimi, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) dwar il-legalità ta’ strateġija governattiva fil-qasam agroalimentari.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar il-ħabitat
3 L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-ħabitat jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”
4 L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:
“3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.
4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.
[...]”
Id-dritt Irlandiż
5 L-Artikolu 2 tal-European Communities (Birds and Natural Habitats) Regulations 2011 (ir-Regolament tal‑2011 adottat fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej (Għasafar u Ħabitats naturali)) jipprevedi:
“[...]
‘pjan’, bla ħsara għall-esklużjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, ta’ kull pjan li huwa pjan għall-użu tal-art fis-sens tal-Planning Acts 2000 sa 2011 (il-Liġijiet dwar l-Ippjanar adottati fl‑2000 sal‑2011), il-pjan jinkludi:
a) kwalunkwe pjan, programm jew skema, kemm jekk regolatorja kif ukoll jekk le, li tistabbilixxi politika pubblika dwar l-użu tal-art u l-iżvilupp tal-infrastruttura f’post jew reġjun speċifikat wieħed jew iktar, inkluż kwalunkwe żvilupp tal-art jew fuq l-art, l-estrazzjoni jew l-isfruttament ta’ riżorsi minerali jew ta’ riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ użu tal-art, li għandhom jitqiesu għall-adozzjoni jew għall-awtorizzazzjoni jew għall-approvazzjoni jew l-għoti ta’ liċenzja, kunsens, permess, deroga jew awtorizzazzjoni oħra, minn awtorità pubblika jew
b) proposta biex jiġi emendat jew estiż pjan jew reġim imsemmi fil-punt (a);
[...]
‘proġett’, bla ħsara għall-esklużjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, ta’ kull proġett ta’ żvilupp li jeħtieġ awtorizzazzjoni għal żvilupp fis-sens tal-Planning and Development Acts 2000 to 2011 (il-Liġijiet dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp adottati mill‑2000 sal‑2011), il-proġett jinkludi
a) żvilupp relatat mal-użu tal-art jew mal-infrastruttura, inkluż kwalunkwe żvilupp tal-art jew fuq l-art,
b) l-estrazzjoni jew l-isfruttament ta’ riżorsi minerali, l-esplorazzjoni ta’ riżorsi minerali, il-qtugħ tal-pit jew l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u
c) kull attività oħra relatata mal-użu tal-art,
li għandhom jitqiesu għall-adozzjoni, l-eżekuzzjoni, l-awtorizzazzjoni jew l-approvazzjoni, inklużi r-reviżjoni, l-eżami mill-ġdid, it-tiġdid jew l-estensjoni tad-data ta’ skadenza ta’ approvazzjonijiet preċedenti, minn awtorità pubblika [...]
[...]”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Fl‑21 ta’ Lulju 2021, il-Gvern Irlandiż adotta deċiżjoni li tapprova l-pubblikazzjoni ta’ strateġija nazzjonali fil-qasam agroalimentari, intitolata “Food Vision 2030” (iktar ’il quddiem il-“FV2030”), imfassla u adottata minn kumitat ta’ partijiet ikkonċernati li jirrappreżenta interessi differenti tas-settur agroalimentari wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Il-FV2030 jagħmel parti minn sensiela ta’ strateġiji deċennali, li kull waħda minnhom ġiet riveduta u ssostitwita f’nofs it-terminu tat-tul tal-ħajja tagħha ppjanata.
7 Il-FV2030 jesponi l-istrateġija li l-Gvern Irlandiż jipproponi li jsegwi fil-qasam agroalimentari u jkopri l-oqsma tal-agrikoltura primarja, tas-sajd u tal-akwakultura, tal-forestrija, tal-ipproċessar u tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel u tax-xorb, kif ukoll tas-settur ekwin. Din l-istrateġija hija strutturata madwar erba’ missjonijiet, jiġifieri s-sostenibbiltà ambjentali, il-produtturi primarji, l-ikel u l-kompetittività. Hija tiddefinixxi, għal kull waħda minn dawn il-missjonijiet, għanijiet fil-mira, li huma stess huma fformulati f’azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw it-twettiq tagħhom.
8 Qabel l-adozzjoni ta’ din l-istrateġija, ġie kkunsidrat, f’rapport preliminari dwar il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li l-FV2030 jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv siti protetti skont id-Direttiva dwar il-ħabitat (iktar ’il quddiem is-“siti protetti”). Dan ir-rapport, imwettaq fuq il-livell tat-territorju Irlandiż kollu, identifika, b’mod ġenerali, il-modi ta’ impatt tad-diversi prattiki agrikoli kif ukoll l-effetti eventwali tagħhom fuq it-tipi ta’ ħabitat u ta’ speċi li għalihom ġew magħżula s-siti protetti li jinsabu fl-Irlanda, mingħajr ma identifika bi preċiżjoni l-effetti fuq siti speċifiċi. Il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall- Affarijiet Marittimi, sussegwentement, iddeċieda, bħala miżura kawtelatorja, li jwettaq evalwazzjoni xierqa sħiħa, li fit-tmiem tagħha madankollu ġie konkluż li l-FV2030 ma jippreġudikax l-integrità tas-siti protetti.
9 FIE adixxiet lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) b’rikors intiż għall-annullament tal-FV2030. Din l-organizzazzjoni sostniet, b’mod partikolari, li l-FV2030 jikkostitwixxi pjan jew proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, b’tali mod li r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni japplikaw għalih. Issa, bi ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-evalwazzjoni mwettqa ma identifikatx, ma kkwantifikatx jew evalwat b’mod suffiċjenti l-effetti eventwali ta’ din il-politika strateġika fuq is-siti protetti, b’tali mod li, skont FIE, il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Affarijiet Marittimi ma setax jikkonkludi li ma kienx hemm effett sinjifikattiv fuq dawn is-siti.
10 Bi tweġiba, il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew li r-rekwiżit li titwettaq evalwazzjoni xierqa, li jinsab fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, ma japplikax għal politika strateġika ta’ livell għoli, bħall-FV2030, peress li tali politika ma tistax tiġi kklassifikata bħala “pjan” jew “proġett” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
11 Barra minn hekk, skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, anki jekk jitqies li tali evalwazzjoni hija meħtieġa, in-natura tal-FV2030, bħala politika strateġika ta’ livell għoli fuq livell nazzjonali, ma tippermettix li jitwettqu analiżi individwalizzati, sit b’sit, tal-eventwali effetti ambjentali tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni mwettqa f’dan il-każ, b’mod kawtelatorju, għandha, fi kwalunkwe każ, titqies li hija “xierqa” u li tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2023, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn FIE minħabba li l-FV2030, bħala politika strateġika fuq livell nazzjonali, ma kienet tirrigwarda ebda sit partikolari. Għaldaqstant, ma kienx possibbli li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-effetti tal-FV2030 fuq sit protett partikolari, b’tali mod li ebda evalwazzjoni xierqa ma setgħet titwettaq fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ tali sit. Fl-assenza ta’ effetti fuq sit speċifikament identifikabbli li jista’ jkun milqut mill-FV2030, evalwazzjoni xierqa ma hija, skont din il-qorti, la prattikabbli u lanqas possibbli.
13 FIE appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tirrileva li fl-Irlanda ma teżisti ebda dispożizzjoni leġiżlattiva, amministrattiva jew regolatorja speċifikament applikabbli għall-adozzjoni ta’ politika strateġika bħall-FV2030. Dan tal-aħħar ġie ppreparat u adottat minn kumitat ta’ partijiet ikkonċernati mingħajr personalità ġuridika jew minn kull status ġuridiku formali ieħor, qabel ma ġie approvat u ppubblikat mill-Gvern Irlandiż.
14 Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li FIE ma identifikat ebda azzjoni speċifika li, meħuda waħedha, hija ta’ natura li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-ambjent jew fuq sit protett partikolari. Madankollu, skont din il-qorti, huwa ġeneralment aċċettat li l-attività agrikola jista’ jkollha effetti diżastrużi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, it-tniġġis tal-ilma u l-effetti tar-ragħa żejda fuq il-bijodiversità. Għalhekk, il-legalità tal-FV2030 hija, essenzjalment, ikkontestata minħabba li dan tal-aħħar huwa intiż li jippreżerva t-trobbija tal-ħaxix fil-qalba tal-istrateġija agroalimentari Irlandiża.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“1) Politika strateġika ta’ livell għoli bħalma hija l-FV2030 tista’ tikkostitwixxi jew titqies li hija ‘pjan jew proġett’ skont it-tifsira tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitat?
F’dan ir-rigward, il-karatteristiċi ewlenin tal-politika huma s-segwenti: ġiet adottata fuq bażi volontarja minn kumitat ta’ partijiet ikkonċernati; hija appoġġjata uffiċjalment minn deċiżjoni tal-gvern; ma tawtorizza jew tillimita l-ebda attività; ma għandha l-ebda effett vinkolanti jew imperattiv fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet downstream, iżda jista’ jkollha xi influwenza fis-sens li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; ma tistabbilixxix kriterji li fuqhom ser jittieħdu deċiżjonijiet li jawtorizzaw żviluppi; ma tistabbilixxix kriterji li fuqhom ser jiġu adottati pjanijiet jew programmi oħra.
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, politika bħalma hija l-FV2030 tista’ tikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jekk ma jkunx fiha miżuri li huma speċifiċi biżżejjed sabiex jippermettu l-kwantifikazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom u jekk ma jkunx possibbli li jiġi identifikat sit speċifiku wieħed jew iktar ta’ Natura 2000 li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni tagħha sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni fid-dawl tal-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit jew tas-siti?
3) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, huwa biżżejjed, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ dik il-politika, li jiġu identifikati b’mod ġenerali r-riskji ambjentali maħluqa mill-attivitajiet li jaqgħu taħt is-settur kopert mill-politika u l-effetti li dawk l-attivitajiet jista’ jkollhom b’mod ġenerali fuq it-tipi ta’ habitats u ta’ speċi protetti f’siti Natura 2000 fl-Irlanda, mingħajr ma jiġu identifikati riskji speċifiċi li jistgħu jaffettwaw siti identifikati individwalment?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
16 Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ “pjan” jew ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dokument li jistabbilixxi politika strateġika fil-qasam agroalimentari li ġie adottat fuq bażi volontarja minn kumitat ta’ partijiet ikkonċernati u sussegwentement ippubblikat mill-gvern ta’ Stat Membru, li ma għandux effetti legali vinkolanti u ma jawtorizza u ma jillimita ebda attività, li ma jistabbilixxix qafas suffiċjentement preċiż li abbażi tiegħu jistgħu jiġu adottati deċiżjonijiet ulterjuri u li lanqas ma jippermetti li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-effetti tal-implimentazzjoni tiegħu fuq is-siti protetti li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni tiegħu.
17 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, kull pjan jew proġett mhux direttament marbut ma’ jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit, iżda li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq dan is-sit, waħdu jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni adegwata tal-effetti li għandu fuq l-imsemmi sit, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-istess sit. It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva tipprovdi li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jaqblu dwar dan il-pjan jew dan il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit u, jekk ikun il-każ, wara li jkunu semgħu l-opinjoni tal-pubbliku.
18 Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dokument ta’ politika strateġika fil-qasam agroalimentari, bħall-FV2030, jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjan”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
19 Peress li la l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tiddefinixxi t-terminu “pjan” u peress li din id-direttiva ma tinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda tali definizzjoni, dan it-terminu jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, dan għandu jiġi interpretat konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintuża fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (sentenza tal‑11 Settembru 2025, Österreichische Zahnärztekammer, C‑115/24, EU:C:2025:694, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, is-sens abitwali tat-terminu “pjan” jirreferi b’mod partikolari għal sensiela ta’ direzzjonijiet, ta’ miżuri jew ta’ azzjonijiet ikkoordinati sabiex jintlaħaq għan partikolari.
21 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-użu, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, tad-determinatur “kollha”, qabel it-terminu “pjan”, jimplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “pjan”, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tkopri l-pjanijiet kollha li ma humiex direttament marbuta ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni ta’ sit protett li jista’ jkollhom effett fuq tali sit, mingħajr ma jkun hemm lok li l-portata tiegħu tiġi ristretta għal ċerti kategoriji formali ta’ atti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2026, Štátny fond rozvoja bývania, C‑188/25, EU:C:2026:555, punt 33).
22 Madankollu, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “pjan” ma timplikax li kull dokument li għandu rabta mal-ambjent jaqa’ awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat.
23 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “pjan” għandu wkoll jitqiegħed fil-kuntest normattiv tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, li jirrigwarda r-rekwiżit li ssir evalwazzjoni xierqa tal-effetti ambjentali ta’ tali pjan. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tissuġġetta dan ir-rekwiżit għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li l-imsemmi pjan jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jkun jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-evalwazzjoni timplika għalhekk li jiġu identifikati, meqjusa u meħuda inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ dan il-pjan fuq l-imsemmi sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, AquaPri, C‑278/21, EU:C:2022:864, punt 49).
24 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-“pjanijiet”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi stadju ta’ riflessjoni amministrattiva preliminari u jkunu jinkludu livell ta’ preċiżjoni fil-pjanifikazzjoni li teħtieġ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑179/06, EU:C:2007:578, punt 41). Għalhekk, l-evalwazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni għandha, bħala prinċipju, ssir malli l-effetti kollha li l-pjan inkwistjoni jista’ jkollu fuq sit protett ikunu suffiċjentement identifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 143).
25 Minn dan jirriżulta li d-dokumenti ta’ valur purament indikattiv ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu kkwalifikati bħala “pjan” għall-finijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens), C‑9/22, EU:C:2023:176, punti 49 u 50).
26 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi li l-applikazzjonijiet għal permess ta’ kostruzzjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-pjanijiet tal-użu tal-art rilevanti, dan id-dritt jimplika neċessarjament li dawn il-pjanijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod kunsiderevoli d-deċiżjonijiet meħuda f’dan il-qasam u, konsegwentement, is-siti kkonċernati, b’tali mod li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punti 55 u 56). Minn dan jirriżulta li miżura li għandha, skont id-dritt nazzjonali, tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ulterjuri f’dan il-qasam, b’tali mod li tista’ tinfluwenza kunsiderevolment lil dawn id-deċiżjonijiet, għandha titqies bħala “pjan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
27 Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “pjan” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat għandha ssir każ b’każ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-valur legali tad-dokument inkwistjoni, il-grad ta’ preċiżjoni tiegħu kif ukoll sa fejn dan jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet ulterjuri meħuda fil-qasam u, konsegwentement, il-konservazzjoni tas-siti kkonċernati.
28 Din l-interpretazzjoni hija koerenti mar-rekwiżiti li, minn naħa, l-evalwazzjoni xierqa li għaliha għandhom ikunu suġġetti l-effetti ta’ pjan fuq is-sit ikkonċernat ma tinkludi ebda lakuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Knocknamona u Massey, C‑27/25 u C‑356/25, EU:C:2026:596, punt 55) u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jinsabu fiha jkunu ta’ natura kompleta, preċiża u definittiva, tali li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti ta’ dan il-pjan fuq is-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, AquaPri, C‑278/21, EU:C:2022:864, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, dokument li ma huwiex ta’ natura obbligatorja, li huwa ta’ natura ġenerali u impreċiża u li ma jistax jinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-konservazzjoni tas-sit jew tas-siti kkonċernati ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni li tissodisfa l-imsemmija rekwiżiti.
29 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, fl-ewwel lok, li ebda dispożizzjoni leġiżlattiva, amministrattiva jew regolamentari nazzjonali ma tipprevedi l-adozzjoni ta’ dokumenti ta’ politika strateġika bħall-FV2030, li ma għandu ebda saħħa legali vinkolanti.
30 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-FV2030 jesponi “viżjoni” strateġika għas-settur agroalimentari. Huwa jistabbilixxi oġġettivi fit-tul u jipprovdi linji gwida ta’ politika maħsuba biex jiggwidaw l-iżvilupp futur ta’ dan is-settur. Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti, il-FV2030 la jawtorizza u lanqas ma jillimita xi attività, u ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet jew il-kriterji li fid-dawl tagħhom jiġu adottati deċiżjonijiet ulterjuri u lanqas dawk li jirregolaw l-adozzjoni ta’ pjanijiet jew proġetti oħra.
31 Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kontenut tal-FV2030 ma jippermettix li jiġu identifikati l-interventi konkreti li jistgħu jaffettwaw sit protett partikolari.
32 Għalhekk, jidher li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi tal-FV2030, evalwazzjoni eventwali tal-effetti ambjentali tagħha jista’ jkollha biss natura ġenerali u astratta, mingħajr ma jkun possibbli li jiġu identifikati bil-preċiżjoni meħtieġa l-effetti tal-implimentazzjoni tagħha fuq sit protett wieħed jew iktar.
33 Barra minn hekk, għalkemm ċertament ma huwiex eskluż li dan id-dokument jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi meta jiddeterminaw l-azzjonijiet tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li ma jidhirx li huwa ta’ natura li jissodisfa l-kriterji indikati fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-istrateġija ta’ żvilupp tas-settur agroalimentari promossa mill-FV2030 hija bbażata fuq it-“trobbija tal-annimali bir-regħi”, li, ikkunsidrata globalment bħala attività li tista’ tiġi eżerċitata fil-livell tat-territorju nazzjonali, jista’ jkollha effetti fuq l-ambjent, ma huwiex biżżejjed sabiex tali strateġija tiġi kklassifikata bħala “pjan”.
35 Għandu jingħad ukoll li strateġija nazzjonali, bħall-FV 2030, lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata bħala “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minkejja li l-kunċett ta’ “proġett” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jimplikax neċessarjament l-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, ta’ interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit jew inkella interventi fl-ambjent naturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 63), dan il-kunċett ma jistax fi kwalunkwe każ jirreferi għal dokument ġenerali u nieqes minn kwalunkwe valur legali, bħall-FV2030.
36 Madankollu, huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li għandhom jiżguraw li l-pjanijiet jew il-proġetti iktar speċifiċi eventwalment adottati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FV2030 ikunu suġġetti, hekk kif jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa u, b’mod partikolari, li l-effetti kollha li jista’ jkollhom fuq sit protett ikunu suffiċjentement identifikabbli, għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-siti protetti.
37 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċetti ta’ “pjan” jew ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dokument li jistabbilixxi politika strateġika fil-qasam agroalimentari li ġie adottat fuq bażi volontarja minn kumitat ta’ partijiet ikkonċernati u sussegwentement ippubblikat mill-gvern ta’ Stat Membru, li ma għandux effetti legali vinkolanti u ma jawtorizza u ma jillimita ebda attività, li ma jistabbilixxix qafas suffiċjentement preċiż li abbażi tiegħu jistgħu jiġu adottati deċiżjonijiet ulterjuri u li lanqas ma jippermetti li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-effetti tal-implimentazzjoni tiegħu fuq is-siti protetti li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni tiegħu.
Fuq it-tielet domanda
38 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jaqax taħt il-kunċetti ta’ “pjan” jew ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dokument li jistabbilixxi politika strateġika fil-qasam agroalimentari li ġie adottat fuq bażi volontarja minn kumitat ta’ partijiet ikkonċernati u sussegwentement ippubblikat mill-gvern ta’ Stat Membru, li ma għandux effetti legali vinkolanti u ma jawtorizza u ma jillimita ebda attività, li ma jistabbilixxix qafas suffiċjentement preċiż li abbażi tiegħu jistgħu jiġu adottati deċiżjonijiet ulterjuri u li lanqas ma jippermetti li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-effetti tal-implimentazzjoni tiegħu fuq is-siti protetti li jistgħu jiġu affettwati mill-implemintazzjoni tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.