DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Novembru 2016 ( *1 )
“Klawżola ta’ arbitraġġ — Persunal tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Talba għad-danni — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni — Inammissibbiltà manifesta”
Fil-Kawża T‑602/15,
Liam Jenkinson, residenti f’Killarney (l-Irlanda), irrappreżentat minn N. de Montigny u J.‑N. Louis, avukati,
rikorrent,
vs
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u M. Bishop, bħala aġenti,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u S. Bartelt, bħala aġenti,
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt, É. Chaboureau u G. Pasqualetti, bħala aġenti,
u
Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (Kosovo), irrappreżentata minn D. Fouquet u E. Raoult, avukati,
konvenuti,
li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE intiża, minn naħa, sabiex ir-relazzjoni kuntrattwali tar-rikorrent tiġi kklassifikata mill-ġdid f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li ġarrab ir-rikorrent minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat u tkeċċija inġusta u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddikjarat li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ittrattaw lir-rikorrent b’ mod diskriminatorju u sabiex konsegwentement jiġu kkundannati għall-kumpens u, sussidjarjament, talba bbażata fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-istituzzjonijiet Ewropej,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrent, Liam Jenkinson, ċittadin Irlandiż, qabelxejn kien impjegat mill-20 ta’ Awwissu 1994 sal-5 ta’ Ġunju 2002, permezz ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat (KŻD), mill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea, li nħolqot permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2000/811/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, L 328, p. 53). |
|
2 |
Sussegwentement, huwa kien impjegat bejn is-17 ta’ Ġunju 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2009, permezz ta’ sensiela ta’ KŻD, mill-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea, li nħolqot permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/210/PESK, tal-11 ta’ Marzu 2002, fuq il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278). |
|
3 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent kien impjegat mill-Missjoni Eulex Kosovo, mill-5 ta’ April 2010 sal-14 ta’ Novembru 2014, permezz ta’ ħdax il-KŻD suċċessivi. Il-Missjoni Eulex Kosovo nħolqot permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, tal-4 ta’ Frar 2008, dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (ĠU 2008, L 42, p. 92). L-Azzjoni Konġunta ġiet estiża diversi drabi. Hija ġiet estiża sal-14 ta’ Ġunju 2016 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK, tat-12 ta’ Ġunju 2014, li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2014, L 174, p. 42), li hija applikabbli għall-fatti f’dan il-każ. |
|
4 |
Fl-aħħar nett, l-Azzjoni Konġunta ġiet estiża sal-14 ta’ Ġunju 2018 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/947/PESK, tal-14 ta’ Ġunju 2016, li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2016, L 157, p. 26). |
|
5 |
Matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jkopri l-perijodu mill-15 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent ġie informat permezz ta’ ittra tal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo tas-26 ta’ Ġunju 2014 bit-tmiem tal-missjoni tiegħu u bin-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu wara l-14 ta’ Novembru 2014. |
|
6 |
KŻD aħħari ġie konkluż bejn Eulex Kosovo u r-rikorrent għall-perijodu mill-15 ta’ Ottubru sal-14 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“aħħar KŻD”) u ma ġġeddidx. Dan l-aħħar KŻD, fl-Artikolu 21, jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, għal kull tilwima relatata mal-kuntratt. |
Proċedura
|
7 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. |
|
8 |
Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2016, fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea, fit-3 ta’ Mejju 2016, fir-rigward ta’ Eulex Kosovo, fl-4 ta’ Mejju 2016, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-konvenuti qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
9 |
Fis-27 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. |
It-talbiet tal-partijiet
|
10 |
Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
12 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
13 |
Is-SEAE titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
Eulex Kosovo titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
15 |
Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
16 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
Fuq il-kapijiet tat-talbiet ifformulati prinċipalment
|
17 |
Fl-ewwel parti tal-kapijiet tat-talbiet mqajma prinċipalment, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikklassifika mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali tiegħu f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tikkonstata l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, b’mod partikolari, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż fil-kuntest ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, tikkonstata li t-tkeċċija tiegħu kienet abbużiva u, konsegwentement, tikkundannahom iħallsuh kumpens għad-dannu subit minħabba l-użu abbużiv ta’ KŻD suċċessivi, minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż u minħabba tkeċċija abbużiva. |
|
18 |
Fit-tieni parti tal-kapijiet tat-talbiet mqajma prinċipalment, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ttrattawh b’mod diskriminatorju matul il-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan il-missjonijiet fir-rigward tar-remunerazzjoni tiegħu, id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u benefiċċji oħrajn, tikkonstata li huwa kellu jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju ta’ wieħed minnhom u, konsegwentement, tikkundannahom għall-ħlas ta’ kumpens. |
|
19 |
Fl-eċċezzjonijiet tagħhom ta’ inammissibbiltà, minn naħa, il-konvenuti jsostnu li l-kuntratti ta’ xogħol preċedenti tar-rikorrent fihom klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell (il-Belġju) għat-tilwimiet marbuta ma’ dawn il-kuntratti u li l-Qorti Ġenerali għalhekk ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-effetti marbuta ma’ dawn il-kuntratti. Min-naħa l-oħra, kull wieħed mill-konvenuti jsostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa indirizzat lilu. |
|
20 |
Il-kompetenzi tal-Qorti Ġenerali huma dawk enumerati fl-Artikolu 256 TFUE kif speċifikat fl-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, dwar it-tilwimiet ta’ natura kuntrattwali li jitressqu quddiemha bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Fin-nuqqas ta’ tali klawżola, hija tkun qiegħda testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti imposti fuqha b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 274 TFUE fir-rigward tat-tilwimiet li hija tista’ tieħu konjizzjoni tagħhom, peress li din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni ordinarja sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwimiet li fihom l-Unjoni hija parti (digrieti tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, T‑186/96, EU:T:1997:149, punt 47, u tat-30 ta’ Settembru 2014, Bitiqi et vs Il‑Kummissjoni, T‑410/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:871, punt 26). |
|
21 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kuntratti ta’ xogħol kollha preċedenti konklużi bejn il-missjonijiet u r-rikorrent fihom klawżola li tipprevedi espressament li t-tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li jkunu relatati ma’, dawn il-kuntratti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell. |
|
22 |
Huwa biss l-aħħar KŻD li jipprevedi espressament, fl-Artikolu 21, li t-tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li jkunu relatati ma’, dan il-kuntratt jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 272 TFUE. |
|
23 |
Minn dan jirriżulta li, peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biss f’dak li jirrigwarda l-aħħar KŻD skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li fih. Il-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi tilwimiet li jistgħu jitnisslu mill-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent preċedenti għall-aħħar KŻD li espressament jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani u, għaldaqstant, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ dawn il-kuntratti. |
|
24 |
Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tinsab fl-aħħar KŻD tirrendi l-klawżoli fil-kuntratti preċedenti li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani ineffettivi. |
|
25 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li, peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 272 TFUE tidderoga mid-dritt ordinarju, hija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:T:1986:501, punt 11). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar tilwima kuntrattwali biss fil-każ tal-espressjoni tal-volontà tal-partijiet li jattribwixxulha din il-ġurisdizzjoni (is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il‑Kummissjoni, T‑29/11, EU:T:2014:912, punt 50; ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, T‑186/96, EU:T:1997:149, punt 46). |
|
26 |
Il-portata tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija espressament limitata għat-tilwimiet relatati mal-aħħar KŻD u ma tistax testendi għall-kuntratti preċedenti li jipprevedu l-ġurisdizzjoni ta’ qrati oħrajn. |
|
27 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrent volontarjament ikkonkluda l-kuntratti ta’ xogħol mal-missjonijiet fit-termini li ġew proposti lilu. Konformement mal-Artikolu 1 tal-imsemmija kuntratti, huwa espressament aċċetta l-kundizzjonijiet u l-prinċipji hemm iddikjarati, inklużi r-rimedji ġudizzjarji previsti u l-klawżoli li espressament jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani. |
|
28 |
Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Eulex Kosovo li ssostni l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dan l-aħħar kuntratt tirriżulta minn żball amministrattiv u li r-rikorrent, billi rrikonoxxa l-irċevuta tal-ittra tal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo tas-26 ta’ Ġunju 2014, li tinformah li l-kuntratt tiegħu ma huwiex ser jiġġedded wara l-14 ta’ Novembru 2014, impliċitament irrikonoxxa l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell. |
|
29 |
Fil-fatt, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Eulex Kosovo hija parti fl-aħħar KŻD fil-kwalità tal-persuna li timpjega u li l-klawżola ta’ arbitraġġ għalhekk tista’ tiġi invokata mir-rikorrent fil-konfront tagħha, anki jekk din l-istess klawżola tirriżulta minn żball amministrattiv. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt tar-rikonoxximent tal-irċevuta ta’ ittra li tinforma lir-rikorrent bin-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu wara l-14 ta’ Novembru 2014 ma jistax ibiddel il-kontenut tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fl-aħħar KŻD iffirmat wara din l-ittra. |
|
30 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li huma biss il-partijiet f’kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li jistgħu jkunu partijiet fl-azzjoni ppreżentata abbażi tal-Artikolu 272 TFUE (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, T‑259/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:536, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Fir-rigward tal-aħħar KŻD, kif jirrikonoxxi r-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li dan il-kuntratt kien iffirmat bejn ir-rikorrent u Eulex Kosovo fil-kwalità tal-persuna li timpjega. |
|
32 |
Id-Deċiżjoni 2014/349 emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/124 billi introduċiet l-Artikolu 15a li ġej: “Il-Eulex Kosovo għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u li tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din l-Azzjoni Konġunta.” |
|
33 |
Id-Deċiżjoni 2014/349 introduċiet ukoll l-Artikolu 16(5) li jipprevedi dan li ġej: “Il-Eulex Kosovo għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-15 ta’ Ġunju 2014, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni relatata ma’ kondotta serjament skorretta mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha l-Kap tal-Missjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà.” |
|
34 |
L-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, applikabbli mit-12 ta’ Ġunju 2014, data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, introduċa l-kapaċità ta’ Eulex Kosovo li tikkonkludi kuntratti u li tkun parti fi proċeduri legali, u għalhekk li taha kapaċità ġuridika. |
|
35 |
Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kuntratti ta’ xogħol preċedenti kienu konklużi bejn ir-rikorrent u l-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo, l-aħħar KŻD kien konkluż, fil-15 ta’ Ottubru 2014, bejn ir-rikorrent u Eulex Kosovo fil-kwalità tal-persuna li timpjega. Dan l-aħħar KŻD jirreferi espressament għall-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. |
|
36 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Eulex Kosovo fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, wara l-emendi introdotti mid-Deċiżjoni 2014/349, hija għandha personalità ġuridika u tista’ tkun konvenuta fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, Eulex Kosovo tiżbalja meta tibbaża ruħha, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, fuq id-digrieti tal-4 ta’ Ġunju 2013, Elitaliana vs Eulex Kosovo (T‑213/12, EU:T:2013:292), u tat-23 ta’ April 2015, Chatzianagnostou vs Il‑Kunsill et (T‑383/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:246), kif ukoll fuq is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753), sabiex issostni li hija ma għandhiex il-kapaċità li tkun konvenuta fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-kawżi ma humiex rilevanti peress li, minn naħa, huma kienu jirrigwardaw fatti preċedenti għall-emenda tal-istatus ta’ Eulex Kosovo introdotta permezz tad-Deċiżjoni 2014/349 u, min-naħa l-oħra, kienu jirrigwardaw rikorsi għal annullament ippreżentati abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, huwa biżżejjed li l-kuntratt li fih il-klawżola tal-arbitraġġ kien iffirmat minn Eulex Kosovo “f’isem l-Unjoni” u ma huwiex neċessarju, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, li għandha tkun “korp jew organu tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
38 |
Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, biss fir-rigward tal-aħħar KŻD konkluż bejn ir-rikorrent u l-Eulex Kosovo. |
|
39 |
L-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel parti tal-kapijiet tat-talbiet imqajma prinċipalment. Peress li l-ewwel kap tat-talbiet huwa intiż għall-klassifikazzjoni mill-ġdid f’kuntratt għal żmien indeterminat tal-assjem tar-relazzjoni kuntrattwali tar-rikorrent mad-diversi missjonijiet li kienu l-persuni li jimpjegaw suċċessivi tiegħu, dan jippreżupponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-kuntratti ta’ xogħol preċedenti konklużi bejn dawn il-missjonijiet u r-rikorrent, li jikkonferixxu espressament ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani. Peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija limitata għall-aħħar KŻD, dan il-fatt ma jippermettilhiex tiddeċiedi fuq dan il-kap tat-talbiet. Il-Qorti Ġenerali ukoll manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tat-talbiet anċillari intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-konvenuti kisru l-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u li t-tkeċċija tiegħu kienet abbużiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ukoll manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet għal kumpens anċillari għal dawn it-talbiet, intiżi għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-użu abbużiv ta’ KŻD suċċessivi, mill-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż u minn tkeċċija abbużiva. |
|
40 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni parti tal-kapijiet tat-talbiet imqajma prinċipalment, sa fejn huma intiżi sabiex jiġi ddikjarat li s-SEAE, il-Kunsill u l-Kummissjoni ttrattaw lir-rikorrent b’mod diskriminatorju fil-kuntest tal-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan il-missjonijiet, f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni, id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u benefiċċji oħra, li messu ġie rreklutat fil-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju minn wieħed minnhom u sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li jirriżultaw minn dan. Fil-fatt, dawn il-kapijiet tat-talbiet huma diretti kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE, li ma humiex partijiet fl-aħħar KŻD, u għalhekk jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali preċedenti li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tagħhom. |
|
41 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent dwar allegat ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv fil-każ fejn ir-rikors tiegħu jiġi ddikjarat inammissibbli, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jidher li qed isostni r-rikorrent, il-fatt li l-qrati Belġjani ma għandhomx ġurisdizzjoni fir-rigward tal-aħħar KŻD ma jistax ikollu l-konsegwenza li huma ma għandhomx iktar ġurisdizzjoni fir-rigward tat-tilwimiet marbuta mal-kuntratti ta’ xogħol preċedenti konklużi bejn ir-rikorrent u l-missjonijiet. In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-kapijiet tat-talbiet mqajma prinċipalment sa fejn huma intiżi sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-kuntratti preċedenti għall-aħħar KŻD ma għandux effett li jċaħħad lir-rikorrent mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, għaliex huwa għandu l-possibbiltà li jadixxi l-qorti nazzjonali li lilha jagħtu ġurisdizzjoni l-klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi f’dawn il-kuntratti. |
Fuq il-kapijiet tat-talbiet ifformulati sussidjarjament
|
42 |
Sussidjarjament, ir-rikorrent jippreżenta talba għad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-“istituzzjonijiet Ewropej”. Huwa jsostni li l-konvenuti, fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali li imponew fuqu, kisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza amministrattiva u d-dmir ta’ premura, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-individwi u l-Kodiċi Ewropew ta’ kondotta amministrattiva tajba. Huwa jsostni li, jekk ir-rikors prinċipali kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew infondat, dan juri ksur mill-konvenuti ta’ dawn il-prinċipji, peress li r-rikorrent isib ruħu fl-impossibbiltà li jiddetermina għal liema drittijiet kienu suġġetti dawn il-kuntratti, f’liema termini ta’ żmien u sa fejn setgħu jiġu invokati dawn id-drittijiet jew il-ksur tagħhom. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors tiegħu prinċipali bħala inammissibbli jew infondat tikkawżalu dannu li huwa jistma fl-ammont ta’ EUR 150000. |
|
43 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li dan ir-rikors huwa bbażat biss fuq l-Artikolu 272 TFUE. Madankollu, ir-rikorrent isostni li huwa jikkontesta espliċitament ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti, fil-każ fejn il-kapijiet tat-talbiet prinċipali tiegħu li jikkontestaw ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-konvenuti jiġu miċħuda. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rikors għad-danni huwa rimedju ġudizzjarju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tar-rimedji ġudizzjarji. Huwa għandu bħala suġġett talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn att jew imġiba illegali imputabbli lil istituzzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, EU:T:2009:530, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Ma jistax jiġi eskluż li r-responsabbiltajiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jeżistu flimkien fir-rigward ta’ wieħed mill-kontraenti tagħha. |
|
46 |
F’dan il-każ, fit-talba għad-danni fformulata sussidjarjament, ir-rikorrent ma jsostnix ksur ta’ obbligi kuntrattwali u lanqas tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali, iżda ksur ta’ prinċipji li japplikaw għall-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet amministrattivi tagħhom. Din it-talba sussidjarja hija intiża sabiex tikkontesta ir-responsabbiltà tal-konvenuti fil-kwalità tagħhom ta’ awtoritajiet amministrattivi u mhux ta’ kokontraenti. |
|
47 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm ir-rikorrent ma jsemmix espliċitament l-Artikolu 268 TFUE u lanqas l-Artikolu 340 TFUE bħala l-bażi tat-talba tiegħu għad-danni fformulata sussidjarjament, din tal-aħħar hija intiża sabiex tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti. |
|
48 |
Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies li huwa ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar partikolari, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, rikors għall-kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-imġiba li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu li huwa jallega li sostna kif ukoll in-natura u l-portata tad-dannu (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal-5 ta’ Ottubru 2015, Grigoriadis et vs Il‑Parlament et, T‑413/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:786, punt 30). |
|
49 |
F’dan il-każ, ir-rikors, anki kkunsidrat fl-assjem tiegħu, ma jippermettix li tiġi identifikata, bil-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ, l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur allegatament imwettaq mill-konvenuti u d-dannu invokat mir-rikorrent li jirriżulta miċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-kapijiet tat-talbiet tiegħu fformulati prinċipalment. |
|
50 |
Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent jallega li l-konvenuti kisru ċerti prinċipji imposti fuqhom fil-kwalità tagħhom ta’ awtorità amministrattiva u, min-naħa l-oħra, huwa jillimita ruħu li jinvoka l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta miċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-kapijiet tat-talbiet tiegħu fformulati prinċipalment. Il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem kif id-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-kapijiet tat-talbiet ifformulati prinċipalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni jista’ jkollha bħala oriġini l-imġiba tal-konvenuti. |
|
51 |
Minn dan isegwi li t-talbiet ifformulati sussidjarjament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u huma, għaldaqstant, inammissibbli. |
|
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud parzjalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni u parzjalment peress li huwa manifestament inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mis-SEAE u mill-Eulex Kosovo. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla) tordna: |
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu fid-9 ta’ Novembru 2016. |
|
Reġistratur E. Coulon Il-President H. Kanninen |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.