SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
11 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi ta’ investiment – Prinċipji ġenerali – Artikolu 34(1)(a) u (b) – Rikapitalizzazzjoni interna – Deprezzament tal-istrumenti kapitali – Effetti – Artikolu 53(1) u (3) – Il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) – Protezzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri – Akkwist ta’ strumenti kapitali – Informazzjoni difettuża u żbaljata pprovduta fil-prospett li għandu jiġi ppubblikat, b’mod partikolari, meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku – Azzjoni għan-nullità tal-kuntratt ta’ akkwist tal-istrumenti kapitali – Azzjoni għad-danni – Azzjonijiet imressqa qabel l-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni”
Fil-Kawża C‑687/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
D.E.
vs
Banco Santander SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Banco Santander SA, minn C. García Vega, J. M. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, J. Margarido u A. Rodrigues, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, P. Němečková u D. Triantafyllou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1)(a), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn D.E. u Banco Santander SA, fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur ta’ Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”), dwar azzjonijiet għal nullità u għad-danni li D.E. ressaq minħabba informazzjoni difettuża u żbaljata li kienet ġiet ipprovduta lilu fil-prospett li għandu jiġi ppubblikat, b’mod partikolari, meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku, fil-mument li fih akkwista strumenti kapitali, sussegwentement ikkonvertiti f’azzjonijiet ta’ Banco Popular. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2004/39/KE
|
3 |
Il-premessi 31, 44 u 46 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), kienu fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “Il-Kondotta ta’ l-obbligi tal-kummerċ meta jiġu pprovvduti servizzi ta’ investiment lill-klijenti”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. It-tagħrif kollu, inklużi l-komunikazzjonijiet ta’ promozzjoni, li d-ditta ta’ investiment tibgħat lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali, għandu jkun ġust, ċar u ma jqarraqx. Il-komunikazzjonijiet dwar il-marketing għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati biċ-ċar bħala ta’ hekk. 3. Għandu jiġi pprovvdut tagħrif approprjat f’għamla komprensibbli lill-kljienti jew il-klijenti potenzali dwar:
sabiex ikunu kapaċi b’mod raġjonevoli li jifhmu n-natura u r-riskji tas-servizz ta’ l-investiment u tat-tip speċifiku ta’ l-istrument finanzjarju li jkun qiegħed jiġi offrut u, b’konsegwenza ta’ dan, sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi informat. Dan it-tagħrif jista’ jiġi pprovvdut f’format standardizzat.” |
Id-Direttiva 2014/59
|
5 |
Il-premessi 45, 49 u 120 tad-Direttiva 2014/59 jaqraw kif ġej:
[…]
[…]
|
|
6 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri relatati mal-irkupru u r-riżoluzzjoni, tal-entitajiet segwenti: […]
[…]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva: “Għall-finijiet ta’ din il-Direttiva japplikaw id-definizzjonjiet li ġejjin: […] (57) ‘għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna’ tfisser il-mekkaniżmu biex jiġi effettwat l-eżerċizzju minn awtorità tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 37 tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva [deprezzament] u l-konverżjoni fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet [passiv] istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 43; […]” |
|
8 |
L-Artikolu 34 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Valwazzjoni [Valutazzjoni] għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi: “1. Qabel ma jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew jeżerċitaw is-setgħa tal-valwazzjoni negattiva jew tal-konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi [attiv] u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) minn persuna indipendenti minn ta’ awtorità pubblika, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1). Soġġett għall-paragrafu 13 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 85, fejn ir-rekwiżiti kollha stipulati f’dan l-Artikolu jkunu sodisfatti, il-valwazzjoni għandha titqies bħala definittiva. 2. Fejn valwazzjoni indipendenti skont il-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jwettqu valwazzjoni proviżorja tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu. 3. L-objettiv tal-valwazzjoni għandu jkun li jiġi vvalutat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) li tissodisfa l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tal-Artikoli 32 u 33. […] 6. Il-valwazzjoni għandha tiġi ssupplimentata bl-informazzjoni li ġejja kif tidher fil-kotba u r-rekords ta’ kontabbiltà tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1):
[…] 9. Fejn, minħabba l-urġenza taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma tkunx possibbli konformità mar-rekwiżiti fil-paragrafi 6 u 8, jew ikun japplika l-paragrafu 2, għandha titwettaq valwazzjoni provviżorja. Il-valutazzjoni proviżorja għandha tikkonforma mar-rekwiżiti fil-paragrafu 3 u sa fejn hu prattikabbli fiċ-ċirkostanzi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1,63 [6] u 8. Il-valwazzjoni proviżorja msemmija f’dan il-paragrafu għandha tinkludi riżerva għal telf addizzjonali, b’ġustifikazzjoni adatta.” |
|
10 |
L-Artikolu 48 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sekwenza ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta japplikaw l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni, soġġett għal kwalunkwe esklużjoni taħt l-Artikolu 44(2) u (3), filwaqt li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 53 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Effett tar-rikapitalizzazzjoni interna”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita setgħa msemmija fl-Artikolu 59(2) u fil-punti (e) sa (i) tal-Artikolu 63(1), it-tnaqqis fil-kapital jew fl-ammont pendenti dovut, il-konverżjoni jew il-kanċellazzjoni jidħlu fis-seħħ u jkunu immedjatament vinkolanti fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u l-kredituri u l-azzjonisti affettwati. […] 3. Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont kapitali prinċipali ta’, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward ta’ obbligazzjoni permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 63(1), dik l-obbligazzjoni u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li tirriżulta f’relazzjoni magħha li mhumiex dovuti fil-mument meta tiġi eżerċitata s-setgħa għandhom jiġu ttrattati bħala mħallsa għal għanijiet kollha, u ma għandhomx ikun jistgħu jiġu ppruvati fi kwalunkwe proċedura sussegwenti fir-rigward l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe entità suċċessur fi kwalunkwe stralċ sussegwenti. 4. Meta awtorità tar-riżoluzzjoni tkun naqqset parzjalment, imma mhux għal kollox, l-ammont kapitali ta’, jew l-ammont pagabbli pendenti fir-rigward ta’ obbligazzjoni permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 63(1):
|
|
12 |
L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet li jirregolaw il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fl-osservanza tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 59, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni skont il-prijorità tal-pretensjonijiet taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, b’mod li jipproduċi r-riżultati li ġejjin:
2. Meta l-ammont prinċipali ta’ strument kapitali rilevanti jiġi valwat negattivament: […]
[…] 3. Biex issir konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jeħtieġu lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) joħorġu strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni lid-detenturi tal-istrumenti kapitali rilevanti. […] […]” |
Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
|
13 |
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni adotta fid-deċiżjoni tiegħu SRB/EES/2017/08 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, approvata mill-Kummissjoni Ewropea fid-Deċiżjoni tagħha (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 (ĠU 2017, L 178, p. 15). |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
Fit‑3 ta’ Ottubru 2009, D.E., bħala d-direttur uniku ta’ Lera Blava SLU, issottoskriva għal bonds subordinati konvertibbli f’bonds subordinati maħruġa minn Banco Popular. |
|
15 |
Fix-xahar ta’ Mejju 2012, dawn il-bonds ġew ikkonvertiti minn D.E., li kien qiegħed jaġixxi f’isem Lera Blava, f’bonds subordinati oħra konvertibbli b’mod obbligatorju. |
|
16 |
Fl‑14 ta’ Jannar 2013, bħala ħlas ta’ pagi mhux imħallsa, Lera Blava ttrasferixxiet lil D.E. il-proprjetà ta’ dawn il-bonds. Banco Popular awtorizza dan it-trasferiment ta’ proprjetà fit‑22 ta’ Frar 2013. |
|
17 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2015, l-imsemmija bonds ġew ikkonvertiti b’mod obbligatorju f’azzjonijiet ta’ Banco Popular. |
|
18 |
Fix-xahar ta’ Ottubru 2016, D.E. ippreżenta, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Spanja), rikors kontra Banco Popular intiż li tiġi kkonstatata n-nullità tal-akkwist tal-bonds subordinati konvertibbli minħabba żball li jivvizzja l-kunsens tiegħu u li jinkiseb ir-rimbors tas-somma inizjalment investita għall-akkwist ta’ dawn il-bonds, flimkien mal-interessi legali b’effett minn dan l-akkwist. Sussidjarjament, huwa talab kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa ta’ Banco Popular, tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, waqt il-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija bonds matul is-sena 2009 u l-konverżjoni sussegwenti tagħhom fl‑2012. |
|
19 |
Il-Juzgado de Primera Instancia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) laqgħet dan ir-rikors u kkonstatat in-nullità tas-sottoskrizzjoni tal-bonds subordinati konvertibbli b’mod obbligatorju. |
|
20 |
Banco Popular appella mis-sentenza ta’ dik il-qorti quddiem l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja), li laqgħet l-appell minħabba li D.E. ma kellux locus standi. |
|
21 |
D.E. ippreżenta appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza mogħtija fl-appell quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Quddiem dik il-qorti, huwa sostna li l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) kienet żbaljat meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-locus standi tiegħu, meta, fil-fehma tiegħu, it-trasferiment tal-proprjetà tal-bonds ta’ Lera Blava lid-direttur u lill-azzjonist uniku tagħha kien wieħed validu. |
|
22 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, li ġiet approvata mill-Kummissjoni fl-istess jum. |
|
23 |
Din l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet implimentata permezz ta’ deċiżjoni, adottata wkoll fis‑7 ta’ Ġunju 2017, tal-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“FROB”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, dan tal-aħħar, b’mod partikolari, naqqas għal żero l-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular billi naqqas l-azzjonijiet kollha f’din tal-aħħar li kienu fiċ-ċirkulazzjoni. Kaġun tal-imsemmija deċiżjoni, D.E. ma baqax id-detentur tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular li huwa kien kiseb wara l-konverżjoni tal-bonds sottoskritti u dan mingħajr ma rċieva ebda korrispettiv. |
|
24 |
Barra minn hekk, il-FROB iddeċieda li jikkonverti l-istrumenti kapitali tal-Kategorija 2 ta’ Banco Popular u li jittrasferixxi lil Banco Santander l-azzjonijiet il-ġodda maħruġa wara din il-konverżjoni, mingħajr il-kunsens tad-detenturi preċedenti ta’ dawn l-istrumenti. |
|
25 |
Matul is-sena 2018, Banco Santander saret is-suċċessur universali ta’ Banco Popular, permezz ta’ għaqda b’akkwist ta’ dan il-bank tal-aħħar li l-personalità ġuridika tiegħu ġiet fi tmiemha. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li jeżisti, fi Spanja, numru kbir ta’ kawżi li fihom ix-xerrejja ta’ diversi strumenti kapitali ta’ Banco Popular ressqu azzjonijiet għan-nullità tal-kuntratti ta’ akkwist ta’ dawn l-istrumenti, għall-ħlas lura tal-prezz imħallas għal dan l-akkwist u/jew azzjonijiet għad-danni minħabba informazzjoni fil-prospett li għandu jiġi ppubblikat, b’mod partikolari, meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ. |
|
27 |
Fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, iktar ’il quddiem is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), EU:C:2022:351), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 34(1)(a), l-Artikolu 53(1) u (3), kif ukoll il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59 jipprekludu li, wara d-deprezzament totali tal-azzjonijiet ordnata fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni bankarja, azzjonijiet għad-danni minħabba informazzjoni fil-prospett li għandu jiġi ppubblikat, b’mod partikolari, meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku, u azzjonijiet għan-nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet ikunu jistgħu jitressqu kontra din l-istituzzjoni jew kontra s-suċċessur legali tagħha. |
|
28 |
Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għad għandha d-dubji tagħha dwar il-portata tal-projbizzjoni ta’ kull azzjoni għad-danni jew għal nullità li tirriżulta, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, minn miżura ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), l-azzjonijiet għad-danni u l-azzjonijiet għan-nullità kienu jikkonċernaw kuntratti ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet ta’ Banco Popular. Mill-banda l-oħra, fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II) (C‑775/22, C‑779/22 u C‑794/22, iktar ’il quddiem is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), EU:C:2024:679), kienu inkwistjoni kuntratti ta’ sottoskrizzjoni ta’ bonds subordinati kkonvertiti f’azzjonijiet ta’ Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni ta’ dan il-bank. |
|
29 |
Peress li l-bonds konvertibbli inkwistjoni fit-tilwima li tressqet quddiemha ġew ikkonvertiti wkoll f’azzjonijiet ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dan il-bank, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk D.E. jistax jinvoka kreditu “dovut” fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, fil-kuntest ta’ din it-tilwima. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, hija tippreċiża, minn naħa, li, fid-dritt Spanjol, it-terminu “dovut” jindika l-mument li fih jitnissel id-dritt li tintalab l-eżekuzzjoni ta’ obbligu, filwaqt li t-terminu “data ta’ maturità” jirreferi għal tmiem il-perijodu stipulat għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu, li hekk kif jiskadi, dan tal-aħħar isir dovut. Issa, il-bonds konvertibbli inkwistjoni fit-tilwima li tressqet quddiemha allegatament immaturaw fl-istess jum tal-konverżjoni tagħhom f’azzjonijiet u, għaldaqstant, qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għal eventwali danni fis-sottoskrizzjoni ta’ dawn il-bonds ma hijiex ta’ natura kostituttiva, iżda tikkonstata l-eżistenza ta’ din ir-responsabbiltà u tikkwantifika d-danni dovuti f’dan ir-rigward. Jekk l-obbligu ta’ kumpens li jirriżulta jikkostitwixxi “kreditu kontinġenti” sal-konstatazzjoni definittiva tiegħu b’mod ġudizzjarju, dan għandu jitqies ukoll, anki qabel din il-konstatazzjoni, bħala kreditu dovut. |
|
31 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kawża li għandha quddiemha hija differenti mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza minħabba l-fatt li D.E. ressaq l-azzjoni għan-nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni tal-bonds konvertibbli u l-azzjoni għad-danni qabel ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
33 |
Banco Santander issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minħabba li din tal-aħħar tressqet mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), u dan mingħajr ma din tal-aħħar ikkjarifikat minn qabel il-kwistjoni tad-dritt nazzjonali dwar il-locus standi ta’ D.E. Kemm‑il darba dan tal-aħħar ma għandux il-kwalità sabiex iressaq, f’ismu stess, azzjoni kontra Banco Popular, l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 tkun irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun ovvju li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti jew mal-iskop tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, ONB et, C‑575/23, EU:C:2025:141, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li jippermetti li jingħataw opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda li huwa meħtieġ għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, ONB et, C‑575/23, EU:C:2025:141, punt 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, il-qorti tar-rinviju jkollha tiċħad ir-rikors fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat il-locus standi ta’ D.E. sabiex iressaq, f’ismu stess, azzjoni kontra Banco Popular, li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fis-sens li d-drittijiet li jirriżultaw minn azzjoni għan-nullità tal-kuntratt ta’ akkwist ta’ bonds subordinati kkonvertiti f’azzjonijiet u minn azzjoni għad-danni bbażati fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/39, imressqa qabel ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, ma jikkostitwixxux obbligi “dovuti”, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59. |
|
37 |
Konsegwentement, ma jidhirx ovvju li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mal-iskop tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija waħda ipotetika. |
|
38 |
Dan ifisser li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
|
39 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(1)(a) u (b), tal-Artikolu 53(1) u (3), kif ukoll tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-drittijiet li jirriżultaw minn azzjoni għal nullità ta’ kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ bonds subordinati kkonvertiti f’azzjonijiet, kif ukoll minn azzjoni għad-danni, ibbażati fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/39, jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija tal-obbligi jew tal-krediti “dovuti” fil-mument tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, meta dawn l-azzjonijiet ikunu tressqu qabel id-deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 34(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/59 jistabbilixxi l-prinċipju li huma l-azzjonisti, segwiti mill-kredituri, ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni li għandhom l-ewwel ibatu t-telf imġarrab minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura. |
|
41 |
Skont l-Artikolu 53(3) ta’ din id-direttiva, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont prinċipali jew is-somom dovuti fir-rigward ta’ xi passiv, dan il-passiv, kif ukoll kull obbligu jew kreditu li jirriżulta li ma jkunx dovut fil-mument tar-riżoluzzjoni, jitqies, għal kull fini, li jkun tħallas u ma huwa ammissibbli f’ebda proċedura sussegwenti li tirrigwarda lill-istituzzjoni ta’ kreditu jew lill-impriża ta’ investiment suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni jew kontra kull entità li tkun issuċċedietha, fil-kuntest ta’ stralċ sussegwenti. |
|
42 |
L-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda d-deprezzament jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, jippreċiża, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, li ebda obbligu fil-konfront tad-detentur tal-istrumenti kapitali ddeprezzati, bis-saħħa tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ma għandu jissussisti fil-kuntest tal-imsemmija strumenti jew b’rabta mal-ammont tagħhom, li jkun ġie ddeprezzat, ħlief għall-obbligi diġà dovuti u kwalunkwe responsabbiltà li tista’ tirriżulta minn rikors li jikkontesta l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ deprezzament. |
|
43 |
Dan ifisser li, fil-każ ta’ deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni abbażi tad-Direttiva 2014/59, l-azzjonisti ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu jinforzaw biss kontra din tal-aħħar jew kontra l-entità li tkun issuċċedietha l-obbligi jew il-krediti li jirriżultaw mill-istrumenti kapitali ddeprezzati li kienu diġà “dovuti” fil-mument tar-riżoluzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-Artikolu 60(2)(b) ta’ din id-direttiva. |
|
44 |
Issa, fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet għad-danni li jkunu nfetħu minħabba n-natura difettuża u żbaljata tal-informazzjoni pprovduta, b’mod partikolari, fil-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ, kif prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356, rettifika fil-ĠU 2014, L 218, p, 8), kif ukoll minn azzjoni għan-nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet jew ta’ bonds subordinati kkonvertiti f’azzjonijiet imressqa wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-effetti retroattivi tagħhom, dawn id-drittijiet ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ obbligi jew ta’ krediti “dovuti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), punti 41, 42 u 51, kif ukoll Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punti 62 u 85). |
|
45 |
F’dan il-każ, madankollu, l-azzjonijiet għal nullità u għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqu qabel ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-preżentata ta’ tali azzjonijiet qabel ir-riżoluzzjoni huwa biżżejjed sabiex id-drittijiet li jirriżultaw minnhom ikunu jistgħu jitqiesu bħala “dovuti” fil-mument tar-riżoluzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59. Mill-banda l-oħra, fil-fehma ta’ Banco Santander, kif ukoll tal-Gvern Spanjol, dak Taljan u dak Portugiż, id-drittijiet li jirriżultaw minn tali azzjonijiet għandhom, barra minn hekk, ikunu s-suġġett ta’ sentenza definittiva qabel dan il-mument. |
|
46 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tkun tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li l-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha tfittex li tilħaq (sentenzi tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 48). |
|
47 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-kunċett ta’ “obbligi diġà dovuti” jew ir-riferiment għal krediti dovuti ma jipprovdu, fihom infushom, ebda indikazzjoni dwar jekk azzjonijiet għal nullità u għad-danni għandhomx biss jitressqu fil-mument tar-riżoluzzjoni jew għandhomx ikunu wkoll diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva. |
|
48 |
Madankollu, l-Artikolu 53(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li huwa “fi kwalunkwe proċedura sussegwenti” li l-obbligi jew il-krediti li jirriżultaw minn xi passiv iddeprezzat, li ma jkunux dovuti fil-mument tar-riżoluzzjoni, għandhom jitqiesu, għal kull fini, li jkunu tħallsu u ma jistgħux jiġu infurzati kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jew kontra kwalunkwe entità li tkun issuċċedietha. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-preċiżazzjoni hija indizju li tali obbligi jew krediti jistgħu jibqgħu jiġu infurzati kontra tali istituzzjoni jew kontra tali entità, meta dawn ikunu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja li tkun inbdiet qabel ir-riżoluzzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, billi tiffoka fuq proċeduri sussegwenti, b’ebda mod ma teskludi n-natura infurzabbli ta’ dawn l-obbligi jew krediti fil-kuntest ta’ proċeduri pendenti fil-mument tar-riżoluzzjoni. |
|
49 |
Sa fejn għandu x’jaqsam, fit-tieni lok, il-kuntest tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, minn naħa, huwa tassew minnu li, skont l-Artikolu 34(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, huma l-azzjonisti, segwiti mill-kredituri, ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni li għandhom l-ewwel ibatu t-telf imġarrab minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura. |
|
50 |
Madankollu, il-prinċipju ta’ responsabbiltà prijoritarja tal-azzjonisti u tal-kredituri li jbatu dan it-telf huwa mtaffi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom huwa neċessarjament l-istess bħal dak tal-Artikolu 34(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, sa fejn l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet espliċitament jirreferu għall-obbligi u għall-krediti li jirriżultaw minn “passiv” iddeprezzat jew eżistenti fir-rigward tad-detentur tal-istrumenti kapitali ddeprezzati, dawn japplikaw, b’mod partikolari, għall-krediti u għall-obbligi tal-persuni li jkollhom il-kwalità ta’ azzjonist jew ta’ kreditur ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal riżoluzzjoni. Issa, sa fejn dawn l-obbligi jew krediti jkunu “dovuti” fil-mument tar-riżoluzzjoni, mill-Artikolu 53(3) u mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li dawn jibqgħu infurzabbli kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jew kontra kull entità li tkun issuċċedietha. |
|
51 |
Għalhekk, mill-Artikolu 34(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/59 ma jistax jiġi dedott li huma biss il-persuni li jkunu tilfu l-kwalità ta’ azzjonist jew ta’ kreditur ta’ tali istituzzjoni, wara sentenza definittiva li tkun ikkonfermat l-annullament tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni tal-istrumenti kapitali inkwistjoni, li jistgħu jibbenefikaw min-natura infurzabbli tal-obbligi jew tal-krediti “dovuti”, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva, fil-mument tar-riżoluzzjoni. |
|
52 |
Min-naħa l-oħra, meta l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tkun tinvolvi l-applikazzjoni tal-“istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna”, fis-sens tal-punt 57 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, l-Artikolu 48(1) ta’ din tal-aħħar jipprevedi li, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ deprezzament u ta’ konverżjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom inaqqsu, fl-ewwel lok, il-kategoriji differenti ta’ strumenti kapitali. L-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-miżuri ta’ tnaqqis tal-kapital azzjonarju jew ta’ konverżjoni jew ta’ annullament ta’ dawn l-istrumenti li tippermetti l-imsemmija rikapitalizzazzjoni interna jorbtu minnufih lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati. Għalhekk jidher li, fil-kuntest ta’ rikapitalizzazzjoni interna, id-deprezzament u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali jgħinu direttament sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 52). |
|
53 |
Minn din il-perspettiva, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) u l-Artikolu 60(3) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi li ma għandu jitħallas ebda kumpens lid-detenturi tal-istrumenti kapitali rilevanti ħlief fil-każijiet ta’ konverżjoni ta’ tali strumenti msemmija f’dan il-paragrafu 3 u li, f’dawn il-każijiet, il-kumpens għandu jieħu l-forma ta’ ħruġ ta’ strumenti kapitali affavur ta’ dawn id-detenturi. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, billi jillimitaw il-kumpens għal tali ħruġ ta’ strumenti kapitali, jippermettu li jiġi evitat li dan il-kumpens ikun jista’ jnaqqas retroattivament l-ammont ta’ kapital użat għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni Banco Popular II), punt 54). |
|
54 |
B’hekk, fir-rigward ta’ azzjonijiet għal nullità jew għal danni mressqa wara r-riżoluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali azzjonijiet jinvolvu r-riskju li l-ammont tal-istrumenti kapitali li jkunu s-suġġett ta’ rikapitalizzazzjoni interna fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni jitnaqqas retroattivament, sa fejn dawn ikunu jfittxu kumpens jew ħlas lura mhux iktar mill-ammont tal-fondi żborsati għall-akkwist ta’ dawn l-istrumenti kapitali qabel ir-riżoluzzjoni. Tali azzjonijiet jistgħu għalhekk jixħtu dubju dwar jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura ta’ riżoluzzjoni jkunux qegħdin tabilħaqq jintlaħqu (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 53). |
|
55 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali azzjonijiet imressqa wara r-riżoluzzjoni jeħtieġu li l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew is-suċċessur ta’ dawn l-entitajiet, jikkumpensaw lill-azzjonisti għat-telf imġarrab minħabba l-eżerċizzju, minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, tas-setgħa ta’ deprezzament u ta’ konverżjoni fir-rigward ta’ xi passiv ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ din l-impriża, jew jeħtieġu li dawn tal-aħħar jirrimborsaw is-somom kollha investiti waqt is-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li ikunu ġew iddeprezzati minħabba din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Fid-dawl tal-effett retroattiv tagħhom, dawn l-azzjonijiet iwaqqgħu dubju fuq il-valutazzjoni kollha li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, peress li l-kompożizzjoni tal-kapital tagħmel parti mid-data oġġettiva ta’ din il-valutazzjoni u, għaldaqstant, jistgħu jfixklu l-proċedura stess ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll l-għanijiet li d-Direttiva 2014/59 tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punti 59 u 62). |
|
56 |
Madankollu, għall-kuntrarju tal-azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni mressqa wara r-riżoluzzjoni, tali azzjonijiet, meta jkunu tressqu qabel ir-riżoluzzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala li għandhom effett retroattiv, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, u ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq il-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59 u fuq id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni bbażata fuqha. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-riskji finanzjarji li jirriżultaw mit-tilwim pendenti għandhom tabilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kontabbiltà tal-banek ikkwotati fuq il-Borża. |
|
57 |
Fir-rigward tal-fatt li l-valutazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rikorsi kollha ppreżentati, l-Avukata Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, li tali livell ta’ inċertezza jeżisti fil-kuntest ta’ kwalunkwe “inventarju” u jista’ jitqies li jagħmel parti mir-riskju ġenerali li għandu jiġi aċċettat fil-kuntest tar-riżoluzzjoni taħt id-Direttiva 2014/59, b’mod partikolari mill-entità li takkwista l-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. |
|
58 |
Fil-fatt, l-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi valutazzjoni “ġusta, prudenti u realistika” tal-attiv u tal-passiv ta’ tali istituzzjoni ta’ kreditu, mingħajr ma jeħtieġ li dan l-attiv u dan il-passiv jiġu evalwati b’mod sħiħ u kemm jista’ jkun iddettaljat. B’mod partikolari, meta ma jkunx possibbli li titħejja l-lista tal-passiv dovut fil-karta tal-bilanċ u barra mill-karta tal-bilanċ minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’, skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu 36, moqri flimkien mal-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan tal-aħħar, tillimita ruħha għal valutazzjoni provviżorja li tistma l-valur tal-attiv u tal-passiv. |
|
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, meta azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni jkunu tressqu qabel ir-riżoluzzjoni, dawn ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq il-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59 u fuq id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni bbażata fuqha. |
|
60 |
Sa fejn għandhom x’jaqsmu, fit-tielet lok, l-għanijiet li d-Direttiva 2014/59 tfittex li tilħaq, mill-premessa 49 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment li jkunu fallew jew li jkunu x’aktarx ser ifallu u biss jekk dan ikun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja fl-interess ġenerali. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti għandha għalhekk tkun limitata għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza kbira, meta l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment inkwistjoni ma tkunx tista’ tiġi llikwidata skont proċedura normali ta’ insolvenza mingħajr ma tiddestabbilizza s-sistema finanzjarja. |
|
61 |
Barra minn hekk, kif ġie stabbilit fil-premessa 45 tal-imsemmija direttiva, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni hija intiża li tnaqqas ir-riskju morali fis-settur finanzjarju billi t-telf imġarrab minħabba l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment ibatuh l-ewwel l-azzjonisti, b’mod li jiġi evitat li dan l-istralċ juża r-riżorsi tal-Istat u jqiegħed f’perikolu l-protezzjoni tad-depożitanti (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Id-Direttiva 2014/59 tipprevedi għalhekk l-użu, f’kuntest ekonomiku eċċezzjonali, ta’ proċedura li tista’ taffettwa b’mod partikolari d-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment, sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri, billi toħloq sistema ta’ insolvenza li tidderoga mid-dritt komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza, li l-implimentazzjoni tagħha hija awtorizzata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u għandha tkun iġġustifikata minn interess ġenerali superjuri. In-natura derogatorja ta’ din is-sistema timplika li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi eskluża meta dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jċaħħdu il-proċedura ta’ riżoluzzjoni mill-effettività tagħha jew jxekklu l-implimentazzjoni tagħha (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat, fil-premessa 120 tad-Direttiva 2014/59, li d-derogi previsti f’din id-direttiva mir-regoli obbligatorji għall-protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, li jistgħu jxekklu l-azzjoni effettiva u l-użu ta’ strumenti u ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, ma għandhomx ikunu biss xierqa iżda għandhom ikunu wkoll iddefiniti b’mod ċar u strett, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu ggarantiti ċertezza legali massima (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Id-Direttiva 2004/39, li kellha bħala għan il-protezzjoni tal-investituri potenzjali fil-mument li fih jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment, tinsab fost id-“direttivi tal-Unjoni dwar il-liġi tal-kumpanniji” msemmija fil-premessa 120 tad-Direttiva 2014/59. Għaldaqstant, din id-direttiva tal-aħħar tagħmilha possibbli li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39, sa fejn l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ ċċaħħad proċedura ta’ riżoluzzjoni mill-effettività tagħha jew ixxekkel l-implimentazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 56 sa 59 ta’ din is-sentenza, azzjoni għal nullità u azzjoni għad-danni bbażati fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni previsti fid-Direttiva 2004/39 ma jistgħux iċaħħdu proċedura ta’ riżoluzzjoni mill-effettività tagħha jew ixekklu l-implimentazzjoni tagħha meta dawn l-azzjonijiet ikunu tressqu qabel ir-riżoluzzjoni. |
|
66 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-Karta u, b’mod partikolari, tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tagħha. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex dritt assolut u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati b’għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Unjoni tfittex li tilħaq. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, dan id-dritt fundamentali jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, kemm‑il darba dawn ir-restrizzjonijiet ikunu effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija u ma jkunux jikkostitwixxu, fid-dawl tal-iskop imfittex, indħil sproporzjonat u intollerabbli li jqiegħed f’perikolu l-essenza nnifisha tad-dritt hekk iggarantit (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja li huwa ta’ interess ġenerali ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti tal-investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jagħleb, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-interess pubbliku li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II), punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Fir-rigward tal-azzjonijiet għal nullità u tal-azzjonijiet għad-danni mressqa wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni sabiex jinkiseb ħlas lura tas-somom imħallsa fil-mument tal-akkwist tal-istrumenti kapitali inkwistjoni, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular) (punti 48 sa 50) u Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular II) (punti 82 sa 84) jinżel li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, ma jipprekludix interpretazzjoni fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 iżommu lill-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni milli jressqu tali azzjonijiet wara r-riżoluzzjoni. |
|
70 |
Issa, is-sitwazzjoni tal-persuni li jkunu ressqu tali azzjonijiet qabel ir-riżoluzzjoni hija sostanzjalment differenti minn dik tal-persuni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
71 |
L-ewwel nett, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, li li kellu wieħed jinterpreta d-drittijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni mressqa qabel ir-riżoluzzjoni fis-sens li ma jikkostitwixxux obbligi jew krediti “dovuti”, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, li jistgħu jiġu infurzati kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u kontra l-entità li tkun issuċċedietha, jiġri li d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni trendi l-proċeduri ġudizzjarji pendenti mingħajr skop u li għalhekk dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jingħalqu. |
|
72 |
Issa, il-gravità tal-indħil fid-dritt iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jirriżulta minn din l-interpretazzjoni, ma titnaqqasx mill-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, skont l-imsemmija interpretazzjoni, id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tibdel, b’effett retroattiv, il-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tiġi deċiża tilwima li tkun diġà tressqet qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jew saħansitra tibdel direttament is-sitwazzjoni legali li tkun il-bażi ta’ din it-tilwima. Il-possibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma għandha għalhekk ebda impatt fuq l-effetti li din tal-aħħar tipproduċi, f’dan il-każ, sa mill-adozzjoni tagħha, fuq il-kawżi diġà pendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punti 63, 65 u 66). |
|
73 |
It-tieni nett, l-interpretazzjoni li d-drittijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni għandhom ikunu s-suġġett ta’ sentenza definittiva qabel ir-riżoluzzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu infurzati kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jew kontra l-entità li tkun issuċċedietha tagħmel in-natura infurzabbli ta’ dawn id-drittijiet, taħt l-Artikolu 53(3) u l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, tiddependi minn ċirkustanzi li essenzjalment ma jaqgħux taħt l-influwenza tal-persuna li tkun ressqet tali azzjonijiet. Fil-fatt, it-tul tal-proċedura ġudizzjarja jiddependi, b’mod partikolari, mill-volum ta’ xogħol tal-qorti adita u mill-aġir proċedurali tal-kontroparti. |
|
74 |
Barra minn hekk, din il-persuna, billi ressqet tali azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali, uriet, bħala prinċipju, id-diliġenza neċessarja sabiex tikseb il-ħlas tal-krediti li jirriżultaw minn dawn l-azzjonijiet qabel ir-riżoluzzjoni, għall-kuntrarju tal-persuni li jkunu ressqu tali azzjonijiet wara r-riżoluzzjoni. B’hekk, u fid-dawl tal-prinċipju iura vigilantibus non dormientibus prosunt, l-eżitu tal-azzjonijiet imressqa qabel ir-riżoluzzjoni ma jistax jiddependi minn jekk dawn kinux jew le s-suġġett ta’ sentenza definittiva fil-mument tar-riżoluzzjoni. |
|
75 |
Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 56 sa 59 ta’ din is-sentenza jinżel li d-drittijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni mressqa qabel ir-riżoluzzjoni jistgħu, għall-kuntrarju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet imressqa wara r-riżoluzzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59 u, għaldaqstant, li dawn ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq din il-valutazzjoni u fuq id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni bbażata fuqha. Interpretazzjoni tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva li tagħmilha possibbli għall-azzjonisti u għall-kredituri li jkomplu bl-azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni li jkunu diġà pendenti fil-mument tar-riżoluzzjoni ma hijiex ta’ natura li tqiegħed f’perikolu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. |
|
76 |
Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma tindaħalx b’mod sproporzjonat fid-drittijiet tax-xerrejja potenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, u lanqas f’dawk tal-entità li tkun issuċċedietha wara r-riżoluzzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 56 sa 59 ta’ din is-sentenza, dawn il-persuni jistgħu wkoll jieħdu konjizzjoni tal-passiv ta’ din l-istituzzjoni li jkun magħmul mid-drittijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet għal nullità u/jew għad-danni mressqa qabel ir-riżoluzzjoni, qabel ma jagħmlu l-offerta tagħhom sabiex jakkwistaw l-imsemmija istituzzjoni. |
|
77 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(1)(a) u (b), tal-Artikolu 53(1) u (3), kif ukoll tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li d-drittijiet li jirriżultaw minn azzjoni għal nullità ta’ kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ bonds subordinati kkonvertiti f’azzjonijiet, kif ukoll minn azzjoni għad-danni, ibbażati fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/39, jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ obbligi jew krediti “dovuti” fil-mument tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, meta dawn l-azzjonijiet ikunu tressqu qabel id-deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
78 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(1)(a) u (b), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux li d-drittijiet li jirriżultaw minn azzjoni għal nullità ta’ kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ bonds subordinati kkonvertiti f’azzjonijiet, kif ukoll minn azzjoni għad-danni, ibbażati fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ obbligi jew krediti “dovuti” fil-mument tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 53(3) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59, meta dawn l-azzjonijiet ikunu tressqu qabel id-deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.