Official Journal L 185 , 15/07/1988 P. 0006 - 0007
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 26 P. 0249
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 26 P. 0249
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2050/88 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1883/78 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-finanzjament ta’ l-interventi mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2048/88 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [4], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Verifika [5], Billi r-Regolament (KEE) Nru 1883/78 [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2095/87 [7], inkluda r-regoli bażiċi għall-finanzjament tal-miżuri ta’ l-intervent fil-għamla ta’ ħażna pubblika; Billi r-regoli dwar id-deprezzament tal-prodotti maħżuna, riferiti fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament, iridu jiġu addattati għal-linji gwida ġodda rigward in-nefqa agrikola ddikjarata fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta’ Frar 1988, li skond huma, is-sitwazzjoni tal-ħażna trid tiġi lura għan-normal sas-sena 1992; Billi mis-sena 1989 'il quddiem, il-valur tal-prodotti agrikoli mixtrija għall-ħażna skond ir-regolamenti ta’ l-organizzazzjoni tas-suq għandu jkun ġeneralment iddepprezzat direttament max-xiri għall-ħażna; Billi d-deprezzament straordinarju jrid jiġi effettwat matul is-snin 1989 sa l-1992 fuq il-bażi ta’ approprjazzjonijiet imdaħħla għal dan il-għan fl-estimi finanzjarji Komunitarji rispettivi; Billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1334/86 [8] li jawtorizza lill-Kummissjoni li tnaqqas ir-rata standard ta’ l-imgħax u l-ammonti standard uniformi wżati għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż tal-ħażna pubblika għandhom jiġu estiżi sa l-1992, minħabba illi l-livelli tal-ħażna ta’ l-interventi għadhom ma naqsux sostanzjalment, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KEE) Nru 1883/78 huwa hawnhekk emendat kif ġej: 1. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 huwa mibdul b’dan li ġej: "Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata, rigward is-snin finanzjarji 1989 sa l-1992, li tistabbilixxi r-rata uniformi ta’ l-imgħax f’livell inqas mil-livell rappreżentattiv tagħha. Jekk ir-rata ta’ l-imgħax miġrura minn Stat Membru tkun iktar baxxa mir-rata ffissata, il-Kummissjoni tista’ tiffissa r-rata uniformi ta’ l-imgħax għal dan l-Istat Membru għal dan il-livell iktar baxx." 2. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6 huwa mibdul b’dan li ġej: "Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata rigward is-snin finanzjarji 1989 sa l-1992, li tiffissa l-ammonti standard uniformi f’livell li jikkorrrispondi mat-tliet kwarti ta’ l-ammonti standard uniformi stabbiliti fuq il-bażi normali." 3. L-Artikoli 7 u 8 huma mibdula b’dan li ġej: "L-Artikolu 7 Fil-kontijiet annwali riferiti fl-Artikolu 4(1), il-kwantitajiet tal-prodotti fil-ħażna li jiġu mgħoddija għas-sena ta’ wara għandhom, bħala regola, jiġu vvalutati bil-prezz tagħhom li nxtraw għall-ħażna. Il-proċeduri għalbiex ikun iffissat il-prezz għall-kwantitajiet li jridu jinġarru għas-sena finanzjarja ta’ wara għandhom jiġu stabbiliti għall-prodotti varji fuq il-bażi tal-valuri fuq il-kotba tal-kontijiet irreġistrati mill-aġenziji ta’ l-intervent skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70. L-Artikolu 8 1. Fejn, għal prodott mogħti, il-prezz tal-bejgħ stmat għall-prodotti fil-ħażna pubblika ta’ l-intervent ikun inqas mill-prezz tagħhom tax-xiri għall-ħażna, għandu jiġi applikat perċentwal ta’ deprezzament meta l-prodott rilevanti jinxtara għall-ħażna. Dan il-perċentwal għandu jiġi ffissat għal kull prodott skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 qabel il-bidu ta’ kull sena. 2. Il-perċentwal tad-deprezzament m’għandux jaqbeż id-differenza bejn il-prezz tax-xiri għall-ħażna u l-prezz previst tad-disponiment tal-prodott rilevanti. 3. Il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi d-deprezzament fil-ħin tax-xiri għall-ħażna għal parti mill-perċentwal ikkalkolat skond il-paragrafu 2. Din il-parti ma tistax tkun inqas minn 70 % tad-deprezzament iffissat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. F’dawn il-każi, il-Kummissjoni għandha teffettwa t-tieni deprezzament fl-aħħar tas-sena finanzjarja, skond il-metodu indikat fil-paragrafu 5. 4. Mis-sena 1989 sas-sena 1992, d-deprezzamenti straordinarji għandhom jiġu effettwati fil-bidu ta’ kull sena fuq il-bażi ta’ l-approprjazzjonijiet imdaħħla fl-estimi finanzjarji rispettivi tal-Komunità, sabiex is-sitwazzjoni tal-ħażna tinġieb lura għan-normal sa l-aħħar tas-sena 1992. 5. Għad-deprezzamenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 u fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70, l-ammonti totali tad-deprezzament għal kull prodott u għal kull Stat Membru." L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibda japplika b’effett mill-1 ta’ Ottubru 1988. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ġunju 1988. Għall-Kunsill Il-President M. Bangemann [1] ĠU L 94, tat-28. 4. 1970, p. 13. [2] Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. [3] ĠU C 129, tat-18. 5. 1988, p. 18. [4] Opinjoni mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 1988 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [5] ĠU C 166, tal-25. 6. 1988, p. 6. [6] ĠU L 216, tal-5. 8. 1978, p. 1. [7] ĠU L 196, tas-17. 7. 1987, p. 3. [8] ĠU L 119, tat-8. 5. 1986, p. 18. --------------------------------------------------