|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/132 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1551 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0059/2021), |
|
A. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani; |
1.
Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) huma awditjati minn awditur estern indipendenti bil-ħsieb li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont li l-Qorti tapplika fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jinnota b'sodisfazzjon l-opinjoni tal-awditur li r-rapporti finanzjarji jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti;
2.
Jinnota li fl-2019 il-baġit tal-Qorti ammonta għal total ta' EUR 146 890 000 (meta mqabbel ma' EUR 146 469 000 fl-2018 u EUR 141 240 000 fl-2017) u li 98 % tal-approprjazzjonijiet kollha kienu impenjati sal-aħħar tal-2019 (meta mqabbla ma' 96,21 % fl-2018 u 97,73 % fl-2017);
3.
Ifakkar li l-baġit tal-Qorti, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa amministrattiv, b'ammont kbir minnu użat għall-ispejjeż li jikkonċernaw persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni (Titolu 1) u l-bini, il-proprjetà mobbli, it-tagħmir u l-ispejjeż operatorji mixxellanji (Titolu 2);
4.
Ifakkar li r-rati ta' eżekuzzjoni għat-Titolu 2 mhumiex qed jittejbu biżżejjed b'rati ta' impenji li jammontaw għal 64,17 % (meta mqabbla ma' 59,13 % fl-2018 u 57,13 % fl-2017) u rati ta' pagamenti li jammontaw għal 62,21 % (meta mqabbla ma' 55,11 % fl-2018 u 55,75 % fl-2017); jisħaq dwar il-konferma tal-Qorti fid-dokument ta' segwitu tagħha għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018 li se tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb ir-rati ta' eżekuzzjoni u biex tikkunsidra bir-reqqa l-estimi baġitarji tagħhom;
5.
Jinnota l-kumment tal-Qorti li huwa aktar xieraq li l-eżekuzzjoni baġitarja tat-Titolu 2 tiġi ssorveljata minn perspettiva ta' sentejn; jirrikonoxxi li matul il-perjodu ta' sentejn bejn l-2018 u l-2019), saru 91,38 % tal-pagamenti fuq l-approprjazzjonijiet u 98,04 % tal-pagamenti fuq l-impenji;
6.
Jinnota l-kontinwazzjoni tar-riporti, pereżempju ta' EUR 3 057 772 fl-2019 skont il-Kapitolu 21 (Ipproċessar ta' data, tagħmir u beni mobbli: akkwist, kiri u manutenzjoni) meta mqabbla ma' EUR 4 310 280 fl-2018 minħabba proġetti tal-IT li għadhom għaddejjin; jiddikjara li r-riport totali għat-Titolu 2 mill-2018 sal-2019 ammonta għal EUR 6 068 597 u jqis li huwa pożittiv li dan irriżulta f'pagamenti ta' EUR 5 777 454 fuq riporti;
7.
Jinnota li r-riport ta' approprjazzjonijiet għat-Titolu 1 u 2 mis-sena finanzjarja 2018 għas-sena finanzjarja 2019 ammonta għal EUR 7 406 944 u wassal għal pagamenti li jammontaw għal EUR 6 553 576, rata ta' użu ta' 88,48 % li hija ugwali għar-rata ta' użu fl-2018;
8.
Japprezza l-fatt li l-Qorti qed tikkunsidra s-suġġeriment tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018 li għandu jiġi ppreżentat rapport annwali indipendenti dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala parti mir-riflessjonijiet dwar l-istrateġija tal-Qorti għall-perjodu 2021-2025, li għandu jiġi adottat sal-aħħar tal-2020; itenni, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ eżami aktar approfindit mill-Qorti ta' kull istituzzjoni bil-għan li l-Parlament ikun jista' jwettaq dmirijietu bħala awtorità ta' kwittanza;
9.
Jilqa' d-dedikazzjoni murija mill-Qorti biex tħejji l-ewwel rapport dwar il-prestazzjoni skont il-baġit tal-Unjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament, li għandu l-għan li jivvaluta r-riżultati miksuba mill-infiq mill-baġit tal-Unjoni u, b'mod partikolari, li jipprovdi valutazzjoni tal-prestazzjoni skont kull politika tal-Unjoni; jemmen li l-awditu tal-prestazzjoni huwa essenzjali biex jiġi evalwat l-impatt reali tal-investimenti tal-Unjoni;
10.
Jiddispjaċih li s-segwitu tal-Qorti għar-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza tal-2018 ipprovda biss risponsi limitati għall-kummenti tal-Parlament; jisħaq fuq il-fatt li s-segwitu huwa essenzjali biex il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament ikun jista' jistabbilixxi jekk il-Qorti implimentatx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; jistieden lill-Qorti, sabiex fir-rapport ta' segwitu li jmiss, tinkludi r-risponsi kollha meħtieġa u tagħti spjegazzjonijiet aktar dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, billi tagħmel referenza espliċita għal kull paragrafu tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza, u tipprovdi d-dokumentazzjoni kollha neċessarja;
11.
Itenni r-rakkomandazzjoni tal-Qorti biex il-Kummissjoni tippubblika r-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni f'mument aktar kmieni kull sena sabiex teżamina u tirrapporta dwar ir-regolarità tal-informazzjoni ppreżentata; jirrikonoxxi r-restrizzjonijiet ta' wara l-pandemija tal-COVID-19 li ġiegħlet lill-Qorti tippubblika r-rapport annwali tagħha għall-2019 f'Novembru 2020;
Riżorsi umani
|
12. |
Jinnota li fl-aħħar tal-2019, kien hemm 853 post tax-xogħol permanenti u temporanju meta mqabbla mat-891 post fl-2013, li jikkostitwixxi tnaqqis ta' 4,26 %; jinnota b'mod partikolari li l-postijiet tax-xogħol permanenti naqsu b'6,91 punti perċentwali filwaqt li l-postijiet tax-xogħol temporanji żdiedu b'10,07 punti perċentwali; jistieden lill-Qorti tivvaluta jekk it-tendenza dejjem tiżdied dwar l-użu ta' postijiet tax-xogħol temporanji hijiex risposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Qorti jew pjuttost jekk hijiex reazzjoni għal-limitazzjonijiet baġitarji; jinnota li l-livell ta' persunal jiġi rieżaminat kontinwament u li t-tabella tal-persunal tal-Qorti baqgħet l-istess bħal fl-2017 u fl-2018 bi 853 post; jinnota li wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u f'konformità mar-riżultat tan-negozjati, it-tabella tal-persunal ġiet adattata matul l-2019; |
|
13. |
Japprezza l-fatt li l-Qorti, f'konformità mal-istrateġija tagħha għall-2018 sa 2020, estendiet il-kuntatti tagħha mar-riċerkaturi, id-dinja akkademika u l-gruppi ta' riflessjoni u li mill-1 ta' Ġunju 2020, il-Qorti issekondat 15-il membru tal-persunal lil korpi internazzjonali oħra; jinnota li l-Qorti regolarment tospita persunal issekondat minn korpi internazzjonali oħra u li l-Qorti pprovdiet ukoll 55 internship (meta mqabbla ma' 60 fl-2018) għal gradwati universitarji għal perjodi ta' tlieta sa ħames xhur; jinnota li, fl-2019, sitt internships ma tħallsux; jistieden lill-Qorti toffri allowance lill-interns li tal-anqas tkopri l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom, anke fil-każ ta' internships fuq perjodu qasir; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti daħlet f'diversi sħubiji ma' universitajiet u organizzazzjonijiet professjonali bil-ħsieb ta' kooperazzjoni futura; |
|
14. |
Jinnota l-fatt li l-politika ta' reklutaġġ tal-Qorti, ibbażata fuq ir-riforma tal-2016 u l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tagħmel mill-Qorti organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti; jinnota li l-membri tal-persunal huma allokati għal grupp mifrux mal-Qorti kollha li minnu huma allokati r-riżorsi lill-kmamar u lill-kompiti tal-awditjar; jinnota li fil-proċess ta' kollokament tal-membri tal-persunal mill-grupp għall-kompiti, il-Qorti tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li l-għarfien espert u r-riżorsi tal-persunal meħtieġa jsiru disponibbli f'waqthom u li ssir rotazzjoni adegwata tal-persunal fost it-timijiet permezz ta' eżerċizzju regolari ta' mobilità; |
|
15. |
Japprezza l-fatt li l-Qorti tat segwitu għall-istħarriġ ta' sodisfazzjon tal-persunal tal-2018, u implimentat attivitajiet relatati mal-benesseri tal-persunal bħan-network tal-Qorti ta' persuni ta' kuntatt kunfidenzjali fl-organizzazzjoni kollha li jipprovdi appoġġ professjonali u, jekk mitlub, appoġġ anonimu lill-membri tal-persunal; jinnota li l-Qorti tipprovdi wkoll ħames sessjonijiet bla ħlas ma' psikologi u torganizza preżentazzjonijiet dwar kif wieħed jittratta l-eżawriment u, għall-maniġers, dwar kif wieħed jidentifika u jittratta l-fastidju; |
|
16. |
Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fl-għadd ta' diretturi nisa minn 30 % fl-2018 għal 20 % fl-2019 u t-tnaqqis fl-għadd ta' kapijiet nisa ta' unità minn 39 % fl-2018 għal 35 % fl-2019; jinnota, madankollu, iż-żieda żgħira fil-membri nisa tal-Qorti minn 21 % fl-2018 (6 minn 28 membru) għal 25 % fl-2019 (7 minn 28 membru); jissottolinja l-impenn tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament biex jappoġġa r-reviżjoni tal-proċess ta' nomina għall-membri tal-Qorti sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-ġeneri (7 nisa u 21 raġel kienu membri fl-2019);; ifakkar fl-istedina lill-Istati Membri biex ikunu aktar attivi fl-inkoraġġiment tan-nisa biex japplikaw għal dawn it-tip ta' pożizzjonijiet; itenni li l-Kunsill dejjem għandu jippreżenta mill-anqas żewġ kandidati, waħda mara u wieħed raġel, matul il-proċedura tal-ħatra; |
|
17. |
Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Qorti fil-livell amministrattiv biex tippromwovi opportunitajiet ta' karriera ugwali għall-persunal u b'mod partikolari biex tikseb il-bilanċ bejn il-ġeneri f'karigi maniġerjali; jinnota li l-Qorti nediet programm ta' żvilupp ta' tmexxija fl-2019, immirat lejn l-iżvilupp tal-ħiliet ta' maniġers potenzjali b'parteċipazzjoni ugwali mill-irġiel u n-nisa; |
|
18. |
Japprezza l-parteċipazzjoni tal-Qorti fil-Kumitat Konġunt għall-Opportunitajiet Indaqs u fil-pjan ta' azzjoni għall-opportunitajiet indaqs għall-perjodu 2018-2020, li tindirizza wkoll il-kwistjonijiet tal-età u d-diżabilità; jistieden lill-Qorti tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni; |
|
19. |
Iħeġġeġ lill-Qorti tistinka għal aktar titjib fil-kuntest tal-bilanċ ġeografiku tal-persunal (speċifikament għall-gruppi fil-funzjonijiet AST 1-4 u 5-9 fejn ċerti nazzjonalitajiet huma rappreżentati ż-żejjed); jistieden lill-Qorti tħejji pjan ta' azzjoni għar-reklutaġġ ta' membri ġodda tal-persunal b'kunsiderazzjoni tal-bilanċ ġeografiku, kif stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal; |
|
20. |
Jinnota li hemm disponibbli arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-membri kollha tal-persunal ħlief għal ċerti kategoriji fejn dan mhuwiex possibbli għal raġunijiet prattiċi; jinnota, madankollu, li l-maġġoranza l-kbira tal-membri tal-persunal li bbenefikaw minn dawn l-arranġamenti tax-xogħol fl-2019 kienu nisa (87 % tal-persunal li jaħdmu part-time u 68 % tal-persunal li ħadu liv tal-ġenituri); jistieden lill-Qorti tirrifletti dwar din is-sitwazzjoni fil-kuntest tal-politiki tagħha dwar l-opportunitajiet ta' karriera u d-diversità; iħeġġeġ lill-Qorti tlesti l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli bi protezzjoni tad-dritt tal-membri tal-persunal għall-iskonnessjoni; |
|
21. |
Itenni li l-kummenti tal-Qorti dwar l-għoli tal-ħajja għoli fil-Lussemburgu jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għal diffikultajiet fir-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-problema li qed tikber tad-disparità fil-kapaċità tal-akkwist imġarrba mill-impjegati taċ-ċivil tal-Unjoni li jaħdmu l-Lussemburgu; |
Bini, sigurtà
|
22. |
Jilqa' l-immodernizzar tal-binja K2 bil-għan li jittejbu l-installazzjonijiet tekniċi tal-binja, filwaqt li jitqies tħassib ambjentali ġdid, u t-trasformazzjoni tal-ispazji ta' arkivjar attwali, li m'għadhomx meħtieġa minħabba d-diġitalizzazzjoni, f'sett ta' spazji kollaborattivi u tal-benesseri komuni, bħal kmamar tal-laqgħat u tal-vidjokonferenzi u l-ispazji għal kafè; |
|
23. |
Japprezza l-fatt li fl-2017 il-Qorti wettqet studju preliminari u li l-eżiti tal-istudju tqiesu fil-proġett ta' modernizzazzjoni attwali; jinnota li l-Qorti qed tkompli bl-użu ta' uffiċċji individwali u bi ftit spazji kollaborattivi biss; jilqa' l-fatt li ġew organizzati sessjonijiet apposta biex il-proġett jiġi kondiviż mal-persunal u li l-feedback li wasal ġeneralment kien pożittiv; |
|
24. |
Jilqa' t-titjib fil-perimetru tas-sigurtà, b'mod partikolari l-bini ta' ċnut addizzjonali, barrieri ġodda għall-parkeġġ u sokra għad-dħul għall-parkeġġ tal-karozzi fil-binja K3, proġett li kellu jitlesta fl-2020; jinnota li fl-2019, minbarra l-ispejjeż regolari bħall-kontrolli perjodiċi tal-installazzjonijiet, il-Qorti investiet EUR 123 000 f'sigurtà fiżika; |
|
25. |
Jieħu nota tal-miżuri meħuda fir-rigward tas-sikurezza tal-persunal, b'mod partikolari l-pjan ta' kontinġenza biex jiġu trattati inċidenti fuq skala kbira, proċedura interna f'każ ta' inċident nukleari possibbli u ftehim dwar il-livell ta' servizz mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jinkiseb benefiċċju mill-pariri tiegħu rigward missjonijiet lejn pajjiżi b'livell ta' theddid għoli u kritiku; |
Ambjent
|
26. |
Jinnota li awditu estern tal-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) twettaq fi tmiem l-2019 u li b'riżultat ta' dan il-Qorti ġeddet b'suċċess iċ-ċertifikazzjoni tagħha tal-EMAS għall-perjodu 2020 sa 2022 u adottat pjan ta' azzjoni ġdid biex tiffaċċja l-emerġenza tal-klima; jinnota li l-bilanċ tas-CO2 tal-Qorti jiġi ppubblikat kull sena fuq is-sit tagħha sabiex jiġu segwiti l-isforzi tal-Qorti biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha bħala parti mill-proġett usa' tal-EMAS u biex jintlaħaq l-għan tal-istrateġija tat-tkabbir Ewropa 2020 ta' żvilupp sostenibbli, li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fl-2010; |
Diġitalizzazzjoni u ċibersigurtà
|
27. |
Jilqa' l-fatt li l-Qorti adottat pjan ta' azzjoni għaċ-ċibersigurtà f'nofs l-2018 b'perjodu ta' tliet snin; jinnota li matul l-2019 intlaħqu l-objettivi li ġejjin: rimedju aktar effettiv u regolari tal-vulnerabbiltajiet tas-software, il-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat għas-servizzi tal-cloud, ir-rieżami tal-governanza tas-sigurtà tal-informazzjoni u t-titjib tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ tas-sigurtà; jilqa' s-sessjoni ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà għall-persunal tal-Qorti; jinnota li l-Qorti qed tibbenefika wkoll mis-servizzi u l-infrastruttura taċ-ċibersigurtà pprovduti mill-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej; |
|
28. |
Jilqa' l-istabbiliment tal-kumitat ta' tmexxija diġitali bil-għan li jsir progress fit-trasformazzjoni diġitali tal-awditu skont inizjattiva msejħa "l-awditu tal-QEA jsir diġitali"; jinnota li fl-2019, il-Laboratorju tal-QEA, il-laboratorju tal-innovazzjoni interdixxiplinari tal-Qorti li jiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-awditjar bl-użu tad-data u t-teknoloġija, appoġġa għaxar kompiti ta' awditjar, inkluż proġett pilota dwar l-użu tal-big data għall-awditjar tal-prestazzjoni; jitlob lill-Qorti tirrapporta lill-Parlament dwar kwalunkwe ostaklu li tiffaċċja waqt li tintalab data f'format li jinqara minn magna mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
|
29. |
Jilqa' l-fatt li d-Deċiżjoni tal-Qorti Nru 6-2019 dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta' dokumenti ġiet ippubblikata f'April 2019, u li s-sistemi tal-IT tal-Qorti huma bbażati fuq prinċipji arkitettoniċi sodi li jqisu approċċ tal-ispejjeż u l-benefiċċji fir-rigward tat-teknoloġiji tradizzjonali akkwistati interistituzzjonalment; jilqa' l-fatt li fil-Qorti jintużaw teknoloġiji b'sors miftuħ skont dawk il-prinċipji; jinkoraġġixxi lill-Qorti tagħti prijorità lit-teknoloġiji b'sors miftuħ bil-għan li jiġi evitat l-intrappolament tal-klijentela, jinżamm il-kontroll fuq is-sistemi tekniċi tiegħu, jiġu pprovduti salvagwardji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data ta' utenti u tiżdied is-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku; |
|
30. |
Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016, il-Qorti fasslet pjan ta' azzjoni biex tħejji ruħha għar-Regolament (UE) 2016/679 (1) u biex tikkonforma ma' dak ir-Regolament malli jsir applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; jinnota li r-responsabbiltajiet tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tal-informazzjoni ġew ristrutturati fl-2019 sabiex jinqasmu u jissaħħu r-riżorsi allokati; |
|
31. |
Jinkoraġġixxi lill-Qorti issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex terġa' tinnegozja l-ftehim interistituzzjonali dwar il-liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tintlaħaq is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali; |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
|
32. |
Jinkoraġġixxi lill-Qorti tiżviluppa aktar sinerġiji u razzjonalizzazzjoni ma' korpi oħra tal-Unjoni permezz ta' kooperazzjoni interistituzzjonali; jinnota li l-Qorti tuża għodod u servizzi pprovduti minn istituzzjonijiet oħra jew b'mod konġunt magħhom bħal ftehim dwar il-livell ta' servizz mal-uffiċċju tal-amministrazzjoni u l-ħlas tal-intitolamenti individwali tal-Kummissjoni li jkopri l-ġestjoni tal-pensjonijiet, id-drittijiet finanzjarji u l-pagi; jinnota li l-Qorti tuża l-għodod tal-IT tal-Kummissjoni f'oqsma bħall-missjonijiet, ir-riżorsi umani, it-taħriġ u t-traduzzjoni; jilqa' l-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist konġunt ma' diversi istituzzjonijiet oħra għall-IT, it-traduzzjoni, eċċ.; |
|
33. |
Jirrikonoxxi l-fatt li skont il-metodoloġija miftiehma interistituzzjonalment, l-ispiża tal-esternalizzazzjoni tat-traduzzjonijiet fl-2019 kienet ta' EUR 2 740 366 u li kieku t-traduzzjonijiet korrispondenti kienu saru mis-servizzi interni, l-ispiża totali tal-istess paġni kienet tkun ta' EUR 4 647 880; |
|
34. |
Jitlob lill-Qorti tipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe titjib li jsir fir-rigward tal-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi li huma essenzjali fid-dawl ta' ammont ta' xogħol dejjem jiżdied; ifakkar ukoll fil-ħtieġa ta' riformi kontinwi biex jiġi żgurat li l-Qorti tkun mgħammra tajjeb biex tirrispondi għall-isfidi tal-ġejjieni; |
|
35. |
Jitlob lill-Qorti tesplora l-possibbiltà li tingħaqad mar-Reġistru ta' Trasparenza abbażi ta' ftehim dwar il-livell ta' servizz; jirrikonoxxi l-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Qorti u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni permezz ta' ftehimiet fil-livell ta' servizz; jitlob informazzjoni dwar jekk saritx analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji qabel ma sar kwalunkwe ftehim; |
|
36. |
Jilqa' l-arranġament amministrattiv iffirmat fl-2019 li jipprovdi qafas strutturat għal kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), u li jiffaċilita l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (2), u d-deċiżjonijiet tal-Qorti relatati ma' investigazzjonijiet interni; jilqa' l-fatt li l-arranġament diġà wassal għal kooperazzjoni aktar effiċjenti bejn il-Qorti u l-OLAF, għall-istabbiliment ta' punti ta' kuntatt permanenti li jippermettu skambji frekwenti, u feedback aktar rapidu u regolari dwar każijiet trażmessi mill-Qorti lill-OLAF; jinnota li dan l-arranġament fih ukoll dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet mhux operattivi bħall-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' taħriġ, workshops u skambju ta' persunal; jinnota li fl-2019, il-Qorti rrappurtat għaxar każijiet ta' suspett ta' frodi lill-OLAF, meta mqabbla ma' disa' każijiet fl-2018 (tmienja identifikati matul il-ħidma ta' awditjar u żewġ denunzji magħmula minn partijiet terzi); |
|
37. |
Jinnota li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Qorti qablu li jiddiskutu l-ftehim amministrattiv futur biex jipprovdu qafas għall-kooperazzjoni tagħhom; jitlob lill-Qorti tinforma b'dan lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jilqa' l-fatt li l-Qorti kkontribwiet għall-ħolqien tas-servizz tal-awditjar intern tal-UPPE; |
|
38. |
Jilqa' l-fatt li f'Ottubru 2019 ġie ffirmat memorandum ta' qbil mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet superviżorji tal-BĊE; |
|
39. |
Japprezza l-kooperazzjoni tal-Qorti mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri li tippermetti lill-Qorti tippromwovi l-ħidma ta' awditjar estern indipendenti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha; jieħu nota tal-involviment tal-Qorti fil-ħidma tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI) u l-Grupp Reġjonali Ewropew tal-INTOSAI, b'mod partikolari fil-gruppi ta' ħidma tagħha dwar l-awditjar ambjentali, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-awditjar tal-fondi allokati għad-diżastri u l-katastrofi, u t-task force tagħha dwar l-awditjar u l-etika; |
|
40. |
Jinnota li l-Ombudsman Ewropew stieden lill-Qorti (fil-kuntest ta' konsultazzjoni li saret mal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni) biex tikkummenta dwar l-abbozz ta' Rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman għall-amministrazzjoni tal-UE dwar l-użu tal-lingwi uffiċjali tal-UE fil-komunikazzjoni mal-pubbliku (każ SI/98/2018/DDJ) li għalih il-Qorti wieġbet billi indikat li l-politika attwali tagħha diġà hija konformi; jitlob li l-lingwi tas-sinjali nazzjonali jiġu inklużi f'dan il-proċess; |
Komunikazzjoni
|
41. |
Jissottolinja l-isforzi tal-Qorti biex tkompli ttejjeb il-mod kif tikkomunika mal-partijiet ikkonċernati, il-midja u l-pubbliku ġenerali; huwa konxju li wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, il-Qorti ħolqot portal tal-pubblikazzjonijiet li jipprovdi lill-Membri kollha tal-Parlament bil-fatti u ċ-ċifri rilevanti; jilqa' l-fatt li dan il-portal tal-pubblikazzjonijiet issa huwa disponibbli wkoll għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Qorti u jippermetti tfittxija rapida u faċli ta' rapporti u pubblikazzjonijiet; jilqa' t-tfassil mill-ġdid attwali tas-sit web tal-Qorti biex ix-xogħol u l-prodotti jsiru aktar aċċessibbli u aktar faċli biex jiġu segwiti; |
|
42. |
Jilqa' l-fatt li l-Qorti qed tesperjenza żieda qawwija fl-interess tal-midja, b'kopertura partikolarment qawwija tar-rapporti speċjali tagħha; |
Ġestjoni interna, kontroll intern u prestazzjoni
|
43. |
Jirrikonoxxi li l-Qorti tapplika sett ta' indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni biex timmonitorja l-progress li sar; jinnota b'apprezzament li l-analiżi tal-Qorti wriet li 96 % tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti annwali tal-2015 u 94 % tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti speċjali tal-2015 ġew implimentati bis-sħiħ, fil-biċċa l-kbira tagħhom jew f'xi aspetti; jinnota li l-Qorti ħarġet 6 rapporti annwali, 36 rapport speċjali, 3 opinjonijiet, 18-il previżjoni tal-awditu u 4 pubblikazzjonijiet oħra, li huma parti mis-67 pubblikazzjoni totali li ħarġet fl-2019; jinnota li fl-2019 madwar 52 % tar-riżorsi tal-awditjar tal-Qorti ntużaw għall-ħidma tagħha dwar id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni u għall-awditjar finanzjarju tal-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni; jistieden lill-Qorti tirrapporta dwar l-impatt u s-sodisfazzjon tar-rapporti speċjali tagħha u prodotti oħra, kif ukoll dwar suġġetti tal-awditjar partikolari; |
|
44. |
Jistieden lill-Qorti tesplora modi kif tipprovdi aktar informazzjoni dwar in-nefqa amministrattiva ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni fil-kuntest tal-kwittanza; itenni li l-approċċ ġenerali tal-awditjar tal-Qorti jeħtieġ aktar ħidma ta' awditjar u valutazzjoni mmirata aktar; itenni t-talba tiegħu għal rieżami aktar dedikat tan-nefqa amministrattiva u l-attivitajiet ta' appoġġ ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, speċifikament dwar suġġetti li qed isiru ta' rilevanza ogħla jew saħansitra kritika; |
|
45. |
Jilqa' l-isforzi tal-Qorti, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju, biex tipproduċi r-rapporti speċjali tagħha b'mod ġenerali fi żmien 13-il xahar, filwaqt li jinnota li l-medja ta' żmien għall-produzzjoni tar-rapporti speċjali għadha taqbeż dak il-limitu ta' żmien; |
|
46. |
Jilqa' l-awditu intern imwettaq rigward l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-membri u l-uffiċjali ta' grad għoli, l-ispejjeż tar-rappreżentanza tal-membri u l-użu tal-flotta tal-karozzi tal-Qorti bil-għan li tiġi vverifikata l-affidabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Qorti applikabbli għall-membri u għall-uffiċjali ta' grad għoli; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet magħżula b'mod każwali eżaminati mis-servizz tal-awditjar intern (IAS) kienu konformi mar-regoli u l-proċeduri applikabbli fil-Qorti; |
|
47. |
Jinnota li fl-Opinjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 (3), l-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja indika li membru partikolari kien kiser il-kodiċi ta' kondotta tal-Qorti għall-membri tal-Qorti billi abbuża mid-drittijiet u l-privileġġi marbuta mal-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest ta' attivitajiet mhux relatatima' dmirijietu, tluq għal assenzi mhux ġustifikati u billi naqas milli jiddikjara attivitajiet esterni ddikjarati, ittrażmetta informazzjoni kunfidenzjali b'mod mhux awtorizzat, kif ukoll għall-fatt li kellu kunflitt ta' interess; jilqa' l-fatt li l-Qorti talbet lill-OLAF biex iwettaq investigazzjoni, li ressqet il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li hija impenjata li tikkonforma mas-sanzjonijiet rakkomandati biex tirkupra t-telf kollu għall-baġit tal-Unjoni; |
|
48. |
Jinnota li l-awditu wera li l-każ ta' membru partikolari investigat mill-OLAF kien każ iżolat; jinnota li r-rapport ikkonkluda li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Qorti ġew affettwati minn ċerti nuqqasijiet li, madankollu, ġew rimedjati b'mod effettiv minn dak iż-żmien 'l hawn u li, b'mod ġenerali, il-proċeduri ta' ġestjoni u kontroll li hemm stabbiliti bħalissa huma affidabbli; jikkunsidra l-fatt li l-IAS għamel rakkomandazzjonijiet immirati lejn it-titjib ulterjuri tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll, li r-rapport ta' awditjar kien strettament kunfidenzjali u li l-membri kollha u anke s-segretarju ġenerali tal-Qorti rċevew ir-rapport; |
|
49. |
Jinnota l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Hogan tas-17 ta' Diċembru 2020, li fiha jiddikjara b'mod ċar li seħħ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta' membru tal-Qorti, u li fiha jirrakkomanda sanzjoni korrispondenti maċ-ċaħda ta' żewġ terzi tad-drittijiet għall-pensjoni tal-membru partikolari u l-benefiċċju konness, mid-data tas-sentenza f'din il-kawża; |
|
50. |
Jinnota li l-kompiti kollha tal-awditjar mill-programm ta' ħidma annwali tal-IAS għall-2019 ingħalqu, bl-eċċezzjoni ta' tlieta li se jibqgħu għaddejjin fl-2020: "Ftehim ta' servizz tal-PMO", "Awditu tal-mudell ta' ġestjoni tal-kuntratti tal-bini/tal-faċilitajiet" u "Taħriġ ieħor minbarra dak lingwistiku"; jinnota li fl-2019 l-IAS għalaq żewġ kompiti magħżula li kien fadal mill-programm ta' ħidma annwali tal-2018; jinnota li l-IAS ikkonferma l-importanza strateġika tal-kumitat orizzontali responsabbli għar-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità tal-Qorti relatati mal-politiki, l-istandards u l-metodoloġiji tal-awditjar; jilqa' l-fatt li qed tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-IAS għall-iżvilupp tal-arranġamenti għall-kontroll tal-kwalità; |
|
51. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-IAS irrieżamina l-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-qafas ta' kontroll intern tal-Qorti fl-2019; jinnota li l-IAS issuġġerixxa li fl-abbozz ta' deċiżjoni tiġi inkluża dispożizzjoni addizzjonali biex l-uffiċjali awtorizzanti b'delega jingħataw struzzjonijiet ċari biex jimplimentaw il-prinċipji u l-karatteristiċi tal-kontroll intern fl-2019 u biex jagħmlu valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-qafas tal-kontroll intern kollu mill-inqas darba fis-sena, u li din għandha ssir għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rapport annwali tal-attività tal-2020 u sa mhux aktar tard minnu; |
|
52. |
Jilqa' l-fatt li l-IAS iqis li b'mod ġenerali, saru kontrolli ex post affidabbli għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' riskju għoli tal-ħidma tad-direttorati tas-segretarjat ġenerali, ibbażati fuq ir-reġistru tar-riskju u l-objettivi operattivi; japprezza l-fatt li qed jinżamm infurmat, partikolarment fil-kuntest tal-problemi tal-passat identifikati minn investigazzjoni tal-OLAF dwar membru partikolari tal-Qorti, li l-IAS ma osserva l-ebda nuqqas li huwa ta' importanza tali li jipperikola serjament l-affidabbiltà ġenerali tas-sistemi ta' kontroll intern stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti b'delega fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji fl-2019; japprezza li jirċievi tali aġġornamenti anke fil-futur; |
|
53. |
Jaqbel mal-istrateġija attwali tal-Qorti li ttejjeb il-valur miżjud tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, tiffoka aktar fuq l-aspetti tal-prestazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni u tiżgura li twassal messaġġi ċari lill-udjenzi; jinnota li fl-2019 grupp ta' erba' istituzzjonijiet supremi tal-awditjar, li huma l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Estonja, tan-Netherlands, tad-Danimarka u tal-Istati Uniti tal-Amerka, wettqu rieżami bejn il-pari tal-istrateġija tal-Qorti; jinnota li r-rapport ġie ppubblikat f'Marzu 2020 u jipprovdi kontribut siewi għall-istrateġija li jmiss; |
Trasparenza
|
54. |
Jinnota li l-membri huma awtorizzati jużaw vetturi uffiċjali fil-qadi ta' dmirijiet uffiċjali; jinnota li l-użu ta' vetturi uffiċjali għal vjaġġi oħra mhuwiex inkluż fil-prestazzjoni ta' tali dmirijiet, u li mill-1 ta' Jannar 2017, l-ispejjeż u l-kilometri relatati mal-użu ta' karozzi uffiċjali naqsu b'mod sinifikanti; jenfasizza r-regoli l-ġodda dwar l-użu ta' karozzi uffiċjali u xufiera biex jiġi żgurat li l-vjaġġi tal-membri jkunu relatati biss mal-qadi ta' dmirijiethom; itenni l-opinjoni tiegħu li l-użu ta' vetturi uffiċjali għall-użu privat qatt m'għandu jsir taħt l-ebda ċirkostanza, meta jitqies li din il-prattika tista' tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Qorti u, b'mod ġenerali, tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jinnota li fl-1 ta' Jannar 2020 daħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda li introduċew kontribuzzjoni ta' EUR 100 fix-xahar għall-użu mhux uffiċjali tal-vetturi kif ukoll responsabbiltà min-naħa tal-membri u s-segretarju ġenerali għal ċerti spejjeż u tariffi; |
|
55. |
Jiddispjaċih li l-Qorti tat biss segwitu limitat ħafna fir-rigward tal-paragrafu 18 tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018 dwar il-ħtieġa ta' reġistru ta' liv għall-membri tal-Qorti; jinnota li l-Qorti se tikkunsidra t-twettiq ta' analiżi komparattiva tar-regoli u l-aħjar prattiki eżistenti f'istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-preżenza u l-assenza ta' persuni f'karigi pubbliċi ta' livell għoli tal-Unjoni kif definit fir-Regolament (UE) 2016/300 (4); ifakkar li l-Parlament talab lill-Qorti b'mod ċar biex tistabbilixxi proċeduri għaż-żamma ta' reġistru tal-Membri dwar il-liv annwali, il-liv minħabba mard u l-assenza mix-xogħol għal raġunijiet oħra, bil-għan li tiżgura li l-liv kollu meħud mill-membri jiġi irreġistrat b'mod effettiv; jisħaq fuq il-fatt li l-prattika attwali tista' ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-Qorti; |
|
56. |
Jinnota li fid-dawl tal-obbligi tal-membri li jattendu l-laqgħat kollha tal-Qorti, tal-kmamar u tal-kumitat amministrattiv li jappartjenu għalihom, is-segretarjat tal-Qorti jżomm reġistru ta' attendenza; jinnota li dan jirrifletti l-preżenza u l-assenza ta' membri u juri wkoll liema assenzi huma kkunsidrati bħala skużati mill-president tal-Qorti; jinnota li r-reġistru ta' attendenza huwa parti mir-regoli tal-Qorti li jimplimentaw ir-regoli ta' proċedura tagħha; |
Kunflitt ta' interess, fastidju u żvelar ta' informazzjoni protetta
|
57. |
Jitlob lill-Qorti tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati ta' tliet ilmenti ta' fastidju rrappurtati u investigati fl-2019; jinnota li dawn ġew ittrattati skont il-proċeduri stabbiliti fil-politika għaż-żamma ta' ambjent tax-xogħol sodisfaċenti u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali; jirrikonoxxi li f'termini ta' nefqa, l-investigazzjonijiet ta' kull każ twettqu internament u għalhekk ma kienu jinvolvu l-ebda spiża addizzjonali; jilqa' l-intenzjoni li l-politika tal-Qorti dwar il-protezzjoni tal-persunal minn fastidju tiġi evalwata kull tliet snin u li dan l-eżerċizzju jmissu jsir fl-2020; |
|
58. |
Jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Polonja u tal-Kroazja wettqu rieżami bejn il-pari sinifikanti tal-qafas etiku tal-Qorti; jinnota li fl-opinjonijiet tal-pari s-sistema ta' kontroll tal-etika tal-Qorti għandha tittejjeb aktar permezz ta' valutazzjoni aktar komprensiva tar-riskji tal-etika, b'konsistenza u b'ċarezza akbar fir-regoli tagħha dwar l-etika, u attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni mtejba; |
|
59. |
Jappoġġa l-konklużjonijiet tar-rieżami bejn il-pari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu introdotti aġġornamenti regolari tad-dikjarazzjonijiet ta' interess, li jżidu l-affidabbiltà tagħhom; jerġa' jtenni t-tħassib tiegħu li d-dikjarazzjonijiet ta' interess huma ta' natura awtodikjaratorja u li, minħabba l-qafas legali attwali, la l-Qorti u lanqas il-kumitat tal-etika tagħha m'għandhom setgħat ta' investigazzjoni biex jiżguraw il-veraċità u l-kompletezza tad-data ddikjarata; jistieden lill-Qorti tiżgura li l-membri jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta' interess minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess; jissottolinja li l-proċeduri attwali, inkluż dawk tal-kumitat tal-etika, jeħtieġ li jissaħħu biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitti ta' interess; jaqbel li l-kumitat tal-etika għandu rwol kruċjali sal-punt li l-president u l-membri tal-Qorti jistgħu jitolbu l-parir tiegħu dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam mal-etika u dwar l-interpretazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta; jinnota, barra minn hekk, li l-kumitat huwa fdat bl-approvazzjoni ta' kwalunkwe attività esterna mwettqa mill-membri, inklużi l-eks membri li għandhom l-intenzjoni li jwettqu attività fis-sentejn wara li jitilqu mill-Qorti, iżda din fiha nnifisha ma tistax titqies bħala strument effettiv biex tiżgura n-nuqqas ta' kunflitt ta' interess kif diġà sottolinjat fir-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza tas-sena li għaddiet;; jilqa' l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta rivedut għall-membri u l-eks-membri tal-Qorti tal-Awdituri (5) u b'mod partikolari l-informazzjoni aktar estensiva meħtieġa fid-Dikjarazzjonijiet ta' Interess u r-rwol imsaħħaħ tal-Kumitat tal-Etika; jinnota li l-Qorti se tippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta tagħha; jinnota wkoll li l-Qorti bħalissa qed tirrevedi l-qafas etiku li jikkonċerna l-persunal tagħha; |
(1) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(3) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan, ippreżentati fis-17 ta' Diċembru 2020, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri vs Karel Pinxten, C-130/19, ECLI:EU:C:2020:1052.
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).