17.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/792

tal-11 ta’ Ġunju 2020

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (*) (EULEX KOSOVO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (1).

(2)

Fit-8 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/856 (2), li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u li testendi EULEX KOSOVO sal-14 ta’ Ġunju 2020.

(3)

Fis-16 ta’ April 2020, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li, fiċ-ċirkostanzi preżenti minħabba fil-pandemija tal-COVID-19, EULEX KOSOVO jenħtieġ li tiġi estiża b’sena bl-istess mandat, li jista’ jiġi rieżaminat meta ċ-ċirkostanzi jkunu jippermettu.

(4)

EULEX KOSOVO jenħtieġ li tingħata ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodu tal-estensjoni tagħha.

(5)

Fl-14 ta’ Mejju 2020, il-KPS qabel ukoll li s-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK, li kien maħtur bħala Kap tal-Missjoni fit-28 ta’ Novembru 2019 bid-Deċiżjoni tal-KPS (PESK) 2019/1991 (3), jenħtieġ li jkompli jwettaq din il-funzjoni għal perijodu ulterjuri ta’ sena.

(6)

Xejn minn din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat b’mod li jippreġudika l-indipendenza u l-awtonomija tal-imħallfin u l-prosekuturi attivi fil-proċedimenti ġudizzjarji fil-kuntest ta’ EULEX KOSOVO.

(7)

Minħabba n-natura speċjali tal-attivitajiet ta’ EULEX KOSOVO b’appoġġ tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, huwa xieraq li f’din id-Deċiżjoni jkun identifikat l-ammont previst biex ikopri l-appoġġ għal dawk il-proċedimenti ġudizzjarji rilokati u biex tiġi prevista l-implimentazzjoni ta’ dik il-parti mill-baġit permezz ta’ għotja.

(8)

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(9)

EULEX KOSOVO ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 8, jiżdied il- paragrafu li ġej:

“11.   Għall-perijodu mill-15 ta’ Ġunju 2020 sal-14 ta’ Ġunju 2021, is-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK għandu jkun il-Kap tal-Missjoni.”.

(2)

fl-Artikolu 16(1), is-sbatax-il subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta’ EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Ġunju 2020 sal-14 ta’ Ġunju 2021 għandu jkun ta’ EUR 83 745 000.

Mill-ammont imsemmi fis-sbatax-il subparagrafu, l-ammont maħsub biex ikopri n-nefqa ta’ EULEX KOSOVO għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo għandu jkun ta’ EUR 38 700 000 u l-ammont maħsub biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru għandu jkun ta’ EUR 45 045 000.

Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehim ta’ għotja ma’ reġistratur li jaġixxi f’isem reġistru inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati għall-ammont ta’ EUR 45 045 000. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta’ għotja.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għal EULEX KOSOVO għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

(*)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”."

(3)

fl-Artikolu 20, it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandha tiskadi fl-14 ta’ Ġunju 2021.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/856 tat-8 ta’ Ġunju 2018 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (ĠU L 146, 11.6.2018, p. 5).

(3)  Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2019/1991 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo. (EULEX KOSOVO) (EULEX KOSOVO/2/2019) (ĠU L 308, 29.11.2019, p. 105).