European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1098

28.5.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/1098

tas-27 ta’ Mejju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1096 tas-27 ta’ Mejju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u, fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (3) wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li fihom il-Kunsill ikkundanna l-vjolenza u l-ksur gravi mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja.

(2)

Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1510 (4), li permezz tagħha l-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2013/255/PESK ġew estiżi sal-1 ta’ Ġunju 2025.

(3)

Wara l-waqgħa tar-reġim ta’ al-Assad fis-Sirja, fl-24 ta’ Frar 2025, il-Kunsill taffa għadd ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja sabiex jiffaċilita l-involviment mal-pajjiż, mal-poplu u man-negozji tiegħu fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport u tar-rikostruzzjoni, kif ukoll biex jiffaċilita t-tranżazzjonijiet finanzjarji u bankarji assoċjati. Fl-istess data, il-Kunsill ħareġ dikjarazzjoni li tiddikjara li l-elenkar relatat mar-reġim al-Assad, mas-settur tal-armi kimiċi u mal-kummerċ illeċitu tad-droga jenħtieġ li jinżamm.

(4)

Fl-20 ta' Mejju 2025, il-Kunsill ħabbar id-deċiżjoni politika tiegħu li jneħħi s-sanzjonijiet ekonomiċi tiegħu fuq is-Sirja, biex jappoġġa lill-poplu Sirjan fir-riunifikazzjoni u l-bini mill-ġdid ta' Sirja ġdida, inklużiva, pluralistika u paċifika ħielsa minn interferenza barranija dannuża.

(5)

Abbażi ta' dan, il-Kunsill iqis li l-miżuri restrittivi settorjali kollha jenħtieġ li jitneħħew, bl-eċċezzjoni ta' dawk ibbażati fuq raġunijiet ta' sigurtà.

(6)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK u tad-deċiżjonijiet meħuda f’dak il-kuntest, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/1096, fejn uħud mill-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2013/255/PESK ġew estiżi sal-1 ta’ Ġunju 2026.

(7)

Is-setgħa li tiġi stabbilita u emendata l-lista fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 jenħtieġ li tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-rieżami ta’ Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(8)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness II, jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.”

;

(2)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

1.   L-Anness II għandu jikkonsisti f’dan li ġej:

(a)

L-Anness II għandu jikkonsisti minn lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li bbenefikaw minn jew appoġġaw ir-reġim ta’ al-Assad, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet assoċjati magħhom, u li għalihom ma għandux japplika l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

1a.   Il-lista fl-Anness II għandha tikkonsisti wkoll f’persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK (*1), ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja li huma marbuta mal-eks reġim ta’ al-Assad;

(b)

membri tal-familji al-Assad jew Makhlouf;

(c)

Ministri tal-Gvern Sirjan fil-poter bejn Mejju 2011 u Diċembru 2024;

(d)

membri tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta’ ‘kurunell’ u fil-grad ekwivalenti jew ogħla li jkunu fil-kariga bejn Mejju 2011 u Diċembru 2024;

(e)

membri tas-servizzi Sirjani tas-sigurtà u tal-intelligence fil-kariga bejn Mejju 2011 u Diċembru 2024;

(f)

membri tal-milizji affiljati mar-reġim ta’ al-Assad; jew

(g)

membri ta’ entitajiet, unitajiet, aġenziji, korpi jew istituzzjonijiet li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi,

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet assoċjati magħhom.

1b.   Persuni, entitajiet u korpi f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1a ma għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi fl-Anness II jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li huma mhumiex, jew ma għadhomx, assoċjati mal-eks reġim ta’ al-Assad jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.

2.   L-Anness II, għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi kkonċernati fil-lista.

3.   L-Anness II għandu jinkludi wkoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta’ twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaporti u tal-karti tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

(*1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal- 31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/255/oj).”;"

(3)

l-Artikolu 15a jiddaħħal kif ġej:

“Artikolu 15a

1.   B’deroga mill-Artikolu 14(1), (2) u (3), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, kif identifikati fis-siti web elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, lill-entitajiet elenkati bħala Numru 42 u Numru 43 fl-Anness II, skont il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa meħtieġ għall-kooperazzjoni bejn dawk l-entitajiet u entità jew korp governattiv ta’ Stat Membru fl-oqsma tar-rikostruzzjoni, tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-migrazzjoni.

2.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li tkun ingħatat.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 1 u 2 fi żmien erba’ ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.

4.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.”

;

(4)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta’ assigurazzjoni, u kosti ta’ servizzi pubbliċi;”

;

(b)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

maħsuba esklussivament għal ħlasijiet minn entitajiet proprjetà tal-Istat Sirjan, kif elenkati fl-Anness II, f’isem ir-Repubblika Għarbija Sirjana lill-OPCW għal attivitajiet relatati mal-missjoni ta’ verifika tal-OPCW u mal-qerda ta’ armi kimiċi Sirjani, inklużi b’mod partikolari ħlasijiet lill-Fond Fiduċjarju Speċjali tal-OPCW għal attivitajiet relatati mal-qerda totali ta’ armi kimiċi Sirjani barra t-territorju tar-Repubblika Għarbija Sirjana.”

;

(5)

l-Artikolu 18(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrarja mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 14 jkunu ġew elenkati fl-Anness II, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;”

;

(b)

il-paragrafu (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II;”

;

(6)

l-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

B'deroga mill-Artikolu 14 u bil-kondizzjoni li pagament minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II jkun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għal, dik il-persuna, entità jew korp qabel, id-data li fiha dik il-persuna, entità jew korp kienu ġew elenkati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fuq il-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kondizzjonijiet li huma jqisu bħala xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-pagament ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 14.”

;

(7)

l-Artikolu 20a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20a

B'deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kondizzjonijiet li huma jqisu bħala xierqa, it-trasferiment minn jew permezz ta' entità finanzjarja elenkata fl-Anness II ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, fejn it-trasferiment ikun relatat ma' pagament minn persuna jew entità mhux elenkata fl-Anness II b'rabta mal-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil ċittadini Sirjani li jkunu qed isegwu edukazzjoni, taħriġ professjonali jew ikunu impenjati f'riċerka akkademika fl-Unjoni, dment li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti tkun iddeterminat, skont il-każ, li l-pagament mhux ser jiġi riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità elenkata fl-Anness II.”

;

(8)

fl-Artikolu 21c(1) l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti tkun iddeterminat, abbażi ta’ każ b’każ, li l-pagament ma tkun se tirċevih, direttament jew indirettament, l-ebda persuna jew entità elenkata fl-Anness II u bil-kundizzjoni li t-trasferiment ma jkunx ipprojbit b’xi mod ieħor minn dan ir-Regolament.”

;

(9)

fl-Artikolu 27(1), il-punt (a) huwa sostiwit b’dan li ġej:

“(a)

persuni, entitajiet jew korpi indikati li huma elenkati fl-Annessi II;”

;

(10)

l-Artikolu 27a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27a

Ser tkun projbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2a, 3 u 3a.”

;

(11)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 14, huwa għandu jemenda l-Anness II skont dan.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-lista fl-Anness II tiġi riveduta f'intervalli regolari u tal-inqas kull 12-il xahar.”

;

(12)

l-Artikoli 1a, 6, 6a, 6b, 7, 7a, 8, 9, 9a, 10, 11, 11a, 11b, 12, 13, 13a, 21, 21a, 21b, 23, 24, 25, 25a, 26 u 26a jitħassru;

(13)

l-Annessi IV, Va, Vb, VI, VII, VIII, X u XI jitħassru.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L, 2025/1096, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1096/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/36/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/255/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1510 tas-27 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L, 2024/1510, 28.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1510/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1098/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)