|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3990 |
20.8.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2025
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Lussemburgu
(C/2025/3990)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Lussemburgu żied kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(4) |
Fit-30 ta' April 2021, il-Lussemburgu ppreżenta il-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fis-6 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fit-13 ta' Settembru 2024 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Lussemburgu jkun laħaq b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(5) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Lussemburgu (7). Il-pjan ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 11 l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta' rata massima ta' tkabbir fin-nefqa netta fuq erba' snin. |
|
(6) |
Fis-26 ta' Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2025 tal-Lussemburgu. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2025, li fih ma identifikatx lill-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (8) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025. |
|
(7) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(8) |
Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta' pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024. |
|
(10) |
Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal-Lussemburgu. F'dan ġie vvalutat il-progress tal-Lussemburgu fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Lussemburgu tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċa l-Lussemburgu. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamel il-Lussemburgu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali
|
(11) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għal-Lussemburgu: 5,8 % fl-2025, 4,7 % fl-2026, 3,8 % fl-2027, 5,4 % fl-2028 u 4,7 % in 2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għall-2023 ta' 14,2 % fl-2025, 19,6 % fl-2026, 24,1 % fl-2027, 30,8 % fl-2028 u 36,9 % fl-2029. Fil-25 ta' April 2025, il-Lussemburgu ppreżenta r-Rapport ta' Progress Annwali (9) tiegħu, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Lussemburgu dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(12) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (NEC) tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. |
|
(13) |
Skont data vvalidata mill-Eurostat (10), il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Lussemburgu nbidel minn defiċit ta' 0,8 % tal-PDG fl-2023 għal surplus ta' 1,0 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 25,0 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 26,3 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' 6,2 % fl-2024. Fir-Rapport ta' Progress Annwali, il-Lussemburgu jistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa ta' 6,7 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir tan-nefqa netta kien iktar baxx milli fir-Rapport ta' Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni tat-tkabbir fin-nefqa netta u l-estimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal suppożizzjonijiet ta' nefqa aktar baxxa ffinanzjata minn trasferimenti mill-UE fil-projezzjonijiet nazzjonali. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (11), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet ġeneralment newtrali fl-2024. |
|
(14) |
Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mil-Lussemburgu jistenna tkabbir tal-PDG reali ta' 2,5 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,0 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 1,7 % fl-2025 u ta' 2,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 2,1 % fl-2025 u 1,8 % fl-2026. |
|
(15) |
Fir-Rapport ta' Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jkollu defiċit ta' 0,6 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 26,4 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 7,1 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 0,4 % tal-PDG fl-2025. Ir-ritorn għal defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment dħul mhux mistenni aktar baxx mit-taxxa korporattiva fuq l-introjtu u l-impatt tal-pożizzjoni fiskali espansjonarja. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta' 6,8 % fl-2025. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'1,2 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 25,7 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 huwa prinċipalment dovut għall-effett valanga peress li t-tkabbir tal-PDG kien ogħla mill-pagament tal-imgħax. |
|
(16) |
In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Lussemburgu. |
|
(17) |
In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fil-Lussemburgu baqgħet stabbli għal 0,5 % tal-PDG bejn l-2021 u l-2023 (12). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 0,6 % tal-PDG fl-2024 u għal 0,7 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0,3 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. |
|
(18) |
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Lussemburgu hija pprojettata li tikber b'6,8 % fl-2025 u bi 13,5 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tan-nefqa netta tal-Lussemburgu fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni (13) ta' 0,5 % tal-PDG f'termini annwali. Id-devjazzjoni pprojettata taqbeż il-limitu ta' 0,3 % tal-PDG għad-devjazzjoni annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija pprojettata li tkun taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. B'mod ġenerali, dan ifisser li hemm riskju ta' devjazzjoni mit-tkabbir tan-nefqa netta massima rakkomandata, meta d-data tal-eżitu għall-2025 ser tkun disponibbli fir-rebbiegħa li jmiss. |
|
(19) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Lussemburgu jneħħi gradwalment il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, filwaqt li l-kost baġitarju nett (14) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 0,4 % tal-PDG fl-2024, huwa pprojettat li jonqos għal 0,1 % fl-2025. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati parzjalment biss qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Dan mhuwiex kompletament konformi ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(20) |
Ir-Rapport ta' Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 0,5 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 5,3 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'0,4 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 26,2 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment aġġustament tal-fluss tal-istokk li jżid id-dejn. |
Sfidi ta' politika ewlenin
|
(21) |
Is-sistema tal-pensjonijiet tal-Lussemburgu qed tiffaċċa riskji dejjem akbar għas-sostenibbiltà fuq terminu medju u twil, peress li l-infiq huwa pprojettat li jissupera l-kontribuzzjonijiet fis-snin li ġejjin. Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 (15), l-infiq relatat mal-pensjonijiet huwa mistenni li jiżdied b'mod kostanti, u jilħaq 17,5 % tal-PDG sal-2070 – żieda ta' 8,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2024. Dan huwa relatat ma' għadd dejjem jikber ta' pensjonanti għal kull ħaddiem, konsegwenza ta' popolazzjoni li qed tixjieħ, flimkien ma' tnaqqis fil-migrazzjoni netta, li jwassal għal proporzjon ogħla ta' dipendenza fix-xjuħija. Filwaqt li s-sistema bħalissa għandha l-akbar riżerva tal-pensjonijiet tal-UE, mingħajr aġġustamenti ta' politika, din ir-riżerva hija pprojettata li taqa' taħt il-limitu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-ewwel ftit snin wara l-2040 (16). Il-projezzjonijiet jissuġġerixxu li ladarba jintlaħaq dan il-limitu, ir-riżerva ser tiġi eżawrita fi żmien ħames jew sitt snin. Barra minn hekk, il-Lussemburgu għandu l-aktar rata baxxa ta' impjieg għall-ħaddiema akbar fl-età fl-UE (51 % għall-etajiet ta' 55-64 sena), minkejja l-età statutorja tal-irtirar ta' 65 sena. L-irtirar bikri huwa permess mill-età ta' 57 sena, u intitolamenti ġenerużi jipprovdu inċentivi finanzjarji b'saħħithom biex il-forza tax-xogħol tirtira kmieni u ma tipparteċipax fit-tagħlim għall-adulti. Fl-2024, il-gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-perspettivi tas-sistema tal-pensjonijiet. Fl-ewwel fażi, ġabar kontribut minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u mill-pubbliku ġenerali li jirrifletti t-tħassib ewlieni: l-adattabbiltà, is-sostenibbiltà u l-ekwità tas-sistema. It-tieni fażi tal-konsultazzjoni għadha għaddejja. Miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol biex jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal u rati ogħla ta' parteċipazzjoni fost ħaddiema akbar fl-età jgħinu biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku. |
|
(22) |
Il-Lussemburgu qed jiffaċċa sfida serja għall-akkomodazzjoni, peress li l-affordabbiltà naqset b'mod sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà. Il-prezzijiet tad-djar, li kienu qed jiżdiedu b'mod kostanti b'aktar minn 5 % fis-sena, żdiedu bi kważi 60 % mill-2018 sal-2022, u b'hekk il-Lussemburgu sar wieħed mill-aktar swieq tad-djar għaljin tal-UE (17). L-iżbilanċ persistenti bejn il-provvista u d-domanda, xprunat minn strutturi tat-taxxa li jiffavorixxu l-ħżin tal-art u tal-proprjetà, kompla jiġi aggravat minn investituri istituzzjonali li daħlu fis-settur tad-djar ta' qabel il-bejgħ (18). Ir-riformi, bħal politika komprensiva dwar l-użu tal-art f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mir-rapport ta' implimentazzjoni tal-Pjan għall-Akkomodazzjoni Settorjali u miżuri tat-taxxa biex tiżdied il-provvista ta' art li tista' tinbena, jistgħu jgħinu biex tiżdied il-provvista tal-akkomodazzjoni, inkluż permezz tal-provvista ta' akkomodazzjoni affordabbli. Il-prijoritajiet jinkludu wkoll l-implimentazzjoni tal-Patt dwar l-Akkomodazzjoni u l-adozzjoni tar-riforma tat-taxxa fuq l-akkomodazzjoni kif ukoll it-tisħiħ tal-qafas makroprudenzjali u l-eliminazzjoni gradwali tal-inċentivi fiskali għas-self, li jappoġġaw il-prezzijiet għoljin tad-djar (19). |
|
(23) |
Il-Lussemburgu qed jiffaċċa sfidi sinifikanti tat-trasport minħabba traffiku transfruntier għoli ta' vjaġġaturi u dipendenza għolja fuq il-karozzi, inkluż karozzi tal-kumpaniji, aggravati minn kostijiet tal-akkomodazzjoni li jġiegħlu lill-ħaddiema jirrisjedu aktar 'il bogħod mill-post tax-xogħol tagħhom (20). Din is-sitwazzjoni rriżultat f'konġestjoni tat-traffiku, li kellha impatt fuq il-produttività u s-sostenibbiltà ambjentali. Barra minn hekk, minkejja t-tnaqqis notevoli reċenti fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport bit-triq, permezz ta' politiki bħall-Pjan Nazzjonali ta' Mobbiltà 2035 (21) u t-trasport pubbliku b'xejn, is-settur jibqa' s-sors primarju ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, li jammonta għal 60 % tal-emissjonijiet totali fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi tal-Lussemburgu fl-2023 (22). Filwaqt li l-Lussemburgu għamel progress fil-promozzjoni tal-vetturi elettriċi u fit-titjib tat-trasport pubbliku, hi meħtieġa strateġija koordinata u transfruntiera biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol tiegħu li tivvjaġġa. Dan jinkludi t-titjib tal-konnettività, l-integrazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju mal-pajjiżi ġirien, l-integrazzjoni tas-sistemi tal-biljetti u t-titjib tal-konnessjonijiet tal-aħħar mil. Id-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tat-trasport u l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'konformità mal-mira nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030. |
|
(24) |
Iċ-ċentru finanzjarju tal-Lussemburgu jospita għadd ta' gruppi multinazzjonali, fejn sehem sinifikanti tal-flussi finanzjarji internazzjonali jseħħ bejn dawn l-entitajiet fi gruppi multinazzjonali. Huma jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jisfruttaw il-lakuni fis-sistema tat-taxxa tal-Lussemburgu li jnaqqsu l-introjtu taxxabbli. Filwaqt li d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 (23) (id-“Direttiva dwar il-Pilastru 2”) fl-1 ta' Jannar 2024 għandu l-għan li jindirizza l-kwistjoni tat-tassazzjoni baxxa ta' korporazzjonijiet multinazzjonali kbar, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa limitat għal dawk bi dħul annwali ta' mill-inqas EUR 750 miljun, li jħalli ħafna kumpaniji barra mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-miżura kundizzjonali dwar il-pagamenti tal-imgħax li ma jistgħux jitnaqqsu u ta' royalties, inizjalment introdotta fl-2021, hija ffukata b'mod strett fuq dawk fil-lista maqbula tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx u ma tindirizzax b'mod effettiv il-kwistjoni ta' ġuriżdizzjonijiet b'taxxa baxxa jew żero. |
|
(25) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-Anness V, il-kriterju 2.2 ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Lussemburgu permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(26) |
L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) aċċellerat fil-Lussemburgu. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Lussemburgu diġà qed jieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li jtejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, il-Lussemburgu għadu qed jiffaċċa sfidi, inkluż dawk relatati mal-provvista u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, l-ispariġġ fil-ħiliet fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema akbar fl-età u gruppi vulnerabbli, u d-dekarbonizzazzjoni. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Lussemburgu huwa meħtieġ – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – jirrieżamina kull programm filwaqt li jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (24) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta' Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+. |
|
(27) |
Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f'oqsma ta' prijorità. Il-Lussemburgu jista' juża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex jappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(28) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, jenħtieġ li l-Lussemburgu jindirizza b'mod effettiv sfidi relatati ma' koordinazzjoni reġjonali dgħajfa u introduzzjoni ineffiċjenti ta' networks tat-trasport transfruntiera; potenzjal mhux sfruttat biżżejjed għall-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs; għad fadal ostakli regolatorji sinifikanti; dipendenza ekonomika għolja fuq stokks ta' investiment barrani li qed jonqsu mill-2017 (f'perċentwal tal-PDG); it-taħlita tal-enerġija attwali għadha ddominata mill-fjuwils fossili u l-gass għat-trasport u l-bini; prestazzjoni agħar u żieda fid-disparitajiet li jwasslu għal opportunitajiet mhux ugwali fl-iskejjel; l-ispariġġ persistenti fil-ħiliet u n-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet għolja f'setturi ewlenin marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. |
|
(29) |
Minkejja l-bażi xjentifika b'saħħitha tagħha u s-sistema ta' riċerka konnessa tajjeb internazzjonalment, l-innovazzjoni tan-negozju u l-opportunitajiet ta' espansjoni ta' negozji ġodda innovattivi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għadhom limitati, u dan ixekkel id-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija. Il-potenzjal tal-Lussemburgu għall-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni għadu mhux sfruttat biżżejjed, fejn il-Lussemburgu juri prestazzjoni taħt il-medja tal-UE f'termini ta' intensità diġitali bażika tal-SMEs (25). Barra minn hekk, l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju tal-pajjiż ilha tonqos matul l-aħħar żewġ deċennji, , u niżlet għal 0,47 % tal-PDG fl-2023, ferm taħt il-medja tal-UE ta' 1,49 % (26). Minbarra dan, il-kwalità tar-riżultati tar-riċerka mhijiex ingranata bis-sħiħ, bir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju jibqgħu dgħajfa. Filwaqt li huwa parzjalment spjegat mill-ekonomija tal-Lussemburgu bbażata fuq is-servizzi, l-infiq tan-negozju fir-R&Ż huwa sostanzjalment aktar baxx milli f'pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni f'firxa wiesgħa ta' setturi, li jissuġġerixxi li l-infiq baxx fir-R&Ż tan-negozju ma jirriflettix biss id-daqs kbir tas-settur finanzjarju (27). |
|
(30) |
Biex tiġi indirizzata l-isfida li tingħata spinta lill-kompetittività fil-Lussemburgu, huwa essenzjali li tiġi kkunsidrata l-promozzjoni ta' diversifikazzjoni inklużiva u innovattiva fis-settur finanzjarju (28) (29), li tista' tgħin biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali tas-settur, tipprovdi appoġġ għal attivitajiet innovattivi u intensivi fir-R&Ż, u toħloq ekonomija aktar robusta u kompetittiva allinjata mal-politiki tal-UE. Il-promozzjoni strateġika u l-integrazzjoni ta' setturi innovattivi u b'rata għolja ta' tkabbir – bħall-finanzi sostenibbli, it-teknoloġija finanzjarja, it-teknoloġiji diġitali u emerġenti – jistgħu jwasslu għal ekonomija aktar robusta u kompetittiva. Ir-relazzjoni b'saħħitha bejn it-tkabbir tal-PDG reali u t-tkabbir tal-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali tal-Lussemburgu meta mqabbla mal-PDG tiegħu (IIP/PDG) (30) tissuġġerixxi li l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż hija marbuta mill-qrib mal-kapaċità tiegħu li jattira u jżomm l-investiment barrani. Il-promozzjoni ta' setturi innovattivi u b'rata għolja ta' tkabbir tista' tgħin biex jitreġġa' lura t-tnaqqis fil-proporzjon tal-IIP/PDG u tappoġġa t-tkabbir ekonomiku. Biex jinkiseb dan, il-Lussemburgu jista' jisfrutta l-potenzjal taċ-ċentru finanzjarju tiegħu biex jiffinanzja attivitajiet produttivi u innovattivi, bħal dawk li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, billi jippromwovi impriżi kollaborattivi u mudelli ta' finanzjament innovattivi, u jappoġġa l-iżvilupp ta' strumenti u prodotti finanzjarji ġodda. B'mod partikolari, l-appoġġ ulterjuri għall-istrutturar innovattiv ta' finanzjament imħallat u ta' impriżi kooperattivi jista' jgħin biex jippermetti investiment f'żoni ġodda f'attivitajiet sostenibbli u intensivi ħafna fir-R&Ż. L-iżgurar tat-trasparenza u r-responsabbiltà fis-settur finanzjarju huwa kruċjali wkoll, peress li jista' jgħin biex tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza fost l-investituri, il-konsumaturi u partijiet ikkonċernati oħra. |
|
(31) |
Filwaqt li l-Lussemburgu huwa impenjat li jtejjeb l-ambjent regolatorju għas-settur tas-servizzi tan-negozju, għad hemm ostakli regolatorji sinifikanti. Skont l-OECD (31) u l-Kummissjoni Ewropea (32), ir-restrizzjonijiet regolatorji għadhom partikolarment għoljin għall-avukati, in-nutara, il-periti, l-inġiniera ċivili, u l-kontabilisti. Għan-nutara, ir-restrizzjonijiet huma fost l-aktar stretti fl-UE. Ir-Regolament li jimponi l-forma legali tan-negozju tagħhom, u r-regolamentazzjoni tad-dħul fil-professjoni ġew enfasizzati bħala stretti ħafna. Ir-regolamenti tad-dħul għall-avukati huma wkoll partikolarment restrittivi (33). L-ostakli għall-kompetizzjoni jistgħu jkunu dovuti għal perkorsi limitati għall-aċċess għal xi professjonijiet, diversi obbligi amministrattivi, l-eżistenza ta' tariffi vinkolanti, jew il-projbizzjoni ta' kwalunkwe forma ta' reklamar u kummerċjalizzazzjoni (34). It-tnaqqis tar-rekwiżiti jew iż-żieda fil-flessibbiltà jagħtu spinta lill-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet regolati, li jkunu ta' benefiċċju għan-negozji li jixtru dawn is-servizzi. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, ir-restrizzjonijiet regolatorji għadhom kemxejn ogħla milli f'pajjiżi pari, għalkemm naqsu b'mod sinifikanti mill-2018 (35) (36). Eżempji ta' tali restrizzjonijiet huma r-rekwiżit li jinkisbu awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-ftuħ ta' ħwienet tal-ħwejjeġ, tal-ikel u tax-xorb u l-permess li jsiru promozzjonijiet tal-bejgħ biss matul perjodi speċifiċi tas-sena (37). |
|
(32) |
It-taħlita tal-enerġija attwali tal-Lussemburgu għadha ddominata mill-fjuwils fossili, bil-fjuwils fossili jammontaw għal 61,1 % tal-konsum domestiku gross fl-2023. Filwaqt li l-pajjiż għamel sforzi biex iżid is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, dawn ammontaw għal 11,9 % biss tat-taħlita tal-enerġija fl-2023 (38), u enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar azzjoni biex tiġi diversifikata t-taħlita tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Barra minn hekk, il-Lussemburgu jiddependi ħafna fuq il-ġirien tiegħu biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu. Filwaqt li l-grilji tal-elettriku huma biżżejjed għall-ħtiġijiet attwali tiegħu, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jara ħtieġa kemm li jżid kif ukoll li jimmodernizza l-grilja b'vultaġġ għoli u jtejjeb l-interkonnessjonijiet, b'mod partikolari mal-Ġermanja, minn issa sal-2040. Il-muniċipalitajiet ser ikollhom ukoll rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' pjanijiet lokali dettaljati għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ u l-fotovoltajċi, u għas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali. Id-dekarbonizzazzjoni tal-bini hija kruċjali, peress li fl-2023 kienet tammonta għal 20 % tal-emissjonijiet totali fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi tal-Lussemburgu (39). Iż-żieda żgħira reċenti fil-konsum tal-enerġija fis-settur residenzjali tenfasizza l-ħtieġa għal aktar progress fir-rinnovazzjonijiet tal-bini u fl-effiċjenza enerġetika biex tintlaħaq il-mira ta' tnaqqis ta' 50 % tal-emissjonijiet għall-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005. It-titjib tal-effiċjenza enerġetika kemm fil-bini residenzjali kif ukoll f'dak mhux residenzjali huwa essenzjali biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija bi 34 % sal-2030, kif deskritt fl-istrateġija nazzjonali ta' rinnovazzjoni. |
|
(33) |
Livelli baxxi ta' ħiliet bażiċi huma ta' theddida għall-produttività tax-xogħol u l-kompetittività fil-Lussemburgu. Il-proporzjon ta' dawk li jiksbu riżultati baxxi fil-pajjiż huwa ogħla mill-medja tal-UE, b'differenza sinifikanti fil-punteġġ bejn studenti vantaġġati u żvantaġġati, li jagħmilha l-aktar wiesgħa fl-UE (40). Dan id-defiċit fil-prestazzjoni jiżviluppa kmieni, b'mod partikolari fost l-istudenti minn sfondi żvantaġġati u dawk li ma jitkellmux bil-Ġermaniż jew bil-Lussemburgiż f'pajjiżhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ immirat. In-nuqqas ta' qafas unifikat tal-kwalità tal-iskejjel fil-livell nazzjonali (41) jipprevjeni monitoraġġ effettiv u jista' jaċċentwa s-segmentazzjoni u l-inugwaljanzi. Il-politiki attwali jonqsu milli jindirizzaw id-disparitajiet fis-sistema skolastika, u jenfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ aktar komprensiv (42). L-adozzjoni ta' qafas nazzjonali tal-kwalità tal-iskejjel u sistema esterna ta' evalwazzjoni tal-iskejjel, kif ukoll l-adattament tat-tagħlim għall-ħtiġijiet tal-istudenti żvantaġġati u dawk minn sfondi lingwistiċi varji, jistgħu jgħinu biex jitnaqqas id-distakk fil-prestazzjoni u jittejbu l-livelli ġenerali tal-ħiliet. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jappoġġa wkoll it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fit-tul tal-pajjiż. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tat-titjib fil-konverġenza soċjali, f'konformità mal-analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (43). |
|
(34) |
Minkejja l-prestazzjoni ekonomika b'saħħitha tiegħu, il-Lussemburgu qed jiffaċċa diskrepanzi persistenti fil-ħiliet u nuqqasijiet sinifikanti ta' ħaddiema tas-sengħa (44) (45) f'setturi ewlenin marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Madwar 80 % tal-SMEs jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jirreklutaw ħaddiema bil-ħiliet it-tajba f'ċerti professjonijiet (46), li jistgħu jfixklu l-kompetittività. Sadanittant, huma rrapportati nuqqasijiet f'diversi okkupazzjonijiet li jeħtieġu ħiliet speċifiċi relatati mas-setturi diġitali u ekoloġiċi. Għad hemm diversi sfidi fil-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet fil-Lussemburgu. Il-parteċipazzjoni ta' ħaddiema akbar fl-età fil-programmi ta' tagħlim għadha baxxa. Barra minn hekk, għad hemm distakk sinifikanti bejn ir-rata attwali ta' taħriġ għall-adulti u l-mira nazzjonali ta' 62,5 % tal-ħiliet tal-Lussemburgu għall-2030 (17,3-il punt perċentwali) (47), li jenfasizza l-ħtieġa għal inizjattivi mmirati biex jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet. F'dan il-kuntest, l-Inizjattiva Skillsbridges tnediet fl-2024/2025. |
|
(35) |
Is-sistema tas-saħħa tal-Lussemburgu qed tiffaċċa sfidi bin-nuqqas ta' ħaddiema tas-saħħa, id-dipendenza għolja fuq professjonisti tas-saħħa barranin, id-distribuzzjoni inugwali tal-persunal, u l-proporzjon sinifikanti ta' tobba li mistennija jirtiraw sal-2034. It-tixjiħ tal-popolazzjoni ser jaggrava l-isfidi. Użu aktar effiċjenti ta' riżorsi limitati u l-aċċellerazzjoni tar-riformi huma prekundizzjoni biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. L-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-servizzi tas-saħħa permezz ta' aktar mudelli ta' kura ta' prevenzjoni u mmexxija mill-komunità, ipprovduti f'timijiet aktar milli fi prattiki individwali, huwa fattur ewlieni ta' titjib fl-effiċjenza fil-futur. Użu aħjar tad-data u l-informazzjoni fil-governanza u l-ippjanar u t-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni huma kruċjali biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni tas-sistema tas-saħħa. |
|
(36) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Lussemburgu, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (1), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-2025. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:
|
1. |
Isaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Jiżgura li n-nefqa netta tirrispetta l-perkors rakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. Jindirizza s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, b'mod partikolari billi jillimita l-għażliet ta' rtirar bikri u jżid il-parteċipazzjoni u r-rata ta' impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età billi jtejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg u l-impjegabbiltà tagħhom. Iżid il-provvista tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari billi tiġi adottata politika komprensiva dwar l-użu tal-art u riforma tat-taxxa fuq il-proprjetà, jiġu żviluppati proġetti distrettwali fuq skala kbira fuq art pubblika, u tissaħħaħ il-koordinazzjoni mal-ippjanar urban u t-trasport pubbliku transfruntier. Jimmitiga r-riskji relatati mas-suq tad-djar billi jelimina gradwalment l-inċentivi fiskali għas-self u billi jsaħħaħ il-qafas makroprudenzjali. Jieħu azzjoni ulterjuri biex jindirizza b'mod effettiv l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b'mod partikolari billi jiżgura tassazzjoni suffiċjenti ta' pagamenti li joħorġu ta' imgħax u royalties lejn ġuriżdizzjonijiet b'taxxa żero/baxxa, għajr dawk inklużi fil-lista maqbula tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. |
|
2. |
Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+), filwaqt li jibnu, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Jiffoka l-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq it-trawwim tal-innovazzjoni u l-appoġġ għal attivitajiet intensivi ħafna fir-R&Ż. Jagħti spinta lill-kompetittività, inkluż billi jippromwovi d-diversifikazzjoni, b'mod partikolari fis-settur finanzjarju, jaċċellera d-diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari fl-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali avvanzati mill-SMEs, u jippermetti l-espansjoni tan-negozju u t-tkabbir tal-produttività. Inaqqas l-ostakli għall-kompetizzjoni fis-servizzi tan-negozju professjonali regolati. |
|
4. |
Itejjeb it-trasport sostenibbli u effiċjenti billi jkompli jippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u jinvesti fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku u fin-networks transfruntiera. Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jinvesti fl-effiċjenza enerġetika kemm fis-settur residenzjali kif ukoll f'dak mhux residenzjali. Jimmodernizza l-grilja b'vultaġġ għoli u jżid il-kapaċità tagħha, itejjeb l-interkonnessjonijiet transfruntiera, u jiffaċilita l-proċeduri għall-għoti ta' permessi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli. Jappoġġa lill-muniċipalitajiet fl-użu tal-enerġija rinnovabbli. |
|
5. |
Itejjeb il-prestazzjoni u jiżgura opportunitajiet indaqs fl-iskejjel, inkluż billi jadotta qafas nazzjonali ta' kwalità tal-iskejjel u sistema esterna ta' evalwazzjoni tal-iskejjel, u billi jadatta t-tagħlim għall-ħtiġijiet tal-istudenti żvantaġġati u dawk minn sfondi lingwistiċi varji. Jindirizza l-ispariġġ fil-ħiliet, b'mod partikolari għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, billi jistimula l-iżvilupp tal-ħiliet. Itejjeb ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi jiġu aċċellerati r-riformi u tiġi żgurata d-disponibbiltà xierqa ta' ħaddiema tas-saħħa. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.,4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu (ST 10155/2021).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu (ST 12569/24 + ADD1).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali ta' terminu medju tal-Lussemburgu (ĠU C, C/2025/650, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/650/oj).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).
(9) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(10) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(11) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(12) Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.
(13) Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta' kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(14) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti straordinarji mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(15) Il-Kummissjoni Ewropea, 2024, Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024. Projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji għall-Istati Membri tal-UE (2022-2070) .
(16) Cahier statistique no 18 – IGSS, 2024.
(17) Eurostat, prc_hpi_q, u Estimations du taux de rendement d'un investissement locatif au Luxembourg, Rapport d'analyse 13, Observatoire de l'habitat (2025).
(18) Coût du logement: Une comparaison du Luxembourg avec la France, la Belgique et l'Allemagne, Note 40, Observatoire de l'habitat (2024).
(19) Il-Kummissjoni Ewropea, 2023, In-Depth Review 2023 - Luxembourg.
(20) Statec, 2025, P2021 No18 – La dépendance automobile persiste pour les déplacements domicile-travail.
(21) Plan national de mobilité, Ministère de la Mobilité et des Travaux publics.
(22) L-emissjonijiet tal-kondiviżjoni tal-isforzi għal-2023 huma bbażati fuq data approssimata tal-inventarju. Id-data finali ser tiġi kkonfermata fl-2027 wara rieżami komprensiv.
(23) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2523/oj).
(24) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu (EUR-Lex - 52025PC0123 - MT - EUR-Lex).
(25) Eurostat (isoc_e_dii, 2024) and Luxembourg Startup Ecosystem Assessment and Benchmarking, Ministère de l'Economie, 2023.
(26) Conseil national de la productivité, 2023.
(27) OECD, l-Istħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Il-Lussemburgu 2025.
(28) OPC LUX: L-Osservatorju tal-Politika dwar il-Klima, il-Lussemburgu, ir-Rapport Annwali 2023.
(29) Z/Yen Group 2024, Smart Centres Index 10.
(30) Eurostat, (bop_iip6_q), (namq_10_gdp).
(31) OECD, Product Market Regulation indicators, 2024.
(32) Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar il-kunsiderazzjoni u l-aġġornament tar-rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali, COM(2021) 385, 9.7.2021.
(33) OECD, Product Market Regulation indicators, 2024.
(34) OECD, l-Istħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Il-Lussemburgu | OECD, p. 106, April 2025.
(35) OECD, Product Market Regulation indicators, 2024.
(36) Il-Kummissjoni Ewropea, aġġornament tal-2022 tal-Indikatur tar-Restrittività għall-Bejgħ bl-Imnut.
(37) OECD, l-Istħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Il-Lussemburgu | OECD, p. 107, April 2025.
(38) Il-konsum gross intern fl-2023 (Eurostat).
(39) L-emissjonijiet tal-kondiviżjoni tal-isforzi għal-2023 huma bbażati fuq data approssimata tal-inventarju. Id-data finali ser tiġi kkonfermata fl-2027 wara rieżami komprensiv.
(40) https://www.oecd.org/content/dam/oecd/en/publications/reports/2019/12/pisa-2018-results-volume-i_947e3529/5f07c754-en.pdf.
(41) Ara Observatoire national de l'enfance, de la jeunesse et de la qualité scolaire (OEJQS), 2024, Topical report: Evidenzorientierte Qualitätsentwicklung im Gesamtsystem Schule (German).
(42) Épreuves Standardisées (ÉpStan).
(43) SWD(2025)95 – Second-stage country analysis on social convergence in line with the Social Convergence Framework (SCF), 2025.
(44) Eurostat, (lfsq_urgan).
(45) Eurostat, (jvs_q_nace2).
(46) Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2024.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3990/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)