|
31.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 88/76 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-22 ta' April 2008
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, Taqsima V – il-Qorti tal-Awdituri
(2009/192/KE)
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006 (1),
wara li kkunsidra l-kontabilità annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2006 – Volum I (C6-0366/2007) (2),
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri lill-awtorità tal-kwittanza rigward il-verifiki interni mwettqa fl-2006,
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2006 u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati (3),
wara li kkunsidra r-rapport mill-Awditur Estern dwar il-kontabilità tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2006 (4),
wara li kkunsidra l-istqarrija ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti pprovduti mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (5),
wara li kkunsdira l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u partikolarment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0093/2008),
|
1. |
Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2006; |
|
2. |
Jindika l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt; |
|
3. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tifforma parti integrali minnha lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jagħmel l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L). |
Il-President
Hans-Gert PÖTTERING
Is-Segretarju Ġenerali
Harald RØMER
(2) ĠU C 274, 15.11.2007, p. 1.
(3) ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.
(4) ĠU C 292, 5.12.2007, p. 1.
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-22 ta' April 2008
b'osservazzjonijiet li jiffurmaw parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, Taqsima V – il-Qorti tal-Awdituri
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006 (1),
wara li kkunsidra l-kontabilità annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2006 – Volum I (C6-0366/2007) (2),
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri lill-awtorità tal-kwittanza rigward il-verifiki interni mwettqa fl-2006,
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2006 u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet verifikati (3),
wara li kkunsidra r-rapport mill-Awditur Estern dwar il-kontabilità tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2006 (4),
wara li kkunsidra l-istqarrija ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti pprovduti mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (5),
wara li kkunsdira l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u partikolarment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0093/2008),
|
1. |
Jinnota li fl-2006 il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) kellha approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli li jammontaw għal total ta' EUR 113 596 668 31 (2005: 107 548 618 24 EUR), b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 89 %, taħt il-medja tal-istituzzjonijiet l-oħra; |
|
2. |
Jinnota li, wara l-introduzzjoni tal-kontabilità tad-dovuti fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2005, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-ECA wrew rendiment ekonomiku negattiv għas-sena finanzjarja 2006 (EUR 32 000) u żieda fil-passiv, meta mqabbla mal-attiv, ta' EUR 11 418 000; |
|
3. |
Ifakkar li fir-rigward tas-sena finanzjarja 2006 (hekk kif kien ukoll il-każ għas-sena finanzjarja 2004) il-kontijiet tal-ECA ġew ivverifikati minn impriża esterna, KPMG, illi kkonkludiet li: “[…] id-dikjazzjonijiet finanzjarji jagħtu stampa ċara u ġusta tal-qagħda finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri sal-31 ta' Diċembru 2006 u tar-riżultati operattivi tagħha għas-sena li ntemmet, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002, tar-regoli ta' implimentazzjoni tagħha, tal-prinċipji tal-kontabilità ġeneralment aċċettati u tar-Regoli Interni tal-Qorti Ewropea tal-awdituri.”; |
|
4. |
Jinnota li t-tweġiba miktuba pprovduta mill-ECA għall-kwestjonarju tar-rapporteur fir-rigward tal-kontabilità tal-pensjonijiet tal-ex Membri tal-ECA, li skont hi l-passiv għall-pagamenti tal-pensjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2006 hija mniżżla mill-ECA fuq il-karta tal-bilanċ tagħha u l-garanzija min-naħa tal-Istati Membri hija ppreżentata fin-nota tal-karta tal-bilanċ, iżda mhux imdaħħla bħala kreditu fuq medda twila ta' żmien fil-konfront tal-Istati Membri; jinnota wkoll li fis-sena finanzjarja 2006 l-pagamenti tal-pensjonijiet maħruġa mill-ECA lill-Membri tagħha jammontaw għal EUR 2,3 miljun; |
|
5. |
Itenni l-opinjoni tiegħu li kemm il-passiv għall-pagamenti tal-pensjoni fil-ġejjieni u anki l-kreditu fuq medda twila ta' żmien fir-rigward tal-Istati Membri – dawn tal-aħħar jiggarantixxu l-finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet – għandhom jiġu inklużi fil-karta tal-bilanċ sabiex tingħata stampa ċara tal-passiv eżistenti u n-nefqa reali tal-ivverifikar fl-UE, kif ukoll biex ikunu riflessi l-prinċipji tal-kontabilità tad-dovuti mill-1 ta' Jannar 2005; |
|
6. |
Jinnota li r-rapport tal-2006 tal-Awditur Intern tal-ECA kien pożittiv ħafna u stabbilixxa li l-kwalità tal-fajls u tal-kuntratti għas-sejħa għall-offerti kienet sodisfaċenti għalkemm “l-għażla ta' proċeduri ssimplifikati jew derogatorji setgħu ġew ġustifikati aħjar u d-dokumentazzjoni fil-livell ta' evalwazzjoni tal-offerti għandha titjieb”; jilqa’ b’sodisfazzjon f'dan il-kuntest li r-rakkomandazzjonijiet kollha mressqa mill-Awditur Intern (it-tisħiħ ta' taħriġ ta' akkwist xieraq u l-irreġistrar tal-kuntratti kollha f'bażi ta' data singola) ittieħdu azzjoni dwarhom; |
|
7. |
Jinnota bi tħassib li, skont it-tweġibiet għall-kwestjonarju tar-rapporteur, l-ECA għadha qed taffronta diffikultajiet marbuta mar-reklutaġġ fir-rigward ta' staff professjonalment kwalifikat għal bosta postijiet ta' impjieg minn kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO minħabba l-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu u n-nuqqas ta' attrazzjoni tas-salarju marbut mal-grad AD 5 bażiku; jilqa’ b’sodisfazzjon madankollu t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' postijiet vakanti minn 74 fl-2006 għal 56 fl-2007 u jfaħħar l-intenzjoni tal-ECA li tnaqqas ulterjorment l-għadd ta' postijiet vakanti u s-sehem relattiv tagħhom fl-organigramma totali fis-snin attwali u f'dawk li ġejjin; |
|
8. |
Jinnota li ħames Membri ġodda ngħaqdu mal-ECA matul l-2006; itenni t-tama tiegħu li se jkun possibbli li tinħoloq struttura aktar razzjonali għall-ECA qabel it-tkabbir li jmiss; jitlob lill-ECA biex tqis mudelli eżistenti bil-għan li tnaqqas l-għadd totali ta' Membri; itenni l-istedina tiegħu biex jitqiesu proposti li jintroduċu sistema rotatorja simili għal dik applikata mill-Kunsill ta' Governanza tal-Bank Ċentrali Ewropew jew sistema b'Awditur Ġenerali wieħed; jistieden lill-ECA biex iżżomm lill-Parlament aġġornat bis-segwitu ta' din ir-rakkomandazzjoni sat-30 ta' Settembru 2008; |
|
9. |
Jinnota li l-ECA adottat manwal ġdid għall-verifika tar-rendiment u pjan biex tkun żviluppata aktar il-verifika bl-IT kif ukoll tkun regolata l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' verifika biex jirriflettu l-impatt tal-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività (ABB) fuq l-ivverifikar; apparti dan jinnota li l-ECA wettqet eżerċizzju ta' awto-valutazzjoni matul l-2006 li wassal għal pjan ta' azzjoni; |
|
10. |
Jinnota li dan il-pjan ta' azzjoni huwa soġġett għal “reviżjoni bejn il-pari” minn grupp ta' reviżuri bejn il-pari internazzjonali; jitlob lill-President tal-ECA biex iressaq aġġornament dwar l-iżvilupp tar-reviżjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni; |
|
11. |
Jinnota fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri li f'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-ECA, il-membri tal-ECA għandhom jgħaddu dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom u assi oħra (inklużi ishma, bonds konvertibbli, ċertifikati ta' investiment, kif ukoll art u proprjetà immobbli, flimkien mal-attivitajiet professjonali tal-konjuġi) lill-President tal-ECA, li jżommhom għandu fir-rispett tal-kunfidenzjalità, u li dawn ma jiġux ippubblikati; |
|
12. |
Itenni s-sejħa tiegħu li, bħala kwistjoni ta' prinċipju u fl-interess tat-trasparenza, il-Membri tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu meħtieġa jressqu dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji li għandha tkun disponibbli fuq l-Internet permezz ta' reġistru pubbliku; jesprimi d-diżappunt tiegħu li, kuntrarju għar-rikjesta tiegħu tas-sena l-oħra, l-ECA ma nfurmatx lill-Parlament sat-30 ta' Settembru 2007 dwar liema miżuri adattati se tieħu f'dan ir-rigward. |
(2) ĠU C 274, 15.11.2007, p. 1.
(3) ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.
(4) ĠU C 292, 5.12.2007, p. 1.