|
9.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 259/3 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-7 ta’ Awwissu 2017
dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid
[La Clape (DOP)]
(2017/C 259/03)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Franza ressqet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “La Clape” skont it-Taqsima 2, tal-Kapitolu I, tat-Titolu II, tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(2) |
B’konformità mal-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat din l-applikazzjoni u sabet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1), kif ukoll fl-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament imsemmi, huma ssodisfati. |
|
(3) |
Sabiex tkun tista’ ssir il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni li saret matul il-proċedura nazzjonali għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “La Clape” jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
Id-dokument uniku mfassal skont l-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza tal-ispeċifikazzjoni għall-isem “La Clape” (DOP) jinstabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jingħata għal xaharejn li jibdew jiskorru mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2017.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
ANNESS
DOKUMENT UNIKU
“La Clape”
PDO-FR-02113
Data tat-tressiq tal-applikazzjoni: 26.11.2015
1. Isem/ismijiet li se jiġu rreġistrati
“La Clape”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
L-inbejjed ħomor tad-DOK La Clape
Dawn huma nbejjed ħomor mhux frizzanti u mingħajr zokkor residwu li għandhom qawwa alkoħolika minima naturali bil-volum (TAVNM) ta’ 12,5 %.
Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni (lott sfuż jew ippakkjat) huwa inqas minn jew ugwali għal 3 g/l għall-inbejjed ħomor.
Il-kriterji analitiċi l-oħra jsegwu r-regoli tal-UE.
L-inbejjed ħomor għandhom kulur ileqq b’intensità profonda, ta’ sikwit vjola u r-riħa karatteristika hija magħmula minn ħjiel balsamiċi konċentrati (ir-raża tal-arżnu, l-ewkaliptu…) u mill-aroma tal-garigue. Minħabba l-preżenza qawwija tat-tannini, dawn l-inbejjed jeħtieġu maturazzjoni ta’ mill-inqas sena.
L-inbejjed bojod tad-DOK La Clape
Dawn huma inbejjed bojod mhux frizzanti u mingħajr zokkor residwu, li għandhom qawwa alkoħolika minima naturali bil-volum (TAVNM) ta’ 12 %.
Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni (lott sfuż jew ippakkjat) huwa inqas minn jew ugwali għal 4 g/l għall-inbejjed bojod.
Il-kriterji analitiċi l-oħra jsegwu r-regoli tal-UE.
L-inbejjed bojod “La Clape”, b’aromi partikolari ħafna, ġejjin minn ta’ mill-inqas żewġ varjetajiet, li jinkludu Bourboulenc B (jew “Malvoisie”), li hija kkunsidrata bħala indispensabbli.
Huma ta’ lewn safrani ta’ intensità medja u jippreżentaw bilanċ eċċellenti bejn lixx u aċiduż, kif ukoll diversità aromatika rikka l-aktar ta’ fjuri bojod, ta’ frott, bi ħjiel balsamiċi, u b’ċerta mineralità.
L-inbejjed bojod jippreżentaw bilanċ eċċellenti bejn lixx u aċiduż.
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
a. Prattiki enoloġiċi essenzjali
Prattika enoloġika speċifika
L-użu taċ-ċana huwa pprojbit.
Huwa pprojbit kull trattament termiku tal-ħsad tal-għeneb għall-inbid fejn it-temperatura taqbeż l-40 °C.
Densità ta’ tħawwil – Spazjar
Prattika tal-kultivazzjoni
Id-densità minima tad-dwieli meta jinżergħu: 4 400 pjanta għal kull ettaru; Bejn ir-raddiet tagħhom ma jistax ikun aktar minn 2,50 metri u kull pjanta għandha erja massima ta’ 2,25 m2.
Tiżbir tad-dwieli
Prattika tal-kultivazzjoni
Iż-żabra ssir qabel l-istadju E, bi tliet werqiet mifruxa fuq l-ewwel żewġ (2) blanzuni.
Id-dwieli jinżabru qosra, bil-ħarrieġa, b’massimu ta’ 10 blanzuni fuq kull dielja. Kull ħarrieġa għandha massimu ta’ 2 blanzuni.
Il-varjetajiet Syrah N u Roussanne B, jistgħu jitħarrġu bil-metodu Guyot sempliċi, b’massimu ta’ 9 blanzuni fuq kull dielja, li jinkludu, wara t-tneħħija tal-blanzuni żejda (ébourgeonnage), fl-istadju tal-għeluq tal-għanqud, massimu ta’ 5 blanzuni miftuħin fuq iz-zokk u b’ħarrieġa ta’ sostituzzjoni waħda jew tnejn u fuq kull waħda minn dawn, massimu ta’ żewġ blanzuni.
Dispożizzjoni speċjali dwar il-ħsad
Prattika tal-kultivazzjoni
Għal varjetajiet bojod, il-piż tal-ħsad tal-għeneb huwa ristrett għal 5 000 kilogrammi għal kull reċipjent tat-trasport.
Irrigazzjoni
Prattika tal-kultivazzjoni
L-irrigazzjoni tista’ tiġi awtorizzata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu D. 645-5 tal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.
Fermentazzjoni malolattika
Prattika enoloġika speċifika
L-inbejjed ħomor li jkunu lesti għall-bejgħ bl-ingrossa jew ippakkjat, għandhom kontenut ta’ aċidu maliku daqs jew inqas minn 0,4 gramma għal kull litru.
b. Produttività massima
Inbid aħmar mhux frizzanti u mingħajr zokkor residwu
48 hl/ha
Inbid abjad mhux frizzanti u mingħajr zokkor residwu
57 ettolitru għal kull ettaru
6. Żona definita
Il-ħsad tal-għeneb u l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-Département ta’ Aude: Armissan, Fleury d’Aude, Gruissan, Narbonne, Salles d’Aude, Vinassan.
7. Varjetajiet prinċipali
|
|
Vermentino B |
|
|
Bourboulenc B |
|
|
Grenache N |
|
|
Grenache blanc B |
|
|
Clairette B |
|
|
Mourvèdre N |
|
|
Marsanne B |
|
|
Syrah N |
|
|
Roussanne B |
|
|
Piquepoul blanc B |
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini “La Clape”, tinsab viċin il-Baħar Mediterran, fid-Département ta’ Aude, u tkopri 32 870 ha fuq 6 muniċipalitajiet tal-Massif ta’ La Clape u l-għoljiet tiegħu. Din il-fruntiera naturali bejn il-kosta tal-Mediterran u l-belt ta’ Narbonne hija definita b’mod tajjeb ħafna, u sas-seklu 13 kienet baqgħet gżira qabel mal-pjanura Narbonnaise tneħħitilha l-ilma. Dan il-massif tal-franka tabulari u karstiku, mingħajr mogħdijiet tal-ilma permanenti, jilħaq għoli ta’ 214-il metru. Il-pajsaġġ tiegħu magħmul minn għoljiet tal-blat u minn witiet miksija bil-ħaxix tal-garigue u fuq il-ġnub bil-foresti tal-arżnu, u huwa essenzjalment iddedikat għall-vitikultura u b’kuntrast għall-pjanura alluvjali ta’ Aude li għandha kultivazzjoni mħallta u l-għadajjar tal-ilma fil-madwar.
Din iż-żona tinsab fil-qalba tal-Golf du Lion, u għandha klima mediterranja, semi-arida bi kważi 500 mm ta’ xita fis-sena. Il-perjodi tas-sajf huma karatterizzati min-nixfa, u dan jeħtieġ adattament tal-veġetazzjoni biex tiflaħ għall-istress tan-nuqqas tal-ilma. Il-massif ta’ La Clape huwa kkaratterizzat minn temperaturi għoljin matul il-perjodu veġetattiv tad-dwieli li jirriżultaw f’qawwa minima alkoħolika naturali ogħla milli dik tad-denominazzjoni reġjonali.
Madankollu, il-fattur ewlieni determinanti ambjentali għad-dwieli fiż-żona ta’ La Clape huwa l-irrigazzjoni flimkien mad-dominanza tal-ġir fil-ħamrija li jfisser li dawk li jkabbru d-dwieli jridu jagħżlu l-varjetà b’mod tajjeb skont il-ħbula tar-raba’.
Barra minn hekk, iż-żona hija soġġetta għall-irjiħat, l-aktar is-“Cers”, riħ mill-majjistral li jiffavorixxi xemx eċċezzjonali għaż-żona b’aktar minn 3 000 siegħa ta’ esponiment għax-xemx fis-sena. Fl-aħħar nett, l-ambjent tad-dwieli huwa protett u varjat ħafna: żoni ta’ għoljiet, widien, widien b’taħlita ta’ tafal u ta’ ġir, pjanuri żgħar ta’ “polje” antiki. Il-pajsaġġ tal-vitikultura jinsab f’art miksija bil-ħaxix tal-garigue tal-madwar flimkien ma’ pajsaġġ niexef u bil-blat jew f’formazzjonijiet tal-imsaġar tal-arżnu ta’ Aleppo, tal-prinjol domestiku u kultant tal-ewkaliptu.
Iż-żona ġeografika tinsab qrib triq Rumana msejħa “Via Domitia” li jfisser li l-vitikultura ilha tippersisti hemm mis-seklu VI seklu qabel Kristu. Il-varjetajiet tad-dwieli li adattaw għall-kundizzjonijiet tal-ambjent u li l-kwalitajiet tagħhom huma ottimizzati bis-saħħa tar-restrizzjoni fuq ir-rendimenti, wasslu biex sa mill-1951, ikun hemm rikonoxximent tat-tikketta tal-kwalita VDQS tal-inbejjed ta’ La Clape, u sussegwentement għall-istabbiliment ta’ isem ġeografiku komplementari tad-denominazzjoni reġjonali “Languedoc”. Fil-fatt, fil-muntanji ta’ La Clape, il-kultivaturi żviluppaw it-territorju tagħhom billi għażlu l-aktar modi favorevoli għall-kultivazzjoni tad-dwieli. Għalhekk, hija adatta għall-għan b’mod ideali, iż-żona tad-denominazzjoni definita (2 592 ha) tinkludi biss postijiet fejn il-livell tar-riżerva tal-ilma fl-art jagħmel tajjeb għall-klima niexfa, u fejn l-ilma jiskula b’mod tajjeb u ġew esklużi l-ħbula bid-depożiti alluvjali jew bl-għadajjar. Dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġu ġestjoni ottima tal-pjanta u tal-potenzjal tagħha għall-produzzjoni permezz tat-tħarriġ tad-dwieli, tat-tiżbir qsajjar u tal-produttività baxxa: 42 ha għal kull ettaru għall-inbid aħmar (minflok 50 għad-denominazzjoni Languedoc) u 52 għall-inbid abjad (minflok 60 għal-Languedoc).
Għall-inbejjed bojod, il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima jwasslu għal maturità li jirriżultaw f’kumplessità aromatika u lixxa bi ħjiel aċidużi li jiffavorixxu l-espressjoni tal-karatteristiċi tal-fjuri u tal-frott tal-inbejjed, filwaqt li mhumiex tqal. L-oriġinalità hija perfettament espressa bil-kombinazzjoni tal-varjetajiet u l-preżenza obbligatorja tal-Bourboulenc B fi proporzjon minimu ta’ 30 %. Din il-varjetà tal-għenba tgawdi minn privileġġ uniku fir-reġjun: il-maturità tardiva tagħha, l-adattament eċċellenti għall-iskarsezza tal-ilma u l-kapaċità tagħha li tieħu l-aqwa vantaġġ mir-raxx tal-baħar u mix-xita ta’ Settembru, huma l-fatturi li jippermettulha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha biex tikkontribwixxi għall-produzzjoni ta’ nbejjed lixxi u fini. L-inbejjed bojod “La Clape” huma ta’ lewn safrani ta’ intensità medja, u jippreżentaw bilanċ eċċellenti bejn lixx u aċiduż, kif ukoll diversità aromatika rikka l-aktar ta’ fjuri bojod, ta’ frott, bi ħjiel balsamiċi. L-influwenza tal-ġir tal-blata oriġinali tagħti ċerta mineralità.
Il-varjetajiet ikkultivati għall-inbejjed ħomor, huma adattati tajjeb ferm għall-kundizzjonijiet ta’ sħana u ta’ nixfa taż-żona, b’mod partikolari l-Mourvèdre N u l-N Grenache: l-għeneb maħsuda meta maturi jagħtu produzzjoni ta’ nbejjed tanniċi. L-għenba tas-Syrah N tikkontribwixxi għall-intensità tal-kulur tal-inbejjed, u dawn il-varjetajiet valorizzati mħalltin flimkien f’dan it-territorju jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ nbejjed partikolarment tipiċi. Il-fertilità skarsa tal-ħamrija, kif ukoll il-produttività moderata jagħtu lill-inbejjed ħomor, il-kulur intens profond tagħhom u preservazzjoni tajba.
B’hekk l-inbejjed ħomor għandhom kulur ileqq b’intensità profonda, ta’ sikwit vjola. L-influwenza tal-ġir tal-blata oriġinali tikkontribwixxi għall-espressjoni ta’ aromi balsamiċi u r-riħa kkaratteristika hija kkostitwitaa minn ħjiel balsamiċi konċentrati (ir-raża tal-arżnu, l-ewkaliptu…) u mill-aroma tal-garigue. Minħabba l-preżenza qawwija tat-tannini, dawn l-inbejjed jeħtieġu maturazzjoni ta’ mill-inqas sena, li jippermetti li l-inbejjed jiġu akkreditati, waqt li joffru ċertu livell ta’ kumplessità aromatika aktar ikkonċentrata.
9. Kundizzjonijiet essenzjali oħra
Unità ġeografika usa’
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni Nazzjonali
Tip ta’ kundizzjoni supplementari:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ “Languedoc”.
Id-daqs tal-ittri għal din l-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata.
Informazzjoni mhux obbligatorja
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni Nazzjonali
Tip ta’ kundizzjoni supplementari:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Id-daqs tal-ittri tat-termini fakultattivi kollha li l-użu tagħhom jista’, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, jiġi rregolat mill-Istati Membri, ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata.
Żona fil-viċinanza immedjata
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ kundizzjoni supplementari:
Derogi dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Iż-żona fil-prossimità immedjata, definita b’deroga għall-produzzjoni, l-iżvilupp u l-maturazzjoni tal-inbejjed, tikkonsisti mit-territorju tal-muniċipalità li ġejja tad-Département ta’ Aude: Coursan.
Referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-4a468959-24cd-46e1-ab2e-5f6eba98306a