Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑853/25

RL

vs

Najvyšší súd Slovenskej republiky

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2018/1673 – Reat ta’ ħasil tal-flus – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Applikabbiltà – L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) – Prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (prinċipju ta’ lex mitior) – Applikazzjoni fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali – Appell suġġett għal terminu għall-preżentata ta’ tliet snin”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża, li għandha bħala sfond appell ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra sentenza mogħtija fl-appell li timponi kundanna kriminali, toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tispjega l‑ġurisprudenza tagħha dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (2), stabbilit fl-aħħar sentenza tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), kif tirriżulta, essenzjalment, mis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans (4).

2.        Dan il-prinċipju jippermetti lil akkużat jibbenefika minn dispożizzjoni nazzjonali, li daħlet fis-seħħ wara t-twettiq tar-reat, li jew temenda l-klassifikazzjoni kriminali ta’ dan ir-reat f’sens favorevoli għalih jew tnaqqas il-piena li takkumpanja l-imsemmi reat, sakemm dan l-imputat ma jkunx ġie kkundannat b’mod definittiv (5).

3.        F’dan il-każ, deċiżjoni tal-qorti tal-appell irrendiet definittiva, fis‑sens tad-dritt Slovakk, il-kundanna tar-rikorrent. Madankollu, qabel l‑iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni, il-leġiżlatur Slovakk naqqas il-piena prevista għar-reat inkwistjoni, u dan fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Peress li l-qorti ta’ kassazzjoni, jiġifieri n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), ma applikatx il-prinċipju ta’ lex mitior, dan ir-rikorrent qiegħed jitlob lill-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), li hija l‑qorti tar-rinviju, tikkonstata ksur ta’ dan il-prinċipju

4.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-portata ta’ dan il-kunċett ta’ “kundanna definittiva”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali fid-dritt Slovakk.

5.        F’dan ir-rigward, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċentraw essenzjalment fuq l-effett li jista’ jkollu t-terminu ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza tal-appell, li l-persuna kkundannata jew il-prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, is-Slovakkja) għandha, skont id-dritt Slovakk, sabiex tippreżenta appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali.

6.        Jekk tali terminu jikkostitwixxi ċirkustanza li tiġġustifika li dan l‑appell jitqies bħala rimedju straordinarju, dan ikollu bħala konsegwenza li emenda tal-liġi kriminali favorevoli għall-persuna kkundannata, li tkun seħħet wara l-kundanna tagħha fl-appell, ma għandhiex, skont id-dritt tal-Unjoni, tiġi applikata fil-konfront tagħha fil-kuntest tal-imsemmi appell.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l‑ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali(6), jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi li jikkonċernaw id‑definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-ħasil tal‑flus.

2.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħasil tal-flus fir-rigward ta’ proprjetà li tkun ġiet minn reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li huwa soġġett għal regoli speċifiċi stabbiliti fid‑Direttiva (UE) 2017/1371 [(7)].”

8.        Il-punt 1(o) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/1673 jiddikjara:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘attività kriminali’ tfisser kwalunkwe tip ta’ involviment kriminali fit-twettiq ta’ kwalunkwe reat, punibbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, bit-tiċħid tal-libertà jew b’detenzjoni għal massimu ta’ aktar minn sena jew, fir-rigward ta’ Stati Membri li għandhom livell limitu minimu għal reati fis-sistemi legali tagħhom, kwalunkwe reat punibbli bit-tiċħid tal-libertà jew b’detenzjoni għal minimu ta’ aktar minn sitt xhur. Fi kwalunkwe każ, reati fil-kategoriji li ġejjin jitqiesu bħala attività kriminali:

[...]

o)      is-serq.”

9.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja, meta mwettqa intenzjonalment, tkun punibbli bħala reat kriminali:

a)      il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, bil-għarfien li tali proprjetà tkun ġejja minn attività kriminali, għall-fini ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni ta’ dik il‑persuna;

b)      il-ħabi jew it-travestiment tan-natura, is-sors, il-lokalità, id‑dispożizzjoni, il-moviment, jew is-sidien veri tal-proprjetà jew tad-drittijiet veri fir-rigward tagħha, bil-konoxxenza li tali proprjetà tkun ġejja minn attività kriminali;

c)      l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ proprjetà, bil-konoxxenza, fiż‑żmien tar-riċezzjoni tagħha, li tali proprjetà tkun ġiet minn attività kriminali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l‑imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali, fejn it-trasgressur issuspetta jew kien imissu jkun jaf li l-proprjetà kienet ġejja minn attività kriminali.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

a)      kundanna preċedenti jew simultanja għall-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà ma tkunx prerekwiżit għal kundanna għar-reati msemmijin fil-paragrafi 1 u 2;

b)      kundanna għar-reati msemmijin fil-paragrafu 1 u 2 tkun possibbli fejn ikun ġie stabbilit li l-proprjetà tkun ġiet minn attività kriminali, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi fattwali kollha jew iċ-ċirkostanzi kollha relatati ma’ dik l-attività kriminali, inkluża l-identità tal-awtur tar-reat;

c)      ir-reati msemmija fil-paragrafu 1 u 2 ikunu estiżi għall-proprjetà li tkun ġiet minn imġiba mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew f’dak ta’ pajjiż terz, meta dik l-imġiba kienet tikkostitwixxi attività kriminali li kieku twettqet ġewwa l-pajjiż.

[...]

5.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq minn persuni li wettqu jew kienu involuti fl-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà.”

10.      Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikolu 3(1) u 3(5) jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mhux anqas minn erba’ snin.

3.      L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li wettqu r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkunu, fejn meħtieġ, soġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali.”

11.      Skont l-Artikolu 6(2)(a) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċ-ċirkostanzi li ġejjin jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti, b’rabta mal-imġiba msemmija fl-Artikolu 3(1) u(5) u l-Artikolu 4:

a)      il-proprjetà li tkun soġġetta għal ħasil tkun ta’ valur konsiderevoli [...]”

B.      Id-dritt Slovakk

1.      Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka

12.      Skont l-Artikolu 50(6) tal-Ústava Slovenskej republiky (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka):

“L-eżistenza ta’ reat għandha tiġi evalwata u l-kundanna għandha tingħata skont il-liġi fis-seħħ fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Il-liġi l-iktar riċenti għandha tapplika jekk tkun iktar favorevoli għall-awtur tar-reat.”

2.      Il-Kodiċi Kriminali

13.      L-Artikolu 11(3) tat-Trestný zákon (il-Kodiċi Kriminali) jipprevedi:

“Reat li għalih din il-liġi tipprevedi piena ta’ priġunerija b’minimu ta’ mill-inqas għaxar snin għandu jitqies bħala aggravat.”

14.      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-kundanna fl-appell ta’ RL, jiġifieri fl‑14 ta’ Diċembru 2023 (8), l-Artikolu 125(1) tal-Kodiċi Kriminali kien jipprevedi:

“Dannu minuri għandu jinftiehem bħala dannu li jaqbeż EUR 266. Dannu sinjifikattiv għandu jinftiehem bħala dannu li jkun mill-inqas għaxar darbiet ogħla minn dan l-ammont. Dannu kunsiderevoli għandu jinftiehem bħala dannu li jkun mill-inqas mitt darba ogħla minn dan l‑ammont. Dannu fuq skala kbira għandu jinftiehem bħala dannu li jkun mill-inqas ħames mitt darba ogħla minn dan l-ammont. Dawn il-limiti japplikaw ukoll sabiex jiġu ddeterminati l-ammont tal-vantaġġ, il-valur ta’ beni u l-portata ta’ reat.”

15.      Mid-dħul fis-seħħ, fis‑6 ta’ Awwissu 2024, taz-zákon č. 40/2024 Z. z., ktorým sa mení a dopĺňa zákon č. 300/2005 Z. z. Trestný zákon v znení neskorších predpisov a ktorým sa menia a dopĺňajú niektoré zákony (il-Liġi Nru 40/2024 li Temenda u Tikkompleta l-Kodiċi Kriminali, kif Emendat, u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet) tal‑11 ta’ Marzu 2024 (iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda”), dan l-Artikolu 125(1) jipprevedi:

“Dannu minuri għandu jinftiehem bħala dannu li jaqbeż EUR 700. Dannu sinjifikattiv għandu jinftiehem bħala dannu li jaqbeż EUR 20 000. Dannu kunsiderevoli għandu jinftiehem bħala dannu li jaqbeż EUR 250 000. Dannu fuq skala kbira għandu jinftiehem bħala dannu li jaqbeż EUR 650 000. Dawn il-limiti japplikaw ukoll sabiex jiġu ddeterminati l‑ammont tal-vantaġġ, il-valur ta’ beni u l-portata ta’ reat.”

16.      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl‑14 ta’ Diċembru 2023, l-Artikolu 212 tal-Kodiċi Kriminali kien jiddikjara:

“(1)      Kull min japproprja ruħu minn beni ta’ ħaddieħor billi jieħu pussess tagħhom u

a)      jikkawża b’hekk dannu minuri,

[...]

jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn.

[...]

(4)      L-awtur tar-reat imsemmi fil-paragrafu 1 jeħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn għaxar snin u ħmistax-il sena

a)      jekk, billi jagħmel hekk, jikkawża dannu ta’ skala kbira,

[...]”

17.      Mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi li Temenda, l-Artikolu 212(3)(a) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“L-awtur tar-reat jeħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin jekk jikkommetti r-reat previst fil-paragrafu 1

a)      u jikkawża, billi jagħmel hekk, dannu kunsiderevoli.”

18.      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl‑14 ta’ Diċembru 2023, l‑Artikolu 233 tal-imsemmi kodiċi kien jipprevedi:

“(1)      Kull min jakkwista, iżomm jew juża oġġett li jkun ir-rikavat ta’ attività kriminali mwettqa minn persuna oħra fit-territorju tar-Repubblika Slovakka jew barra mill-pajjiż, jeħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u ħames snin.

“(2)      Il-piena prevista fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għal kull min

a)      jaħbi, jittrasferixxi lilu nnifsu jew lil persuna oħra oġġett li jkun ir-rikavat ta’ attivitajiet kriminali mwettqa fit-territorju tar‑Repubblika Slovakka jew barra mill-pajjiż,

[...]

(5)      L-awtur tar-reat jeħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn tnax u għoxrin sena jekk iwettaq ir-reat imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2

a)      fuq skala kbira,

b)      fir-rigward ta’ oġġett miksub bħala riżultat ta’ reat aggravat, jew

[...]”

19.      Mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi li Temenda, l-Artikolu 233(4)(b) tal‑istess kodiċi jipprevedi:

“L-awtur tar-reat jeħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin jekk iwettaq ir-reat previst fil-paragrafu 1 jew 2

[...]

b)      fuq skala kunsiderevoli [...]”

3.      Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

20.      Skont l-Artikolu 368(1) tat-Trestný poriadok (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali):

“Appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija bi ksur tal-liġi jew bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura li tkun ippreċedietha, jekk tali ksur jikkostitwixxi aggravju ta’ kassazzjoni fis-sens tal-Artikolu 371.”

21.      L-Artikolu 369(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“(1)      Appell ta’ kassazzjoni għall-aggravji msemmija fl-Artikolu 371 jiġi ppreżentat mill-Ministerstvo spravodlivosti [Slovenskej republiky [il‑Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka] (iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Ġustizzja”) biss fuq talba. [...]

(2)      Jistgħu jippreżentaw, kontra deċiżjoni definittiva ta’ qorti tat-tieni istanza, appell ta’ kassazzjoni għall-aggravju previst fl-Artikolu 371(1),

a)      il-Prosekutur Ġenerali, kontra kwalunkwe parti mid-dispożittiv [tad-deċiżjoni kkontestata],

b)      il-persuna akkużata, favur tagħha, kontra parti mid-dispożittiv [tad-deċiżjoni kkontestata] li tikkonċernaha direttament.”

22.      L-Artikolu 370(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Meta appell ta’ kassazzjoni jiġi ppreżentat għad-detriment tal-persuna akkużata, dan jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet snin min-notifika, lill-Prosekutur, tad-deċiżjoni tal-qorti. Jekk l-appell ta’ kassazzjoni jiġi ppreżentat favur il-persuna akkużata, dan jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet snin min-notifika tad-deċiżjoni lil dik il-persuna; jekk id‑deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-persuna akkużata u lill-avukat jew lir‑rappreżentant legali tagħha, it-terminu jibda jiddekorri mill-aħħar notifika.”

23.      L-Artikolu 371 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“(1)      Appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat jekk

a)      il-kawża tkun ġiet deċiża minn qorti li ma kellhiex kompetenza,

b)      il-qorti tkun tat deċiżjoni f’kompożizzjoni irregolari,

c)      id-drittijiet tad-difiża jkunu nkisru b’mod sostanzjali,

d)      is-seduta prinċipali jew is-seduta pubblika tkun inżammet fl-assenza tal-persuna akkużata, minkejja li l-kundizzjonijiet legali għal dan ma kinux issodisfatti,

e)      il-kawża tkun ġiet investigata jew deċiża minn awtorità kriminali, imħallef jew ġurat li kellu jiġi rrikużat,

f)      il-proċeduri kriminali jkunu nbdew mingħajr il-kunsens tal-parti leża, meta tali kunsens ikun meħtieġ mil-liġi,

g)      id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq provi li ma jkunux inkisbu b’mod legali mill-qorti,

h)      il-piena imposta tkun barra mil-limiti tal-piena previsti mil-liġi jew tkun ta’ tip li l-liġi ma tippermettix għar-reat inkwistjoni,

i)      id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-att ikkonstatat jew fuq applikazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni sostantiva oħra; madankollu, l-eżattezza u l-kompletezza tal‑konstatazzjonijiet ta’ fatt ma jistgħux jiġu eżaminati mill-qorti ta’ kassazzjoni u l-konstatazzjonijiet ta’ fatt ma jistgħux jiġu emendati minnha,

j)      tkun ġiet imposta miżura ta’ protezzjoni minkejja li l-kundizzjonijiet legali ma kinux issodisfatti,

k)      ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna akkużata minkejja li tali proċeduri kienu inammissibbli,

l)      il-qorti tal-appell tkun ċaħdet l-appell skont l-Artikolu 316(1) minkejja li l-motivi legali għal dan ma kinux issodisfatti, jew tkun ħadet konjizzjoni tar-rinunzja għall-appell mill-avukat jew mill-persuna msemmija fl-Artikolu 308(2), minkejja li l-persuna akkużata ma tkunx tat il-kunsens espress tagħha għar-rinunzja għall-appell,

m)      qabel il-preżentata tal-att tal-akkuża, il-Prosekutur Ġenerali jirrevoka d-deċiżjoni definittiva tal-prosekutur wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 364(3),

n)      il-persuna akkużata tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal għomorha u l-qorti tkun iddeċidiet li l-ħelsien kundizzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dik il-piena ma huwiex ammissibbli

(2)      Minbarra l-motivi msemmija fil-paragrafu 1, il-Ministru għall‑Ġustizzja jippreżenta wkoll appell ta’ kassazzjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tkun kisret dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jew dispożizzjoni speċifika dwar id-detenzjoni provviżorja, dispożizzjoni tal-Kodiċi Kriminali jew tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali dwar il-ħelsien kundizzjonali tal-persuna, l-eżekuzzjoni ta’ piena li l‑eżekuzzjoni tagħha tkun ġiet sospiża kundizzjonalment, l-eżekuzzjoni tal-piena wara ħelsien kundizzjonali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija sussidjarja imposta flimkien ma’ multa. Il-Ministru għall-Ġustizzja jippreżenta wkoll appell ta’ kassazzjoni jekk il-qorti tkun approvat, permezz ta’ sentenza, ftehim fi proċeduri kriminali li, fid-dawl tal-ksur serju tad-dispożizzjonijiet sostantivi, la jkun proporzjonat u lanqas ġust.

(3)      Il-Ministru għall-Ġustizzja jippreżenta wkoll appell ta’ kassazzjoni kontra deċiżjoni definittiva bbażata fuq fatti li, abbażi tal-provi prodotti, ikunu ġew stabbiliti b’mod sostanzjalment żbaljat, jew fil-każ ta’ ksur serju, meta jiġu stabbiliti l-fatti, tad-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw l-investigazzjoni tal-kawża.

(4)      Il-motivi msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (g) ma jistgħux jiġu invokati meta dik iċ-ċirkustanza kienet diġà magħrufa mill-persuna li tippreżenta l-appell ta’ kassazzjoni matul il-proċedura inizjali u din ma tkunx ikkontestatha sa mhux iktar tard mill-proċedura quddiem il-qorti tal-appell; din ir-regola ma tapplikax jekk l-appell ta’ kassazzjoni jiġi ppreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja. Talba skont il-paragrafu 3 ma tistax tintuża sabiex jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni jekk tkun tressqet minn persuna msemmija fl-Artikolu 369(2) jew (5), jekk iċ‑ċirkustanza kkontestata kienet diġà magħrufa minn dik il-persuna matul il-proċedura inizjali u ma tkunx ġiet ikkontestata sa mhux iktar tard mill-proċedura tal-appell.

(5)      Il-motivi msemmija fil-paragrafu 1(i) u fil-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu invokati meta l-ksur ikkonstatat ma jkunx affettwa b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-persuna akkużata.

(6)      Appell ta’ kassazzjoni għad-detriment tal-persuna akkużata ma jistax jiġi ppreżentat għas-sempliċi motiv li l-qorti tkun aġixxiet skont l‑Artikolu 391(2) jew l-Artikolu 405(b).

(7)      Appell ta’ kassazzjoni li jirrigwarda biss il-motivi tad-deċiżjoni huwa inammissibbli.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24.      Wara s-sentenza tal-Okresný súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I, is-Slovakkja) tas‑26 ta’ Mejju 2023, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja), fl-appell, ikkundannat lil RL, fl‑14 ta’ Diċembru 2023, għal piena ta’ tnax-il sena priġunerija u għal miżura preventiva ta’ sentejn talli wettaq, matul l-2022, serq aggravat u r-reat kontinwu aggravat ta’ ħasil tal-flus, fis-sens, rispettivament tal-Artikolu 212(1)(a) u (4)(a) tal-Kodiċi Kriminali u tal-Artikolu 233(2)(a) u (5)(a) u (b) ta’ dan il-kodiċi.

25.      Skont l-Artikolu 125(1) tal-Kodiċi Kriminali, kif kien fis-seħħ fid‑data li fiha ngħatat din il-kundanna, id-dannu subit, li kien jammonta għal EUR 400 000 fir-rigward tas-serq u għal EUR 370 000 fir-rigward tar-reat ta’ ħasil tal-flus (9), kellu jiġi kklassifikat bħala “dannu fuq skala kbira”. Konsegwentement, f’dik id-data, RL kien suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn għaxar snin u ħmistax-il sena għas-serq aggravat li kien wettaq, u għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn tnax u għoxrin sena għar-reat aggravat ta’ ħasil tal-flus, skont l-Artikolu 212(4)(a) u l-Artikolu 233(5)(a) u (b) tal-Kodiċi Kriminali.

26.      Fis‑17 ta’ Lulju 2024, RL ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra l-kundanna tiegħu, skont l-Artikolu 371(1)(c) u (i) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

27.      Il-Liġi li Temenda daħlet fis-seħħ fis‑6 ta’ Awwissu 2024.

28.      Din il-liġi emendat b’mod partikolari l-Artikolu 125(1) tal-Kodiċi Kriminali, li llum jiddefinixxi d-dannu kunsiderevoli bħala dannu li jaqbeż EUR 250 000 u d-dannu fuq skala kbira bħala dannu li jaqbeż EUR 650 000. Skont din is-sistema l-ġdida, reati bħal dawk imwettqa minn RL għandhom għalhekk jitqiesu li jikkawżaw dannu kunsiderevoli u mhux iktar dannu fuq skala kbira, b’tali mod li s-serq u r-reat ta’ ħasil tal-flus imwettqa minnu issa huma, kull wieħed minnhom, punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin.

29.      Fit‑30 ta’ April 2025, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ċaħdet l-appell ta’ kassazzjoni ta’ RL mingħajr ma eżaminat l-effett eventwali tad-dħul fis‑seħħ tal-Liġi li Temenda fuq il-kundanna tiegħu.

30.      Fis‑7 ta’ Ottubru 2025, RL ippreżenta rikors kostituzzjonali quddiem l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka). B’mod partikolari, RL ikkontesta n-natura sproporzjonata tal-piena ta’ priġunerija tiegħu u l-fatt li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) kienet kisret l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, kif interpretata mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha BAJI Trans, billi naqset milli tapplika l-leġiżlazzjoni l-iktar favorevoli fil-konfront tiegħu.

31.      Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) indikat li s‑sentenza BAJI Trans ma kinitx tapplika għal din il-kawża għaliex, l-ewwel nett, kellha ssir distinzjoni bejn l-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali u l-appell ta’ kassazzjoni f’materji amministrattivi, it‑tieni nett, il-kawża kienet ġie definittivament magħluqa qabel id‑deċiżjoni ta’ din il-qorti u, it-tielet nett, it-terminu ta’ tliet snin sabiex jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kien jikkostitwixxu wkoll ostakolu.

32.      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ lex mitior, previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal‑Karta, għandux japplika għal appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali imressaq kontra kundanna li kienet definittiva bis-saħħa tad-dritt Slovakk.

33.      Din il-qorti tindika li n-natura tal-appell ta’ kassazzjoni f’materji amministrattivi u l-paragun tiegħu mal-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali ma jistgħux jitqiesu li huma determinanti. Min-naħa l-oħra, dak li huwa determinanti huwa l-mument li fih id-deċiżjoni ssir “definittiva” jew “irrevokabbli” (u għalhekk ma tkunx tista’ tinbidel, tiġi emendata jew irrevokata fil-livell nazzjonali). Preċiżament fid-dawl tan-natura kontroversjali tal-mument li fih deċiżjoni titqies li tkun “definittiva”, “irrevokabbli” jew “finali” fil-livell nazzjonali, ir-rikorrent ippropona li l-proċedura quddiem l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) tiġi sospiża u li tinbeda proċedura għal deċiżjoni preliminari.

34.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li RL, b’mod partikolari, ġie kkundannat b’mod definittiv għar-reat aggravat ta’ ħasil tal-flus fis‑sens tal-Artikolu 233(2)(a) u (5)(a) u (b) tal-Kodiċi Kriminali. Issa, din id-dispożizzjoni ġiet emendata permezz taz-zákon č. 312/2020 Z. z. o výkone rozhodnutia o zaistení majetku a správe zaisteného majetku a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 312/2020 dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjoni ta’ Qbid u l-Amministrazzjoni tal-Beni Maqbuda, li Temenda Ċerti Liġijiet) tal‑11 ta’ Novembru 2020, kif emendata, sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2018/1673. Għaldaqstant, l‑imsemmija dispożizzjoni timplimenta d-dritt tal-Unjoni u taqa’, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tagħha.

35.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar, minn naħa, li RL ġie kkundannat b’mod definittiv, skont id-dritt Slovakk, fl‑14 ta’ Diċembru 2023 u, min-naħa l-oħra, li, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni kontra din il-kundanna, il-leġiżlatur Slovakk naqqas l-iskala tal-pieni applikabbli għar-reat ta’ ħasil tal-flus.

36.      Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tenfasizza li, fis-sentenza tagħha BAJI Trans, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li kundanna ma tistax titqies li hija definittiva sakemm tkun tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ “appell ordinarju”, fejn dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala kull appell li jaqa’ taħt l-iżvolġiment normali tal-proċedura u li jikkostitwixxi, bħala tali, żvilupp proċedurali li kull parti għandha raġonevolment tipprevedi u li l-partijiet fil-proċedura jistgħu jeżerċitaw fit-terminu stabbilit mil-liġi u mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, filwaqt li jkun jista’ jwassal għall-annullament jew għall-emenda tal-kundanna jew tal-piena imposta.

37.      Fir-raba’ lok, l-aggravji ta’ kassazzjoni f’materji kriminali, previsti fl-Artikolu 371(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jinkludu, minbarra diversi difetti proċedurali, motivi sostantivi, bħall-fatt li l-piena imposta tkun barra mil-limiti tal-piena previsti mil-liġi jew tkun ta’ tip li l-liġi ma tippermettix, jew inkella li d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-att ikkonstatat jew fuq applikazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni sostantiva oħra.

38.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-appell ta’ kassazzjoni, kif previst fid‑dritt Slovakk, jagħmel għalhekk parti mill-iżvolġiment normali tal‑proċedura u jikkostitwixxi, bħala tali, żvilupp proċedurali li kull parti għandha raġonevolment tipprevedi. L-eżawriment ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni li normalment tiġi ssodisfatta sabiex l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) tkun tista’ teżerċita l-ġuriżdizzjoni sussidjarja tagħha.

39.      Fil-ħames lok, din il-qorti ssostni li l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni. Barra minn hekk, meta l-piena ta’ priġunerija imposta tkun ġiet eżegwita u n‑Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tannulla dik il-kundanna, din il-qorti tiddeċiedi dwar id‑detenzjoni.

40.      Fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li t-terminu għall‑preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali, li huwa ta’ tliet snin, huwa terminu eċċezzjonalment twil fost l-Istati Membri. Madankollu, ma hemmx ċertezza li dan it-tul waħdu jista’ jeskludi l-applikabbiltà, fil-kuntest ta’ dan it-tip ta’ appell, tal-prinċipju ta’ lex mitior. B’hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkundannati fl-appell għandhomx ibatu l-konsegwenzi ta’ dispożizzjoni legali potenzjalment inadegwata fir-rigward tat-terminu mogħti lilhom sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din il-kundanna.

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il‑Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-[Karta] u l-prinċipju ta’ [lex mitior] li jinsab fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li, anki jekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, appell ta’ kassazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kriminali huwa rimedju straordinarju kontra deċiżjoni ġudizzjarja definittiva suġġett għal terminu ta’ tliet snin għall-preżentata tiegħu, il-qorti adita bl-appell ta’ kassazzjoni għandha l-obbligu li tapplika fil-konfront tal-persuna kkundannata l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-iktar favorevoli li daħlet fis-seħħ wara l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja kkonċernata mill-appell ta’ kassazzjoni?”

42.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), mill-Gvern Slovakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Saret seduta fil‑15 ta’ Ottubru 2026 li matulha RL, il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni wieġbu b’mod orali għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

A.      Fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

43.      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni biex tirrispondi d-domanda preliminari inkwantu l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li din il-kawża ma għandhiex rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni.

44.      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-Direttiva 2018/1673 tinkludi dispożizzjonijiet intiżi għall-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali sostantiv. Sa fejn il-prinċipju ta’ lex mitior, stabbilit fl-aħħar sentenza tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu effett dirett fuq l-iskala tal-pieni, teżisti rabta ċerta mar-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri minn din id‑direttiva.

45.      Madankollu, il-Kummissjoni tqis li għandha tiġi applikata, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippresupponi l‑eżistenza ta’ fattur ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l‑miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti diretti ta’ suġġett fuq ieħor (10).

46.      Fil-fatt, id-domanda preliminari ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2018/1673. Barra minn hekk, għalkemm il-kawża prinċipali tirrigwarda r-reat ta’ ħasil tal-flus, il-Kummissjoni tirrileva li d‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Slovakk imsemmija mill-qorti tar-rinviju huma d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali dwar l-appelli ta’ kassazzjoni, li ma humiex miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, l-imsemmija direttiva ma għandha ebda effett fuq il-modalitajiet tal-appelli ta’ kassazzjoni fid-dritt kriminali Slovakk, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jinkludix kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt proċedurali kriminali.

47.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija distinta minn dik li tat lok għas-sentenza BAJI Trans. Fil-fatt, filwaqt li dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ sanzjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ kontroll perijodiku ta’ takografu impost mid-dritt tal-Unjoni, id‑Direttiva 2018/1673 kienet sempliċement tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet kriminali fil-qasam tal‑ħasil tal-flus, indipendentement mill-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, is-sanzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jipprevedu bis-saħħa ta’ din id-direttiva ma humiex sanzjonijiet għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda jirrappreżentaw il-kontenut innifsu tal-armonizzazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri skont l-imsemmija direttiva.

48.      B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tad‑dritt kriminali nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali partikolari tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss fil-każ fejn it-tmexxija ta’ ċerti proċeduri kriminali hija indispensabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 TFUE (11).

49.      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li jipprevedi armonizzazzjoni minima f’qasam speċifiku tad‑dritt kriminali, bħad-Direttiva 2018/1673, ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li kull proċedura kriminali mibdija fi Stat Membru fir-rigward ta’ reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-armonizzazzjoni minima tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-fatt, l-applikabbiltá tal-Karta f’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet tiftaħ il-possibbiltà li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, jiġi eżaminat ir-rispett tad-drittijiet kollha stabbiliti fil-Karta u, għaldaqstant, testendi l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal għadd kbir ta’ proċeduri kriminali fl-Istati Membri, u b’hekk tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja qorti ta’ ġuriżdizzjoni ordinarja fil-qasam tad-drittijiet tal‑bniedem.

50.      Sabiex nindirizza d-dubji tal-Kummissjoni dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari, infakkar li mill-Artikolu 51(1) tal-Karta jirriżulta li d-dispożizzjoni tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis‑sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet (12).

51.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis‑sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jwettaq l-obbligu, stabbilit f’att tad-dritt tal-Unjoni, li jipprevedi sanzjonijiet fir-rigward tal-ksur imsemmi f’dan l-att (13).

52.      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet Slovakki li jippenalizzaw ir-reat ta’ ħasil tal-flus u jipprevedu pieni aggravati skont l-ammont tal-kapital hekk maħsul jittrasponu l-Artikoli 2, 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2018/1673. B’mod partikolari, mill-Artikolu 3(1), mill-Artikolu 5(2) u mill‑Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippenalizzaw tali reat b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin u saħansitra jawtorizzahom jaggravaw din il-piena meta l-ħasil tal-flus ikun jirrigwarda ammont kunsiderevoli.

53.      Minn dan isegwi li, meta adottaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Slovakka, l-awtoritajiet Slovakki implimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (14). Kien bl-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li ġiet imposta piena ta’ priġunerija fuq RL.

54.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda, għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali stabbiliti minn din tal-aħħar għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ din il-kawża (15).

55.      Inqis għalhekk li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha BAJI Trans, il-prinċipju ta’ lex mitior, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, huwa applikabbli għall-kawża prinċipali.

56.      Kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, il-fatt li d‑Direttiva 2018/1673 tistabbilixxi biss armonizzazzjoni minima, billi tillimita ruħha li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet kriminali fil-qasam tal-ħasil tal-flus, ma jidhirlix li huwa ta’ natura li jbiddel tali konstatazzjoni, kif barra minn hekk turi l‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (16). Huwa irrilevanti li, b’differenza minn dak li kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza BAJI Trans, din id-direttiva ma tinkludix rekwiżiti sostantivi speċifiċi għad-dritt tal-Unjoni, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom għandu jiġi ssanzjonat, iżda sempliċement tarmonizza b’mod minimu s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti għal reati li, fihom infushom, ma jikkostitwixxux ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

57.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li tinterpreta l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirrigwarda l-implimentazzjoni, minn Stat Membru, tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI (17), li sempliċement tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi li jikkostitwixxu atti kriminali u l-pieni applikabbli fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar ta’ drogi, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li kienu armonizzaw dan il-qasam (18).

58.      Barra minn hekk, ma jidhirlix li huwa rilevanti li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, jiġi applikat it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat) (19), li ġiet invokata mill-Kummissjoni.

59.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-relazzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali sostantiv tal-Unjoni li jinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u fid-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI (20) u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali kriminali Bulgaru li jirregolaw il-ftehim ta’ riżoluzzjoni ta’ kawża, ma tmurx lil hinn mill-qrubija jew mill-effetti indiretti tal-ewwel fuq it-tieni, b’tali mod li ma jistax jiġi stabbilit fattur ta’ konnessjoni bejniethom (21).

60.      Iktar riċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Stogenchev (22), li l-istess japplika għar-relazzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali sostantiv tal‑Unjoni li jinsabu fil-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal‑Artikolu K.3(2)(c) TUE, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (23), li, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(1) tagħha, tiddefinixxi r-reat ta’ korruzzjoni passiva u, fl-Artikolu 5(1) tagħha moqri flimkien ma’ dan l-Artikolu 2(1) tipprevedi r-rekwiżiti dwar is‑sanzjonijiet marbuta ma’ dan ir-reat u, min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura kriminali ta’ natura ġenerali dwar l-inammissibbiltà tal-provi li l-ġbir tagħhom kien ivvizzjat b’irregolaritajiet jew il-konsegwenzi ta’ tali inammissibbiltà (24). Fil-fatt, din il-Konvenzjoni ma timponi ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fil-qasam tal-ammissibbiltà tal-provi (25).

61.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li l-imsemmija Konvenzjoni hija implimentata minn dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt kriminali sostantiv li jinkriminaw ir-reat ta’ korruzzjoni passiva ma jistax jirrendi l-Karta applikabbli għall-aspetti kollha ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuna ssuspettata b’korruzzjoni passiva (26).

62.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża jidhirli, madankollu, li hija differenti. Fil-fatt, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk regola tad-dritt kriminali sostantiv, jiġifieri l-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, hijiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha d‑Direttiva 2018/1673 imponiet fuq l-Istati Membri l-obbligu li jissanzjonaw kriminalment ir-reat ta’ ħasil tal-flus. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-mod li bih dan ir-reat huwa ssanzjonat skont id-dritt Slovakk, fl-istadju tal-appell ta’ kassazzjoni, huwiex kompatibbli ma’ regola tad-dritt kriminali sostantiv ta’ livell superjuri.

63.      Id-dispożizzjonijiet proċedurali dwar l-appell ta’ kassazzjoni fid-dritt Slovakk għandhom effett dirett fuq l-osservanza, mir‑Repubblika Slovakka, tal-obbligi tagħha li timponi sanzjonijiet kriminali imposti fuqha bis-saħħa ta’ din id-direttiva, li għandhom jiġu ddefiniti b’mod konformi mal-Karta, b’mod partikolari mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tagħha. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li l‑imsemmija direttiva ma tirregolax il-modalitajiet proċedurali tal‑proċeduri kriminali fir-rigward tar-reat ta’ ħasil tal-flus u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Karta.

64.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta raġunament simili għal dak li użat fis-sentenza tagħha BAJI Trans. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’din is-sentenza, li t‑tilwima mressqa quddiem in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) kontra d-deċiżjoni li kkonfermat l-multa amministrattiva kkontestata kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal‑Unjoni, b’tali mod li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ din it-tilwima (27). Għalhekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja eżaminat jekk ir-regola proċedurali Slovakka li l-prinċipju ta’ lex mitior ma setax jiġi invokat fil-qafas ta’ appell ta’ kassazzjoni f’materji amministrattivi kinitx kompatibbli mal-prinċipju ta’ dritt kriminali sostantiv stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal‑Karta.

65.      Fid-dawl ta’ dawn l-element, jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda preliminari.

B.      Fuq il-mertu

66.      Fid-dritt Slovakk, il-persuna akkużata tista’ tippreżenta quddiem il-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) rikors kostituzzjonali, sabiex tikseb deċiżjoni li tikkonstata li deċiżjoni definittiva kisret id-drittijiet fundamentali tagħha. Jekk ir‑rikors kostituzzjonali jkun fondat, dik il-qorti tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura li taqa’ l-kawża prinċipali li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

67.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandhiex tkun interpretata fis-sens li qorti ta’ Stat Membru, adita minn appell ta’ kassazzjoni kontra deċiżjoni ġudizzjarja li tat kundanna kriminali, li hija kkunsidrata definittiva skont id-dritt nazzjonali, għandha l-obbligu li tapplika leġiżlazzjoni iktar favorevoli fil-konfront tal-persuna kkundannata meta din il-leġiżlazzjoni tkun daħlet fis-seħħ wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja, irrispettivament mill-fatt li dan l-appell jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet snin.

68.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, skont il‑prinċipju ta’ lex mitior, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar‑Repubblika Slovakka) kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-piena inqas severa li tissanzjona r-reat ta’ ħasil tal-flus, li daħlet fis-seħħ bejn id-data li fiha RL ġie kkundannat fl-appell u d-data li fiha dik il-qorti ddeċidiet dwar l-appell tiegħu (28).

69.      Infakkar li l-obbligu li tiġi applikata, skont l-aħħar sentenza tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta, liġi sussegwenti għat-twettiq tar-reat huwa suġġett għall-kundizzjoni li din il-liġi “tipprovdi għal piena inqas”. B’hekk, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timplika suċċessjoni ta’ sistemi legali fiż-żmien u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li din is‑suċċessjoni tirrifletti, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, bidla fil-pożizzjoni, li tiffavorixxi l-awtur tar-reat, jew f’dak li jirrigwarda l‑klassifikazzjoni kriminali tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu reat jew f’dak li jirrigwarda l-piena li għandha tiġi applikata għal tali reat (29).

70.      Ma jidhirlix li hemm dubju li, bl-adozzjoni tal-Liġi li Temenda, il-leġiżlatur Slovakk biddel il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-piena li għandha tiġi applikata għar-reat ta’ ħasil tal-flus u li din hija bidla favorevoli għal RL.

71.      Konsegwentement, il-Liġi li Temenda għandha titqies bħala liġi kriminali sostantiva iktar favorevoli għall-persuna akkużata, li għalhekk, skont is-sentenza BAJI Trans, għandha tiġi applikata fil-konfront tagħha sakemm hija ma tkunx ġiet ikkundannata b’mod definittiv, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

72.      Għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola tar-retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, hija intiża li tapplika sakemm ma tkun ingħatat ebda kundanna definittiva (30).

73.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm ir-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri sa fejn l-Unjoni ma lleġiżlatx fil-qasam, dawn tal-aħħar huma xorta waħda obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l‑obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta (31).

74.      Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-evalwazzjoni tan-natura definittiva tal-kundanna għandha titwettaq abbażi tad-dritt tal‑Istat Membru fejn tkun ingħatat din il-kundanna, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kunċett għandu jingħata fl-Unjoni kollha, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, sa fejn dan il-kunċett jiddetermina l-portata tad-dritt iggarantit minn din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, il-portata tal-obbligi li jirriżultaw minnha għall-Istati Membri (32).

75.      Minn dan isegwi li l-fatt li kundanna titqies li hija definittiva, skont id-dritt nazzjonali, ma huwiex determinanti għall-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta mill-qorti adita b’rikors kontra d‑deċiżjoni li tat din il-kundanna (33).

76.      Fil-fatt, kundanna ma tistax titqies li hija definittiva, fis-sens tal‑aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, meta din il-kundanna tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju ordinarju, jiġifieri kull rimedju ġudizzjarju li jagħmel parti mill-kors normali ta’ proċess u li, bħala tali, jikkostitwixxi żvilupp proċedurali li kull parti għandha raġonevolment tieħu inkunsiderazzjoni (34).

77.      Dan huwa il-każ meta l-persuna kkundannata jew l-awtorità pubblika responsabbli għall-proċeduri kriminali jkunu jistgħu jippreżentaw, f’terminu stabbilit mil-liġi u mingħajr ma jkunu meħtieġa jiġġustifikaw ċirkustanzi eċċezzjonali, bħalma hija n-neċessità li tiġi żgurata, fl-interess tal-liġi, il-koerenza tal-ġurisprudenza, rimedju ġudizzjarju sabiex jiksbu l-annullament jew ir-riforma tal-kundanna jew tal-piena imposta, u dan minkejja l-fatt li tali rimedju jitqies, fid-dritt nazzjonali, bħala rimedju straordinarju. Fil-fatt, sakemm it-terminu għall-preżentata ta’ tali rimedju ma jkunx skada jew sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwaru, id-deċiżjoni dwar din il-kundanna u dwar din il-piena ma tistax titqies li temmet definittivament l-azzjoni pubblika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal‑Karta (35).

78.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, anki jekk ma għandux natura deċiżiva, l-effett sospensiv tal-preżentata ta’ rimedju kontra kundanna jikkostitwixxi indizju li dan ir-rimedju jirrigwarda deċiżjoni li ma tistax tiġi kklassifikata bħala definittiva, għall-finijiet tal‑applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (36).

79.      Konsegwentement, meta appell ta’ kassazzjoni jkun possibbli, fil‑kundizzjonijiet imsemmija preċedentament, kontra deċiżjoni ġudizzjarja, din id-deċiżjoni tkun intiża li ssir definittiva biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, meta l-partijiet ikunu eżawrixxew dan ir-rimedju jew ikunu ħallew it-terminu għall-preżentata ta’ tali appell jiskadi mingħajr ma jkunu ppreżentawh (37).

80.      Għaldaqstant, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta timplika li qorti tal-kassazzjoni hija, bħala regola, obbligata li tagħti lill‑awtur ta’ reat li s-sanzjoni tiegħu taqa’ taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-benefiċċju ta’ leġiżlazzjoni kriminali li hija favorevoli għal dan l-awtur, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tkun daħlet fis‑seħħ wara l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun is-suġġett ta’ dan l-appell ta’ kassazzjoni (38).

81.      Mis-sentenza BAJI Trans jirriżulta li ftit jimporta jekk il-kundanna inkwistjoni għandhiex natura definittiva skont id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, kif tirrileva, korrettament, il-qorti tar-rinviju, il-mument li fih il-kundanni kriminali jsiru definittivi jvarja skont l-Istati Membri, kemm jekk dan ikun il-mument li fih sentenza ma tkunx tista’ iktar tkun is-suġġett ta’ appell, jew il-mument li fih ma jkunx iktar possibbli li jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni (39). Huwa proprju minħabba dawn id-diverġenzi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, li dan huwa kunċett tad‑dritt tal-Unjoni, li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija jekk ikunx għad hemm jew le rimedju ġudizzjarju ordinarju disponibbli.

82.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza BAJI Trans ma għandux jiġi dedott li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tapplika biss għas‑sanzjonijiet amministrattivi u mhux għall-pieni imposti għal reati kriminali.

83.      Huwa fid-dawl tal-kriterji enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza li għandu jiġi evalwat jekk rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali huwiex rimedju ġudizzjarju ordinarju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

84.      In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tqis li l-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali ma jikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju ordinarju. Fil-fatt, din il-qorti tosserva li dan l-appell jista’ jiġi ppreżentat biss kontra deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u eżekuttiva, li hija ppreċeduta minn proċedura ta’ appell, li jista’ jiġi ppreżentat f’terminu twil ta’ tliet snin, li r-raġunijiet għall-preżentata tiegħu huma ddefiniti u limitati b’mod strett (40) u li, abbażi tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija s-suġġett ta’ dan l-appell, il-pieni potenzjalment ikunu diġà ilhom jiġu eżegwiti għal tliet snin. Għalhekk, min-natura tiegħu, dan huwa rimedju ġudizzjarju straordinarju indirizzat kontra deċiżjoni definittiva ta’ qorti tat-tieni istanza u, konsegwentement, l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tkunx tista’ tiġi prevista f’dan il-każ (41). Għaldaqstant, dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha BAJI Trans ma jkunx applikabbli fil‑kuntest ta’ proċeduri kriminali minħabba d-differenza fundamentali bejn l-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali u l-appell ta’ kassazzjoni f’materji amministrattivi.

85.      Min-naħa l-oħra, inqis li, fid-dawl tal-kriterji mfassla mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha BAJI Trans, l-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża jikkostitwixxi rimedju ordinarju, b’tali mod li l-prinċipju ta’ lex mitior, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, huwa applikabbli f’din il-proċedura.

86.      Fil-fatt, l-ewwel nett, dan ir-rimedju għandu l-għan u jista’ jkollu l-effett li jwassal għall-annullament tal-kundanna mogħtija preċedentament.

87.      It-tieni nett, dan huwa rimedju li jista’ jiġi eżerċitat mill-persuna kkundannata jew mill-awtorità pubblika inkarigata mill-proċeduri kriminali. Kif jenfasizza, korrettament, il-Gvern Slovakk meta jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (42), id-disponibbiltà tar-rimedju għall-partijiet fil-proċedura tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ rimedju ordinarju (43). Dan huwa spjegat mill-fatt li l-proċedura kriminali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kontradittorju u fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti, b’tali mod li l-possibbiltà għall-partijiet f’din il-proċedura li jużaw dan ir-rimedju tikkostitwixxi l‑estensjoni tal-proċedura fi grad ogħla, fatt li jixhed in-natura ordinarja ta’ dan ir-rimedju (44).

88.      It-tielet nett, it-terminu ta’ tliet snin sabiex jintuża r-rimedju huwa stabbilit bil-liġi.

89.      Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, meta mqabbel mat-termini għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, dan huwa terminu twil b’mod mhux normali (45). Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar jekk, ikkunsidrat waħdu, is‑sempliċi tul tat-terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni jistax jeskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior.

90.      F’dan ir-rigward, nirrileva li jekk jiġi aċċettat l-argument li t-tul sinjifikattiv ta’ terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni huwa biżżejjed sabiex dan jiġi kklassifikat bħala rimedju straordinarju, dan ikun ifisser li l-appellanti li jippreżentaw tali appell f’terminu li joqrob lejn dak normalment aċċettat fi Stati Membri oħra, bħal terminu ta’ xahrejn, jiġu mċaħħda mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ lex mitior. Għaldaqstant, dawn l-appellanti jsibu ruħhom, minħabba s-sempliċi fatt li jeżisti terminu legali twil ħafna għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni, f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza meta mqabbla ma’ dawk li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi terminu legali iqsar.

91.      Barra minn hekk, kif tindika essenzjalment il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-persuni li wettqu reati u li ġew ikkundannati fl-appell għandhomx ibatu, irrispettivament mit-terminu li fih jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni, il-konsegwenzi tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur nazzjonali li jistabbilixxi terminu ta’ tliet snin għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni.

92.      Fil-kors normali ta’ proċedura ġudizzjarja, li l-appell ta’ kassazzjoni jagħmel parti minnha, il-persuni kkundannati jibbenefikaw mid-dritt fundamentali kkostitwit mill-prinċipju ta’ lex mitior. Huma l-Istati Membri li għandhom jaġġustaw it-terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni, b’tali mod li dan il-prinċipju ma jkunx f’kunflitt ma’ prinċipji oħra, bħal dawk ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza.

93.      Bħall-Gvern Slovakk, inqis li l-formulazzjoni tal-punt 103 tas-sentenza BAJI Trans tissuġġerixxi li l-eżistenza stess ta’ terminu speċifiku għall-preżentata ta’ appell hija l-element rilevanti għad‑definizzjoni ta’ appell ordinarju. Dan huwa wkoll dak li jidher li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija (46). Huwa għalhekk li t-tul tat-terminu stabbilit għall‑preżentata ta’ appell ma jidhirlix li huwa, bħala tali, rilevanti għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Dak li huwa importanti huwa li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali appell tkun limitata ratione temporis.

94.      Konsegwentament, it-terminu ta’ appell ta’ kassazzjoni ta’ tliet snin, fil‑fehma tiegħi, ma jostakolax l-applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit fl‑aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

95.      Ir-raba’ nett, fid-dritt Slovakk, sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni, ma huwiex neċessarju li tiġi ġġustifikata l‑eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

96.      Kif tagħmel il-qorti tar-rinviju, għandha tiġi enfasizzata l-firxa wiesgħa ta’ motivi li jistgħu jiġu invokati bħala aggravji ta’ kassazzjoni. Kif tindika din il-qorti, l-appellanti fil-kassazzjoni jistgħu għalhekk jeċċepixxu l-illegalità tal-kompożizzjoni tal-qorti, il-parzjalità tal‑imħallfin jew tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, in-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni tagħhom (Artikolu 371(1)(a), (b) u (e) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), il-ksur tad-drittijiet tad-difiża (Artikolu 371(1)(c) ta’ dan il-kodiċi), il-fatt li d-deċiżjoni hija bbażata fuq provi miksuba illegalment (Artikolu 371(1)(g) tal-imsemmi kodiċi), evalwazzjoni ġuridika żbaljata (Artikolu 371(1)(i) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), iżda wkoll, pereżempju, l-impożizzjoni ta’ piena barra mil-limiti previsti mil‑liġi jew il-kundanna għal tip ta’ piena li l-liġi ma tipprevedix għar-reat inkwistjoni (Artikolu 371(1)(h) ta’ dan il-kodiċi). Dawn l-aggravji ta’ kassazzjoni ma jidhirlix li jistgħu jiġu assimilati ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

97.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 107 tas-sentenza BAJI Trans, huwa irrilevanti li, skont l-Artikolu 371(1)(i) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ma tkunx tista’ tivverifika l-eżattezza u l-kompletezza tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u temendahom, u lanqas ma tkun tista’ twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi.

98.      B’hekk, l-appell ta’ kassazzjoni f’materji kriminali jagħmel parti mill-iżvolġiment normali tal-proċedura. Bħala tali, dan jikkostitwixxi żvilupp proċedurali li kull parti tista’ raġonevolment tipprevedi u li hija tista’ tippreżenta fit-termini previsti mil-liġi, mingħajr ma jkollha għalfejn tiġġustifika l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan ir‑rimedju ma huwiex intiż sabiex jiżgura, fl-interess tal-liġi, il-koerenza tal-ġurisprudenza.

99.      Inżid li l-effett sospensiv tal-preżentata ta’ appell minn kundanna jikkostitwixxi biss indizju tal-eżistenza ta’ rimedju ordinarju (47). Madankollu, nosserva li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tista’ tiddeċiedi li tipposponi jew tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun ġie ppreżentat appell ta’ kassazzjoni sakemm tingħata s-sentenza dwar dan l-appell (48). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 380(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, dik il-qorti tiddeċiedi dwar id-detenzjoni meta tannulla sentenza definittiva ta’ kundanna.

100. Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet stabbiliti fil-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilhom minn din il-konvenzjoni.

101. Għaldaqstant, għalkemm din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet għaliha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-eżami tal-validità tal-atti tal-Unjoni għandhom isiru fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 7 tal-KEDB għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala limitu ta’ protezzjoni minima, fl‑interpretazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, peress li dan tal-aħħar jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti f’dan l-Artikolu 7 (49).

102. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’din il-kawża tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-imsemmi Artikolu 7, kif interpretat mill-Qorti EDB (50).

103. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti li għalihom l‑aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tissuġġetta eventwali applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, jiżguraw, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, livell ta’ protezzjoni ta’ dan il-prinċipju li josserva dak iggarantit mill-Artikolu 7 tal-KEDB, kif interpretat minn din il-Qorti EDB. Fuq dan il-punt, ma identifikajtx ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tassimila appell ta’ kassazzjoni li jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet snin ma’ rimedju straordinarju.

104. Fil-qosor, id-dritt Slovakk dwar l-appell ta’ kassazzjoni jippermetti li jintalab l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni. Huwa jipprevedi terminu stabbilit b’mod ċar għall‑eżerċizzju ta’ dan ir-rimedju, jirrikonoxxi dan id-dritt prinċiparjament lill-partijiet fil-proċedura u, barra minn hekk, ma jirrikjedix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Huwa għalhekk li l-imsemmi appell ta’ kassazzjoni ma jistax jiġi kklassifikat, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, bħala “rimedju straordinarju”. In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), li tiddeċiedi dwar dan it-tip ta’ appell, hija għalhekk obbligata, meta tiddeċiedi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tapplika l-leġiżlazzjoni kriminali sussegwenti iktar favorevoli għall-persuna kkundannata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (51).

105. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, RL ippreżenta quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) appell ta’ kassazzjoni, b’osservanza tat-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni Slovakka rilevanti, mingħajr ma kellu għalfejn jiġġustifika l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u, min-naħa l-oħra, li dik il-qorti għandha, tal-inqas, il-possibbiltà li tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) fl‑14 ta’ Diċembru 2023.

106. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din id-deċiżjoni għalhekk ma tistax titqies bħala “kundanna definittiva” għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

107. Minn dan jirriżulta li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il‑Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) kienet obbligata, bis-saħħa tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, tapplika l-leġiżlazzjoni l‑iktar favorevoli, li tirriżulta mill-Liġi li Temenda, fil-konfront ta’ RL, irrispettivament mill-fatt li din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ wara d‑deċiżjoni, ikklassifikata bħala “definittiva” skont id-dritt Slovakk, tal‑Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava).

V.      Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) bil-mod segwenti:

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

qorti ta’ Stat Membru, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ġudizzjarja li imponiet kundanna kriminali, li titqies bħala definittiva fid-dritt nazzjonali, hija obbligata tapplika leġiżlazzjoni iktar favorevoli għall-persuna kkundannata meta din il-leġiżlazzjoni tkun daħlet fis-seħħ wara li tkun ingħatat dik id-deċiżjoni ġudizzjarja, irrispettivament mill-fatt li dan l-appell jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet snin.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iktar ’il quddiem il-“prinċipju ta’ lex mitior”.


3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4      C‑544/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza BAJI Trans”, EU:C:2025:614.


5      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Lin II (C‑280/25, EU:C:2026:586, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      ĠU 2018, L 284, p. 22.


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29).


8      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għal din id-data, nippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, dak li huwa rilevanti huwa d-data tat-twettiq tar-reat. Nitlaq mill-premessa li l-leġiżlazzjoni Slovakka ma ġietx emendata bejn dawn iż-żewġ dati.


9      Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Slovakk.


10      Il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punti 24 sa 26), u tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punti 35 sa 40).


11      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 26 sa 28); tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 26), u tal‑10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003 (C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 41). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li huma intiżi li jiżguraw il-ġbir korrett tat‑taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u l-ġlieda kontra l-frodi, sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali u proċeduri kriminali miftuħa għal reati fil-qasam tal-VAT jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (punt 41).


12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 u 19), u BAJI Trans (punti 48 u 49).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27), u BAJI Trans (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, b’analoġija, is-sentenza BAJI Trans (punti 51 u 52).


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza BAJI Trans (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku (C‑634/18, EU:C:2020:455, punti 32 u 42 sa 51); tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8, punti 49 sa 56), u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna (C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punti 31 u 72 sa 74).


17      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94).


18      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku (C‑634/18, EU:C:2020:455, punti 32 sa 51).


19      C‑432/22, EU:C:2024:987.


20      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42).


21      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punt 40).


22      C‑342/25, EU:C:2026:469.


23      ĠU 1997, C 195, p. 2.


24      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Stogenchev (C‑342/25, EU:C:2026:469, punt 44).


25      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Stogenchev (C‑342/25, EU:C:2026:469, punt 45).


26      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Stogenchev (C‑342/25, EU:C:2026:469, punt 48).


27      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 57).


28      Jiġifieri piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin, minflok tnax-il sena priġunerija.


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza BAJI Trans (punti 80 u 81, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza BAJI Trans (punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza BAJI Trans (punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 100).


33      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 101).


34      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 103).


36      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 104).


37      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 105).


38      Ara s-sentenza BAJI Trans (punt 106).


39      Skont in-nota ta’iċerka 26/010 imħejjija mid-Direttorat “Riċerka u Dokumentazzjoni” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem in‑“nota ta’ riċerka 26/010”), fi 17-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il‑Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija (fir-rigward tar-rikors għal annullament, Nichtigkeitsbeschwerde), il-Portugal, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja), id-deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni jew ta’ rimedju ekwivalenti ma jitqisux bħala definittivi sakemm ma jkunx skada t-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni jew ta’ rimedju ekwivalenti. Min‑naħa l-oħra, fl-ordinament ġuridiku ta’ ħdax-il Stat Membru (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Kroazja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija (fir-rigward tar-rikors għal annullament għall-finijiet tal-ħarsien tal-liġi, Nichtigkeitsbeschwerde zur Wahrung des Gesetzes), il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja), dawn id-deċiżjonijiet jitqiesu bħala definittivi indipendentement mill‑fatt li jkunu għadhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell, meta dan ma jkunx appell ordinarju.


40      In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tindika b’mod partikolari li, b’differenza mill-aggravji ta’ kassazzjoni f’materji amministrattivi, li, skont il-ġurisprudenza tan-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka), ikopru d-difetti kollha sostantivi u proċedurali, l-aggravji ta’ kassazzjoni f’materji kriminali huma limitati għall-iżbalji l‑iktar gravi li għandhom in-natura ta’ ksur tad‑dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill‑Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u bl-Artikolu 47 tal-Karta.


41      Skont in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), ma huwiex normali li deċiżjonijiet ikkontestati permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni jiġu annullati u l-maġġoranza l-kbira tal-appelli ta’ kassazzjoni jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-assenza manifesta ta’ aggravju ta’ kassazzjoni (Artikolu 382(c) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).


42      Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.


43      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 110).


44      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Slovakk iqis li l-fatt li l-appell ta’ kassazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja jitħalla għad-diskrezzjoni ta’ awtorità li ma tkunx waħda mill‑partijiet fil-proċedura jista’ jindika li din il-forma partikolari ta’ appell ta’ kassazzjoni jista’ jkollha n-natura ta’ rimedju straordinarju.


45      Min-nota ta’ riċerka nru 26/010 jirriżulta li kważi l-Istati Membri kollha jipprevedu, permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni. Fi 22 Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id‑Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija (appell ippreżentat mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur għad-detriment tal-persuna akkużata), il-Pajjiżi l-Baxxi (appell ta’ kassazzjoni), l-Awstrija (fir-rigward tar-rikors għal annullament, Nichtigkeitsbeschwerde), il-Polonja (appell ta’ kassazzjoni ordinarju), il-Portugall, ir-Rumanija u l-Finlandja), huma previsti termini relattivament qosra għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni jew ta’ rimedju ekwivalenti. Dawn it‑termini jistgħu jvarjaw minn tlett ijiem sa sitt xhur. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li erbgħa minn dawn l-Istati Membri (id-Danimarka, l-Irlanda, Ċipru u l-Litwanja), minkejja li jipprevedu terminu relattivament qasir għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni jew ta’ rimedju ekwivalenti, jippermettu estensjoni ta’ dan it‑terminu għal perijodu massimu ta’ sena mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni kkontestata jew għal perijodu li jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qrati. Barra minn hekk, sitt tal-imsemmija Stati Membri (l-Estonja, Spanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija (fir-rigward tar-rikors għal annullament, Nichtigkeitsbeschwerde)) jipprevedu termini distinti, minn naħa, sabiex tiġi ddikjarata l-intenzjoni li jiġi ppreżentat appell u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ppreżentat l-appell u n-nota li tinkludi l-argumenti. Min-naħa l-oħra, l-ordinament ġuridiku ta’ tmien Stati Membri, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, ma jipprevedi ebda terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni jew ta’ rimedju ekwivalenti.


46      CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 115.


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza BAJI Trans (punt 104).


48      Madankollu, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tispjega li dan iseħħ biss b’mod għalkollox eċċezzjonali u, storikament, kważi esklużivament abbażi ta’ deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, u mhux ta’ din il-qorti.


49      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Lin II (C‑280/25, EU:C:2026:586, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza BAJI Trans (punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Huwa interessanti li jiġi rrilevat li, skont in-nota ta’ riċerka 26/010, fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il‑Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja), meta l-Qorti tal-Kassazzjoni jew il-Qorti Suprema tiġi adita b’appell ta’ kassazzjoni jew b’rimedju ekwivalenti, hija tista’, jew saħansitra għandha, tapplika l-liġi kriminali l-iktar favorevoli li tkun daħlet fis-seħħ matul il-proċedura quddiemha. Għall-kuntrarju, f’ħames Stati Membri (il-Belġju, il-Kroazja, l-Ungerija, ir‑Rumanija u s-Slovakkja), il-Qorti tal-Kassazzjoni jew il-Qorti Suprema ma għandhiex is-setgħa li tapplika l-liġi l-iktar favorevoli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiemha.