European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/642

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Polonja

(C/2025/642)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, (1) flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, (2) u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-POLONJA

(5)

Fid-9 ta' Ottubru 2024, il-Polonja ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Polonja.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lill-Polonja, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-9 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikolu 6, il-punt (d), u l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Polonja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 4,5 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Polonja fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

Medja 2025–2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

5,3

4,6

4,2

3,9

4,5

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Polonja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Lulju sa Ottubru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Polonja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b'mod partikolari l-output potenzjali, ir-rati ta' interessi, id-deflatur tal-PDG u l-multiplikaturi fiskali), id-devjazzjoni mis-salvagwardja ta' ebda posponiment, kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni diġitali ekoloġika u ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja fil-pjan tagħha, ma sarx proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inklużi s-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fl-istess ħin, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja fil-pjan tagħha, f'Settembru 2024, il-Polonja kienet involuta f'diskussjoni dwar ir-riformi u l-investimenti proposti mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fil-qafas tal-“Grupp tas-Semestru Ewropew” nazzjonali.

Proċessi oħra relatati

(9)

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Polonja minħabba nuqqas ta' konformità mal-kriterju tad-defiċit (7). Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Polonja (8). L-adozzjoni simultanja ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, tiżgura l-konsistenza bejn il-perkorsi ta' aġġustament rakkomandati.

(10)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza serje ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) lill-Polonja, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(11)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(12)

L-attività ekonomika fil-Polonja kibret b' 0,1 % fl-2023, minħabba esportazzjonijiet netti pożittivi u investiment qawwi, filwaqt li l-inventarji u l-konsum privat ikkontribwew b'mod negattiv. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber bi 3,0 % fl-2024, bis-saħħa ta' konsum privat u pubbliku robust u kontribuzzjoni pożittiva mill-investiment. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 3,6 %, hekk kif it-tkabbir tal-konsum jibqa' b'saħħtu, u l-investiment jaċċellera. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 3,1 %, b'kontribuzzjonijiet pożittivi mill-konsum privat u pubbliku kif ukoll mill-investiment. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri 2024-2026), il-PDG potenzjali fil-Polonja huwa mistenni li jikber bi ftit inqas minn 3 %, li huwa aktar dgħajjef milli fis-snin preċedenti, xprunat minn kontribuzzjoni aktar baxxa għall-ħaddiema. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 2,8 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 2,9 % fl-2024, 2,8 % fl-2025 u 2,7 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 9,5 % fl-2023 għal 3,9 % fl-2024, u li tilħaq l-4,6 % fl-2025 u t-3,0 % fl-2026.

(13)

Rigward l-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja ammonta għal 5,3 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, dan huwa mistenni li jilħaq 5,8 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 5,6 % tal-PDG fl-2025 u għal 5,3 % fl-2026 fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tal-Polonja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 49,7 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 54,7 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa projettat li jiżdied għal 58,9 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 62,4 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(14)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Polonja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin.

(15)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(16)

Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 4,5 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028) huwa ġeneralment f'konformità (10) mat-tkabbir fin-nefqa netta medja fit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos minn 3,2 % fl-2024 u 3,3 % fl-2025 għal 1,6 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tiżdied minn 3,6 % fl-2024 għal 5,0 % fl-2025, u li mbagħad tonqos gradwalment għal 4,7 % fl-2026, għal 4,3 % fl-2027 u għal 4,0 % fl-2028.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Polonja

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

12,5

6,3

4,4

4,0

3,5

4,5

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

12,5

19,6

24,9

29,9

34,4

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

3,2

3,3

2,0

1,7

1,6

2,2

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,6

5,0

4,7

4,3

4,0

4,5

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(17)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied minn 54,6 % fl-2024 għal 61,3 % tal-PDG fl-2027, u jonqos għal 61,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jiżdied, skont il-pjan, biex jilħaq it-52,8 % tal-PDG sal-2038. Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, billi d-dejn ipprojettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Polonja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

49,6

54,6

58,4

60,9

61,3

61,2

52,8

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-5,1

-5,7

-5,5

-4,5

-3,7

-2,9

-2,0

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(18)

Fuq il-bażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment minn 5,7 % tal-PDG fl-2024 għal 2,9 % tal-PDG fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(19)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, ġie pospost mill-2025 għall-2026-2028 meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont il-pjan, din id-devjazzjoni mis-salvagwardja ta' ebda posponiment hija ġġustifikata skont id-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263 min-nefqa ogħla ffinanzjata mis-self tal-RRF u mill-kofinanzjament tal-fondi tal-UE fl-2025 (stmata li tiżdied b' 0,16 % u 0,03 % tal-PDG rispettivament), kif ukoll miż-żieda fl-investiment fid-difiża fl-2025 (ippjanata li tiżdied b' 0,25 % tal-PDG). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja ta' ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Polonja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-2,5

-2,9

-2,6

-1,5

-0,5

0,4

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

-0,4

0,3

1,1

1,0

1,0

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja.

Konsistenza tal-pjan mal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

(20)

Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (b'mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, wara li titqies iż-żieda ppjanata fl-investiment fid-difiża bħala fattur rilevanti).

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(21)

Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 dwar is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG, ma japplikax għall-Polonja billi huwa ppjanat li d-defiċit jinġieb taħt it-3 % tal-PDG biss fl-aħħar sena tal-perjodu ta' aġġustament.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(22)

Skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż ser ikun bejn 60 % u 90 % tal-PDG fl-2026–2028. Madankollu, billi skont il-pjan id-defiċit tal-gvern jinżel taħt it-3 % tal-PDG fl-2028, li jirriżulta f'abrogazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fis-sena wara tmiem il-perjodu ta' aġġustament, is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn ma tapplikax matul il-perjodu kopert mill-pjan.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(23)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Polonja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal disa' varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, id-deflatur tal-PDG fl-2024 u l-2025, it-tkabbir tal-PDG reali fl-2024 u l-2025, ir-rati tal-imgħax, l-istruttura tad-dejn, il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, u jinkludi profil ta' aġġustament pospost. Il-valutazzjoni ta' dawn id-differenzi hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza fis-suppożizzjonijiet ikkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jassumi pożizzjoni inizjali agħar meta mqabbel mas-suppożizzjoni tal-Kummissjoni. Il-bilanċ primarju strutturali kien ta' -2,6 % tal-PDG fil-gwida preċedenti u huwa ta' -2,9 % tal-PDG fil-pjan. Il-bilanċ primarju strutturali aktar baxx fil-pjan jirrifletti eżitu baġitarju agħar fl-ewwel tliet trimestri tal-2024 minħabba riżultat tad-dħul aktar baxx milli mistenni, b'mod partikolari mill-VAT u mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv, kif ukoll infiq ogħla milli mistenni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq u tikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan, minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

—

Il-pjan jassumi li d-deflatur tal-PDG jilħaq 3,6 % fl-2024, 5,0 % fl-2025, 4,7 % fl-2026, 4,3 % fl-2027, u 4,0 % fl-2028. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-gwida preċedenti, il-Kummissjoni pprojettat deflatur tal-PDG ta' 4,5 % fl-2024 u ta' 4,2 % fl-2025. Id-differenza bejn il-pjan u l-gwida preċedenti tirrifletti l-iskeda ta' żmien riveduta għat-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija, li qabel kienet preżunta li sseħħ f'Lulju 2024, iżda hija posposta għal Jannar 2025 skont il-leġiżlazzjoni Pollakka eżistenti kif spjegat fil-pjan u wkoll f'konformità mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Il-projezzjonijiet tat-tkabbir tad-deflatur tal-PDG għas-snin li jifdal tal-pjan huma ftit aktar baxxi mill-valur inizjali ogħla għall-2025 implikat fir-regola ta' konverġenza fuq terminu medju. B'mod ġenerali, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan jassumi li rati tal-imgħax nominali impliċiti jilħqu 4,9 % fl-2024, 5,2 % fl-2025, 4,6 % fl-2026, 4,5 % fl-2027, u 4,4 % fl-2028. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-gwida preċedenti tal-Kummissjoni assumiet rati tal-imgħax nominali impliċiti ta' 4,8 % fl-2024, 4,8 % fl-2025, 5,1 % fl-2026, 5,2 % fl-2027, u 5,4 % fl-2028. Ir-rati tal-imgħax nominali impliċiti aktar baxxi tal-pjan jirriflettu rati tal-imgħax tas-suq aktar baxxi, sehem ogħla ta' dejn b'rati tal-imgħax tas-suq fuq terminu qasir biex jirriflettu l-ammont sinifikanti ta' dejn fit-tul maħruġ b'rati tal-imgħax varjabbli, tnaqqis mistenni tar-rati tal-politika tal-bank ċentrali mill-2025 u l-maturità qasira ħafna tad-dejn pubbliku Pollakk. B'mod ġenerali, is-suppożizzjoni tal-pjan titqies li hija ġġustifikata kif xieraq bl-użu ta' data tas-suq aktar reċenti, dekompożizzjoni tad-dejn aktar granulari u fatturi speċifiċi għall-pajjiż rilevanti għall-projezzjonijiet tad-dejn.

—

Kif imsemmi hawn fuq, il-pjan jassumi profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, pospost għall-2026–2028. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din id-differenza hija xprunata mir-raġunijiet elenkati fil-premessa 19. Fl-istess ħin, ir-rata ta' tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 li l-Polonja timpenja ruħha għaliha timplika titjib akbar fil-bilanċ primarju strutturali fl-2025 minn dak indikat fil-pjan ibbażat fuq il-qafas ta' projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

Kollox ma' kollox, l-impatt tas-suppożizzjonijiet li huma debitament ġustifikati jinnewtralizza l-impatt tal-pożizzjoni fiskali inizjali agħar fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta. Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet, filwaqt li mhux dejjem ikunu konsistenti mal-qafas komuni tad-DSA, ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali fil-pjan

(24)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu kemm permezz ta' trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-konsolidazzjoni fiskali ppjanata fl-2025 hija bbażata fuq l-infiq u d-dħul ippjanati inklużi fl-abbozz tal-baġit tal-2025. Dan jinkludi l-impatt fiskali tal-limiti tat-taxxa fuq l-introjtu personali fiss, iż-żidiet fid-dazji tas-sisa, il-kanċellazzjoni tar-rata aktar baxxa tal-VAT fuq l-ikel, l-irtirar tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija li ġew estiżi sa tmiem l-2024 u l-iffriżar tal-valur nominali ta' xi benefiċċji soċjali (inklużi l-programmi Family 800 Plus u Active Parent). Fit-tliet snin ta' wara tal-pjan, il-konsolidazzjoni fiskali trid tinkiseb permezz ta' miżuri kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, b'kontribuzzjonijiet kważi ugwali minn kull naħa. Fl-2026-2028, il-miżuri ewlenin tad-dħul jinkludu l-kontinwazzjoni tal-iffriżar tal-livelli limitu nominali għat-taxxa fuq l-introjtu personali u żieda fid-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u t-tabakk. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-miżuri ewlenin huma limitati għat-tkabbir nominali tal-konsum intermedju tal-gvern u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali esklużi l-pensjonijiet. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn riskji għas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-pjan u ż-żieda fil-ħtiġijiet ta' nfiq fuq id-difiża, li jistgħu jimplikaw trażżin f'elementi oħra ta' nefqa netta. Il-baġit li l-gvern ressaq quddiem il-parlament nazzjonali f'Settembru 2024 għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025.

Intenzjonijiet ta' riformi u investimenti fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(25)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi erbatax-il riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom ħdax huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u sitta mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(26)

F'dak kollu li jirrigwarda l-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi investimenti f'internet b'veloċità għolja, ir-robotizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji permezz tal-użu tal-cloud computing kif ukoll riformi li jikkonċernaw it-trasformazzjoni ekoloġika f'żoni urbani u l-kwalità tal-ilma għall-konsum mill-bniedem u l-investiment fl-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma fiż-żoni rurali. Dawn il-miżuri huma intenzjonati li jindirizzaw l-isfidi identifikati mis-CSRs, b'mod partikolari dawk li jirreferu għad-diġitalizzazzjoni tan-negozji (irrakkomandati fl-2024 u fl-2022), l-innovazzjonijiet (2022 u 2019) kif ukoll ir-riżorsi tal-ilma (2024).

(27)

Rigward il-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riforma li hija mistennija trawwem l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija permezz ta' protezzjoni aktar b'saħħitha tal-proprjetà industrijali, miżuri li jsaħħu l-aċċess għall-akkwist pubbliku għan-negozji żgħar u ta' daqs medju kif ukoll riforma tas-sistema tal-kura fit-tul. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi identifikati mis-CSRs, b'mod partikolari dawk li jirreferu għall-kura fit-tul (rakkomandati fl-2024, fl-2022 u fl-2019) kif ukoll l-akkwist pubbliku (2024).

(28)

Rigward il-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riforma tal-enerġija mir-riħ kif ukoll investimenti f'parks eoliċi lil hinn mill-kosta, sistemi ta' ħżin tal-enerġija, teknoloġiji tal-idroġenu, infrastruttura tal-enerġija kif ukoll miżuri ta' appoġġ għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi identifikati mis-CSRs, b'mod partikolari dawk li jirreferu għat-tisħin distrettwali (irrakkomandata fl-2024), l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika (2023 u 2022) u l-infrastruttura tal-enerġija (2019).

(29)

Rigward il-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi informazzjoni dwar l-investimenti fit-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża tal-Polonja, ippreżentata fil-kuntest tal-UE u tan-NATO. L-infiq fuq id-difiża huwa mistenni li jiżdied minn 2,6 % tal-PDG fl-2024 għal 2,8 % tal-PDG fl-2025, inkluża żieda ta' 0,25 pps. fl-investimenti militari (minn 0,7 % tal-PDG għal 0,9 % tal-PDG, rispettivament). Fis-snin li jsegwu l-perjodu ta' aġġustament, l-infiq fuq id-difiża huwa mistenni li jammonta għal mill-inqas 3 % tal-PDG (f'termini ta' flus kontanti) kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali.

(30)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) tal-Polonja. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan hija ffinanzjata mill-fondi tal-RRP. Il-miżuri li ma jikkonċernawx l-RRP huma dawk relatati mal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, mat-titjib tal-akkwist pubbliku u mal-ilma għall-konsum mill-bniedem. Ħames miżuri jibbenefikaw ukoll mill-finanzjament tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u miżura waħda tibbenefika wkoll mill-Politika Agrikola Komuni.

(31)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonn ta' investiment pubbliku tal-Polonja b'rabta mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Rigward it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jevoka s-sejbiet tar-rapport “Il-futur tal-kompetittività Ewropea” (11), filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, inkluż permezz tal-investimenti tal-RRP fil-produzzjoni u l-ħżin tal-idroġenu rinnovabbli u l-bini ta' parks eoliċi, kif ukoll il-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet diġitali u l-aċċess għal internet b'veloċità għolja. Rigward ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb indipendenza ekonomika akbar, inkluż billi tiġi żgurata s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika u tas-semikondutturi ewlenin. Il-pjan jispjega wkoll li għal xi politiki pubbliċi, inklużi l-politika tal-enerġija, tas-saħħa, dik soċjali u tal-edukazzjoni, għaddej rieżami tar-riformi u tal-investimenti li jillimita l-ambitu għal valutazzjoni aktar preċiża tal-ħtiġijiet ta' investiment sal-2028. Rigward l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi żieda fl-infiq għad-difiża lil hinn minn 2 % tal-PDG, f'allinjament mal-impenji tan-NATO. Il-pjan jirreferi wkoll għall-kundizzjonijiet esterni li qed jinbidlu, inkluża l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u l-prijoritajiet strateġiċi emerġenti tal-UE u l-ħtiġijiet ta' investiment li jirriżultaw.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(32)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Polonja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(33)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(34)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(35)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. Il-Kunsill jilqa' li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża. B'mod partikolari, il-Kunsill jinnota li l-ambjent tas-sigurtà li sejjer għall-agħar minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għandu effett fuq l-ekonomija b'riperkussjonijiet għall-finanzi pubbliċi fil-Polonja.

(36)

Il-Kunsill jistenna li l-Polonja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(37)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(38)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(39)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mill-Polonja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(40)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan jenħtieġ li jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Polonja.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#poland.

(7)  https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2024/2133/oj.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Polonja, 26.11.2024, COM(2024) 956 final.

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Polonja.

(10)  Id-differenza mhix viżibbli minħabba l-ittondjar.

(11)  Draghi, M., “The future of European competitiveness” , il-Kummissjoni Ewropea, Settembru 2024.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Il-Polonja

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

6,3

4,4

4,0

3,5

Kumulattiv (*1)

19,6

24,9

29,9

34,4


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/642/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)