Brussell, 12.12.2024

COM(2024) 566 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-2023


Werrej

1    IL-FOND GĦALL-INNOVAZZJONI    

1.1    Il-kontribut tal-Fond għall-Innovazzjoni għall-objettivi ta’ politika tal-UE    

2    STADJI IMPORTANTI EWLENIN TAL-FOND GĦALL-INNOVAZZJONI FL-2023    

3    AVVENIMENTI EWLENIN TA’ IMPLIMENTAZZJONI FL-2023    

3.1    L-aġġudikazzjoni tat-tielet sejħa għal proġetti fuq skala kbira (LSC 2022)    

3.2    It-tnedija tat-tielet sejħa għal proġetti fuq skala żgħira (SSC 2022) u l-għażla inizjali tal-proposti    

3.3    It-tnedija tas-sejħa tal-Fond għall-Innovazzjoni għall-2023 (IF23)    

3.4    Tnedija tal-irkant pilota għall-idroġenu tal-fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO) (irkant IF23)    

3.5    L-għażla tal-ewwel żewġ proġetti fl-ambitu tas-sħubija bejn l-UE u l-Catalyst    

3.6    Assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti (PDA)    

3.7    Attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien u komunikazzjoni    

3.8    Sinerġiji ma’ finanzjament ieħor    

4    L-ISTATUS KUMULATTIV TAL-FOND GĦALL-INNOVAZZJONI SA TMIEM L-2023    

4.1    Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati ta’ sejħiet regolari għal proposti    

4.2    Il-livelli ta’ maturità tal-proġetti, l-istatus tal-implimentazzjoni u l-isfidi    

4.3    Firxa ġeografika    

4.4    Setturi appoġġati    

4.5    Emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gases) evitati    

5    KONKLUŻJONIJIET    


1IL-FOND GĦALL-INNOVAZZJONI

Il- Fond għall-Innovazzjoni (IF, Innovation Fund) huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament tad-dinja għad-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji kummerċjali innovattivi b’emissjonijiet żero tal-karbonju u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-għan tiegħu huwa li jqiegħed fis-suq soluzzjonijiet ġodda għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi koperti mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS, EU Emissions Trading System) b’appoġġ għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn in-newtralità klimatika. L-IF huwa ffinanzjat mid-dħul mill-irkant tal-kwoti tal-EU ETS. Min-naħa tiegħu, jipprovdi finanzjament, l-aktar fil-forma ta’ għotjiet, biex jappoġġa proġetti f’ħames oqsma ewlenin (ara l-illustrazzjoni 1 hawn taħt). Skont l-IF, il-fondi bħalissa jingħataw prinċipalment permezz ta’ sejħiet kompetittivi miftuħa għal proposti jew permezz ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti (“irkantijiet”). L-IF jappoġġa wkoll proġetti permezz ta’ servizzi konsultattivi (Assistenza għall-Iżvilupp ta’ Proġetti – PDA, Project Development Assistance) u permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ taħlit ma’ strumenti oħra tal-UE (eż. InvestEU).

Illustrazzjoni 1: Komponenti ewlenin tal-Fond għall-Innovazzjoni

Id-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA) tal-Kummissjoni Ewropea għandu r-responsabbiltà ġenerali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-IF. Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-ammonti ta’ assistenza finanzjarja mogħtija u fdat lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA, European Climate Infrastructure and Environment Executive Agency) bit-tnedija u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal proposti u bil-ġestjoni tal-ftehimiet ta’ għotja.

Skont l-Artikolu 10a (8) tad-Direttiva dwar l-EU ETS 1 , il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-implimentazzjoni tal-IF. Dan ir-rapport jipprovdi analiżi spjegattiva tal-proġetti li ngħataw finanzjament skont is-settur u skont l-Istat Membru, u analiżi ta’ kif dawn il-proġetti se jikkontribwixxu għall-għan tal-UE li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Dan ir-rapport ikopri l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

1.1Il-kontribut tal-Fond għall-Innovazzjoni għall-objettivi ta’ politika tal-UE

L-objettiv ewlieni tal-IF jibqa’ l-appoġġ tad-dekarbonizzazzjoni fis-setturi koperti mill-EU ETS u l-kontribut għall-objettivi ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra tal-UE kif definiti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima 2 , filwaqt li fl-istess ħin jappoġġa prijoritajiet ta’ politika urġenti u jgħin fit-tranżizzjoni ekonomika billi joħloq argumenti ġodda għall-vijabbiltà ta’ “industrija nadifa”.

·Il-104 proġett fil-portafoll tal-IF sa tmiem l-2023 huma mistennija li jevitaw 442 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (CO2-eq) matul l-ewwel 10 snin ta’ operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jikkontribwixxu għall-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u tal-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050. Proġett bħal NorthSTOR+ huwa mistenni li jevita 34,5 miljun tunnellata ta’ CO2-eq matul l-ewwel 10 snin tal-operat tiegħu billi jiżviluppa sistema stazzjonarja innovattiva ta’ ħżin tal-enerġija għall-batteriji tal-litju bbażata fuq teknoloġija oriġinarjament maħsuba għall-industrija tal-vetturi elettriċi.

·L-IF ta EUR 715-il miljun biex jiffinanzja 16-il proġett fis-settur tal-idroġenu. B’kollox, il-proġetti fil-portafoll tal-IF huma mistennija li jipproduċu 6,54 miljun tunnellata ta’ idroġenu matul ħajjithom. Din iċ-ċifra mistennija li tikkontribwixxi għall-għan tal-UE li żżid il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, kif deskritt f’leġiżlazzjoni bħal REPowerEU 3 , u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, kif ukoll fl-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu. Pereżempju, il-proġett Holland Hydrogen huwa mistenni li jipproduċi 1,3 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli fil-Port ta’ Rotterdam minn elettrolizzatur ta’ 400 MW, 10 darbiet akbar minn kwalunkwe elettrolizzatur attwalment installat fl-Ewropa.

·L-IF ta EUR 177 miljun f’finanzjament ta’ għotjiet lil erba’ proġetti li jinvolvu bijofjuwils u bijoraffineriji, u dan ikkontribwixxa għall-objettivi tal-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi deskritti fir-Regolament ReFuelEU u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-bijometan, kif ukoll appoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament FuelEU Maritime 4 . Pereżempju, il-proġett FirstBio2Shipping huwa mistenni li jipproduċi u jforni bijofjuwil lis-settur marittimu b’valur ta’ 6 miljun metru kubu normali fis-sena (Nm3/sena) ta’ bijogass, 2 400 tunnellata fis-sena ta’ bijometan u 5 000 tunnellata fis-sena ta’ bijo-CO2.

·L-IF ta total ta’ EUR 360 miljun lil 11-il proġett li jinvolvu direttament l-enerġija solari, eolika u ġeotermali. Dan l-appoġġ tal-IF qed jikkontribwixxi direttament għall-objettivi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u fir-REPowerEU dwar l-introduzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp tal-istrateġija tal-UE għall-enerġija lil hinn mill-kosta 5 . B’mod partikolari, ħames proġetti fis-settur tal-enerġija mir-riħ se jirċievu EUR 135 miljun, li se jgħinu direttament fil-varar tat-teknoloġija mmirata skont il-Pakkett tal-UE dwar l-Enerġija mir-Riħ. Pereżempju, il-proġett HIPPOW qed jiżviluppa mudell ġdid ta’ turbini eoliċi lil hinn mill-kosta fid-Danimarka. Il-prototip waħdu se jkun jista’ jipprovdi enerġija lil 7 000 unità domestika kull sena b’żieda possibbli ta’ 700 darbiet jew aktar sal-2030.

·L-IF ta EUR 91 miljun f’għotjiet biex jiffinanzja sitt proġetti li jinvolvu ħżin tal-elettriku fl-istess jum u EUR 190 miljun għal proġetti li jimmanifatturaw komponenti tal-ħżin tal-enerġija, u b’hekk jikkontribwixxi għall-għan tar-Regolament dwar il-Batteriji 6 li jippromwovi ekonomija ċirkolari domestika għall-batteriji, kif muri minn proġetti bħal GigaArctic , gigafactory tal-batteriji tal-litju-jon fin-Norveġja li se tipproduċi 29 gigawatt-siegħa fis-sena (GWh/y).

·L-IF ta EUR 709 miljun biex jiffinanzja 11-il proġett li jinvolvu komponenti tal-manifattura għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew għall-ħżin tal-enerġija. Ta wkoll EUR 1,08 biljun lil sitt proġetti li jinvolvu teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS, carbon capture and storage), u EUR 3,45 biljun lil 59 proġett li jinvolvu industriji intensivi fl-enerġija. Għalhekk, l-IF diġà qed jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act) 7 u l-istrateġija għall-Ġestjoni Industrijali tal-Karbonju (ICM, Industrial Carbon Management) 8 . Eżempju wieħed ta’ dan il-kontribut huwa l-proġett HynCobs , li huwa d-disinn, il-kostruzzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ linji ta’ manifattura għall-elettroliżi u ta’ ċelloli tal-fjuwil bl-użu ta’ tekniki innovattivi ta’ kisi u proċessi ta’ awtomatizzazzjoni. Proġett ieħor, TopSOEC , se jibni faċilità tal-manifattura tal-moduli stack taċ-ċelloli tal-elettroliżi b’ossidu solidu (SOEC, solid oxide electrolysis cell) ta’ 500 Megawatt. Il-proġett Elan se jimmanifattura materjali tal-grafit anodiku li huma mistennija li jintużaw f’846 000 vettura elettrika. Fl-aħħar nett, il-proġett Silverstone fl-Iżlanda qed juża l-qbid tas-CO2 u l-ħżin permanenti tal-minerali fuq skala kummerċjali.

2STADJI IMPORTANTI EWLENIN TAL-FOND GĦALL-INNOVAZZJONI FL-2023

1.L-aġġudikazzjoni tat- tielet sejħa għal proġetti fuq skala kbira (LSC 2022)

2.It-tnedija tat- tielet sejħa għal proġetti fuq skala żgħira (SSC 2022) u l-għażla inizjali tal-proposti

3.It-tnedija tas- sejħa tal-Fond għall-Innovazzjoni għall-2023 (IF23)

4.It-tnedija tal- irkant pilota għall-idroġenu RFNBO (renewable fuels of non-biological origin) (irkant IF23)

5.L-għażla tal- ewwel proġetti fl-ambitu tas-Sħubija bejn l-UE u l-Catalyst

6.PDA addizzjonali għall-proġetti

7. Qafas legali 9 aġġornat biex jiġi żgurat li l-IF: (i) ikun allinjat bis-sħiħ mal-aktar emendi reċenti għad-Direttiva dwar l-ETS; u (ii) jibbaża fuq it-tagħlimiet meħuda mis-snin inizjali ta’ implimentazzjoni.

8. L-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ involviment għal setturi speċifiċi b’rabta ma’ kull sejħa għal proposti.

3AVVENIMENTI EWLENIN TA’ IMPLIMENTAZZJONI FL-2023

3.1L-aġġudikazzjoni tat-tielet sejħa għal proġetti fuq skala kbira (LSC 2022)

Fit-3 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni nediet it-tielet sejħa għal proposti għal proġetti fuq skala kbira fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni, b’baġit ta’ EUR 3 biljun. Din is-sejħa kienet immirata għal proġetti b’nefqa kapitali (CAPEX, capital expenditure) stmata ta’ aktar minn EUR 7,5 miljun għal kull proġett. Għall-ewwel darba, is-sejħa kienet maqsuma f’erba’ “suġġetti”: (i) ġenerali, b’baġit ta’ EUR 1 biljun; (ii) il-manifattura ta’ teknoloġija nadifa ta’ komponenti għall-produzzjoni tal-idroġenu, l-enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija, b’baġit ta’ EUR 700 miljun; (iii) l-elettrifikazzjoni innovattiva fl-industrija, u l-produzzjoni u l-użu innovattivi tal-idroġenu, b’baġit ta’ EUR 1 biljun; u (iv) il-kostruzzjoni u l-operat ta’ proġetti pilota, b’baġit ta’ EUR 300 miljun. Ir- riżultati tas-sejħa ġew ippubblikati fit-13 ta’ Lulju 2023

Il-239 proposta mressqa bi tweġiba għas-sejħa talbu għotjiet totali b’valur ta’ EUR 22,8 biljun, sitt darbiet akbar mill-baġit disponibbli. Wara l-evalwazzjoni, 41 proposta ġew mistiedna għall-proċess ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja. Sa tmiem l-2023, 36 proġett kienu ffirmaw ftehimiet ta’ għotja b’valur ta’ EUR 3,3 biljun 10 f’appoġġ totali. Flimkien, il-proġetti mogħtija huma mistennija li jevitaw madwar 223 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2-eq matul l-ewwel deċennju ta’ operazzjonijiet tagħhom. L-ewwel proġetti huma mistennija li jibdew l-operazzjonijiet fl-2024 u, sal-2027, aktar minn nofshom (64 %) se jkunu bdew l-operazzjonijiet.

Illustrazzjoni 2: Riżultati tal-evalwazzjoni tal-LSC 2022

 

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti mogħtija għotjiet kienu fil-kategorija ta’ “industriji intensivi fl-enerġija” (23 proposta, li talbu 66 % tal-baġit disponibbli), il-maġġoranza tagħhom kienu jinvolvu s-subkategoriji “komponenti tal-manifattura għall-enerġija rinnovabbli”, “sustanzi kimiċi” u “idroġenu”.

Illustrazzjoni 3: Kategoriji tal-proġetti mogħtija fl-LSC 2022

 

Illustrazzjoni 4: Setturi tal-proġetti mogħtija fl-LSC 2022

Il-proġetti mogħtija jinsabu f’14-il pajjiż Ewropew differenti, b’mod partikolari l-Ġermanja (7), Spanja (6) u n-Norveġja (5).

Illustrazzjoni 5: Firxa ġeografika tal-proġetti mogħtija fl-LSC 2022

3.2It-tnedija tat-tielet sejħa għal proġetti fuq skala żgħira (SSC 2022) u l-għażla inizjali tal-proposti

Fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni nediet it-tielet sejħa għal proposti fuq skala żgħira, b’baġit ta’ EUR 100 miljun għall-proġetti u CAPEX stmat għal kull proġett ta’ bejn EUR 2,5 miljun u EUR 7,5 miljun.

It-72 proposta mressqa bi tweġiba għal din is-sejħa talbu għotjiet li jammontaw għal EUR 289 miljun, kważi tliet darbiet il-baġit disponibbli. Ir- riżultati tas-sejħa ġew ippubblikati fid-19 ta’ Diċembru 2023. Wara l-evalwazzjoni, ġew sottomessi 17-il proposta b’valur totali ta’ EUR 65,4 miljun għall-proċess ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja. Il-proġetti magħżula huma mistennija li jevitaw aktar minn 1,8 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2-eq fl-ewwel deċennju tal-operazzjonijiet tagħhom. Il-kategoriji tal-“enerġija rinnovabbli” (tmien proġetti) u tal-“industrija intensiva fl-enerġija” (seba’ proġetti) kienu jirrappreżentaw l-aktar għotjiet; il-kategoriji “ħġieġ, ċeramika u materjal tal-kostruzzjoni” u “manifattura ta’ komponenti tal-enerġija rinnovabbli”, bi tliet proġetti kull wieħed, kienu wkoll rappreżentati tajjeb. Din l-enfasi tirrifletti dik tal-proġetti fuq skala kbira u tirrifletti l-ħtiġijiet differenti fid-diversi setturi f’termini tad-daqs tal-proġett.

Illustrazzjoni 6: Setturi tal-proġetti magħżula fl-SSC 2022

F’termini ta’ rappreżentanza ġeografika, il-proġetti minn 23 pajjiż eliġibbli applikaw għall-appoġġ tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-ambitu ta’ din is-sejħa, u b’hekk intweriet firxa ġeografika wiesgħa f’termini ta’ appoġġ meħtieġ għall-finanzjament tat-teknoloġija nadifa u tal-industrija ekoloġika tal-UE. Wara evalwazzjoni, il-proġetti minn 10 pajjiżi differenti ngħataw appoġġ, bl-Italja (5) li kellha l-aktar proġetti.

Illustrazzjoni 7: Pajjiżi tal-proġetti magħżula fl-SSC 2022

Peress li l-proġetti ngħataw finanzjament fit-tieni trimestru tal-2024, aktar dettalji tar-riżultati ta’ din is-sejħa se jidhru fir-Rapport Annwali tal-IF tal-2024.

3.3It-tnedija tas-sejħa tal-Fond għall-Innovazzjoni għall-2023 (IF23)

Is-sejħa tnediet fit-23 ta’ Novembru 2023 b’baġit ta’ EUR 4 biljun biex tappoġġa l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ dekarbonizzazzjoni.

Din is-sejħa kienet l-ewwel waħda li għaqqdet suġġetti għal daqsijiet differenti ta’ proġetti u temi differenti:

·“Dekarbonizzazzjoni ġenerali” (fuq skala kbira) – EUR 1,7 biljun disponibbli għall-proġetti b’CAPEX ta’ aktar minn EUR 100 miljun.

·“Dekarbonizzazzjoni ġenerali” (fuq skala medja) – EUR 500 miljun disponibbli għall-proġetti b’CAPEX ta’ bejn EUR 20 miljun u EUR 100 miljun.

·“Dekarbonizzazzjoni ġenerali” (fuq skala żgħira) – EUR 200 miljun disponibbli għall-proġetti b’CAPEX ta’ bejn EUR 2,5 miljun u EUR 20 miljun.

·“Manifattura ta’ teknoloġija nadifa” – EUR 1,4 biljun għall-proġetti b’CAPEX ta’ aktar minn EUR 2,5 miljun li jiffukaw fuq il-manifattura ta’ komponenti għall-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija, il-pompi tas-sħana u l-produzzjoni tal-idroġenu.

·“Proġetti pilota” – EUR 200 miljun disponibbli għall-proġetti b’CAPEX ta’ aktar minn EUR 2,5 miljun li jiffukaw fuq id-dekarbonizzazzjoni fil-fond. Il-proġetti pilota tqiesu li kienu joffru livell ogħla ta’ innovazzjoni, kif muri f’ambjent operazzjonali, iżda kienu għadhom ma kinux mistennija juru produzzjoni kummerċjali fuq skala kbira.

Il-proġetti ntgħażlu abbażi tal-kriterji tal-għoti li ġejjin: il-potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; il-grad ta’ innovazzjoni; il-maturità; ir-replikabbiltà; u l-kosteffiċjenza. Wara l-aktar reviżjoni reċenti tad- Direttiva dwar l-EU ETS 11 , din is-sejħa nfetħet ukoll għas-setturi marittimi, tat-trasport bit-triq u tal-bini. L-introduzzjoni ta’ “punti bonus”, li għalihom jistgħu jikkwalifikaw ċerti tipi ta’ proġetti, kienet karatteristika ġdida oħra.

Is-sejħa għalqet fit-8 ta’ April 2024 u r-riżultati huma mistennija li jiġu ppubblikati sa tmiem l-2024. Ir-riżultati ta’ din is-sejħa għalhekk se jidhru fir-Rapport Annwali tal-IF għall-2024. Għall-ewwel darba, il-proġetti sottomessi fl-ambitu ta’ din is-sejħa u li jaqbżu l-limiti ta’ evalwazzjoni se jirċievu Siġill STEP 12 .

3.4Tnedija tal-irkant pilota 13 għall-idroġenu tal-fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO) (irkant IF23)

Fit-23 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni nediet l-ewwel irkant li qatt sar għall-produzzjoni tal-idroġenu RFNBO fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni u bħala parti mill-istrument ta’ finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu 14 . L-objettivi ewlenin ta’ dan l-irkant għall-idroġenu rinnovabbli kienu li: (i) inaqqas id-diskrepanza bejn il-kostijiet tal-produzzjoni u r-rieda tal-ħlas min-naħa tad-domanda; (ii) jappoġġa l-mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni tal-prezzijiet u l-formazzjoni tas-suq; (iii) jgħin biex jitneħħa r-riskju tal-proġetti u jiġi mobilizzat l-investiment privat; u (iv) jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-applikanti meta mqabbel ma’ sejħiet regolari għal proposti.

L-irkant pilota kellu baġit ta’ EUR 800 miljun u tfassal biex jappoġġa lill-produtturi tal-idroġenu RFNBO li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). L-appoġġ se jieħu l-forma ta’ pagament ta’ primjum fiss għal perjodu massimu ta’ 10 snin. Il-proġetti se jirċievu l-appoġġ biss wara l-produzzjoni ċċertifikata u vverifikata tal-idroġenu rinnovabbli. L-irkant għalaq fit-8 ta’ Frar 2024 u ġew sottomessi 132 offerta minn 17-il Stat Membru differenti.

Għall-ewwel darba, l-irkant uża skema ta’ “rkantijiet bħala servizz”, li tippermetti lill-Istati Membri jappoġġaw proġetti fit-territorji tagħhom li jissodisfaw il-kriterji iżda li ma ntgħażlux mill-IF minħabba restrizzjonijiet baġitarji. Il-Ġermanja kienet l-ewwel Stat Membru li applika l-iskema “rkantijiet bħala servizz” billi pprovdiet EUR 350 miljun addizzjonali f’appoġġ baġitarju għal proġetti Ġermaniżi.

Ir-riżultati ta’ din is-sejħa se jidhru fir-Rapport Annwali tal-IF għall-2024.

3.5L-għażla tal-ewwel żewġ proġetti fl-ambitu tas-sħubija bejn l-UE u l-Catalyst

Minbarra s-sejħiet għal proposti u l-irkant għall-idroġenu rinnovabbli, il-Fond għall-Innovazzjoni appoġġa s-sħubija bejn l-UE u l-Catalyst b’baġit ta’ EUR 220 miljun (minbarra EUR 200 miljun minn Orizzont Ewropa) permezz ta’ żieda bi Primjum Ekoloġiku fil-garanzija InvestEU.

Is-sħubija tnediet fl-2021 fil-COP26 fi Glasgow mill-President Ursula von der Leyen, mill-President Werner Hoyer, u mill-Fundatur tal-Breakthrough Energy Bill Gates. L-għan tagħha huwa li tiżviluppa proġetti ta’ teknoloġija ekoloġika fuq skala kbira bbażati fl-Ewropa u tagħti spinta lill-investimenti fit-teknoloġiji klimatiċi kritiċi. Is-sħubija hija implimentata skont is-sħubija ma’ Breakthrough Energy Catalyst, li tipprovdi ekwità u għotjiet lill-proġetti magħżula, u permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jipprovdi finanzjament ta’ kważi-ekwità/dejn ta’ riskju (appoġġat minn garanzija InvestEU b’żieda fil-primjum ekoloġiku), ikkomplementata minn għotjiet minn Orizzont Ewropa. Din hija l-ewwel esperjenza ta’ finanzjament tal-Fond għall-Innovazzjoni f’sinerġija ma’ strumenti oħra tal-UE.

Matul il-COP28 f’Diċembru 2023, is-sħubija ħabbret appoġġ għall-ewwel żewġ proġetti tagħha:

· Ottana (Energy Dome): Energy Dome żviluppat il-batterija tas-CO2 f’Sardinja bħala parti mit-teknoloġija tal-ħżin tal-enerġija fit-tul tagħha bbażata fuq is-CO2 likwifikat. Dan il-proġett ingħata self ta’ dejn ta’ riskju ta’ EUR 25 miljun mill-BEI, appoġġat mill-garanzija InvestEU tal-IF.

· FlagshipOne (Ørsted) 15 : Il-proġett fl-Iżvezja li huwa proprjetà tal-kumpanija tal-enerġija Daniża Ørsted, kien mistenni li juża s-CO2 bijoġeniku maqbud u l-idroġenu rinnovabbli biex jipproduċi madwar 55 000 tunnellata ta’ e-metanol kull sena għall-industrija tat-trasport fuq l-ilma, li jagħmilha l-akbar faċilità integrata tal-produzzjoni tal-e-metanol tal-Ewropa.

Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, it-tielet proġett, Rondo , li jinvolvi teknoloġija tal-enerġija għas-sħana, kien intgħażel għall-appoġġ fl-ambitu tas-sħubija, filwaqt li oħrajn kienu qed jiġu vvalutati wkoll.

3.6Assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti (PDA)

Il- programm PDA tal-IF jipprovdi appoġġ imfassal apposta, fil-forma ta’ servizzi ta’ konsulenza, għal proġetti promettenti li ma setgħux jintgħażlu minħabba l-grad aktar baxx ta’ maturità tagħhom. Il-PDA tfittex li tgħin lil dawn il-proġetti li ma jirnexxux iżidu l-maturità tal-proposti tal-proġetti tagħhom, u b’hekk tiffaċilita applikazzjonijiet potenzjalment ta’ suċċess għal sejħiet tal-IF sussegwenti kif ukoll finanzjament ieħor. Il-PDA hija implimentata mill-BEI.

Fl-2023, il-Kummissjoni pprovdiet PDA għal 26 proġett, li sa tmiem is-sena jew kienu qed jistennew l-iffirmar tal-ftehim PDA jew kienu qed jiġu implimentati. Mill-bidu tal-programm, 39 proġett iffirmaw ftehim ta’ appoġġ u tlestew 32 kompitu tal-PDA.

L-impatt pożittiv tal-PDA sar ċar fl-2023. Proġett li kien applika mingħajr suċċess għas-sejħa tal-LSC 2020 intgħażel fl-ambitu tas-sejħa LSC 2022, filwaqt li ntgħażlu wkoll tliet proġetti oħra mil-LSC 2020. Bl-istess mod, proġett li ma rnexxiex mill-SSC 2021 intgħażel meta reġa’ applika għall-SSC 2022.

Minbarra li tippermetti lis-sidien tal-proġetti jtejbu l-proposti tagħhom bil-ħsieb li japplikaw b’suċċess għall-IF fil-futur, il-PDA tiffaċilita wkoll l-aċċess għal opportunitajiet oħra ta’ finanzjament. Pereżempju, żewġ proġetti appoġġati mill-PDA ġew inklużi fil-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni (PCIs), żewġ proġetti oħra ffinanzjati fl-ambitu tas-sħubija Breakthrough Energy Catalyst (inkluż il-proġett Ottana, mogħti fl-ambitu tas-sħubija bejn l-UE u l-Catalyst) irċevew appoġġ tal-PDA mill-BEI, u erba’ proġetti addizzjonali rċevew għotjiet nazzjonali jew irċevew rikonoxximent.

3.7Attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien u komunikazzjoni

Il-kondiviżjoni tal-għarfien hija parti essenzjali mill-IF peress li tappoġġa r-replikazzjoni u l-penetrazzjoni aktar rapida fis-suq ta’ teknoloġiji jew soluzzjonijiet appoġġati mill-IF, u b’hekk tagħmilha aktar faċli li jiġi pprovdut feedback dwar il-politika.

Matul l-2023, l-IF kompla jorganizza sessjonijiet ta’ ħidma tematiċi għall-kondiviżjoni tal-għarfien, filwaqt li ffaċilita diskussjonijiet settorjali u skambji ta’ għarfien prattiku fost il-proġetti li jirċievu appoġġ mill-IF. Matul is-sena saru erba’ avvenimenti ta’ kondiviżjoni tal-għarfien dwar: il-ħolqien ta’ suq tat-trasport u l-ħżin tas-CO2 flimkien ma’ proġetti rilevanti mill-fond tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (it-30 ta’ Marzu); l-idroġenu (id-19 ta’ Settembru); il-ħżin tal-enerġija (l-10 ta’ Ottubru); u t-teknoloġiji tas-CCS (avveniment bil-bibien magħluqa fit-28 ta’ Novembru).

Fid-19 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni, flimkien mas-CINEA, organizzat il-konferenza dwar it-teknoloġija nadifa tal-2023 fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni. L-avveniment attira lil dawk li jfasslu l-politika, lill-investituri, lill-mexxejja tal-industrija u lil partijiet ikkonċernati oħra, li qajmu kuxjenza fost il-finanzjaturi pubbliċi u privati dwar il-ħafna opportunitajiet ta’ negozju li joffri l-Fond għall-Innovazzjoni. Matul l-avveniment, kien hemm total ta’ 120 parteċipant fuq il-post filwaqt li madwar 2 000 parteċipant online kienu konnessi mal-istreaming dirett, li wera kemm l-avveniment leħaq firxa ta’ partijiet ikkonċernati u applikanti potenzjali interessati.

Wara li nfetħu s-sejħiet, il-Kummissjoni u s-CINEA organizzaw diversi sessjonijiet ta’ ħidma biex jippreżentaw it-testi tas-sejħiet, jipprovdu gwida dwar il-proċess ta’ applikazzjoni, u jwieġbu kwalunkwe mistoqsija fir-rigward tas-sejħiet rispettivi.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll il-laqgħat biannwali regolari tal-grupp ta’ esperti tal-IF fl-2023 (id-29 ta’ Marzu u s-6 ta’ Ottubru). L-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li jinġabar kontribut mill-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-industrija dwar l-implimentazzjoni matul is-sena u l-orjentazzjonijiet futuri tal-IF.

3.8Sinerġiji ma’ finanzjament ieħor 

L-IF għandu l-għan li jiżgura sinerġiji u kompatibbiltajiet ma’ strumenti oħra ta’ appoġġ għall-investiment, pereżempju sinerġiji upstream potenzjali bejnu u l-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni (jiġifieri Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa). Biex jitrawmu sinerġiji bħal dawn, saru diversi sforzi speċifiċi matul l-2023.

Pereżempju, diversi suġġetti rilevanti fil-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa għall-2023-2024 (b’mod partikolari fir-raggruppamenti 4 u 5) ħeġġew lill-applikanti jinkludu strateġija ta’ argument għall-vijabbiltà u studju tal-fattibbiltà fil-proposti tagħhom li aktar tard jistgħu jwittu t-triq għal applikazzjonijiet futuri potenzjali għall-IF. Barra minn hekk, il-programm ta’ ħidma għall-2023 għall-ħames raggruppament tiegħu kien jinkludi suġġett għall-appoġġ ta’ ħames azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ (CSAs, coordination and support actions) bl-għan li jippromwovu sinerġiji bejn il-proġetti Orizzont u l-Fond għall-Innovazzjoni. Il-ħames CSAs kollha bdew f’Jannar 2023.

Barra minn hekk, fit-8 ta’ Frar 2023, il-Fond għall-Innovazzjoni organizza l-Programm Qafas Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) – Workshop dwar is-Sinerġiji tal-Fond għall-Innovazzjoni , li laqqa’ flimkien parteċipanti minn proġetti maturi ta’ R&I ffinanzjati fl-ambitu tal-programmi ta’ finanzjament tal-R&I tal-UE (b’mod partikolari Orizzont 2020) biex jesploraw l-opportunitajiet ta’ finanzjament fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni sabiex jużaw it-teknoloġiji tagħhom.

4L-ISTATUS KUMULATTIV TAL-FOND GĦALL-INNOVAZZJONI SA TMIEM L-2023

4.1Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati ta’ sejħiet regolari għal proposti

Sa tmiem l-2023, il-Fond għall-Innovazzjoni kien diġà organizza seba’ sejħiet regolari għal proposti u proċedura kompetittiva ta’ offerti waħda. B’riżultat ta’ dan, total ta’ 104 proġett kienu ffirmaw ftehimiet ta’ għotja b’valur massimu ta’ EUR 3,3 biljun, u kienu ntgħażlu 17-il proġett addizzjonali u kienu fil-proċess li jħejju l-iffirmar ta’ ftehim ta’ għotja 16 . Is-sejħiet inkwistjoni kollha ġew sottoskritti żżejjed meta l-proposti riċevuti jiġu mqabbla mal-baġit disponibbli (bħala medja 12-il darba aktar għal proġetti fuq skala kbira, jew 5,3 darbiet aktar għal dawk fuq skala żgħira). Madankollu, il-grafika li ġejja turi li l-għadd ta’ applikazzjonijiet sottomessi għal sejħiet fuq skala żgħira naqas fl-ewwel sejħa: dan jista’ jiġi spjegat mil-limitu massimu relattivament baxx tal-CAPEX ta’ EUR 7,5 miljun u l-fatt li proġetti ta’ dan id-daqs spiss jibbenefikaw minn finanzjament nazzjonali soġġett għal inqas kompetizzjoni u bi proċeduri ta’ applikazzjoni aktar faċli.

Illustrazzjoni 8: Evalwazzjoni tar-riżultati tal-parteċipazzjoni – sejħiet regolari għal proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni

4.2Il-livelli ta’ maturità tal-proġetti, l-istatus tal-implimentazzjoni u l-isfidi

Sa tmiem l-2023, total ta’ 39 proġett fil-portafoll tal-IF kienu laħqu l-għeluq finanzjarju u 12-il-proġett kienu diġà bdew l-operat. Bħala medja, il-proġetti fuq skala kbira jippjanaw li jilħqu l-għeluq finanzjarju fi żmien 20 xahar mill-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja (debitament fil-limitu obbligatorju ta’ erba’ snin imsemmi fl-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament Delegat tal-IF) u jibdew l-operazzjonijiet fi żmien 49 xahar. Għal proġetti fuq skala żgħira, il-medji rispettivi huma ta’ 15 u 31 xahar. Sa tmiem l-2023, il-Fond għall-Innovazzjoni kien ħallas għotja totali ta’ EUR 120,9 miljun għall-proġetti.

Illustrazzjoni 9: Livelli ta’ maturità tal-proġetti fil-portafoll tal-IF sa tmiem l-2023

Minkejja l-maturità u l-kwalità notevoli tal-proġetti magħżula, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi jinvolvi ċerti riskji li xi drabi jimmaterjalizzaw ruħhom matul l-implimentazzjoni. Dan jista’ jwassal biex il-ftehim ta’ għotja jiġi emendat jew biex proġett jiġi tterminat.

Sa mit-twaqqif tiegħu, l-IF emenda 45 ftehim ta’ għotja. Kważi 30 % tal-każijiet kellhom dewmien fl-iskeda kkawżat minn tfixkil fil-katina tal-provvista. Raġunijiet komuni oħra li jwasslu għal dewmien ta’ emendi fil-permessi, bidliet li jaffettwaw konsorzju ta’ proġett, sfidi fl-iżgurar tal-finanzjament, u reviżjonijiet ta’ aspetti finanzjarji jew tekniċi mhux sostanzjali.

Fl-2023, il-ftehimiet ta’ għotja ġew itterminati għal żewġ proġetti biss 17 :

· BIOZIN (magħżul fl-ambitu tal-LSC 2020, itterminat f’Lulju 2023). Il-proġett kellu l-għan li jiżviluppa l-ewwel impjant tal-bijofjuwil ta’ sostituzzjoni fuq skala kummerċjali, bl-użu tal-Idropiroliżi u l-Idrokonverżjoni Integrati (IH2) proprjetarji ta’ Shell. L-iżviluppatur biddel il-prijoritajiet tan-negozju tiegħu wara li vvaluta mill-ġdid it-teknoloġija.

· BCP (magħżul fl-ambitu tal-SSC 2020, itterminat f’Novembru 2023). Il-proġett kellu l-għan li jirkupra u juża mill-ġdid is-sħana mormija mid-dħaħen tal-forn fil-proċess tal-produzzjoni tal-float glass. Il-proġett naqas milli jegħleb l-inċertezza f’termini ta’ fejn fl-aħħar mill-aħħar kienu se jitqiegħdu l-impjanti.

4.3Firxa ġeografika 

55 % tal-proġetti jinsabu f’ħames pajjiżi: Spanja (17), l-Iżvezja (11), il-Ġermanja (12), Franza (10), u n-Netherlands (8). Madankollu, is-sehem f’termini ta’ għotjiet mogħtija jagħti stampa differenti, fejn il-proġetti Ġermaniżi jirċievu l-aktar fondi (EUR 1,07 biljun), segwiti minn dawk tal-Iżvezja (EUR 964 miljun) u tal-Belġju (EUR 670,7 miljun). L-għadd ta’ proġetti fil-portafoll mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għadu komparattivament baxx.

Illustrazzjoni 10: Firxa ġeografika tal-proġetti fil-portafoll tal-IF 18

Il-firxa ġeografika tal-finanzjament tal-IF tista’ titqabbel ukoll f’termini ta’ PDG ponderat u s-sehem mis-suq tal-EU ETS f’kull wieħed mill-pajjiżi. Minn dawn il-perspettivi, pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Italja, l-Irlanda u l-Awstrija xorta jistgħu jitqiesu bħala sottorappreżentati f’termini tal-ammont ta’ finanzjament mogħti fit-territorju tagħhom.

Illustrazzjoni 11: Tqabbil tal-għotjiet mogħtija għal kull pajjiż mas-sehem tal-PDG Ewropew u tal-EU ETS ta’ kull pajjiż

Għalkemm il-parteċipazzjoni ġeografika effettiva fl-IF qed tiġi mmonitorjata mill-qrib, għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet dwar kemm kienet ġeografikament ibbilanċjata l-implimentazzjoni. Fl-2023, l-LSC 2022 ta sitt proġetti fuq skala kbira f’ħames pajjiżi ġodda (l-Awstrija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Irlanda) u l-SSC 2022 għażel l-ewwel proġetti fuq skala żgħira fid-Danimarka, fil-Greċja, fl-Ungerija u fil-Latvja.

Illustrazzjoni 12: Proposti ammissibbli u eliġibbli riċevuti għal kull pajjiż u sejħa

Madankollu, biex jiġi indirizzat il-fatt li xi Stati Membri għandhom inqas applikazzjonijiet u proġetti mogħtija (kif muri fil-graff ta’ hawn fuq), l-IF qed jippromwovi diversi inizjattivi biex jgħin lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tal-applikazzjonijiet għall-proġetti u b’hekk itejbu l-bilanċ ġeografiku. Dawn jinkludu l-PDA, assistenza teknika ddedikata lill-Istati Membri b’parteċipazzjoni effettiva baxxa, u sessjonijiet ta’ taħriġ iddedikati għall-punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs, national contact points).

Il-Fond għall-Innovazzjoni qed joffri PDA flimkien ma’ sessjonijiet ta’ taħriġ għall-NCPs biex jgħinu fil-kisba ta’ bilanċ ġeografiku madwar l-Ewropa. Madankollu, kif muri fil-graff ta’ hawn fuq, il-kisba ta’ dan l-għan kienet ta’ sfida f’termini tal-applikazzjonijiet riċevuti u tal-proġetti mogħtija. Għalhekk, ir-Regolament Delegat tal-Fond għall-Innovazzjoni ġie rivedut biex jinkludi l-assistenza teknika għall-Istati Membri b’parteċipazzjoni effettiva baxxa. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ Stati Membri speċifiċi biex jappoġġaw lill-applikanti għall-proġetti fit-territorji tagħhom permezz ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet u billi jimplimentaw soluzzjonijiet biex jiġu eliminati d-diskrepanzi.

4.4Setturi appoġġati

Il-Fond għall-Innovazzjoni jqiegħed il-proġetti fil-portafoll tiegħu f’erba’ kategoriji ewlenin: (i) il-qbid u l-ħżin ġeoloġiku tal-karbonju (CCS); (ii) l-industriji intensivi fl-enerġija (EII, energy-intensive industries); (iii) il-ħżin tal-enerġija (ES, energy storage); u (iv) l-enerġija rinnovabbli (RES, renewable energy sources). Il-proġetti jistgħu jiġu kklassifikati wkoll f’ħames kategorija ibrida f’każijiet fejn dawn jgħaqqdu t-teknoloġiji tal-qbid tal-karbonju u l-attivitajiet ta’ dekarbonizzazzjoni industrijali. Sa tmiem l-2023, il-biċċa l-kbira tal-proġetti appoġġati ġew ikklassifikati bħala EII, b’59 proġett li jirrappreżentaw 53 % tal-għotjiet totali mogħtija.

Illustrazzjoni 13: Kategoriji ta’ proġetti mogħtija

Is-setturi bl-akbar għadd ta’ proġetti fil-portafoll tal-IF huma: l-idroġenu (16), is-siment u l-ġir (12), il-manifattura tal-komponenti tal-enerġija rinnovabbli (11), u l-kimiċi (10). L-akbar ammont ta’ appoġġ ta’ finanzjament (EUR 1,9 biljun) ingħata lis-settur tas-siment u l-ġir, li huwa intensiv fil-fondi minħabba d-dipendenza qawwija kontinwa tiegħu fuq it-teknoloġiji tas-CCS għad-dekarbonizzazzjoni.

Illustrazzjoni 14: Setturi tal-proġetti mogħtija

4.5Emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gases) evitati

Il-104 proġett fil-portafoll tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2023 huma mistennija li jevitaw total ta’ 442 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2-eq matul l-ewwel deċennju ta’ operazzjonijiet tagħhom, li jirrappreżentaw medja ta’ EUR 68 ta’ għotjiet ta’ finanzjament għal kull kg ta’ CO2-eq evitat. 

Illustrazzjoni 15: Emissjonijiet mistennija li jiġu evitati matul l-ewwel deċennju ta’ operazzjonijiet



5KONKLUŻJONIJIET 

L-IF sar strument ewlieni għall-kisba tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050, billi jappoġġa l-ambizzjoni ta’ emissjonijiet żero netti, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi u l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE. Sa tmiem l-2023, il-104 proġett li ngħataw appoġġ ta’ għotja mill-IF b’valur ta’ kważi EUR 6,5 biljun f’20 settur kienu mistennija li jevitaw 442 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2-eq matul l-ewwel deċennju ta’ operazzjonijiet tagħhom. Bħala referenza, dan huwa madwar 14 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE fl-2022.

Is-sejħiet għal proġetti fuq skala kbira tal-IF huma sottoskritti żżejjed b’mod konsistenti kemm f’termini tal-għadd ta’ proposti riċevuti kif ukoll f’dawk li huma evalwati b’mod pożittiv (bħala medja, 3,25 darbiet aktar minn dawk għal dawn tal-aħħar). Dan juri l-interess qawwi fil-Fond fis-suq Ewropew u jiżgura livelli għoljin ta’ kompetizzjoni fost il-proġetti. Madankollu, dan juri wkoll li dan it-tip ta’ finanzjament huwa meħtieġ sew fil-livell tal-UE biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. L-LSC 2022 kienet ta’ suċċess ukoll, u rċeviet 239 applikazzjoni, 81 minnhom ogħla mil-limiti minimi ta’ evalwazzjoni, u 36 minnhom finalment mogħtija. L-organizzazzjoni ta’ din is-sejħa f’erba’ suġġetti differenti kienet pożittiva f’termini ta’ ħolqien ta’ kompetizzjoni bejn proġetti pari, u għalhekk ġiet irreplikata fis-sejħa IF23, fejn l-erba’ suġġetti kollha reġgħu ġew sottoskritti żżejjed.

Madankollu, l-interess fis-sejħiet fuq skala żgħira kien aktar baxx milli mistenni. Dan jista’ jiġi spjegat mil-limitu baxx għall-massimu tal-CAPEX ta’ EUR 7,5 miljun peress li proġetti ta’ dan id-daqs spiss ikollhom aċċess għal finanzjament nazzjonali soġġett għal inqas kompetizzjoni u bi proċeduri ta’ applikazzjoni aktar faċli. Għal dik ir-raġuni, l-IF23 tfassal biex jinkludi suġġetti għal tliet daqsijiet ta’ proġetti (kbar, medji, żgħar), bid-daqs tal-limitu massimu “żgħir” miżjud għall-CAPEX ta’ EUR 20 miljun.

Fl-2023, il-Fond għall-Innovazzjoni implimenta b’suċċess mekkaniżmi ġodda ta’ allokazzjoni u seta’ juża, fi żmien rekord, proċedura kompetittiva ta’ offerti biex jappoġġa lill-produtturi tal-idroġenu RFNBO fiż-ŻEE, flimkien mal-possibbiltà li l-Istati Membri jiġbru flimkien riżorsi addizzjonali permezz tal-iskema “rkantijiet bħala servizz”, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni għall-għajnuniet mill-Istat. Il-Fond għall-Innovazzjoni qed jikkontribwixxi wkoll għat-taħlit tal-finanzjament ma’ strumenti oħra tal-UE permezz tas-sħubija bejn l-UE u l-Catalyst, li jippermetti li ċerti proġetti jirċievu finanzjament b’dejn ta’ riskju mill-BEI fl-ambitu tal-programm InvestEU.

Barra minn hekk, fl-ambitu tas-sejħiet għal proposti tal-2022, il-Fond għall-Innovazzjoni tejjeb b’mod kostanti l-bilanċ ġeografiku tiegħu billi ta proġetti f’għadd ta’ pajjiżi ġodda għall-ewwel darba. Ir-Regolament Delegat tal-Fond għall-Innovazzjoni ġie emendat ukoll biex jinkludi l-assistenza teknika għall-Istati Membri b’parteċipazzjoni effettiva baxxa. Dan sabiex isaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ Stati Membri speċifiċi biex jappoġġaw lill-applikanti għall-proġetti fit-territorji tagħhom permezz ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet u billi jimplimentaw soluzzjonijiet biex jiġu eliminati d-diskrepanzi. 

Il-programm PDA implimentat mill-BEI daħal fis-seħħ fl-2021. Sa tmiem l-2023 kien għadu qed jgħin lil 17-il proġett biex jirfinaw id-disinn tagħhom u jħalluhom jimmaturaw biżżejjed biex japplikaw u jiksbu finanzjament. B’riżultat ta’ dan, ħames proġetti sottomessi mill-ġdid tejbu l-eżiti tagħhom u ntgħażlu għall-finanzjament tal-IF.

Matul is-sena, l-IF wettaq l-impenji tiegħu għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-bini tal-kapaċitajiet billi: segwa sinerġiji ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE; organizza jiem ta’ informazzjoni għas-sejħiet tiegħu u avvenimenti ta’ kondiviżjoni tal-għarfien bejn il-proġetti appoġġati tiegħu u l-partijiet ikkonċernati settorjali ewlenin; u uża għodod ta’ informazzjoni aċċessibbli biex jiġu ffaċilitati applikazzjonijiet ġodda. L-IF issimplifika wkoll il-proċeduri ta’ applikazzjoni tiegħu. Fl-2023, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-“kostijiet rilevanti” ġiet issimplifikata billi tnaqqas l-għadd ta’ metodoloġiji disponibbli minn tlieta għal tnejn (l-irtirar tal-“kost livellat”) u billi l-metodoloġija “ebda impjant ta’ referenza” ssir dik prestabbilita. L-iżvilupp tal-irkantijiet matul l-2023 għen ukoll biex jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ għoti li jqiegħdu piż amministrattiv iżgħar fuq l-applikanti.

Il-Fond għall-Innovazzjoni qed ikompli l-ħidma tiegħu fl-2024 billi jagħti s-sejħa IF23 u permezz tal-irkant IF23; u qed jiżviluppa wkoll skemi ta’ “rkantijiet bħala servizz” li jistgħu jgħinu jisfruttaw baġits addizzjonali tal-Istati Membri għall-istrumenti tiegħu. Il-Fond se jkompli jservi bħala strument ewlieni bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ politika urġenti filwaqt li jiffaċilita l-applikazzjonijiet billi jissimplifika u jħaffef l-użu tal-fondi.

(1)

 Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)

 Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), ĠU L 243, 9.7.2021

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE, ĠU L 63, 28.2.2023

(4)

Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 234, 22.9.2023

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima, COM/2020/741 final

(6)

Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE, ĠU L 191, 28.7.2023

(7)

Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724, ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Lejn Ġestjoni Industrijali tal-Karbonju ambizzjuża għall-UE, COM/2024/62

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856, kif aġġornat fil-21 ta’ Novembru 2023.

(10)

Intużat regola ta’ flessibbiltà, li tippermetti żieda ta’ 20 % fil-baġit disponibbli.

(11)

Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni

(12)

It-tikketta tal-kwalità l-ġdida tal-UE li għandha tingħata lil proġetti ta’ kwalità għolja li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform). L-għan tas-Siġill STEP huwa li jiffaċilita l-aċċess għal aktar opportunitajiet ta’ appoġġ pubbliku u privat għal dawn il-proġetti.

(13)

Dan l-ewwel irkant tqies bħala “pilota”, u t-tagħlimiet meħuda minnu għandhom jiġu implimentati fl-irkantijiet ta’ segwitu.

(14)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu, COM/2023/156 final

(15)

 Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, Ørsted ħabbret li kienet se ttemm il-proġett. 

(16)

Dawn il-proġetti, magħżula taħt SCC 2022, kienu għad iridu jirċievu l-għoti tagħhom sa tmiem l-2023 u għalhekk se jidhru fir-Rapport Annwali tal-IF għall-2024.

(17)

Fiż-żewġ każijiet, ma kien sar l-ebda żborż fil-mument tat-terminazzjoni. Il-fondi mhux żborżati se jakkumulaw lura għall-baġit tal-Fond għall-Innovazzjoni.

(18)

Proġetti bi ftehimiet ta’ għotja ffirmati biss (sa tmiem l-2023, il-proġetti magħżula taħt l-SSC 2022 kienu għadhom iridu jiffirmaw il-ftehimiet ta’ għotja tagħhom).