IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.12.2025
COM(2025) 768 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Deċennju ta' Ewropa Kreattiva
{SWD(2025) 418 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.12.2025
COM(2025) 768 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Deċennju ta' Ewropa Kreattiva
{SWD(2025) 418 final}
1.Introduzzjoni
Ewropa Kreattiva huwa l-Programm tal-Unjoni Ewropea ddedikat għall-appoġġ tas-setturi kulturali, kreattivi u awdjoviżivi. Dan ir-Rapport jippreżenta r-riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni finali tal-Programm Ewropa Kreattiva 2014-2020 (hawn taħt “CE1”, Creative Europe 1) u l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Ewropa Kreattiva 2021-2027 (hawn taħt “CE2”, Creative Europe 2) f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fiż-żewġ strumenti legali 1 . L-azzjonijiet taż-żewġ iterazzjonijiet tal-Programm ġew organizzati fi tliet fergħat sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi: Miżuri għat-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-industrija awdjoviżiva (“MEDIA”, Measures to Encourage the Development of the Audiovisual Industry) (awdjoviżiv u logħob vidjo), Kultura (is-setturi kulturali u kreattivi l-oħrajn kollha), u Transsettorjali (inkluża l-media tal-aħbarijiet).
Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-kultura huwa rregolat mis-sussidjarjetà kif deskritt fl-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 2 , filwaqt li r-rwol tal-UE fil-media huwa rregolat ukoll mid-dispożizzjonijiet tas-suq uniku (l-Artikolu 26) u tal-kompetittività (l-Artikolu 173) tat-TFUE. Dan il-qafas huwa l-bażi għall-objettivi doppji ta’ Ewropa Kreattiva: li tissalvagwardja, tiżviluppa u tippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi Ewropej, u li żżid il-kompetittività u l-potenzjal ekonomiku tas-setturi kulturali u kreattivi (minn hawn ’il quddiem “CCS”, Cultural and Creative Sectors), b’mod partikolari tas-settur awdjoviżiv.
Is-CE2 jibni fuq il-punti b’saħħithom tas-CE1, filwaqt li jintroduċi innovazzjonijiet. Dawn kienu prinċipalment b’rispons għall-bidla diġitali, li tirrappreżenta bidla fil-paradigma. Filwaqt li rrikonoxxa l-importanza tas-CCS 3 u l-kobor tal-isfidi li jiffaċċjaw, il-Programm ingħata baġit ta’ EUR 2,44 biljun għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027, li jirrappreżenta żieda ta’ 66 % mill-perjodu ta’ finanzjament preċedenti. Id-distribuzzjoni tal-baġit fost it-tliet fergħat baqgħet relattivament stabbli fiż-żewġ perjodi ta’ finanzjament: 56-58 % għall-MEDIA, 31-33 % għall-Kultura u 13-9 % għall-fergħa Transsettorjali. Il-baġit ġie eżegwit bis-sħiħ fiż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, inkluż matul il-pandemija tal-COVID-19 meta ħafna postijiet kienu magħluqa.
Il-baġit ta’ Ewropa Kreattiva huwa limitat ħafna, ekwivalenti għal 0,2 % tal-baġit kurrenti tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri huma s-sors primarju ta’ finanzjament pubbliku. Madankollu, Ewropa Kreattiva għandu fil-mira attivitajiet fejn l-intervent tal-UE jista’ jagħti valur addizzjonali meta mqabbel mal-azzjonijiet tal-Istati Membri waħedhom. B’mod partikolari, jindirizza l-frammentazzjoni tas-setturi kulturali, kreattivi u tal-media tul il-fruntieri nazzjonali u lingwistiċi. Barra minn hekk, il-finanzjament fil-livell nazzjonali waħdu mhux biżżejjed biex jappoġġa l-kompetittività u d-diversità ġenerali tas-setturi tal-media, awdjoviżivi u setturi kulturali u kreattivi oħrajn tal-UE. B’mod partikolari, Ewropa Kreattiva jappoġġa l-kooperazzjoni tranżnazzjonali u ċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut madwar l-UE, permezz ta’ attivitajiet pan-Ewropej bħal kollaborazzjonijiet, koproduzzjonijiet u networks, u b’hekk jisfrutta l-valur tal-assi kulturali nazzjonali lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dan l-approċċ jiffaċilita wkoll l-aċċess ugwali għall-kontenut kulturali u tal-media għal nies li jgħixu fl-UE.
Il-parteċipazzjoni wiesgħa tal-Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kif ukoll pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tikkostitwixxi assi siewi tal-Programm, li jsaħħaħ ir-rilevanza u l-firxa tiegħu. Din tikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE għad-diplomazija kulturali billi toħloq rabtiet tanġibbli ma’ dawn il-pajjiżi. Għal pajjiżi li jinsabu fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE, il-parteċipazzjoni tagħhom f’Ewropa Kreattiva hija aspett pożittiv fir-rigward tal-Kapitolu 26 tal-Acquis Communautaire dwar l-Edukazzjoni, il-Kultura u l-Media. Fir-rigward tas-settur awdjoviżiv, l-allinjament ta’ pajjiżi terzi mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva huwa kundizzjoni ex ante għall-parteċipazzjoni fil-fergħat MEDIA u transsettorjali, u b’hekk jaġixxi bħala inċentiv biex titħaffef il-konverġenza regolatorja.
2.Kisbiet u sfidi
Fergħa MEDIA
MEDIA kkontribwixxa b’suċċess għas-salvagwardja tad-diversità kulturali u t-tisħiħ tal-kompetittività. Matul tliet deċennji l-missjoni ewlenija ta’ MEDIA baqgħet ċara: li twassal films u sensiliet Ewropej ta’ kwalità għan-nies madwar l-Ewropa. Għalhekk, l-azzjonijiet ta’ MEDIA huma integrati fil-katina tal-valur tal-industrija awdjoviżiva u jgħinu biex tinbena ekosistema reżiljenti u Ewropea. Dan huwa aktar u aktar importanti minħabba l-kompetizzjoni ħarxa li qiegħed jiffaċċja s-settur awdjoviżiv tal-UE minn atturi globali, inklużi mhux biss l-istudjos ewlenin ta’ Hollywood, iżda, dejjem aktar, l-akbar kumpaniji tat-teknoloġija fid-dinja.
MEDIA saħħaħ b’mod notevoli ċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali ta’ films u sensiliet Ewropej, f’settur li huwa frammentat b’mod sinifikanti tul il-fruntieri nazzjonali. L-evalwazzjoni żvelat li, bħala medja, il-films u s-sensiliet tal-UE appoġġati minn MEDIA 4 setgħu jarawhom udjenzi f’9,5, 6,6 u 3,2 aktar pajjiżi tal-UE permezz tat-televiżjoni, iċ-ċinema u l-video-on-demand rispettivament, minn xogħlijiet komparabbli tal-UE li ma rċevewx finanzjament MEDIA. Huwa stmat li, fil-Programm preċedenti biss, il-films u s-sensiliet tal-UE appoġġati minn MEDIA ġibdu mill-inqas 241 miljun spettatur aktar f’pajjiżi tal-UE barra minn pajjiżhom meta mqabbla ma’ films u sensiliet li ma rċevewx appoġġ minn MEDIA.
L-appoġġ ta’ MEDIA liċ-ċinemas Ewropej huwa inizjattiva oħrajn ta’ suċċess fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali ta’ films u sensiliet Ewropej. Bejn l-2014 u l-2023, in-network Europa Cinemas żied il-kopertura ġeografika tiegħu bi 32 % biex laħaq aktar minn 750 muniċipalità. Sal-2023, biegħ kważi 40 % tal-biljetti kollha għal films Ewropej mhux nazzjonali fl-UE, li juri valur miżjud sinifikanti tal-UE.
Il-finanzjament ta’ MEDIA tejjeb ukoll il-produzzjoni u eventwalment il-ħruġ ta’ xogħlijiet awdjoviżivi ta’ kwalità għolja. B’mod partikolari, appoġġa films u sensiliet televiżivi fil-fażi kruċjali tal-iżvilupp tagħhom. Is-sehem ta’ titoli appoġġati li eventwalment inħarġu huwa stmat għal 29 % tal-films u s-sensiliet kollha appoġġati għall-iżvilupp matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, apparentement ogħla mill-medja tas-suq. Dan jindika impatt pożittiv tal-finanzjament. Terz tal-logħob vidjo żviluppati bl-għajnuna tal-finanzjament MEDIA eventwalment ġew kummerċjalizzati, sinjal ta’ suċċess f’settur kompetittiv u dinamiku ħafna.
MEDIA ffoka fuq koproduzzjonijiet transfruntieri Ewropej biex jikseb aktar impatt fil-livell Ewropew, kemm fl-istadju tal-iżvilupp kif ukoll fil-produzzjoni ta’ programmi għat-televiżjoni u l-video-on-demand. Tali koproduzzjonijiet iżidu l-kompetittività, billi jkabbru l-udjenzi barra l-pajjiż, iġibu sorsi ġodda ta’ finanzjament u jaqsmu l-għarfien prattiku. Is-sehem ta’ koproduzzjonijiet Ewropej transfruntieri appoġġati żdied sostanzjalment minn 36 % fis-CE1 għal 84 % fis-CE2 (2021-2023), ferm ogħla mill-medja tas-suq stmata għal xogħlijiet tal-UE mhux appoġġati minn MEDIA (13,7 %).
Barra minn hekk, il-films, is-sensiliet u l-logħob appoġġati minn MEDIA kisbu b’mod konsistenti tifħir u rikonoxximent mill-kritiċi. Matul il-perjodu 2014-2023, ix-xogħlijiet appoġġati rċevew madwar 1 200 nominazzjoni u 500 premju minn festivals u korpi ta’ premjazzjoni internazzjonali prestiġjużi. Pereżempju, ix-xogħlijiet appoġġati rċevew 127 premju f’Cannes, 86 premju f’Berlinale, u 73 premju fil-European Film Awards. Dan jirrifletti l-valur kulturali għoli u l-pożizzjoni internazzjonali tax-xogħlijiet Ewropej appoġġati minn MEDIA.
Id-diversità kulturali ssaħħet permezz ta’ miżuri li jindirizzaw pajjiżi b’kapaċitajiet awdjoviżivi aktar baxxi, b’mod partikolari billi titrawwem il-kollaborazzjoni. Is-sehem ta’ xogħlijiet appoġġati li jinvolvu kollaborazzjonijiet bejn pajjiżi b’kapaċità baxxa u pajjiżi b’kapaċità għolja żdied minn inqas minn 5 % fis-CE1 għal madwar 30 % fis-CE2 (2021-2023). Barra minn hekk, is-sehem ta’ xogħlijiet appoġġati f’lingwi inqas użati żdied minn 25 % fis-CE1 għal 32 % fis-CE2 (2021-2023). Filwaqt li sar progress fit-twessigħ tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, l-appoġġ għadu kkonċentrat fuq għadd limitat ta’ pajjiżi benefiċjarji.
B’mod aktar ġenerali, MEDIA sfrutta wkoll investiment fl-ekwità billi pprovda appoġġ imħallat lil MediaInvest, li ġie introdott mill-2021 taħt InvestEU. Din il-pjattaforma ġdida ta’ investiment fl-ekwità hija ddedikata għal proġetti awdjoviżivi u tal-logħob Ewropej. L-għan ta’ MediaInvest huwa li jistimula aktar investiment privat, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività. Il-mira hija li jiġi ingranat sa EUR 400 miljun f’investiment fl-ekwità bejn l-2022 u l-2027. Diġà ġew iffirmati erba’ ftehimiet ta’ investiment taħt MediaInvest, u dan jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu. Dan huwa wkoll komplement effettiv għall-garanziji għal self (ara hawn taħt, taħt il-valutazzjoni tal-azzjonijiet transsettorjali).
B’mod ġenerali, MEDIA għen biex tiġi ffurmata ekosistema Ewropea u jikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri li għandhom fokus domestiku. Madankollu, dan l-effett fih innifsu ma jistax jikkontrobatti forzi tas-suq b’saħħithom li qegħdin jittrasformaw is-settur u jirriżultaw minn imġiba tal-konsumatur li qiegħda tinbidel u minn avvanzi teknoloġiċi.
Fergħa Kultura
Il-fergħa Kultura serviet b’mod kostanti bħala strument biex jagħti s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-CCS madwar l-Ewropa biex jikkooperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u dan jiġri b’mod u fuq kwistjonijiet li ma humiex koperti minn finanzjament nazzjonali. F’setturi li qegħdin jiffaċċjaw sfidi bħall-frammentazzjoni tas-suq u lingwistika, trasformazzjonijiet diġitali, sehem għoli ta’ organizzazzjonijiet żgħar ħafna, mobbiltà limitata u prekarjetà tax-xogħol, il-fergħa Kultura tipprovdi pjattaforma għall-kollaborazzjoni transfruntiera, li tippermetti lill-atturi jinvolvu ruħhom fil-ħolqien u l-iskambji konġunti li ġeneralment ma humiex appoġġati fuq din l-iskala fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-fergħa tappoġġa l-isforzi tal-UE permezz tal-elementi trażversali tagħha ta’ inklużjoni soċjali u ugwaljanza bejn il-ġeneri, sostenibbiltà u tikkontribwixxi għall-isforzi diplomatiċi tal-UE fil-qasam tal-kultura.
Fis-CE1, din iffaċilitat aktar minn 1 200 proġett tranżnazzjonali, u ħolqot aktar minn 7 500 attività kulturali li appoġġaw aktar minn 22 000 professjonist fl-internazzjonalizzazzjoni tal-karrieri tagħhom u l-kisba ta’ esperjenza f’pajjiżi oħrajn. Fis-CE2, mill-2021 sal-2023, il-fergħa Kultura appoġġat 630 proġett, u b’hekk għaddiet EUR 294 miljun lil aktar minn 2 000 organizzazzjoni f’39 pajjiż. Din iffaċilitat it-traduzzjoni ta’ aktar minn 1 500 ktieb, u b’hekk saħħet id-diversità lingwistika u l-aċċess għal-letteratura minn lingwi inqas użati. Culture Moves Europe offriet lil aktar minn 3 800 artist emerġenti opportunitajiet ta’ mobbiltà u esponiment li jippermettulhom joħolqu sħubijiet internazzjonali ġodda, (spiss) sostenibbli. Barra minn hekk, il-fergħa appoġġat inizjattivi bħal networks ta’ organizzazzjonijiet kulturali, pjattaformi li jappoġġaw talent artistiku żagħżugħ, orkestri u premjijiet kulturali.
Permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet tal-professjonisti tas-CCS, kif ukoll l-evidenza li sabet li 8 minn kull 10 kollaborazzjonijiet komplew wara t-tlestija ta’ proġett, il-fergħa tagħti kontribut għall-iżvilupp ta’ sħubijiet dejjiema u spazju kulturali Ewropew.
Ir-rilevanza tal-fergħa saret speċjalment evidenti matul il-kriżijiet li ġew iffaċċjati matul il-perjodu 2014-2023. Filwaqt li l-COVID-19 kienet ta’ theddida eżistenzjali għas-CCS, il-Programm irrisponda bi flessibbiltà, billi ddisinja strumenti innovattivi bħal Culture Unite jew billi adatta l-appoġġ finanzjarju tiegħu biex jgħin lis-CCS. Bl-istess mod, bħala rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-fergħa żviluppat sejħa ta’ EUR 5 miljun biex tappoġġa s-CCS Ukreni.
Madankollu, ta’ min jinnota li xi setturi, bħall-moda u d-disinn, għadhom ma humiex rappreżentati biżżejjed fl-azzjonijiet orizzontali tal-fergħa sal-lum.
Il-Programm jibbaża fuq il-prinċipju tal-eċċellenza mingħajr pakkett baġitarju predefinit għal kull pajjiż parteċipant. Tabilħaqq, il-fondi huma allokati abbażi tal-kwalità tal-proġetti u mhux skont il-pajjiż ta’ oriġini tal-organizzazzjonijiet. B’riżultat ta’ dan, l-allokazzjoni tal-fondi permezz ta’ għotjiet hija influwenzata minn diversi fatturi. Pereżempju, il-pajjiżi b’setturi kulturali u kreattivi stabbiliti sew u/jew li jservu bħala ċentri reġjonali għandhom it-tendenza li jirċievu sehem aktar importanti ta’ fondi (bħal Franza, l-Italja, il-Ġermanja u l-Belġju). Madankollu, fis-CE2, xi pajjiżi bħall-Kroazja, is-Slovenja u s-Serbja bdew ikollhom rwol aktar prominenti fil-Programm. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ xi sforzi biex jintlaħqu pajjiżi li ma humiex involuti biżżejjed f’Ewropa Kreattiva.
Hemm differenza persistenti bejn id-domanda u l-finanzjament disponibbli 5 . Biex dan jiġi indirizzat, saru aġġustamenti f’dawn l-aħħar snin biex tiżdied l-aċċessibbiltà u jiġi bbilanċjat il-finanzjament fl-iskali tal-proġetti; billi jiġi limitat l-għadd ta’ proġetti li l-istess organizzazzjoni tista’ tkun parti minnhom fl-istess sejħa, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ Proġetti ta’ Kooperazzjoni fuq skala kbira kull sentejn minflok kull sena.
Fergħa Transsettorjali
L-appoġġ għall-media tal-aħbarijiet tnieda fl-2021 u ġew iffinanzjati proġetti ta’ kwalità għolja biex jindirizzaw bidliet strutturali u teknoloġiċi ewlenin u jippromwovu l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media kif ukoll il-litteriżmu medjatiku. Id-dħul fil-media tal-aħbarijiet qiegħed jonqos sew hekk kif ir-reklamar beda juża pjattaformi online globali, filwaqt li l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media 6 turi riskji għall-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali fost l-Istati Membri. L-Istati Membri li qegħdin jiddedikaw riżorsi finanzjarji sinifikanti biex jappoġġaw is-sikurezza tal-ġurnalisti jew ir-reżiljenza u l-innovazzjoni fl-organi tax-xandir huma ftit.
Il-Laboratorju tal-Innovazzjoni Kreattiva pprovda finanzjament ta’ avvjament għall-kollaborazzjoni bejn is-setturi awdjoviżivi u setturi kulturali u kreattivi oħrajn. Wara diffikultajiet inizjali biex jattira proposti rilevanti, dan gradwalment ipprovda valur miżjud billi ffinanzja proġetti multidixxiplinari li jindirizzaw sfidi komuni, b’mod partikolari l-ilħuq ta’ udjenzi usa’ u l-monetizzazzjoni, permezz tal-isfruttament ta’ applikazzjonijiet diġitali bħall-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain. Minkejja dan, l-innovazzjoni tibqa’ sfida formidabbli għas-CCSs tal-UE. Huma biss 30 % il-kumpaniji tas-CCS tal-UE li adottaw strateġija ta’ trasformazzjoni diġitali u l-investiment fl-IA jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-investimenti totali tagħhom. L-evalwazzjoni indikat ukoll li l-isfruttament tranżmedjali tal-istess Proprjetà Intellettwali għandu impatt pożittiv fuq il-popolarità tax-xogħlijiet koperti u fuq il-kompetittività. F’dan ir-rigward, is-sinerġiji huma aktar evidenti bejn is-settur awdjoviżiv u setturi oħrajn tal-media intensivi fid-drittijiet tal-awtur (il-mużika u l-pubblikazzjoni). Huma jiffaċċjaw sa ċertu punt sfidi u opportunitajiet komuni għall-kompetittività u t-trasformazzjoni diġitali, fi żmien meta pjattaformi kbar barra mill-UE żiedu l-kontroll fuq liema kontenut in-nies iqattgħu l-ħin fuqu.
Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji, l-ewwel Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF, Cultural and Creative Sectors Guarantee Facility) tat kontribut effettiv ħafna. Permezz ta’ kollaborazzjoni effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Fond Ewropew tal-Investiment, ġie stimulat rispons qawwi tas-suq f’setturi li qabel kienu meqjusa bħala ta’ riskju għoli minħabba n-natura intanġibbli tal-assi tal-kumpaniji, id-diffikultajiet fil-fluss tal-flus u n-nuqqas ta’ data ekonomika affidabbli. Ġew ingranati aktar minn EUR 1,8 biljun f’self, li qabżu bil-bosta l-mira inizjali ta’ EUR 600 miljun. Għalhekk, dan naqqas id-diskrepanza fil-finanzjament b’dejn, stmata li hija ta’ EUR 837 miljun – EUR 2,07 biljun fis-sena, bi 15 %-30 %. Is-setturi awdjoviżivi u tal-multimedia rrappreżentaw 44 % tas-self, iżda diversi setturi oħrajn inklużi l-mużika, l-arti tal-ispettaklu u l-logħob vidjo bbenefikaw ukoll. Is-CCS GF ġiet sussegwentement inkorporata fl-InvestEU mill-2021.
Id-Desks tal-Ewropa Kreattiva stabbiliti fil-pajjiżi parteċipanti kollha kienu ta’ importanza kbira għall-promozzjoni tal-Programm u l-appoġġ lill-applikanti potenzjali, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mikro b’kapaċitajiet limitati.
3.Effiċjenza amministrattiva
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura, li implimentat il-biċċa l-kbira ta’ Ewropa Kreattiva, ipprovdiet implimentazzjoni ċentralizzata effiċjenti tas-sejħiet u l-ġestjoni tal-għotjiet. B’mod ġenerali, il-kost tal-amministrazzjoni bħala proporzjon tal-baġit totali għall-Programm preċedenti, kien ferm taħt il-parametri referenzjarji mistennija u tnaqqas aktar fil-Programm kurrenti. Dan niżel minn 7,74 % tal-baġit totali fl-2014 għal 6,74 % fl-2023. Il-kostijiet amministrattivi żdiedu inqas mill-baġit operazzjonali, u dan jindika li nkiseb iffrankar f’termini ta’ effiċjenza.
Ittieħdu għadd ta’ miżuri (somom f’daqqa, limiti ogħla ta’ kofinanzjament, ftehimiet pluriennali) biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitnaqqas il-piż tal-applikazzjoni fuq l-applikanti. Ir-rispons mill-benefiċjarji jissuġġerixxi li l-piż amministrattiv naqas fil-Programm kurrenti, bi 73 % tal-parteċipanti mis-CE1 iqisu l-kostijiet tal-applikazzjoni bħala għoljin, li tnaqqsu għal 66 % fis-CE2.
4.Ħarsa lejn il-futur
L-evalwazzjoni pprovdiet tagħlimiet siewja għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ finanzjament fil-livell tal-UE għall-kultura u l-media fil-futur, bir-riżultati tagħha jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-impatt tal-Programm suċċessur ta’ Ewropa Kreattiva, jiġifieri AgoraEU.
Fergħa MEDIA
Iċ-ċirkolazzjoni ta’ films, sensiliet, dokumentarji u xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn Ewropej bejn il-fruntieri nazzjonali tressaq lill-Ewropej eqreb ta’ xulxin billi tikkondividi stejjer Ewropej li jħallu impatt fuq in-nies, filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-kumpaniji Ewropej li jikkompetu ma’ ġganti globali tal-media u tat-teknoloġija. Madankollu huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu attirati udjenzi transfruntieri usa’ fuq il-pjattaformi kollha, b’mod partikolari l-ġenerazzjonijiet iżgħar. Barra minn hekk, minkejja żviluppi sinifikanti fit-titjib tal-kundizzjonijiet ekwi bejn il-pajjiżi tal-MEDIA, huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiżdied id-diversità ġeografika u lingwistika u titwessa’ l-parteċipazzjoni.
MEDIA evolva permezz ta’ fokus aktar qawwi fuq l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni transfruntiera, inklużi koproduzzjonijiet u distribuzzjoni pan-Ewropea. Din l-adattabbiltà hija kruċjali peress li tirrispondi għax-xejriet tas-suq u għall-isfidi l-ġodda, bħat-tkabbir tal-istreaming. Peress li s-swieq tal-media huma globali, innovattivi u dinamiċi, se jkun importanti li nkomplu nimmonitorjaw ix-xejriet biex niggwidaw lil MEDIA sabiex iżomm il-pass mal-iżviluppi. Fil-każ tal-logħob vidjo, id-domanda għall-appoġġ f’dan is-settur dinamiku u li qiegħed jikber malajr taqbeż bil-kbir il-pakketti baġitarji kurrenti. Filwaqt li diġà saru aġġustamenti f’diversi azzjonijiet tal-MEDIA biex jirriflettu kemm l-importanza ekonomika tiegħu kif ukoll l-attraenza tiegħu fost l-Ewropej ta’ kull età, hija meħtieġa aktar riflessjoni dwar l-aħjar mod kif dan l-appoġġ jista’ jissaħħaħ fil-futur.
Il-kombinament ta’ finanzjament permezz ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji serva tajjeb lill-industrija billi pprovda għal bżonnijiet differenti, mill-aċċess għall-finanzjament ta’ avvjament u l-kofinanzjament sa self tranżitorju u ekwità għal impriżi pan-Ewropej ambizzjużi.
L-industriji tal-kontenut intensivi fil-Proprjetà Intellettwali jikkondividu sfidi komuni, pereżempju biex jattiraw udjenzi usa’ fl-era diġitali u biex jirrispondu għall-preferenzi tal-konsumaturi li qegħdin jinbidlu (speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ nattivi diġitali). Is-suċċess u l-esperjenza ta’ MEDIA biex jintlaħqu udjenzi transfruntieri usa’, permezz, pereżempju, ta’ koproduzzjonijiet u distribuzzjoni pan-Ewropea, huma rilevanti ħafna f’dan ir-rigward.
Minħabba l-iskala tal-isfidi, MEDIA jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija awdjoviżiva kollha sabiex jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji.
Fergħa Kultura
Taħt iż-żewġ iterazzjonijiet tal-Programm, il-fergħa Kultura għenet lis-CCS jindirizzaw sfidi ewlenin, bħall-frammentazzjoni tas-suq Ewropew fuq linji nazzjonali u lingwistiċi u t-trasformazzjonijiet li jirriżultaw mit-tranżizzjoni doppja. Madankollu, xi bżonnijiet saru aktar akuti f’dawn l-aħħar snin, filwaqt li tfaċċaw oħrajn ġodda, bħal attakki fuq il-libertà artistika jew iż-żieda fl-intelliġenza artifiċjali. Hemm bżonn li jkun hemm rispons aħjar għalihom, f’konformità mal-ambizzjoni tal-Boxxla Kulturali għall-Ewropa li jmiss.
Id-domanda għall-finanzjament, sa erba’ darbiet akbar mill-baġit kurrenti disponibbli għall-azzjoni tal-proġetti ta’ Kooperazzjoni, turi d-domanda għolja mis-CCS għall-fergħa. Il-finanzjament huwa kruċjali biex din il-fergħa tkompli tgħin lis-CCS jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jipproġettaw lilhom infushom fil-futur, filwaqt li jwessgħu l-aċċess għal diversità ta’ kontenut kulturali bejn il-fruntieri.
L-approċċ settorjali tal-fergħa indirizza sfidi speċifiċi ta’ ċerti setturi, filwaqt li l-approċċ orizzontali joffri aktar aġilità u flessibbiltà għall-operaturi kulturali u kreattivi. Huwa importanti li jinżamm kombinament tat-tnejn, biex jiġi żgurat li l-fergħa żżomm fokus qawwi fuq il-politika.
Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiżdied il-viżibbiltà tal-fergħa Kultura fis-CCS u fil-pajjiżi li ma humiex involuti biżżejjed fiha. L-ilħiq jista’ jittejjeb aktar billi l-informazzjoni dwar il-fergħa tinqasam u tiġi mmirata aħjar għall-organizzazzjonijiet f’setturi u pajjiżi bħal dawn.
Hemm bżonn ta’ rieżami regolari u monitoraġġ mill-qrib tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti fis-CE2. F’dan ir-rigward, il-fergħa Kultura għandha żżomm il-fokus tagħha fuq l-indirizzar tal-isfidi tal-aċċessibbiltà u tkompli tespandi l-firxa tagħha għal organizzazzjonijiet tas-CCS li ma għandhom l-ebda esperjenza preċedenti ta’ ħidma fil-livell tal-UE.
Ħarġu wkoll diversi lezzjonijiet rigward il-monitoraġġ regolari, l-evalwazzjoni u d-disponibbiltà tad-data. Il-Kummissjoni se timplimenta miżuri konkreti biex tiżviluppa approċċ aktar sistematiku għall-ġbir tad-data tal-fergħa. Dawn jinkludu analiżi bir-reqqa tad-data kurrentement disponibbli, għal użu aħjar tagħha mingħajr ma jiżdied il-piż fuq il-benefiċjarji. B’mod parallel, se jiġu allokati sforzi u riżorsi addizzjonali biex jiġu żviluppati aktar għodod ta’ rapportar interni u biex tinġabar data mir-rappreżentanti tas-CCS.
Fergħa Transsettorjali
L-appoġġ għall-media tal-aħbarijiet jammonta għal madwar EUR 15-il miljun biss fis-sena, iżda huwa soġġett għal domanda qawwija. Pereżempju, l-azzjoni tas-Sħubijiet għall-Ġurnaliżmu ġiet sottoskritta b’aktar minn 700 %. Fil-futur, l-appoġġ se jkun kruċjali, peress li l-isfidi madwar l-UE komplew jiżdiedu f’oqsma bħal-libertà u l-pluraliżmu tal-media, il-vijabbiltà tal-media u d-diżinformazzjoni, u dan qiegħed iħalli impatt negattiv fuq ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-parteċipazzjoni demokratika.
Is-sejħiet futuri tal-Laboratorju tal-Innovazzjoni Kreattiva jeħtieġ li jkomplu jirfinaw il-kriterji biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati jkunu ġenwinament innovattivi u jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali fit-tul tal-industriji awdjoviżivi u kulturali u kreattivi oħrajn. Hemm ukoll lok taħt l-azzjoni tal-Laboratorji tal-Innovazzjoni Kreattiva għal immirar aħjar tas-sinerġiji tal-innovazzjoni transsettorjali, li jippermettu b’mod partikolari l-iżvilupp u l-isfruttament tal-Proprjetà Intellettwali transsettorjali.
Ewropa Kreattiva twaqqaf fl-2013 bir-Regolament (UE) 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintegra l-Programmi Kultura, MEDIA 2007 u MEDIA Mundus fi strument ta’ finanzjament wieħed. Fl-2021, ġie stabbilit Ewropa Kreattiva ġdid għall-perjodu 2021-2027 (ir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)
VERŻJONI KONSOLIDATA TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA .