31990D0067



Official Journal L 044 , 20/02/1990 P. 0030 - 0031
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0172
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0172


Deċiżjoni tal-kummissjoni

tad-9 ta’ Frar 1990

li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv għall-Protezzjoni ta’ l-Annimali Użati għal Għanijiet Sperimentali u għal Għanijiet oħra Xjentifiċi

(90/67/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE ta’ l-24 ta’ Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri rigward il-protezzjoni ta’ l-annimali użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi [1], u partikolarment l-Artikolu 22(3) tagħha, tipprovdi illi l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv permanenti li fih għandhom ikunu rappreżentati l-Istati Membri;

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat illi fejn l-annimali jiġu użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tagħhom huma armonizzati sabiex jiġi evitat li jigu effettwati t-twaqqif u l-funzjonament tas-suq komuni, partikolarment b’distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew bi xkiel għall-kummerċ;

Billi, sabiex jinkiseb dan il-għan, id-Direttiva tiddikjara, fost ħwejjeġ oħra, illi għandu jiġi evitat kull riskju ta’ duplikazzjoni ta’ l-esperimenti; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi megħjuna minn Kumitat Konsultattiv permanenti sabiex torganizza l-iskambju tat-tagħrif xieraq fil-qasam ta’ l-esperimenti fuq l-annimali ħajjin;

Billi, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni trid tkun kapaċi twieġeb effettivament għall-mistoqsijiet imqajma bl-applikazzjoni tad-Direttiva biss jekk tiġi megħjuna minn esperti li jkunu speċjalisti fil-qasam ta’ l-esperimenti fuq l-annimali u li jkollhom esperjenza konsiderevoli fil-prattika ta’ l-amministrazzjoni u fir-regolamenti ta’ l-Istati Membri;

Billi l-Kumitat għandu jingħata forma legali a bażi ta’ l-esperjenza miksuba fid-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kumitati konsultattivi,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Għandu jitwaqqaf fi ħdan il-Kummissjoni Kumitat Konsultattiv għall-Protezzjoni ta’ l-Annimali Użati għal Għanijiet Sperimentali u għal Għanijiet oħra Xjentifiċi (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat)."

Artikolu 2

Ix-xogħol tal-Kumitat għandu jkun li jgħin lill-Kummissjoni torganizza l-korrispondenza tat-tagħrif xieraq kif previst fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 86/609/KEE u li jgħin lill-Kummissjoni f’affarijiet oħra imqajma minħabba l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jkun rappreżentat fuq il-Kumitat minn żewġ uffiċjali mill-awtorità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 86/609/KEE responsabbli li jivverfikaw illi d-disposizzjonijiet tad-Direttiva jkunu qegħdin jiġu mwettqa kif xieraq. F’dawk l-Istati Membri fejn tkun ġiet nominata iktar minn awtorità waħda b’dan il-għan, l-Istat Membru għandu jindika lill-Kummissjoni minn liema mill-awtoritajiet għandhom jintgħażlu ż-żewġ rappreżentanti.

Il-membri tal-Kumitat għandhom jitħallew fil-libertà u fid-diskrezzjoni tagħhom li jinnominaw espert kwalifikat kif xieraq minn fost l-awtorità tagħhom sabiex jaġixxi f’isimhom f’kull laqgħa.

Artikolu 4

Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresjiedi l-laqgħat tal-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi s-servizzi segretarjali għall-Kumitat u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu u għandha torganizza x-xogħol tagħhom.

Artikolu 5

Il-mandat tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta’ ħames snin. Il-ħatra tagħhom tista’ tiġġedded. Wara t-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin, il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jiġu mibdula jew sakemm il-ħatriet tagħhom jiġu mġedda.

Il-mandat ta’ membru jista’ jiġi mitmum qabel ma jagħlaq il-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin b’riżenja jew b’mewt jew fuq it-talba ta’ l-awtorità nazzjonali li tkun innominatu. F’dawn il-każi, l-awtorità nazzjonali involuta, u wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni, għandha tinnomina persuna li tieħu l-post għall-bqija taż-żmien li jifdal fil-kariga.

Il-membri m’għandhomx jiġu mħallsa għas-servizzi tagħhom.

Għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni lista tal-membri bil-għan ta’ tagħrif fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 6

Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jgħinuh fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu.

Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jirrappurtaw lill-Kumitat dwar is-suġġetti mgħoddija lilhom mill-Kumitat.

Artikolu 7

Il-Kumitat u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu għandhom jiltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni jew f’kull post ieħor meta mlaqqgħin mill-Kummissjoni.

Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni interessati għandhom jieħdu parti fil-laqgħat tal-Kumitat u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu. Il-President u/jew il-Kummissjoni jistgħu jistiednu lil kull persuna bi kwalifiki speċjali dwar kull suġġett fuq l-aġenda sabiex jieħdu sehem fil-kapaċità ta’ esperti fid-diskussjonijiet tal-Kumitat jew tal-gruppi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 8

M’għandha tittieħed l-ebda votazzjoni fil-Kumitat u fil-gruppi ta’ ħidma tiegħu.

Fejn il-parir mitlub jiġi mogħti bl-approvazzjoni unanima tal-membri tiegħu, il-Kumitat għandu jfassal il-konklużjonijiet komuni.

Fin-nuqqas ta’ approvazzjoni unanima, il-posizzjonijiet differenti meħuda waqt id-diskussjonijiet iridu jiddaħħlu f’rapport imfassal fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

Hija u tfittex l-opinjonijiet tal-Kumitat jew tal-gruppi ta’ ħidma tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu taż-żmien li fih iridu jiġu mogħtija dawn l-opinjonijiet.

Artikolu 9

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 214 tat-Trattat, meta l-President jew il-Kummissjoni jgħarrfu lill-membri tal-Kumitat illi l-opinjoni mitluba jew l-affari mqajma tkun ta’ natura kunfidenzali, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu taħt l-obbligu li ma jikxfux it-tagħrif li jkunu ġew imgħarrfa bih permezz tax-xogħol tal-Kumitat, jew tal-grupp ta’ ħidma tiegħu.

F’dawn il-każi, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni interessati biss jistgħu jkunu preżenti għal-laqgħat.

Magħmula fi Brussel, fid-9 ta’ Frar 1990.

Għall-Kummissjoni

Carlo Ripa Di Meana

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 358, tat-18.12.1986, pġ. 1.

--------------------------------------------------