16.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 382/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1701

tal-10 ta’ Novembru 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott, ippreżentat bħala sett għall-bejgħ bl-imnut, ippakkjat f’borża tal-qoton sewda, li jikkonsisti f’żewġ oġġetti:

—

tubu tal-azzar inossidabbli b’sezzjoni trasversali tonda b’tul ta’ madwar 21,5 cm u dijametru ta’ madwar 0,5 cm. Għandu għadd ta’ talli li jgħinu biex tiġi żgurata qabda soda. Huwa ddisinjat biex jintuża bħala straw tax-xorb li tista’ terġa’ tintuża;

—

xkupilja tal-azzar inossidabbli mibruma b’tul ta’ madwar 20,2 cm u xkupilja magħmula minn xagħar tan-najlon b’dijametru ta’ 0,5 cm. L-ixkupilja hija ddisinjata biex tingħadda fl-istraw tax-xorb biex tnaddafha wara l-użu.

Ara l-istampa (*1)

7323 93 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-Kodiċijiet NM 7323 u 7323 93 00 .

Il-komponent li jagħti lis-sett il-karattru essenzjali tiegħu huwa t-tubu, li jista’ jintuża bħala straw tax-xorb li tista’ terġa’ tintuża, anki jekk ma jkunx akkumpanjat bl-ixkupilja. Min-naħa l-oħra, l-ixkupilja hija biss ta’ natura anċillari.

Il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott (dimensjonijiet speċifiċi, forma, grad ta’ pproċessar, materjal sikur għall-ikel, preżenza ta’ tinjiet ċirkonferenzjali) jagħmluh identifikabbli bħala prodott lest (straw tax-xorb) tal-intestatura 7323 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7304 jew 7306 bħala tubi, pajpijiet u profili vojta hija għalhekk eskluża peress li l-prodott huwa oġġett speċifiku lest kopert minn intestatura oħra.

Konsegwentement, il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7323 93 00 , bħala oġġetti oħrajn tad-dar tal-azzar inossidabbli.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.