23.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/1


OPINJONI Nru 7/2012

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta’ aġenti temporanji mal-Unjoni Ewropea

(skont l-Artikolu 336, TFUE)

2012/C 364/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal”) (1),

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Awwissu 2012 (2),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq li waslet il-Qorti fil-11 ta’ Settembru 2012,

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet preċedenti tagħha (3),

Billi skont l-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal, postijiet battala f’istituzzjoni għandhom jiġu nnotifikati lill-persunal ta’ dik l-istituzzjoni ladarba l-awtorità ta’ ħatra tiddeċiedi li dak il-post għandu jimtela, u, jekk post ma jistax jimtela bi trasferiment, ħatra għal pożizzjoni skont l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jew promozzjoni, dan għandu jkun notifikat lill-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra, u/jew għandha tiġi organizzata kompetizzjoni interna skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal;

Billi skont l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal l-awtorità tal-ħatra għandha taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr ma tqis in-nazzjonalità;

Billi skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal l-ebda post ma għandu jkun irriżervat għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku;

Billi fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni tipproponi li tidderoga mir-Regolamenti tal-Persunal billi tippermetti li jiġu organizzati kompetizzjonijiet għall-għażla ta’ uffiċjali mill-Kroazja fuq bażi nazzjonali u billi tippermetti li jimtlew postijiet battala minn ċittadini Kroati mingħajr ma jiġu ppubblikati postijiet battala fi ħdan l-istituzzjonijiet;

Billi l-Kummissjoni tipproponi li dawn id-derogi japplikaw mutatis mutandis għar-reklutaġġ ta’ ċittadini Kroati bħala persunal temporanju;

Billi l-Kummissjoni tipproponi li dawn id-derogi japplikaw mid-data attwali ta’ adeżjoni tal-pajjiż ikkonċernat sat-30 ta’ Ġunju 2018,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

Il-Qorti ma għandhiex kummenti dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

Il President


(1)  Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistipula r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62).

(2)  COM(2012) 377 final.

(3)  L-Opinjoni Nru 5/2012 (ĠU C 205, 12.7.2012, p. 1), l-Opinjoni Nru 3/2006 (ĠU C 273, 9.11.2006, p. 1), l-Opinjoni Nru 1/2004 (ĠU C 75, 24.3.2004, p. 1), l-Opinjoni Nru 5/2003 (ĠU C 224, 19.9.2003, p. 11).