SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
4 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Raġuni għal rifjut ta’ eżekuzzjoni – Riskju li l-persuna rikjesta ġġarrab trattamenti inumani jew degradanti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Punt 6 tal-Artikolu 4 – Raġuni ta’ nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni – Impenn tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena skont id-dritt nazzjonali intern – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji kriminali Artikolu 4(5) – Talba tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni biex tintbagħatlu s-sentenza li timponi piena ta’ priġunerija għall-eżekuzzjoni tagħha fit-territorju tiegħu”
Fil-Kawżi magħquda C‑722/23 [Rugu] u C‑91/24 [Aucroix] ( i ),
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Novembru 2023, u tal‑31 ta’ Jannar 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit‑28 ta’ Novembru 2023 u fis‑6 ta’ Frar 2024, fil-proċeduri relatati mal-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej
AR (C‑722/23),
fil-preżenza ta’:
Procureur général,
u
Procureur général près la cour d’appel de Mons (C‑91/24)
vs
HL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatriċi), L. Arastey Sahún, I. Ziemele, J. Passer u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, D. Gratsias, M. Gavalec, Z. Csehi u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AR, minn O. Martins, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet, u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u B. Dourthe, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink u K. Bulterman, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑10 ta’ Lulju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(3) u 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Belġju, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej, maħruġa, l-ewwel wieħed, mill-awtoritajiet Rumeni, fl‑1 ta’ Awwissu 2023, kontra AR, ċittadin Rumen residenti fil-Belġju, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fir-Rumanija, ta’ piena ta’ erba’ snin priġunerija għal traffikar tal-bnedmin (Kawża C‑722/23) u, it-tieni wieħed, mill-awtoritajiet Griegi, fid‑9 ta’ Marzu 2016, kontra HL, ċittadin Belġjan, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fil-Greċja, ta’ piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin (Kawża C‑91/24) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprovdi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. 3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE].” |
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakultattiv] tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi: “L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew: […]
[…]” |
Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI
|
5 |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), intitolat “Għan u Ambitu”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.” |
|
6 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Kriterji għat-trasmissjoni ta’ sentenzau ċertifikat lil Stat Membru ieħor”, huwa fformulat kif ġej: “1. Dment li l-persuna sentenzjata fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni, u dment li l-persuna tat il-kunsens tagħha fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6, sentenza, flimkien ma’ ċertifikat li tieghu tingħata l-formula standard fl-Anness I, jista’ jintbagħat lil wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:
2. It-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat tista’ ssir meta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, fejn xieraq, wara konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ dak ta’ esekuzzjoni, ikunu sodisfatti li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jkun jaqdi l-għan li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata. 3. Qabel it-trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ tikkonsulta, bi kwalunkwe mezz xieraq, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Il-konsultazzjoni għandha tkun obbligatorja fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(c). F’tali każijiet l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma minnufih lill-Istat emittenti bid-deċiżjoni tagħha jekk tagħtix kunsens jew le għat-trasmissjoni tas-sentenza. […] 5. L-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. […] Talbiet magħmula taħt dan il-paragrafu m’għandhomx joħolqu obbligu ta’ l-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Opinjoni u notifika tal-persuna sentenzjata”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, sentenza flimkien ma’ ċertifikat tista’ tintbagħat biss lill-Istat ta’ esekuzzjoni għall-fini tar-rikonoxximent tagħha u l-infurzar tal-piena bil-kunsens tal-persuna sentenzjata skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti. 2. Il-kunsens tal-persuna sentenzjata m’għandux jenħtieġ meta tiġi trasferita s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat:
[…]
|
|
8 |
L-Artikolu 25 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Infurzar ta’ sentenzi wara mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.” |
|
9 |
L-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħrajn”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn L-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni transitorja tagħhom skond l-Artikolu 28, din id-Deċiżjoni Qafas għandha, mill‑5 ta’ Diċembru 2011 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin korrispondenti tal-konvenzjonijiet applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:
|
Id-dritt Belġjan
|
10 |
L-Artikolu 4 tal-loi relative au mandat d’arrêt européen, du 19 décembre 2003 (il-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075, iktar ’il quddiem il-“Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003”), jipprovdi: “L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun irrifjutata fil-każijiet li ġejjin: […] 5° jekk ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jkollha l-effett li tikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 [TUE].” |
|
11 |
L-Artikolu 6 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003 jipprevedi: “L-eżekuzzjoni tista’ tiġi rrifjutata fil-każijiet li ġejjin: […] 4° jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jkun inħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, meta l-persuna kkonċernata hija Belġjana jew tirrisjedi fil-Belġju u l-awtoritajiet Belġjani kompetenti jintrabtu li jeżegwixxu din il-piena jew ordni ta’ detenzjoni b’konformità mal-liġi Belġjana. […]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑722/23
|
12 |
Fl‑1 ta’ Awwissu 2023, l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew kontra AR, ċittadin Rumen li jirrisjedi fil-Belġju, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fir-Rumanija, ta’ piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin għal traffikar tal-bnedmin. |
|
13 |
Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Settembru 2023, ix-chambre du conseil du tribunal de première instance francophone de Bruxelles (l-Awla tal-Kunsill tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija kienu jesponu lil AR għar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
|
14 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur appella minn dan id-digriet quddiem, ix-chambre des mises en accusation de la cour d’appel de Bruxelles (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2023, din l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża kkonfermat l-imsemmi digriet, iżda ddeċidiet, ukoll, li l-piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin “tista’ tiġi eżegwita fil-Belġju”, b’konformità mal-punt 4 tal-Artikolu 6 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003, peress li r-riskju li jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali ta’ AR jirrigwarda modalità ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta fir-Rumanija u ma jirrigwardax għalhekk il-proċedura li wasslet, f’dan l-Istat Membru, għall-kundanna tal-persuna kkonċernata jew din il-kundunna fiha nnifisha. |
|
15 |
AR ressaq appell tal-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, AR isostni li, wara li kkonstatat l-applikazzjoni ta’ raġuni għal nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li kienu jeżistu raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ikollha l-effett li tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu, il-qorti tal-appell ma setgħetx tapplika l-effetti ta’ raġuni għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni, u tordna l-eżekuzzjoni, fil-Belġju, tal-piena ta’ priġunerija li ġiet imposta fuqu fir-Rumanija. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003, li ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt Belġjan, jipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat Ewropew għandha neċessarjament tiġi rrifjutata jekk ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li din ikollha l-effett li tikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033) sabiex tikkonstata li l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż, b’mod partikolari, għall-ġlieda kontra l-impunità tal-persuna rikjesta li tinsab f’territorju differenti minn dak li fih hija ssuspettata li wettqet reat. |
|
18 |
Skont din il-qorti, mis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503), jirriżulta li hija obbligata, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, dan l-obbligu kien jimplika li, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza definittiva li tikkundanna lill-persuna rikjesta għal piena li ċċaħħad il-libertà, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kellhom l-obbligu li jiggarantixxu huma stess l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena mogħtija kontra din il-persuna. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, konformement mal-punt (4) tal-Artikolu 6 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003, li ttrasponiet fid-dritt Belġjan ir-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjutata jekk dan ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, meta l-persuna rikjesta tkun Belġjana, toqgħod jew tirrisjedi fil-Belġju u meta l-awtoritajiet Belġjani kompetenti jintrabtu li jeżegwixxu din il-piena skont il-liġi Belġjana. |
|
20 |
Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew b’applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna rikjesta li tirrisjedi fih, jistgħu jordnaw l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, tal-piena ta’ priġunerija imposta fuq din il-persuna fl-Istat Membru emittenti u li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Meta l-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jkunu kkonstataw li, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti, jeżisti riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna, marbuta mal-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija, b’tali mod li jkun hemm lok li l- mandat ta’ arrest Ewropew jiġi rrifjutat, [il-punt 6 tal-Artikolu 4] tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584] jawtorizza lil dawn il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li jikkonstataw li l-persuna rikjesta tirrisjedi f’dan l-aħħar Stat Membru, sabiex sussegwentement jiddeċiedu li, konformement mad-dispożizzjoni li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali l-[punt 6 tal-Artikolu 4] [ta’ din id-]Deċiżjoni Qafas, hemm lok li tiġi eżegwita, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, is-sentenza ta’ priġunerija imposta fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, piena li hija koperta minn dan l-att?” |
Il-Kawża C‑91/24
|
22 |
Fid‑9 ta’ Marzu 2016, l-awtoritajiet Griegi ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew kontra HL, ċittadin Belġjan li jirrisjedi fit-territorju Belġjan, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fil-Greċja, ta’ piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin. |
|
23 |
Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, ix-chambre des mises en accusation de la cour d’appel de Mons (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju) irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni li l-limitazzjonijiet mentali li kellu HL, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, ma kinux jippermettu l-osservanza tal-garanziji previsti fl-Artikoli 3 u 5 tal-KEDB. |
|
24 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li, wara li rrifjutat li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew minħabba kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija fl-Istat Membru emittenti, l-imsemmija Awla tal-Atti ta’ Akkuża kellha tipprevedi l-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn din id-dispożizzjonijiet hija intiża li tiġi evitata l-impunità tal-persuna li l-konsenja tagħha hija rrifjutata. |
|
25 |
Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għall-istess raġunijiet bħal dawk fil-Kawża C‑722/23, dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
|
26 |
Madankollu, f’din il-kawża, hija tistaqsi jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew b’applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni, imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna rikjesta li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u tirrisjedi fih, mhux biss jistgħu, iżda għandhom jordnaw l-eżekuzzjoni fl-imsemmi Stat Membru tal-piena ta’ priġunerija imposta fuq din il-persuna fl-Istat Membru emittenti u li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Meta l-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikunu kkonstataw li, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti, jeżisti riskju li d-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna jiġu miksura b’konnessjoni mal-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija, b’tali mod li jkun hemm lok li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, [il-punt 6 tal-Artikolu 4] tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584], għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga lil dawn il-qrati tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jeżaminaw, sabiex jiġi evitat li din il-persuna rikjesta li jkollha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat jew li fih hija tkun tirrisjedi tibqa’ mingħajr piena, jekk hemmx lok li tiġi ordnata, konformement mad-dispożizzjoni li tittrasponi l-[punt 6 tal-Artikolu 4] msemmi iktar ’il fuq fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-eżekuzzjoni, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-piena ta’ priġunerija mogħtija lill-persuna kkonċernata fl-Istat membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, piena li hija koperta minn dan l-Artikolu?” |
|
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Jannar 2025, il-Kawżi C‑722/23 u C‑91/24 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
29 |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kawżi prinċipali, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani kompetenti rrifjutaw l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni abbażi tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003, li tittrasponi l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fid-dritt Belġjan. Il-qorti tar-rinviju tqis li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata jekk ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li din l-eżekuzzjoni jkollha l-effett li tikser d-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali u wara eżami xieraq, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 104, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Għalhekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li hija kkonfrontata b’elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, hija obbligata tevalwa b’mod konkret u preċiż jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jemmen li, wara l-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru, il-persuna rikjesta ser tkun f’riskju reali li tkun suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għal trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet li fihom hija ser tinżamm fl-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 92 u 94, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonstata, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li l-konsenja ta’ persuna rikjesta tirriskja li twassal għal trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta, għandha l-obbligu li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Fil-kawżi prinċipali, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani kompetenti, bħala awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni, ikkonstataw li kien jeżisti riskju li jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali tal-persuni rikjesti fil-każ ta’ konsenja ta’ dawn il-persuni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri emittenti u kkonkludew li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, kienu, konsegwentement, issodisfatti. |
|
34 |
Fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż, Olandiż u Rumen ikkontestaw din il-konklużjoni. Skont il-Gvern Franċiż, jeżisti dubju dwar jekk id-domandi preliminari kinux jissodisfawx bżonn inerenti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 31, u tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 humiex issodisfatti ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tat-tilwim li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju. |
|
37 |
Minn dawn it-talbiet u mill-formulazzjoni stess tad-domandi preliminari jirriżulta, barra minn hekk, li dawn il-kawżi jirrigwardaw, essenzjalment, biss il-punt dwar jekk, meta l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jkunu rrifjutaw, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej u għalhekk iddeċidew li ma jikkonsenjawx il-persuni rikjesti lill-Istati Membri emittenti għall-eżekuzzjoni tal-pieni li wasslu għal dawn il-mandati ta’ arrest, dawn l-awtoritajiet jistgħux jew għandhomx, sabiex jevitaw l-impunità ta’ dawn il-persuni, japplikaw, b’mod komplementari, ir-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni, prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, billi jordnaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pieni fit-territorju li taħtu jaqgħu l-imsemmija awtoritajiet. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni jaqgħu taħt il-kuntest ġuridiku u fattwali kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. |
Fuq il-mertu
|
39 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tkun irrifjutat li teżegwixxi, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tistax jew għandhiex, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna rikjesta, tapplika, b’mod komplementari, ir-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan il-punt 6 tal-Artikolu 4. |
|
40 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk ir-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li tinsab fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hijiex intiża li tiġi applikata, b’mod komplementari, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, minħabba li l-konsenja tal-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti tesponiha għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti pprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, kif tfakkar fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija ta’ natura obbligatorja. |
|
42 |
Din ir-raġuni, li tapplika indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ residenza tal-persuna rikjesta, hija intiża li tipproteġi d-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna billi tipprevedi, b’mod eċċezzjonali, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sitwazzjoni fejn, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, wara l-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru, l-imsemmija persuna tkun f’riskju reali li tkun suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għal trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet li fihom hija ser tinżamm fl-imsemmi Stat Membru. |
|
43 |
Għalhekk, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li hija adita b’mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li tapplika r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tali deċiżjoni neċessarjament ittemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas. |
|
44 |
Rifjut ibbażat fuq din ir-raġuni għandu għalhekk il-konsegwenza li l-persuna rikjesta ma tiġix ikkonsenjata lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-persuna ma hijiex ser teżegwixxi, f’dan l-Istat Membru, il-piena ta’ priġunerija li hija ġiet ikkundannata għaliha, tal-inqas sakemm ikomplu jeżistu l-kundizzjonijiet li ġġustifikaw ir-rifjut ibbażat fuq l-istess raġuni. Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tiddetermina l-konsegwenzi ta’ tali rifjut fuq l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta l-persuna rikjesta tkun tinsab fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li tinsab fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ta’ natura fakultattiva u tissodisfa kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll għan li huma speċifiċi għaliha. |
|
46 |
Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan ikun inħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li ċċaħħad il-libertà, meta l-persuna rikjesta tkun tinsab fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun ċittadina tiegħu jew tirrisjedi fih, u dan l-Istat Membru jobbliga ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu. |
|
47 |
L-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni hija suġġetta għas-sodisfazzjoni ta’ żewġ rekwiżiti, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna rikjesta tkun tinsab fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun ċittadina tiegħu jew tirrisjedi fih, u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat jobbliga ruħu li jeżegwixxi, konformement mad-dritt intern tiegħu, il-piena jew il-miżura preventiva li għaliha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li dawn iż-żewġ rekwiżiti jkunu ssodisfatti, hija għandha wkoll tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena imposta fl-Istat emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Din l-evalwazzjoni tippermetti li din l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jikkonsisti, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fiż-żieda tal-possibilitajiet ta’ integrazzjoni soċjali tal-persuna rikjesta meta tiġi skontata l-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fir-rigward tar-raġunijiet għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri li għażlu t-traspożizzjoni ta’ wieħed jew iktar minn dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jirrifjutaw li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew li jaqa’ formalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija raġunijiet, mingħajr il-possibbiltà għalihom li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew–Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 44). |
|
50 |
Għalhekk, b’differenza minn dak li ġie kkonstatat fir-rigward tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistabbilixxi possibbiltà li l-persuna rikjesta ma tiġix ikkonsenjata b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti. |
|
51 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni awtonoma li ma hijiex intiża li tapplika, b’mod komplementari, meta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun diġà ġiet irrifjutata mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u dan minkejja li din l-applikazzjoni tkun intiża sabiex jiġi evitat li l-persuna rikjesta tibbenefika, bħala konsegwenza ta’ dan ir-rifjut, minn impunità f’dak li jirrigwarda l-kundanna li fuqha kien ibbażat il-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. |
|
52 |
Fil-fatt, l-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, flimkien mar-raġuni għan-nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 1(3) tagħha, twassal sabiex jiġu injorati l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn kull waħda minn dawn ir-raġunijiet, kif ukoll in-natura rispettiva tagħhom. |
|
53 |
Konsegwentement, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, din l-awtorità ma tistax, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna rikjesta, tapplika, b’mod komplementari, ir-raġuni għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
|
54 |
Madankollu, sa fejn ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jimplika, kif ġie rrilevat fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija piena ma tiġix eżegwita fl-Istat Membru emittenti, għandu jitfakkar li din id-deċiżjoni qafas, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma tistax tiġi interpretata b’mod li tqiegħed f’dubju l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li l-mandat ta’ arrest Ewropew tagħha, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, il-punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Dan għandu japplika iktar u iktar peress li l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż ukoll għall-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuna rikjesta li tinsab f’territorju differenti minn dak li fih hija wettqet reat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq mard), C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 80). |
|
56 |
Fil-fatt, l-impunità tal-persuna rikjesta hija inkompatibbli mal-għan imfittex kemm mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll mill-Artikolu 3(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kontroll tal-fruntieri esterni, il-prevenzjoni tal-kriminalità jew il-ġlieda kontriha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Minn dan isegwi li, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat li teżegwixxi, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew li jkun inħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, din l-awtorità għandha tieħu passi attivi biex tiġi evitata l-impunità tal-persuna rikjesta minħabba dan ir-rifjut. |
|
58 |
Fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu għal dan l-għan, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jipprevali fid-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u dawk ta’ ħruġ sabiex jiġi żgurat li l-funzjonament tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix ipparalizzat. Mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, b’mod partikolari, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (sentenzi tat‑18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq mard), C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 45, u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
F’din il-perspettiva, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom, sabiex jiżguraw kooperazzjoni effettiva f’materji kriminali, jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti adottati mill-Unjoni f’dan il-qasam b’tali mod li jippromwovu l-fiduċja reċiproka fil-bażi ta’ din il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq mard), C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 46; tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 94 u tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonkretizza, fil-qasam kriminali, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li jimponu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull Stat Membru l-obbligu li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt. Għalhekk, din l-aħħar deċiżjoni qafas issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali meta persuni jkunu ġew ikkundannati għal pieni jew għal miżuri ta’ ċaħda ta’ libertà fi Stat Membru ieħor, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija intiża li tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali, jirrikonoxxi sentenza kif ukoll li jeżegwixxi l-kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. Kif jirriżulta mill-Artikolu 26(1) tagħha, din id-deċiżjoni qafas tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar it-trasferiment tal-persuni kkundannati, li jissemmew f’dan l-aħħar artikolu, applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
F’dan il-kuntest, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni, fl-Istat Membru emittenti, ta’ piena ta’ priġunerija, minħabba li l-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-aħħar Stat Membru tqajjem ir-riskju għaliha ta’ trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta, ma jipprekludix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li tagħmel użu minn din ir-raġuni, milli tapplika d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sabiex tirrikonoxxi s-sentenza, mogħtija fl-Istat Membru emittenti, li wasslet għall-kundanna ta’ din il-persuna għal din il-piena u tieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar fit-territorju tagħha. |
|
63 |
Fil-fatt, kif enfasizzaw il-Gvern Belġjan u dak Rumen fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni, li tirrigwarda biss il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna kkundannata fl-Istat Membru emittenti, ma taffettwax il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-proċedura li żvolġiet legalment f’dan l-aħħar Stat Membru u li wasslet għal din is-sentenza. |
|
64 |
Barra minn hekk, anki jekk, kif tfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ir-regoli previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom essenzjalment l-għan li jiffaċilitaw l-integrazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ir-regoli huma rilevanti fis-sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali u wara eżami xieraq li jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan li jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni soċjali tal-persuna rikjesta meta tiġi skontata l-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata, irrispettivament mill-importanza tiegħu, ma huwiex ta’ natura assoluta, peress li dan l-għan għandu jiġi kkonċiljat mal-għanijiet essenzjali tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, b’mod partikolari, ma’ dak, imfakkar fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-impunità li minnha tista’ tibbenefika din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Issa, fid-dawl tal-konsegwenzi f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-piena, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li jirriżultaw mir-rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa ta’ interess pubbliku li din il-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna rikjesta minħabba dan ir-rifjut. |
|
67 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet tal-piena, l-integrazzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-impunità għandhom jinftiehmu b’mod komplementari, sa fejn l-integrazzjoni soċjali ta’ persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà timplika li din il-piena tiġi effettivament eżegwita fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. |
|
68 |
Għaldaqstant, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li rrifjuta, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, huwa obbligat li japplika r-regoli previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sabiex jikseb ir-rikonoxximent, fit-territorju tiegħu, tas-sentenza ta’ kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti li fuqha huwa bbażat il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, abbażi ta’ dan ir-rikonoxximent, sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena f’dan l-istess territorju. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li huwa, bħala prinċipju, l-Istat Membru emittenti li għandu jieħu l-inizjattiva li jibgħat din is-sentenza lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, flimkien maċ-ċertifikat li l-mudell standard tiegħu jinsab fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni qafas, sabiex l-imsemmija sentenza tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. |
|
70 |
Madankollu, skont l-Artikolu 4(5) tal-istess deċiżjoni qafas, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat Membru emittenti jibgħatlu l-istess sentenza, flimkien ma’ dan iċ-ċertifikat. |
|
71 |
Minn dan isegwi li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun irrifjuta, b’mod eċċezzjonali, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jiżgura li din il-piena tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu billi jitlob, fuq inizjattiva tiegħu stess, abbażi tal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, lill-Istat Membru emittenti jibgħatlu s-sentenza u ċ-ċertifikat imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza. |
|
72 |
Ċertament, l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jippreċiża li t-talbiet ifformulati skont din id-dispożizzjoni ma jagħtux lok għal obbligu, għall-Istat Membru emittenti, li jwettaq tali trażmissjoni. |
|
73 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li huwa dan l-aħħar Stat Membru li għandu jiżgura li l-prerogattiva mogħtija lilu minn din id-deċiżjoni qafas li ma jibgħatx lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni s-sentenza ta’ kundanna mogħtija minn waħda mill-qrati tiegħu kif ukoll iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 69 ta’ din is-sentenza tiġi eżerċitata b’mod li jippermetti kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’materji kriminali. Huwa għandu għalhekk jiżgura li l-funzjonament tal-mandat ta’ arrest Ewropew u r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji kriminali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor ma jiġux ipparalizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 71) u, konsegwentement, li ma jiġux kompromessi l-għanijiet tal-istabbiliment tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, riflessi fl-Artikolu 3(2) TUE. |
|
74 |
Konsegwentement, l-Istat Membru emittenti, meta jkollu l-intenzjoni li jopponi tali rifjut lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandu debitament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba f’hekk, il-persuna kkundannata tibqa’ mingħajr kastig, li huwa wkoll ta’ natura li jikkomprometti l-integrazzjoni soċjali tagħha. |
|
75 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 69 ta’ din is-sentenza jistgħu jintbagħtu, bħala prinċipju, lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ din is-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna biss bil-kunsens tal-persuna kkundannata, konformement mad-dritt tal-Istat Membru emittenti. |
|
76 |
Madankollu, mill-punti (a) u (c) tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, rispettivament, jirriżulta li dan il-kunsens ma huwiex meħtieġ jew meta l-persuna kkundannata tkun ċittadina tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tgħix ukoll fit-territorju tiegħu, jew meta hija tkun sabet refuġju fih jew irritornat f’dan l-aħħar Stat Membru, b’mod partikolari wara l-kundanna tagħha fl-Istat Membru emittenti. |
|
77 |
F’dan il-każ, minn naħa, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑91/24 jirriżulta li, skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-kunsens ta’ HL jista’ ma jkunx meħtieġ, sa fejn dan huwa ċittadin Belġjan li jirrisjedi fil-Belġju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
78 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-atti proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑722/23, jirriżulta li AR huwa ċittadin Rumen li jirrisjedi fil-Belġju. Konsegwentement, hija wkoll din il-qorti li għandha tivverifika, fid-dawl tal-elementi li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas tapplikax għas-sitwazzjoni tiegħu u jekk, b’mod partikolari, AR marx il-Belġju wara li ġie kkundannat fir-Rumanija għall-piena ta’ erba’ snin priġunerija għat-traffikar ta’ bnedmin li fuqha huwa bbażat il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu. |
|
79 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tkun irrifjutat li teżegwixxi, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, ma tistax, sabiex tevita l-impunità tal-persuna rikjesta, tapplika, b’mod komplementari, ir-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan il-punt 6 tal-Artikolu 4. Mill-banda l-oħra, fil-każ ta’ tali rifjut, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa obbligat, sabiex jevita tali impunità, li jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 billi jitlob, fuq inizjattiva tiegħu stess, lill-Istat Membru emittenti jibgħatlu s-sentenza li timponi din il-piena, flimkien maċ-ċertifikat li l-mudell standard tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni qafas, għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena fit-territorju tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
80 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tkun irrifjutat li teżegwixxi, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, ma tistax, sabiex tevita l-impunità tal-persuna rikjesta, tapplika, b’mod komplementari, ir-raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan il-punt 6 tal-Artikolu 4. Mill-banda l-oħra, fil-każ ta’ tali rifjut, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa obbligat, sabiex jevita tali impunità, li jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea billi jitlob, fuq inizjattiva tiegħu stess, lill-Istat Membru emittenti jibgħatlu s-sentenza li timponi din il-piena, flimkien maċ-ċertifikat li l-mudell standard tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni qafas, għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena fit-territorju tiegħu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.