24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/319


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1612 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0071/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)(l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 18 267 682 li jirrappreżenta żieda ta' 75,37 % meta mqabbel mal-2018, prinċipalment minħabba bidla fir-rappurtar dwar il-paragrafi finanzjarji relatati mal-ftehimiet ta' delega u ta' kontribuzzjoni b'karattru pluriennali; billi madwar nofs il-baġit tal-Aġenzija huwa ffinanzjat minn kontribuzzjoni mill-Unjoni u n-nofs l-ieħor minn dħul assenjat mill-proġetti;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li hija kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,90 %, li tirrappreżenta żieda ta' 1,93 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,32 %, li tirrappreżenta żieda ta' 12,81 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Prestazzjoni

2.

Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ittejjeb il-ġestjoni tagħha tal-baġit u biex tkejjel l-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-impatt tagħhom, b'mod partikolari l-livell ta' sodisfazzjon tal-parteċipanti, sabiex tivvaluta l-valur miżjud li dawk l-attivitajiet jipprovdu;

3.

Ifakkar lill-Aġenzija biex regolarment tirrieżamina u taġġorna s-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha biex tiżgura l-kontribut effiċjenti u l-għarfien espert tal-Aġenzija fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tanalizza l-eżiti bir-reqqa u tużahom biex ittejjeb l-istrateġija u l-ippjanar tal-attività tagħha;

4.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija wettqet b'suċċess il-mandat tagħha, u f'xi każijiet marret lil hinn mill-objettivi stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali tagħha għall-2019;

5.

Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fl-għoti ta' informazzjoni lill-esperti tal-infurzar tal-liġi nazzjonali dwar l-aħħar żviluppi fl-oqsma tas-sigurtà, tal-infurzar tal-liġi u tal-iskambju ta' informazzjoni, u fl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

6.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-attivitajiet ta' taħriġ tal-Aġenzija huma allinjati mill-qrib mar-rekwiżiti espressi mill-gruppi EMPACT taċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE filwaqt li l-għarfien espert ġie żgurat mill-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil u partijiet ikkonċernati oħra;

7.

Jilqa' pożittivament il-fatt li fl-2019 l-Aġenzija wettqet 327 attività ta' taħriġ li fihom ipparteċipaw 34 723 uffiċjal tal-pulizija; jesprimi wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li 28 student ieħor setgħu jiggradwaw mill-Programm Konġunt Ewropew tal-Masters (EJMP);

8.

Josserva li l-Aġenzija qabbdet fornitur estern biex jevalwa l-proċess u l-impatt tal-eżerċizzju pilota tal-Valutazzjoni Strateġika tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ tal-UE (UE-STNA) biex iħejji għall-fażi tal-pjan strateġiku li jmiss fl-2019 sabiex tniedi l-UE-STNA l-ġdida fl-2021;

9.

Jinnota li l-Aġenzija identifikat iċ-ċiberkriminalità bħala l-prijorità ewlenija tagħha għas-snin li ġejjin, u li l-Akkademja taċ-Ċiberkriminalità tas-CEPOL (CCA), ospitata fil-bini taċ-Ċentru ta' Taħriġ Internazzjonali Ungeriż, ġiet stabbilita fl-2019 u pprovdiet pjattaforma kkonfigurata bis-sħiħ biex tħarreġ fl-istess ħin sa 100 parteċipant;

10.

Jinnota l-fatt li l-Aġenzija għadha qed tikkoopera mill-qrib man-network tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, u mal-aġenziji li jiffurmawh, inkluż b'mod partikolari l-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; jinnota li dawn jaqsmu bejniethom l-attivitajiet tat-taħriġ u jorganizzaw korsijiet flimkien; jinnota li l-Aġenzija tikkoopera b'mod attiv mal-faċilitajiet ta' qsim tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-appoġġ għall-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija ilha mill-2014 testernalizza s-servizzi tal-kontabilità lill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tipprova b'mod attiv tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni usa' ma' korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni;

11.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-prattiki t-tajba ma' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza fir-rigward tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-binjiet, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà;

12.

Josserva li, wara l-evalwazzjoni esterna perjodika ta' ħames snin konkluża f'Jannar 2016, li għaliha l-Aġenzija kellha timplimenta azzjonijiet korrettivi, kien hemm bżonn li 32 azzjoni li jindirizzaw 17-il rakkomandazzjoni jitlestew sa tmiem l-2018; jinnota li mill-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni sal-2020 kienu tlestew 31 azzjoni u li l-azzjoni waħda pendenti hija relatata mal-iżvilupp ulterjuri tal-pjattaforma għat-tagħlim elettroniku (LEEd) tal-Aġenzija;

Politika dwar il-persunal

13.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta' 93,75 %, u nħatru 30 aġent temporanju mit-total ta' 32 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 32 post tax-xogħol awtorizzat fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 ħadmu għall-Aġenzija 17-il aġent kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali sekondati;

14.

Jenfasizza li fl-2019, l-Aġenzija rċeviet għadd kbir ta' applikazzjonijiet għall-programmi li hija toffri; jissottolinja li l-Aġenzija setgħet takkomoda biss 47 % ta' dik id-domanda għall-programm ta' skambju u kellha tiċħad 55 % tal-applikanti għal kors dwar l-attivitajiet taċ-ċiberkriminalità minħabba nuqqas ta' riżorsi umani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-Aġenzija fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi tal-baġit sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-għadd ta' persunal u jippermettu lill-Aġenzija timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;

15.

Jinnota li l-bilanċ bejn il-ġeneri kien kważi ntlaħaq fl-2019 fost il-maniġers superjuri (żewġt irġiel u mara waħda); jinsab imħasseb, madankollu, li m'hemm l-ebda bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-bord maniġerjali (20 raġel u 8 nisa); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord maniġerjali tal-Aġenzija;

16.

Josserva li, wara r-rilokazzjoni tiegħu mir-Renju Unit lejn l-Ungerija u l-koeffiċjent ta' korrezzjoni aktar baxx li rriżulta applikat għas-salarji tal-persunal, id-dawran tal-impjegati kien għoli u l-bilanċ ġeografiku mhux dejjem inżamm, peress li naqsu l-applikazzjonijiet minn Stati Membri oħra, apparti dawk mill-pajjiż ospitanti; jinnota li fl-2019, l-Aġenzija kompliet tirċievi għadd sinifikanti ta' applikazzjonijiet minn ċittadini Ungeriżi u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti komplew ikunu sovrarappreżentati fl-għadd totali ta' persunal; jinnota b'apprezzament li fl-2019, sabiex jitnaqqas il-livell għoli ta' dawran ta' persunal, l-Aġenzija kompliet timplimenta miżuri għaż-żamma tal-persunal u għall-kontinwità tal-operat, pereżempju, l-Aġenzija ingaġġat numru ta' persunal temporanji u esperti nazzjonali sekondati, sakemm tlesta r-reklutaġġ tal-persunal statutorju, kompliet bil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-persunal u tal-funzjonijiet u żammet l-arranġamenti soċjali (eż. l-edukazzjoni għat-tfal tal-persunal), it-telexogħol u l-arranġamenti tal-ħin flessibbli;

17.

Jenfasizza d-diffikultajiet li l-Aġenzija ffaċċjat fir-reklutaġġ u ż-żamma ta' persunal kwalifikat; jissottolinja li l-koeffiċjenti ta' korrezzjoni jvarjaw b'mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor, u dan għandu impatt serju fuq kemm l-aġenziji li jinsabu fi Stati Membri b'koeffiċjenti ta' korrezzjoni aktar baxxi huma kapaċi jirreklutaw u jżommu l-persunal u l-għarfien espert; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tistabbilixxi koeffiċjenti ta' korrezzjoni differenti bbażati fuq valutazzjoni reġjonali aktar milli nazzjonali; jenfasizza li normalment il-kwartieri ġenerali tal-aġenziji li jinsabu fi Stati Membri b'koeffiċjenti ta' korrezzjoni aktar baxxi jinsabu fi bliet kapitali fejn l-ispejjeż għall-għajxien u s-sussistenza huma wisq ogħla milli f'partijiet oħra tal-pajjiżi;

18.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

19.

Ifakkar fis-suġġeriment tal-Qorti fl-2018 li jiġu ppubblikati avviżi dwar postijiet vakanti fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità u jiġi evitat li jiġġarrbu spejjeż għoljin tat-traduzzjoni; jinnota li l-Aġenzija tippubblika l-postijiet vakanti tagħha kollha fuq is-sit web u l-media soċjali tagħha stess fuq it-tabella interaġenzjali tal-impjiegi żviluppata min-Network tal-Aġenziji tal-UE; jitlob lill-Aġenzija tieħu miżuri xierqa u tirrapporta aġġornament lill-awtorità ta' kwittanza bil-passi meħuda biex tippubblika avviżi dwar postijiet vakanti fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal;

20.

Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tibni ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversifikati u inklużivi billi tieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta l-possibilitajiet ta' tisħiħ u integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, fit-taħriġ, fl-iżvilupp tal-karriera u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll biex tqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal dwar dawk l-aspetti; jistieden lill-Aġenzija tqis titjib u modifiki raġonevoli possibbli tal-binjiet tagħha, inkluż rigward l-aċċess u tagħmir tal-uffiċċju adegwat, għall-persuni b'mobilità mnaqqsa jew b'xi diżabilità oħra;

Akkwist

21.

Ifakkar mir-rapport tal-Qorti tal-2018, li l-Aġenzija kienet għadha ma introduċietx l-għodod kollha mnedija mill-Kummissjoni bil-għan li tintroduċi soluzzjoni unika għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist pubbliku (akkwist elettroniku); jinnota b'sodisfazzjon li fl-2018 l-Aġenzija introduċiet il-fatturazzjoni elettronika u s-sejħa għall-offerti elettronika u li fl-2019 introduċiet is-sottomissjoni elettronika, u b'hekk implimentat bis-sħiħ l-akkwist elettroniku;

22.

Jinnota li fl-2018, l-Aġenzija tat kuntratt qafas għal arranġamenti tal-ivvjaġġar għall-persunal tagħha stess u għall-parteċipanti fit-taħriġ, mingħajr ma talbet spjegazzjoni mill-offerent rebbieħ għaliex l-offerta tiegħu kienet potenzjalment baxxa b'mod anormali; jirrikonoxxi li l-Aġenzija bidlet il-politika tagħha biex tiżgura dokumentazzjoni xierqa dwar prezzijiet (potenzjali) baxxi b'mod anormali għal offerta li tintgħażel, inkluż paragrafu speċifiku biex titlob u tanalizza r-raġunijiet għal offerti potenzjalment baxxi b'mod anormali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, etika u trasparenza

23.

Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi li tagħmel biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u biex tiżgura l-protezzjoni tal-informaturi; jesprimi sodisfazzjon li fl-2019 l-Aġenzija stabbiliet u implimentat Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva u linji gwida dwar l-informaturi, u japprezza l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CV tal-membri tal-bord maniġerjali u tal-maniġment superjuri jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota b'apprezzament li fl-2019 il-Bord Maniġerjali approva deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta kif ukoll dwar l-istabbiliment ta' kumitat tal-persunal;

24.

Jissottolinja l-fatt li l-qafas etiku attwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn nuqqasijiet konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza li fih bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawk il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

25.

Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

Kontrolli interni

26.

Jinnota li fl-2019, l-Aġenzija wettqet eżerċizzju intern biex tivvaluta s-sistemi ta' kontroll intern tagħha, u kkonkludiet li dawn ġew implimentati b'mod effettiv u li hemm bżonn biss ta' titjib żgħir;

27.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, f'okkażjoni waħda, ġie approvat impenn baġitarju ta' EUR 180 000 fis-sistema tal-kontabilità fuq il-bażi tad-dovuti (ABAC) minn membru tal-persunal awtorizzat b'mod mhux xieraq u b'hekk l-Aġenzija għandha tiżgura l-konsistenza bejn id-drittijiet tal-awtorizzazzjoni ABAC u d-deċiżjoni bil-miktub iffirmata mid-direttur eżekuttiv; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li n-nuqqas ta' konformità identifikat ġie ddokumentat fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet u tal-avvenimenti ta' nuqqas ta' konformità, flimkien ma' azzjonijiet għal titjib, sabiex jissaħħu l-kontrolli fuq id-drittijiet tal-ABAC; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta għand l-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet għat-titjib li hija implimentat u tevita kwalunkwe sitwazzjoni futura fejn l-impenji baġitarji jiġu approvati minn membri tal-persunal awtorizzati b'mod mhux xieraq, u tiżgura l-konformità sħiħa mal-prinċipji kollha tal-eżekuzzjoni baġitarja soda;

28.

Jiddispjaċih li, skont ir-rapport tal-Qorti, f'okkażjoni waħda, kuntratt qafas b'valur ta' EUR 100 000 ġie ffirmat minn uffiċjal awtorizzanti li l-limitu ta' awtorizzazzjoni tiegħu għall-impenji legali kien ta' EUR 60 000 u d-direttur eżekuttiv ma pprovdiex sottodelegazzjonijiet speċifiċi matul l-assenza tiegħu sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li, wara s-sejba tal-awditjar, ġiet adottata deċiżjoni emendata dwar is-sottodelegazzjonijiet, fejn żdiedu l-limiti massimi allokati għall-uffiċjali awtorizzati biex tkun permessa aħjar il-kontinwità tal-operazzjonijiet; jistieden lid-direttur eżekuttiv jiżgura l-kontinwità tal-attività u tal-operat f'kull ħin, inkluż matul assenzi temporanji;

29.

Jinnota li l-Aġenzija wettqet stħarriġ dwar l-involviment tal-persunal fl-2019 bil-għan li tkejjel il-kontrolli mhux vinkolanti (integrità, tmexxija, kompetenzi, ftuħ u motivazzjoni); jirrikonoxxi li l-Aġenzija ħolqot pjan ta' azzjoni biex iżżid l-għarfien dwar il-kontrolli mhux vinkolanti stabbiliti;

30.

Jinnota li, skont ir-riżultati tal-awditjar intern, l-Aġenzija ma għandhiex biżżejjed spazju u erja għall-uffiċċji biex twettaq l-attivitajiet operattivi u li hi topera minn tliet postijiet fiżiċi differenti, u dan jirriżulta fi sfidi addizzjonali speċjalment mill-perspettiva tal-IT u tal-fluss tax-xogħol tad-dokumenti; jirrikonoxxi d-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa tal-Aġenzija mal-gvern Ungeriż biex jinstab spazju xieraq għall-uffiċċji;

31.

Jinnota li fl-2019, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport tal-awditjar dwar "L-implimentazzjoni tat-taħriġ, il-qsim tal-għarfien u l-monitoraġġ tar-riżultati", li kien segwit minn pjan ta' azzjoni korrettiva li qed jiġi implimentat; jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern ifformula sejba kritika waħda dwar it-tfassil u t-twaqqif tal-Programm ta' Masters Konġunt Ewropew; jirrikonoxxi li l-bord maniġerjali ddeċieda li jipposponi l-kontinwazzjoni tal-Programm ta' Masters Konġunt Ewropew b'sena, biex tkun tista' ssir proċedura ta' akkwist miftuħa għaċ-ċiklu li jmiss, u b'hekk twaqqfet il-prattika mhux konformi;

Kummenti oħra

32.

Jinnota li fi Frar tal-2017, l-Aġenzija kkonkludiet b'suċċess iċ-ċertifikazzjoni ISO 9001:2015 tas-sistema ta' tmexxija tal-Aġenzija sabiex ittejjeb u turi aħjar l-impenn tagħha għall-kwalità; josserva li, abbażi tar-riżultati pożittivi tal-awditi tas-sorveljanza implimentati fl-2019 kif ukoll fil-bidu tal-2020, l-Aġenzija żammet iċ-ċertifikazzjoni tagħha;

33.

Jinnota b'apprezzament li ċ-ċertifikazzjoni ISO 29993 kienet inkisbet b'suċċess għal erba' attivitajiet residenzjali ewlenin u li fl-2019 ġie introdott kontroll tal-kwalità ta' qabel il-korsijiet għall-attivitajiet residenzjali mogħtija;

34.

Jinnota li l-Aġenzija fil-bidu ta' Novembru 2019 bdiet timplimenta kuntratt ta' kiri li jista' jiġi estiż u li jdum sena f'Avenue de la Joyeuse Entrée, 17-21 Brussell, għal proġett pilota ta' uffiċċju ta' kollegament fi Brussell, sabiex jiġu ffaċilitati d-djalogu u l-iskambju ta' informazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni preżenti fi Brussell;

35.

Jikkundanna l-fatt li l-Aġenzija m'għandhiex politika dwar iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tar-rekords diġitali li għandha fil-pussess tagħha, li fiż-żminijiet tal-lum hija importanti ħafna; jirrikonoxxi li fl-2020 l-Aġenzija bdiet il-proċess biex timplimenta s-sistema avvanzata ta' ġestjoni tar-rekords (ARES) bħala sistema ta' ġestjoni tad-dokumenti flimkien mal-EIT; jistieden lill-Aġenzija tikkoopera ma' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika taċ-ċibersigurtà b'saħħitha u affidabbli; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress tal-implimentazzjoni;

36.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' proċeduri ta' ġestjoni u operazzjonijiet interni; jenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dak ir-rigward sabiex akkost ta' kollox jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

37.

Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija adottat strateġija komprensiva għad-diġitalizzazzjoni tagħha, billi indirizzat il-ħtiġijiet tad-diġitalizzazzjoni tagħha bl-objettiv li tipprovdi viżjoni olistika fit-tul dwar l-iżvilupp ta' mudell ta' negozju msaħħaħ bit-teknoloġija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa l-istrateġija ta' diġitalizzazzjoni tagħha;

38.

Jirrimarka li jinħtieġ approċċ kumpless sabiex is-siti web tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għall-persuni b'kull tip ta' diżabilità, kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/2102 (2), inkluża d-disponibilità tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità jiġu involuti f'dak il-proċess;

39.

Jinnota li l-Aġenzija ma wettqitx analiżi komprensiva tal-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-kontijiet tagħha; jirrikonoxxi l-fatt li r-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/2219 (3), u b'hekk l-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija mar-Renju Unit ġew trattati bħalma jiġu ttrattati dawk ma' pajjiż terz; jinnota li skont ir-Regolament (UE) 2015/2219, l-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija mal-pajjiżi terzi huma rregolati b'arranġamenti ta' ħidma u għad ma hemmx arranġament bħal dan mar-Renju Unit;

40.

Jinnota li fl-2019 l-Aġenzija rnexxielha toħloq rabtiet ma' demografika usa' ta' persuni billi saħħet il-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali;

41.

iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tagħha biex iżżid il-viżibilità pubblika tagħha;

42.

Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jirrimarka li l-Aġenzija m'għandhiex fis-seħħ skema ta' kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju iżda jirrikonoxxi, abbażi tat-tweġiba tal-Aġenzija għall-kwestjonarju standard, li l-ispiża tal-parteċipazzjoni fi skema bħal din ma tistax tiġi koperta mir-riżorsi finanzjarji limitati tagħha, u jirrikonoxxi li l-Aġenzija tinkoraġġixxi lill-persunal tagħha jagħmel użu mit-trasport pubbliku biex inaqqas l-emissjonijiet u jqis li lill-impjegati jroddilhom lura l-ispejjeż tat-trasport pubbliku;

43.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 107, 31.3.2020, p. 96

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.