IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 608 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Greċja
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 608 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 608 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Greċja
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 608 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Greċja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Greċja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ muturi li jikkumplimentaw lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-muturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi kompetittivi tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ muturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih identifikat lill-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Greċja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u b’fokus akbar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet fiskali strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għadha essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, tal-2020, tal-2022 u tal-2023 għadhom ugwalment rilevanti anki għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fis-27 ta’ April 2021, il-Greċja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja 10 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 wara l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Greċja ssodisfat l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fit-30 ta’ April 2024, il-Greċja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Greċja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Greċja 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Dan ivvaluta l-progress tal-Greċja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza min-naħa tal-Greċja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Greċja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Greċja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’April 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi wara li ġiet identifikata bi żbilanċi eċċessivi fl-2023. B’mod partikolari, il-Greċja qed tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u self improduttiv għoli fil-kuntest ta’ qgħad għoli, li għadhom rilevanti iżda naqsu b’mod sinifikanti u huma mistennija jonqsu aktar, iżda l-pożizzjoni esterna għadha dgħajfa. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG kompla jonqos, u filwaqt li għadu għoli bi kważi 162 % fl-2023, ir-riskji fuq terminu qasir għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru baxxi. It-tkabbir nominali tal-PDG kien mutur ewlieni tal-proporzjon tad-dejn li qed jonqos b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar snin, iżda t-titjib ulterjuri mistenni fil-bilanċi fiskali huwa mistenni li jiżgura li dan ikompli jonqos. Id-defiċit fil-kont kurrenti, li kien kiber b’mod sinifikanti matul is-snin 2020 sa 2022, naqas b’mod sinifikanti fl-2023, iżda għadu għoli f’kuntest ta’ domanda domestika qawwija. Titjib marġinali biss fil-kont kurrenti huwa mistenni din is-sena u d-dieħla, peress li t-tkabbir robust fl-investiment huwa mbassar li jżomm l-importazzjonijiet għoljin. Il-proporzjon negattiv ħafna tal-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta (PIIN) għall-PDG tjieb ukoll is-sena l-oħra bis-saħħa tat-tkabbir nominali għoli tal-PDG, iżda għadu l-aktar dgħajjef fl-UE. Is-self li ma jrendix wera tnaqqis qawwi f’dawn l-aħħar snin u kompla jonqos fl-2023, iżda r-riżoluzzjoni tas-self li ma jrendix barra mis-settur bankarju għadha kajmana, u b’riżultat ta’ dan ikompli jkun ta’ piż fuq l-ekonomija. L-impjiegi żdiedu u l-qgħad kompla jonqos iżda għadu relattivament għoli. Is-snin ta’ azzjoni politika sostnuta u riformi strutturali estensivi ffavorew b’mod ċar tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet identifikati. Iż-żamma tal-pożizzjoni fiskali prudenti u l-implimentazzjoni kontinwa f’waqtha tal-RRP għadha kruċjali biex tittejjeb il-kompetittività u jiġi żgurat l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija, inkluż dwar il-pożizzjoni esterna.
(11)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Greċja naqas minn 2,5 % tal-PDG fl-2022 għal 1,6 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 172,7 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 161,9 % fi tmiem l-2023.
(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Greċja tiżgura li fl-2023 tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju 16 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Greċja ġiet irrakkomandata taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Greċja qiegħda wkoll tiġi rrakkomandata tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kienet espansjonarja 17 , b’0,5 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG u kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni restrittiva tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis fil-kostijiet tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’2.7 % tal-PDG). L-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) kienu t-trasferimenti soċjali, inklużi l-pensjonijiet. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 2,5 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 2,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Greċja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Hija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġodda fil-grilja tal-elettriku li huwa ffaċilitat permezz tal-aġġornament tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-SMEs biex jadottaw soluzzjonijiet diġitali, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(13)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jbassar li l-PDG reali se jikber bi 2,5 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025, filwaqt li jistenna li l-inflazzjoni tal-HICP tkun ta’ 2,6 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1,2 % tal-PDG fl-2024 u 0,9 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 152,7 % sa tmiem l-2024 u 146,3 % sa tmiem l-2025. Il-Programm ta’ Stabbiltà ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji lil hinn mill-2025.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,2 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,8 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025.
(15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mbassar li jonqos għal 153,9 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir baxx tal-benefiċċji soċjali meta mqabbel mat-tkabbir fid-dħul. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja, b’0,3 % tal-PDG, fl-2024.
(16)In-nefqa li tammonta għal 1,5 % tal-PDG se tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 1,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-Greċja. Nefqa li tammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.
(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Greċja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta 19 ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 2,6 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Greċja hija pproġettata li tiżdied b’1,8 % fl-2024 20 , li hija taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Greċja tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li jekk, minħabba żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija, ikun hemm bżonn li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 21 tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza huwa stmat għal 0,0 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat għal 0,1 % fl-2024, u 0,1 % fl-2025. B’mod partikolari, iż-żieda fil-konċessjoni għat-tisħin u r-ritorn ta’ imposta speċjali fuq id-diżil lill-bdiewa huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u l-2025, għalkemm b’impatt żgħir 22 . Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza huma pproġettati li jiġu stralċjati malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Greċja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jonqos għal 2,4 % tal-PDG fl-2024, minn 2,6 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa minħabba ż-żmien tal-perjodi ta’ programmazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE. B’mod partikolari, ir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE tal-investimenti taħt il-programm il-ġdid hija preżunta li hija ogħla minn dik tal-investimenti taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. Dan iwassal għal tnaqqis fin-nefqa nazzjonali kofinanzjata fuq l-investimenti. L-aġġustament fiskali fl-2024 mhuwiex primarjament dovut għat-tnaqqis fl-investiment. Filwaqt li jitqiesu dawn il-fatturi addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat li jirrispetta r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Minħabba f’hekk, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tiżdied għal 3,4 % tal-PDG fl-2024 minn 2,5 % tal-PDG fl-2023.
(20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fin-nefqa fuq l-imgħax u t-tkabbir baxx tal-kont tal-pagi pubbliċi. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 149,3 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment surplus primarju li qed jiżdied u tkabbir nominali tal-PDG, kif ukoll aġġustamenti bejn il-fondi u l-flussi. Politika fiskali prudenti jenħtieġ li tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.
(21)Filwaqt li tibni fuq l-aħjar prattiki u r-riformi mwettqa bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluża riforma ġdida li għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ l-isforzi tal-Greċja biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, għad hemm lok biex il-qafas tal-politika tat-taxxa jkompli jissaħħaħ biex il-Greċja tkun tista’ tattira aktar investimenti, u b’hekk tnaqqas id-diskrepanza fl-investiment, li għadha sinifikanti. B’mod partikolari, l-introduzzjoni ta’ sistema usa’ ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem f’konformità mal-aħjar prattiki tal-UE, tista’ tagħti lill-kontribwenti interpretazzjoni trasparenti tal-liġi tat-taxxa eżistenti, u b’hekk tipprovdi lill-investituri b’ċertezza legali akbar. Barra minn hekk, iż-żieda fl-isforzi biex tespandi l-kapaċità tal-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku, b’mod partikolari billi ssaħħaħ l-awtonomija tagħha biex timmaniġġja u tiżviluppa r-riżorsi umani tagħha, tista’ tgħin biex tkompli tiżdied il-konformità mat-taxxa.
(22)Il-Greċja kompliet tieħu passi biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika tagħha, iżda għad hemm lok biex tkompli żżid l-effiċjenza tagħha. Wara aġġustament sinifikanti wara l-2010, id-daqs u l-kost tal-amministrazzjoni pubblika tagħha ġew allinjati b’mod ġenerali mal-medja tal-UE. Il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku tal-Greċja baqa’ stabbli fl-2023 għal 10,8 % tal-PDG, li huwa kemxejn ogħla mill-medja tal-UE (10,2 % tal-PDG), meta wieħed iqis iż-żidiet fil-pagi li seħħew għall-ewwel darba mill-2010. L-aġġustament tal-allowances, inkluż għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà maniġerjali, li daħal fis-seħħ fil-bidu tal-2024 kien konsistenti mal-grilja tal-pagi unifikata, peress li ġew applikati fl-amministrazzjoni pubblika kollha. Biex dawk il-gwadanji jiġu ssalvagwardjati fil-futur, huwa essenzjali li: (i) tiżgura l-applikazzjoni kontinwa tal-grilja tal-pagi unifikata, filwaqt li żżomm il-livelli attwali tal-persunal permezz tal-applikazzjoni kontinwa tar-regola ta’ reklutaġġ “one-in-one-out” għall-persunal permanenti; u (ii) iżżomm il-limitu massimu għall-persunal temporanju li ġie introdott fl-2022. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri biex tittejjeb l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas ta’ governanza f’diversi livelli li ġie adottat fl-2023. Biex jimmaterjalizza t-titjib mistenni fil-koordinazzjoni bejn il-livelli ċentrali, reġjonali u lokali, il-qafas, inklużi l-istrutturi ta’ governanza u s-sistema ta’ informazzjoni previsti, huwa mistenni li jsir kompletament operattiv matul l-2024.
(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn huma mistennija li jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Greċja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Greċja tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza r-riskji ta’ dewmien filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. L-awtoritajiet Griegi adottaw miżuri biex itejbu l-implimentazzjoni u jagħtu spinta lill-kapaċità amministrattiva, filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih aktar miżuri speċifiċi li huma mistennija jgħinu biex jintlaħaq dak l-objettiv. Sfidi speċifiċi għall-Greċja jinkludu: (i) proċessi twal ta’ litigazzjoni biex jiġu indirizzati pretensjonijiet legali kontra proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jirriskjaw dewmien fid-data ppjanata għat-tlestija tal-investimenti lil hinn minn Awwissu 2026; (ii) it-trasferiment bil-mod tad-drittijiet tal-proprjetà; u (iii) koordinazzjoni dgħajfa, li hija partikolarment evidenti fir-rigward tal-investiment u r-riformi li jkopru oqsma ta’ politika li jmorru lil hinn mill-mandat ta’ Ministeru wieħed. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(24)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Greċja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Il-Greċja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. B’mod partikolari, il-Greċja qed tkompli tirreġistra tkabbir bil-mod f’reġjuni aktar periferiċi u disparitajiet sinifikanti bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm komplew ikunu rilevanti. B’mod partikolari, azzjonijiet li jtejbu l-kapaċità tal-kumpaniji li jinnovaw u jiffukaw fuq appoġġ immirat għan-negozju huma t-tnejn essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività. Bħala parti mit-tranżizzjoni ekoloġika, l-investiment fil-ġestjoni tal-iskart huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ u jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet. Huwa essenzjali li l-ġestjoni tal-ilma tittejjeb b’mod komprensiv, li jinkludi l-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi, l-irkupru tal-enerġija, id-diġitalizzazzjoni, l-użu mill-ġdid tal-ilma, l-ilma tax-xita u d-desalinizzazzjoni sostenibbli bbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. It-tranżizzjoni tal-enerġija tirrikjedi sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli, soluzzjonijiet ta’ ħżin u żieda fl-effiċjenza enerġetika, kif ukoll l-indirizzar tal-faqar enerġetiku. Iż-żieda fis-sehem tat-trasport urban nadif hija wkoll kruċjali biex tinkiseb in-newtralità karbonika. Il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni jenħtieġ li jkomplu jinvestu fil-ħiliet, abbażi ta’ strateġija komprensiva, biex jimplimentaw il-Garanzija għat-Tfal, jippromwovu servizzi tal-kura fit-tul u akkomodazzjoni soċjali ta’ kwalità u affordabbli u jtejbu l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali ta’ komunitajiet emarġinati, bħar-Rom u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, il-prevenzjoni u t-tħejjija kontra r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima jistħoqqilhom aktar attenzjoni. Il-Greċja tista’ tingrana wkoll l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni industrijali tagħha, b’mod partikolari l-produzzjoni u l-ħżin tal-enerġija nadifa, it-tbaħħir ekoloġiku u l-bijoteknoloġija, u l-iżvilupp ta’ ħiliet ekoloġiċi u diġitali.
(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Greċja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mat-tkabbir ekonomiku, il-qafas regolatorju u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, li, jekk jiġu indirizzati, jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività tal-pajjiż. Għalkemm qed tiżdied, ir-rata tal-impjiegi hija fost l-aktar baxxi fl-UE u l-aċċess għas-suq tax-xogħol għadu ta’ sfida speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ. Rigward l-edukazzjoni, il-Greċja ħadet passi matul dawn l-aħħar snin biex tirrevedi l-kurrikuli, inkluż fil-kuntest tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, u tintegra fihom xi korsijiet dwar il-ħiliet personali u diġitali. Madankollu, il-prestazzjoni fil-ħiliet bażiċi għadha partikolarment baxxa, u ddgħajjef l-eżiti tas-suq tax-xogħol, il-produttività u l-kompetittività. Dan jidher mill-prestazzjoni tal-istudenti ta’ 15-il sena fil-matematika, il-qari u x-xjenza, li ilha tiddeterjora drastikament mill-2012 u hija fost l-aktar baxxi fl-UE, skont l-aħħar Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti. Is-sehem għoli u dejjem akbar ta’ studenti bi prestazzjoni baxxa, inkluż fost dawk li jiġu minn sfondi aktar vantaġġati, u s-sehem baxx ta’ studenti bl-aqwa prestazzjoni jindikaw sfidi strutturali rigward il-kwalità u l-ekwità tas-sistema edukattiva. Il-Greċja tinsab ukoll fl-aħħar post fost l-istati membri tal-UE f’termini ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, li nstab li taffettwa b’mod pożittiv l-eżiti tal-edukazzjoni sussegwenti. L-isfidi li jdgħajfu l-eżiti tal-edukazzjoni tal-Greċja jistgħu jkunu marbuta ma’: (i) in-nuqqas ta’ finanzjament tas-sistema edukattiva; (ii) enfasi insuffiċjenti fuq metodi ta’ tagħlim ibbażati fuq il-kompetenza b’enfasi qawwija fuq il-ħiliet intraprenditorjali, personali u trasversali; (iii) livelli baxxi ta’ awtonomija skolastika; u (iv) nuqqas ta’ evalwazzjoni sistematika tal-għalliema.
(26)It-titjib tas-servizzi għall-pubbliku u ż-żieda fis-sostenibbiltà ekonomika, fiskali u klimatika għadhom prijoritajiet importanti. F’dan il-kuntest, hemm lok biex tkompli tittejjeb il-ġestjoni tal-assi tal-istat, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tal-intrapriżi tal-istat (SOEs) u l-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli pubblika. F’ċerti SOEs, xi riformi ġew implimentati b’suċċess, u dan għen biex jiżdiedu l-flessibbiltà operazzjonali u l-awtonomija kummerċjali, jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni interna tagħhom u jittejbu l-politiki u l-proċessi tal-akkwist, tar-remunerazzjoni u tar-reklutaġġ tagħhom. Ir-replikazzjoni ta’ tali prattiki tkun ta’ benefiċċju għal SOEs oħra biex iwasslu valur miżjud kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ekonomija. Il-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Parteċipazzjonijiet u s-sussidjarji tagħha għandhom rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ dawn l-assi tal-istat. Hemm riflessjonijiet dwar kif jistgħu jittejbu aktar l-effiċjenza u l-effettività tal-Korporazzjoni, pereżempju billi tiżdied il-kapaċità organizzattiva u funzjonali tagħha, u billi jissaħħu l-awtonomija operazzjonali u l-għarfien espert intern tagħha dwar l-investiment.
(27)Il-liċenzjar ambjentali bil-mod minħabba, fost affarijiet oħra, lakuni regolatorji, ikompli jimpedixxi l-investiment fil-livell ċentrali u reġjonali. Il-liċenzjar ambjentali huwa parti integrali mill-proċess ġenerali ta’ liċenzjar għal kwalunkwe tip ta’ investiment u l-proċess għall-kisba ta’ permess ambjentali huwa kumpless u twil. B’mod partikolari, għad ma hemm l-ebda klassifikazzjoni ambjentali għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew kundizzjonijiet li jiddeterminaw taħt liema ċirkostanzi l-attivitajiet industrijali b’impatt ambjentali limitat jistgħu jiġu liċenzjati. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll il-kriterji għall-każijiet li jeħtieġu proċess simplifikat għall-għoti ta’ permessi minħabba bidliet mhux sostanzjali. In-nuqqas ta’ atti regolatorji biex jgħinu biex jissolvew dawn il-kwistjonijiet jipprevjeni titjib leġiżlattiv introdott qabel biex il-liċenzjar ambjentali jiġi bbażat fuq kriterji aktar razzjonali u bbażati fuq ir-riskju milli jkollu xi impatt. L-adozzjoni ta’ dawn l-atti regolatorji pendenti tista’ tagħmel impatt materjali fuq iż-żmien u l-kwalità tal-valutazzjonijiet ambjentali kemm għal permessi ġodda kif ukoll għal permessi emendati/imġedda għall-investimenti kkonċernati. Barra minn hekk, minkejja t-tlestija tal-qafas regolatorju biex jintużaw assessuri ambjentali mis-settur privat, ir-reġistru rilevanti għadu mhux sfruttat u s-sistema għadha ma ġietx stabbilita. It-tlestija tal-qafas regolatorju bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja nieqsa u l-operazzjonalizzazzjoni tas-sistema ta’ assessuri ambjentali privati ċċertifikati tgħin biex jissaħħaħ l-ambjent tan-negozju tal-Greċja, peress li dawn huma mistennija jnaqqsu l-ostakli fil-proċess ta’ liċenzjar ambjentali u jagħtu spinta lill-fiduċja tal-investituri. L-azzjonijiet ta’ politika msemmija hawn fuq huma mistennija li jiffaċilitaw l-investimenti, li huma mistennija li jżidu l-produttività u jwessgħu l-bażi tal-esportazzjoni, u b’hekk inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni, itejbu l-prospettiva tat-tkabbir u jappoġġaw l-ibbilanċjar mill-ġdid estern kif ukoll it-tneħħija tal-iżbilanċi tal-istokkijiet.
(28)Minkejja l-isforzi li saru, b’mod partikolari permezz tal-espansjoni tas-sehem tas-sorsi rinnovabbli tal-produzzjoni ġenerali tal-elettriku tagħha, il-Greċja għadha dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili, biż-żejt u l-gass jammontaw għal 55 % u 20 %, rispettivament, tat-taħlita tal-enerġija tagħha fl-2022. Filwaqt li l-kapitolu REPowerEU miżjud mal-pjan rivedut għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja fih diversi riformi u investimenti li huma mistennija jaċċelleraw l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Greċja, għadhom meħtieġa aktar azzjonijiet biex titnaqqas id-dipendenza tal-Greċja fuq il-fjuwils fossili. Il-Greċja għandha waħda mill-eqdem flotot tal-vetturi tal-UE u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport għadu baxx ħafna. B’riżultat ta’ dan, is-settur tat-trasport tal-Greċja għadu wieħed mill-akbar emittenti tad-diossidu tal-karbonju. Biex titħaffef l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport, politika aktar ambizzjuża tista’ tistabbilixxi t-ton. Dan jista’ jinkludi l-espansjoni tal-kategoriji ta’ vetturi meħtieġa skont il-Liġi nazzjonali dwar il-Klima biex issir bidla minn magni tal-kombustjoni għal muturi elettriċi u l-infurzar tal-irtirar ta’ vetturi li jniġġsu ħafna.
(29)Iż-żieda fil-frekwenza u s-severità tad-diżastri naturali li jaffettwaw lill-Greċja poġġew pressjoni kbira fuq is-sistema tal-protezzjoni ċivili. Fl-2023, il-Greċja sfat vittma ta’ nirien severi fil-foresti u għargħar, li kkawżaw fatalitajiet tal-bnedmin, ħsara katastrofika lill-ambjent naturali u ħsara estensiva lill-proprjetà u l-infrastruttura. L-investimenti fil-protezzjoni ċivili skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-fondi ta’ koeżjoni huma mistennija li jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ rispons għad-diżastri. Madankollu, hemm lok għal aktar tisħiħ tal-isforzi ta’ prevenzjoni. Ir-riformi u l-investimenti biex jittejbu l-effettività u l-effiċjenza ta’ twissija bikrija, infrastruttura ta’ reżistenza klimatika u miżuri oħra ta’ prevenzjoni tar-riskju jistgħu jikkomplementaw il-miżuri ta’ tħejjija u jgħinu biex titnaqqas il-ħsara kkawżata minn diżastri naturali futuri. Barra minn hekk, l-ambitu tal-investimenti jista’ jiffoka fuq azzjonijiet li jibnu r-reżiljenza billi jindirizzaw il-prevenzjoni u t-tħejjija kif ukoll permezz tal-użu ta’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema.
(30)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Greċja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.
(31)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn tal-gvern, il-pożizzjoni esterna u s-self improduttiv. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (2) u (3) jappoġġaw it-tkabbir potenzjali tal-PDG, u b’riżultat ta’ dan jikkontribwixxu wkoll biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni (1). Ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, f’konformità mal-premessa 30.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2024 u fl-2025 il-Greċja tieħu azzjoni biex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 23 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u ż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tkompli ttejjeb il-faċilità tal-investiment tas-sistema tat-tassazzjoni billi ssaħħaħ iċ-ċertezza legali tagħha u tkompli żżid l-awtonomija operazzjonali tal-awtorità tat-taxxa biex timmaniġġja u tiżviluppa r-riżorsi umani tagħha. Tissalvagwardja l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika filwaqt li tiżgura li tkun tista’ tattira l-ħiliet it-tajba u tippreserva l-konsistenza mal-grilja tal-pagi unifikata, u tħaddem il-qafas ta’ governanza f’diversi livelli. Tiżgura li l-bilanċi esterni jkomplu fit-triq li qed titjieb b’mod kostanti billi tippromwovi tkabbir bilanċjat u tappoġġa l-investiment domestiku produttiv. Issegwi t-tnaqqis kontinwu tal-istokk ta’ self improduttiv miżmum mill-banek u s-servizzjanti tal-kreditu, inkluż billi ttejjeb aktar il-proċessi tal-irkant elettroniku biex jitnaqqas il-proporzjon ta’ rkantijiet li ma jirnexxux.
2.Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fil-qasam tal-prevenzjoni u t-tħejjija kontra r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex ittejjeb il-kompetittività.
3.Tagħti spinta lill-kompetittività billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kisbiet fil-ħiliet bażiċi, issaħħaħ il-ġestjoni tal-assi tal-istat u tlesti l-qafas regolatorju għal-liċenzjar ambjentali.
4.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Issaħħaħ il-ġestjoni tad-diżastri naturali billi tiġi stabbilita sistema effettiva ta’ twissija bikrija u ta’ prevenzjoni tar-riskju.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President