|
3.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 224/12 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-12 ta' Diċembru 2012
li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE
(Każ COMP/M.6497 – Hutchison 3G Awstrija/Orange Awstrija)
(notifikata bid-dokument C(2012) 9198 final)
(il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2013/C 224/06
Fit-12 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:
http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html
I. L-OPERAT U L-PROĊEDURA
|
(1) |
Fis-7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika dwar konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tiegħu l-kumpanija Hutchison 3G Austria Holdings GmbH (“H3G Austria Holdings”, l-Awstrija) (il-“Parti Notifikanti”), il-kumpanija azzjonarja ta’ Hutchison 3G Austria GmbH (“H3G”, l-Awstrija) u sussidjarju bi sjieda totali indiretta ta' Hutchison Whampoa Limited (“HWL”, Hong Kong) tikseb, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kontroll ta’ Styrol Holding 1 GmbH (“Styrol”, l-Awstrija) u s-sussidjarja tagħha bi sjieda totali indiretta Orange Austria Telecommunications GmbH (“Orange”, l-Awstrija), minbarra Yesss! Telekommunikation GmbH (“Yesss!”), permezz tax-xiri ta’ ishma (flimkien il-“Partijiet”). |
|
(2) |
Din it-tranżazzjoni kienet dipendenti fuq il-bejgħ mill-ġdid tal-marka kummerċjali tal-mobile “mingħajr xinxilli” ta’ Orange Yesss! lil Telekom Austria (“TA”). It-tranżazzjoni tal-aħħar kellha tkun f’idejn l-Awtorità Nazzjonali Awstrijaka tal-Kompetizzjoni (“Bundeswettbewerbsbehörde” jew “BWB”). Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Unjoni kienet l-akkwiżizzjoni ta’ Orange Austria (bl-esklużjoni ta’ “Yesss!”) minn H3G. |
|
(3) |
Barra minn hekk, TA kienet se takkwista mingħand H3G ċerti siti, frekwenzi tal-ispettru u drittijiet tal-proprejtà intellettwali, li attwalment huma ta’ Orange. Dan it-trasferiment tal-frekwenzi jirrikjedi l-approvazzjoni mir-Regolatur Awstrijak tat-Telekomunikazzjonijiet, ir-Rundfunk & Telekom Regulierungs-GmbH, (“RTR”) u t-Telekom-Control Kommission (“TKK”). |
|
(4) |
Fid-29 ta’ Mejju 2012 il-BWB talbet, abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, riferiment tat-Tranżazzjoni Proposta mill-Kummissjoni lill-Awstrija (it-“Talba għal Riferiment”). Abbażi ta’ investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni proposta mas-suq intern. Sussegwentement, il-BWB ma bagħtetx tfakkira skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet wara li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tal-Artikolu 6(1)(c) fit-28 ta’ Lulju 2012. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza l-aspetti mqajmin mill-BWB innifisha skont l-Artikolu 9(3)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
|
(5) |
Fil-21 ta’ Awwissu 2012, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji skont l-Artikoli 8(2) u 10(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, sabiex tneħħi t-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni proposta mas-suq intern. |
|
(6) |
Fl-20 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) lill-Parti Notifikanti, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
|
(7) |
Fl-10 ta’ Ottubru 2012, l-Uffiċjal tas-Smigħ tal-Kummissjoni ta lill-Parti Notifikanti l-opportunità li tippreżenta l-opinjonijiet tagħha f’seduta verbali. Wara t-talbiet tagħhom, T-Mobile Austria (“T-Mobile”), Tele2 u UPC (Liberty Global) ġew ammessi għas-Seduta Verbali bħala partijiet terzi interessati. |
II. IL-PARTIJIET
|
(8) |
HWL hija konglomerat multinazzjonali, bil-kwartieri tagħha f’Hong Kong. L-operat ta’ HWL u tal-kumpaniji assoċjati tagħha jikkonsisti minn sitt negozji prinċipali: portijiet u servizzi relatati, proprjetà u lukandi, bejgħ fil-livell tal-konsumatur, enerġija, infrastruttura u telekomunikazzjonijiet. Fl-Unjoni Ewropea, is-sussidjarji ta’ HWL jinkludu operaturi tan-netwerk mobbli fl-Awstrija, id-Danimarka, l-Irlanda, l-Italja, l-Isvezja u r-Renju Unit. |
|
(9) |
H3G hija operatur tan-netwerk mobbli (“ONM”) attiva fl-Awstrija bil-marka kummerċjali “3” u b'sjieda totali minn HWL. |
|
(10) |
Orange hija ONM Awstrijak. Meta saret in-notifika, Orange u l-kumpanija azzjonarja tagħha Styrol kienu ta’ Stubai S.C.A., sussidjarju bi sjieda totali mill-fond ta’ investiment ta’ ekwità privata Mid Europa Partners (“MEP”), u minn Orange Belgium SA, sussidjarja b'sjieda totali minn France Télécom SA Yesss! kienet sussidjarju bi sjieda totali ta’ Orange. |
III. SOMMARJU
|
(11) |
Abbażi tad-dejta dwar il-fatturat tal-partijiet, it-tranżazzjoni proposta kellha dimensjoni tal-Unjoni. Din twassal għal tnaqqis fl-operaturi tan-netwerks minn erbgħa għal tlieta (bl-ONM li jifdal, Telekom Austria u T-Mobile b’ishma ta’ suq rispettivi ta’ [40-50 %] u [30-40 %] mill-ammont totali ta’ abbonati) u toħloq it-tielet l-akbar ONM Awstrijak b’sehem tas-suq totali ta’ [20-30 %]. |
|
(12) |
L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni identifikat tħassib dwar il-kompetizzjoni minħabba t-tneħħija ta’ Orange minn suq li diġà kien ikkonċentrat ħafna u fejn ma kienx hemm prospett ta’ dħul. Għaldaqstant, it-tħassib kien li t-tranżazzjoni kif ġiet innotifikata twassal għal tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-suq ta’ bejgħ fil-livell tal-konsumatur għall-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali fl-Awstrija, b’riżultat ta' effetti unilaterali. |
|
(13) |
Biex tneħħi t-tħassib tal-Kummissjoni, H3G ippreżentat pakkett ta’ impenji li, fil-verżjoni finali tiegħu, jikkonsisti minn tliet elementi.
|
|
(14) |
Fid-dawl ta’ dawn l-impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni ma tibqax tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni, billi d-deċiżjoni tiddependi fuq konformità sħiħa mal-impenji. |
IV. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
A. Is-Swieq tal-Prodotti rilevanti
|
(15) |
Fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, is-swieq tal-prodotti tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli ġew definiti kif jidher hawn taħt:
|
|
(16) |
L-attivitajiet ta’ H3G u Orange, abbażi ta’ dan, jikkoinċidu fis-suq għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. Il-Partijiet kienu wkoll kompetituri potenzjali fis-suq għall-aċċess bl-ingrossa u l-oriġini tas-sejħiet fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli. Kien hemm ukoll rabta bejn l-attivitajiet ta’ H3G u Orange fis-suq bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali u s-suq bl-ingrossa għat-terminazzjoni tas-sejħiet mobbli. |
Servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali
|
(17) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk, għall-finijiet ta’ dan il-każ, kienx neċessarju li terġa’ tqassam is-suq għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali skont it-tip ta’ konsumatur (kummerċjali jew privat, abbonati li jħallsu wara jew konsumaturi li jħallsu qabel) jew skont it-tip ta’ teknoloġija tan-netwerk (2G/GSM jew 3G/UMTS). |
|
(18) |
Abbażi tat-test tas-suq u l-kunsiderazzjoni tan-naħa tal-provvista, il-Kummissjoni kkunsidrat suq tal-prodotti ġenerali għall-konsumaturi privati u kummerċjali fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. |
|
(19) |
Fir-rigward ta’ distinzjoni possibbli bejn is-servizzi mħallsin qabel u dawk imħallsin wara, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm xi argumenti li jappoġġjaw din il-pożizzjoni f’dan il-każ. Minkejja li l-konklużjoni tal-Kummissjoni kienet li s-servizzi mħallsin qabel u dawk imħallsin wara huma parti mill-istess suq, tal-anqas fir-rigward tas-sostituzzjoni tan-naħa tal-provvista, l-ispeċifiċitajiet u l-interazzjoni bejn dawn is-segmenti ġiet ikkunsidrata wkoll fil-valutazzjoni tal-kompetizzjoni. |
|
(20) |
Minkejja d-differenzi ċari fil-prestazzjoni għat-traffiku tad-dejta fuq in-netwerks 2G, 3G u LTE, fid-dawl tar-riżultati tat-test tas-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-subdiviżjoni tas-suq mobbli tal-konsumaturi finali skont it-tip tat-teknoloġija tan-netwerks (2G, 3G u t-Teknoloġiji Futuri 4G) ma kinitx xierqa. |
|
(21) |
Minn perspettiva tad-domanda, is-servizzi maħsubin biex jintużaw fuq apparat li jaħdem bil-vuċi jiġu distinti mis-servizzi użati fuq apparat li jirċievi u jittrażmetti dejta biss. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma jkunx xieraq li titbiegħed mill-prattika tagħha preċedenti li tiddefinixxi suq uniku inklużi s-servizzi mogħtija kollha, sew jekk għall-apparat li jirċievi u jittrasmetti dejta biss jew għall-apparat li jaħdem bil-vuċi. |
|
(22) |
Fl-Ordinanza dwar is-Swieq tat-Telekomunikazzjonijiet, l-RTR/TKK Awstrijak/a sab/et li l-aċċess għall-broadband mobbli mill-konsumaturi residenzjali huwa sostituzzjoni għas-servizzi tal-internet b’linja fissa. Il-Kummissjoni ma argumentatx dwar is-sejba tagħha b’rabta mal-Awstrija. Madankollu, għall-valutazzjoni f’dan il-każ, il-kwistjoni kienet bil-maqlub, jiġifieri jekk is-servizzi tal-broadband humiex sostituzzjoni għas-servizzi mobbli tad-dejta b'mod ġenerali jew għall-broadband mobbli b'mod speċifiku. Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-servizzi fissi tal-broadband ma humiex sostituzzjoni għas-servizzi mobbli tad-dejta u għaldaqstant ma jiffurmawx parti mill-istess suq tal-prodotti. |
|
(23) |
Għall-finijiet tad-deċiżjoni, is-suq tal-prodotti rilevanti ġie ddefinit bħala suq uniku fl-Awstrija għall-forniment tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. |
Suq bl-ingrossa għall-aċċess u l-oriġini tas-sejħiet fuq in-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli
|
(24) |
L-aċċess għan-netwerk bl-ingrossa jingħata mill-MNOs lill-MNVOs. F’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat l-aċċess għan-netwerk bl-ingrossa u l-oriġini tas-sejħiet, bħala parti mill-istess suq tal-prodotti. Fl-investigazzjoni tas-suq, il-parteċipanti tas-suq ikkonfermaw b’mod unanimu li dan l-approċċ huwa xieraq ukoll f’dan il-każ. |
Suq bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali
|
(25) |
Id-domanda għas-servizzi bl-ingrossa tar-roaming internazzjonali tiġi minn operaturi mobbli barranin li jkunu jixtiequ jipprovdu lill-konsumaturi tagħhom stess b’servizzi mobbli barra min-netwerk tagħhom u, b’mod downstream, mill-abbonati li jkunu jixtiequ jużaw il-mobiles tagħhom barra minn pajjiżhom. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm suq bl-ingrossa separat għar-roaming internazzjonali. |
Suq bl-ingrossa għat-terminazzjoni tas-sejħiet mobbli
|
(26) |
Kif ġie stabbilit fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, ma teżistix sostituzzjoni għat-terminazzjoni tas-sejħiet f'kull netwerk individwali billi l-operatur li jittrażmetti s-sejħa li tkun qed issir jista' jilħaq lir-reċipjent maħsub biss permezz tal-operatur tan-netwerk li miegħu r-riċevitur ikun konness. Għaladaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm suq bl-ingrossa separat għat-terminazzjoni tas-sejħiet mobbli. |
B. Is-Swieq ġeografiċi rilevanti
|
(27) |
Fl-investigazzjoni tas-suq, il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti kkunsidraw is-swieq ġeografiċi rilevanti bħala swieq nazzjonali, jiġifieri, limitati għat-territorju tal-Awstrija iżda mhux iżgħar minn hekk. Jidher li ma kienx hemm prattika kummerċjali rilevanti jew abbiltà li ssir diskriminazzjoni bejn l-utenti abbażi ta' fejn ikunu jinsabu fit-territorju tal-Awstrija, fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. |
|
(28) |
F’konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, anki s-swieq għall-aċċess bl-ingrossa u l-oriġini tas-sejħiet fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli, is-suq bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali u s-suq bl-ingrossa għat-terminazzjoni tas-sejħiet mobbli kienu ddefiniti bħala nazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (jiġifieri fl-Awstrija). |
C. Il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni
|
(29) |
Il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni ffokat fuq is-suq għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. |
1. L-effetti unilaterali
L-ishma tas-suq u l-istruttura tas-suq wara l-fużjoni
|
(30) |
Is-Suq Awstrijak għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali kien diġà kkonċentrat ħafna anki qabel it-tranżazzjoni, li b’riżultat tagħha kompetitur żviluppat b’mod sħiħ jiġi eliminat mis-suq u l-għadd ta’ atturi tas-suq jonqos minn erbgħa għal tlieta. It-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni f'dan il-każ kien konsegwenza ta' għadd ta' fatturi: l-istruttura tas-suq, il-proporzjonijiet tad-diverżjoni għolja bejn il-Partijiet, il-marġini sinifikanti li huma rrealizzaw u l-importanza ta’ qabel il-fużjoni tal-Partijiet, fir-rigward tal-akkwiżizzjoni ta’ negozju ġdid. |
|
(31) |
It-tħassib dwar il-kompetizzjoni kien jitqajjem bħala riżultat tat-tranżazzjoni proposta, partikolarment minħabba xkiel kbir għad-dħul, in-nuqqas ta' saħħa tax-xerrej sinifikanti u tal-eżistenza, min-naħa tal-kompetituri, ta' inċentiv biex isir segwitu taż-żidiet fil-prezzijiet mill-entità li tkun għaddiet minn fużjoni. Barra minn hekk, l-argument tal-Parti Notifikanti li skontha r-restrizzjoni kompetittiva imposta minn Orange fis-suq kienet x’aktarx li tiddeterjora fiż-żmien qarib sa medju, ma setax jiġi aċċettat abbażi tal-evidenza. |
|
(32) |
It-Tranżazzjoni Proposta tgħaqqad flimkien lil żewġ ONM mill-erbgħa li jeżistu fl-Awstrija. H3G u Orange, rispettivament, kienu ir-raba' u t-tielet ONM kklassifikati skont is-sehem mis-suq fis-suq Awstrijak għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. Minkejja li għandhom ishma aktar baxxi mis-suq meta mqabblin maż-żewġ ONM l-oħra, jiġifieri TA u T-Mobile, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tranżazzjoni twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva. |
|
(33) |
Barra mill-ONM, kien hemm biss żewġ MVNOs indipendenti attivi fis-suq Awstrijak li ma kellhomx in-netwerk tagħhom u li kienu ospitati minn wieħed mill-erba’ ONM. Minkejja li kien hemm għadd sinifikanti ta’ bejjiegħa mill-ġdid indipendenti attivi fl-Awstrija, fil-prattika dawk kienu jammontaw għal porzjon negliġibbli tal-abbonati totali. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni analizzat l-ishma tas-suq tal-Partijiet b'għadd ta’ modi differenti biex tiżgura li l-valutazzjoni tagħha tkun kompleta u tirrifletti l-karatteristiċi partikolari tas-suq inkwistjoni. Il-Kummissjoni eżaminat il-valuri u d-deltas HHI, li r-rilevanza tagħha hija msemmija fil-Linji gwida Orizzontali. Imbagħad il-Kummissjoni eżaminat mill-qrib il-pożizzjoni tal-Partijiet f’ċerti segmenti li kienu partikolarment rilevanti għat-tkabbir u l-innovazzjoni (bħall-vuċi u d-dejta mħallsa wara u d-dejta biss) u li x'aktarx kienu jinfluwenzaw il-progress tas-suq ġenerali għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat is-saħħa dinamika tal-Partijiet fis-suq li tirriżulta mill-abbiltà kurrenti tagħhom li jattiraw konsumaturi ġodda. |
|
(35) |
Għalkemm, l-ishma tas-suq ikkumbinati tal-Partijiet ikunu taħt [20-30%], il-valuri HHI u delta kienu ogħla minn dawk iddefiniti bħala indikaturi inizjali tan-nuqqas ta’ tħassib dwar il-kompetizzjoni fil-Linji gwida Orizzontali. |
|
(36) |
Il-vuċi u d-dejta privati mħallsin wara (jiġifieri, offerti ta’ bundles biex jintużaw fuq apparat li jaħdem bil-vuċi) u s-segment tad-dejta biss ġew eżaminati mill-qrib, minħabba li dawn is-segmenti kienu partikolarment importanti għas-suq inġenerali u l-iżvilupp tiegħu fil-futur qarib. |
|
(37) |
L-użu tad-dejta diġà kien l-akbar mutur tat-tkabbir fis-suq, u din it-tendenza kienet mistennija li tkompli u li tintensifika fis-snin li ġejjin. Tabilħaqq, LTE huwa protokoll tan-netwerk imfassal għal dejta, li fih il-vuċi hija mistennija tokkupa biss sehem tassew żgħir mit-traffiku totali. Il-Kummissjoni sabet li l-vuċi u d-dejta mħallsin wara u s-segmenti tad-dejta biss kienu jammontaw għall-akbar ishma tas-suq tad-dħul totali kemm ta’ Orange u kemm ta’ H3G. |
Bdil u prossimità tal-kompetizzjoni
|
(38) |
Barra minn hekk, wara analiżi tal-bdil u l-prossimità tal-kompetizzjoni biex issir valutazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi imposti mill-Partijiet fuq xulxin, il-Kummissjoni żvelat restrizzjoni kompetittiva sinifikanti imposta minn H3G fuq Orange, u b’mod simili minn Orange fuq H3G. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-evidenza kwalitattiva disponibbli kienet konsistenti mal-evidenza diretta li tirriżulta mill-proporzjon ta' diverżjoni osservat u appoġġjat il-konklużjoni li l-livell ta' tali prossimità, flimkien ma' evidenza oħra ppreżentata fid-Deċiżjoni, kien tali li ppreveda xkiel sinifikanti li jaffettwa l-kompetizzjoni b'riżultat tal-fużjoni. |
|
(40) |
Wara valutazzjoni tal-forza kompetittiva ta’ H3G kemm qabel u kemm wara l-fużjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li H3G kienet forza kompetittiva importanti, jekk mhux l-aktar forza importanti, fis-suq u l-inċentiv tagħha li tibqa’ forza motriċi, fin-nuqqas ta’ effiċjenzi sostnuti, jitnaqqas wara t-tranżazzjoni. |
|
(41) |
Barra minn hekk, kien hemm aspettattivi kbar li H3G ikollha anqas inċentiv biex tikkompeti b’mod aggressiv milli kieku kien ikollhom il-Partijiet fin-nuqqas ta’ fużjoni. |
Nuqqas ta’ fatturi kumpensatorji
|
(42) |
Il-Kummissjoni analizzat fatturi kumpensatorji potenzjali bħas-saħħa tax-xerrej, ostakli għad-dħul u l-probabbiltà li jkun hemm parteċipanti ġodda u kkonkludiet li ma kienx probabbli li dħul fis-suq ta' ONM jew MVNO jseħħ fl-Awstrija wara t-tranżazzjoni kif ġie innotifikat. Anki li kieku kellu jidħol ONM, kien ikollu jistenna allokazzjoni ta’ spettru xieraq, jibni netwerk bir-radju u fl-aħħar iniedi s-servizzi tiegħu għall-konsumaturi, attivitajiet li kollha jieħdu l-ħin. Għaldaqstant, jista’ jiġi eskluż li fin-nuqqas ta’ rimedji xierqa, kwalunkwe dħul fis-suq ikun fil-ħin biżżejjed biex jeżerċita effett ta’ dixxiplina fuq il-livelli tal-prezzijiet li jirriżultaw mill-fużjoni. |
|
(43) |
Fis-suq għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali, ma kienx hemm saħħa tax-xerrej kumpensatorja apprezzabbli biex teżerċita pressjoni kompetittiva fuq l-ONM, biex tpatti għall-effetti negattivi mistennija tal-fużjoni. |
Effett antiċipat tat-tranżazzjoni proposta fuq il-prezzijiet fis-segment tat-telefown imħallas wara (vuċi u dejta) u r-reazzjonijiet ta’ kompetituri oħra wara l-fużjoni
|
(44) |
Il-Kummissjoni analizzat il-pressjoni tal-ipprezzar ’il fuq (UPP) fis-segment ta’ ħlas wara. Il-UPP tagħmilha possibbli li jiġi stmat sa liema punt id-ditta li għaddiet minn fużjoni jkollha inċentiv li tgħolli l-prezzijiet wara l-fużjoni, partikolarment fir-rigward ta’ prezzijiet, marġini u proporzjonijiet ta’ diverżjoni osservati fis-suq u jekk isiru ċerti preżunzjonijiet fuq id-domanda. It-tranżazzjoni proposta tirriżulta f’UPP sinifikanti għad-detriment tal-konsumaturi. |
|
(45) |
L-indiċi stmat tal-ipprezzar 'il fuq gross (“GUPPI”) kien ikkalkolat fuq bażi ta’ kull utent, bl-użu taċ-ċifri tal-Partijiet għad-dħul medju għal kull utent u l-proporzjonijiet ta’ diverżjoni implikati mill-MNP (Mobile Number Portability – Portabbiltà tan-Numru tal-Mobile) għall-perjodu ta’ 12-il xahar l-aktar reċenti. |
|
(46) |
L-analiżi tal-Kummissjoni bl-użu tal-approċċ GUPPI pprevediet żidiet sostanzjali fil-prezzijiet aġġustati għall-kwalità b’riżultat tat-Tranżazzjoni Proposta fis-segment privat ta’ ħlas wara. |
|
(47) |
L-approċċ GUPPI jeżamina biss l-inċentivi li jaffaċċjaw il-Partijiet. Il-kompetituri kienu jkunu mistennija jirreġixxu għaż-żidiet fil-prezzijiet mill-entità li għaddiet minn fużjoni, b'żidiet fil-prezzijiet min-naħa tagħhom stess. Dan kien ikompli jnaqqas il-limitazzjonijiet tal-ipprezzar fuq l-entità li għaddiet minn fużjoni u jirriżulta f'effetti ta' rispons, li kienu jkunu mistennija li jkomplu jonfħu ż-żidiet fil-prezzijiet. |
|
(48) |
Minkejja li H3G kienet kompetitur partikolarment importanti fis-suq Awstrijak qabel il-fużjoni, li b’riżultat tagħha l-prezzijiet fis-suq kienu baxxi meta mqabblin ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra, b’riżultat tat-tranżazzjoni proposta l-inċentivi ta’ H3G kienu jinbidlu. Din il-bidla fl-inċentivi kienet riflessa biss parzjalment fil-kalkoli tal-UPP u kienet tikkostitwixxi raġuni oħra biex wieħed jistenna li l-prezzijiet aġġustati għall-kwalità jogħlew meta mqabblin ma' dak li kieku kien iseħħ fin-nuqqas ta’ fużjoni. |
|
(49) |
Għaldaqstant, id-dejta kienet tappoġġja tbassir sod ta' żidiet fil-prezzijiet sinifikanti aġġustati għall-kwalità mill-entità li għaddiet minn fużjoni fis-segment ta' ħlas wara. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni kompliet tanalizza kif il-kompetituri fis-suq ta’ bejgħ fil-livell tal-konsumaturi tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jkunu mistennija li jirreaġixxu. Il-Kummissjoni sabet li x'aktarx il-kompetituri ma kinux se jżidu l-provvista jew inaqqsu l-prezzijiet b'rispons għal żieda fil-prezz mill-entità li għaddiet minn fużjoni. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-kompetizzjoni ma setax ipatti għalih kompletament u effettivament MVNO jew fornituri oħra tas-servizzi attivi fis-suq Awtrijak. |
Qafas tal-analiżi fir-rigward tar-restrizzjoni kompetittiva minħabba Orange fin-nuqqas ta’ fużjoni
|
(51) |
Il-Kummissjoni analizzat il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Orange, l-ishma tas-suq tagħha u l-pjanijiet fin-nuqqas ta’ fużjoni. Il-Kummissjoni sabet li, fin-nuqqas ta’ fużjoni, Orange kienet tibqa’ kompetitur rilevanti fis-suq Awstrijak għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali. |
Konklużjonijiet dwar l-effetti mhux koordinati
|
(52) |
Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tas-suq u l-analiżi tagħha stess, għaldaqstant wasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-eliminazzjoni ta’ Orange bħala operatur tan-netwerks indipendenti u fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali, u t-tnaqqis tal-operaturi minn erbgħa għal tlieta kienu jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern permezz ta’ effetti mhux koordinati fis-suq Awstrijak għall-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-konsumaturi finali. |
Swieq oħrajn
|
(53) |
It-Tranżazzjoni Proposta ma kkawżatx tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti l-oħra, jiġifieri l-aċċess bl-ingrossa u l-oriġini tas-sejħiet fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli, is-suq bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali u s-suq bl-ingrossa għat-terminazzjoni tas-sejħiet mobbli. |
|
(54) |
Minkejja li l-Kummissjoni sabet ċerti indikazzjonijiet li l-fużjoni possibbilmet setgħet affettwat l-opportunitajiet ta’ aċċess għall-MVNOs, ma kienx hemm bżonn li tintlaħaq deċiżjoni finali f’dak ir-rigward, billi l-impenji proposti mill-Parti Notifikanti kienu mmirati lejn l-iffaċilitar tad-dħul fis-suq u għaldaqstant indirizzaw u, daqstant ieħor, eliminaw il-possibbiltà li t-tranżazzjoni twassal għal effetti negattivi fuq is-suq bl-ingrossa Awstrijak għall-aċċess għan-netwerk u l-oriġini tas-sejħiet. |
Effiċjenzi
|
(55) |
Fit-tweġiba tagħha għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, il-Parti Notifikanti ddikjarat difiża ta' effiċjenza. |
|
(56) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra l-effetti li jiffavorixxu l-kompetizzjoni skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-effiċjenzi jridu jkunu verifikabbli, li x'aktarx jingħaddew lill-konsumaturi u speċifiċi għall-fużjoni sal-punt li ma tkun teżisti l-ebda alternattiva inqas antikompetittiva prattikabbli biex jintlaħqu l-istess benefiċċji. |
|
(57) |
L-analiżi tal-Kummissjoni żvelat li ma ntweriex li l-effiċjenzi ddikjarati kienu verifikabbli, speċifiċi għall-fużjoni u ta' benefiċċju għal konsumaturi oħra. Għaldaqstant, ma setgħux jiġu kkunsidrati sabiex ipattu għad-dannu kompetittiv li jirriżulta mit-Tranżazzjoni Proposta. |
2. Effetti kkoordinati
|
(58) |
Il-Kummissjoni sabet li ċerti karatteristiċi tas-suq Awstrijak tat-telekomunikazzjonijiet mobbli jistgħu jwasslu għall-koordinazzjoni u xi mġiba parallela fil-passat tal-ONM Awstrijaċi tista’ tindika l-koordinazzjoni. Madankollu, l-indikazzjonijiet ma ssodisfawx l-istandard meħtieġ ta’ prova, li l-Kummissjoni jkollha tissodisfa skont il-każistika, jiġifieri xkiel sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva li jwassal għal effetti kkoordinati. |
|
(59) |
F’kull każ, anki jekk ġew preżunti effetti kkoordinati fis-suq għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli għall-konsumaturi finali, jibqa' l-fatt li l-impenji proposti mill-Parti Notifikanti kienu mmirati lejn l-iffaċilitar tad-dħul fis-suq u għaldaqstant indirizzaw ukoll l-effetti kkoordinati possibbli. Għalhekk, jista’ tiġi eliminata l-possibbiltà li t-tranżazzjoni kif ġiet modifikata mill-impenji tista' twassal għal xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva f’forma ta’ effetti kkoordinati fis-suq Awstrijak għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli lill-klijenti finali. |
D. Kummenti mressqin mill-Parti Notifikanti
|
(60) |
Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, fl-20 ta’ Awwissu 2012 il-Parti Notifikanti ressqet l-ewwel pakkett ta’ impenji, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Sussegwentement, dawk l-impenji ġew ittestjati fis-suq. Fid-9, id-19, l-24 u d-29 ta’ Ottubru 2012, u anki fil-11 u t-12 ta' Novembru 2012, fid-dawl tar-riżultati tat-testijiet tas-suq u t-tħassib dwar il-kompetizzjoni ppreżentati mill-Kummissjoni, ġie prreżentat pakkett ta' impenji riveduti skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Id-dokument ikkonsolidat finali huwa mehmuż fl-Anness III mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
(61) |
H3G impenjat ruħha li tagħmel disponibbli aċċess bl-ingrossa għan-Netwerk tal-H3G għal sa 30 % tan-netwerk ta' H3G għal sa 16-il MVNO fl-10 snin li ġejjin, li jippermettilhom li joffru servizzi ta' komunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali fl-Awstrija u dan kollu bil-għan li tindirizza t-tħassib imqajjem u tinkiseb approvazzjoni kundizzjonali tat-tranżazzjoni proposta. Barra minn hekk, H3G ħadet impenn minn qabel biex tidħol fi ftehim MVNO, ma’ MVNO li għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni. |
|
(62) |
Id-dettalji tal-kundizzjonijiet, li skonthom l-aċċess isir disponibbli jiġu ppubblikati fis-sit ta’ H3G f’forma ta’ offerta ta’ Referenza. |
|
(63) |
L-Offerta ta’ Referenza ssir disponibbli lill-MVNOs li jkunu xtaqu jipprovdu servizzi mobbli lill-konsumaturi finali bil-marka kummerċjali tagħhom stess, sakemm ma kinux kontrollati minn ONM attiv fl-Awstrija. |
|
(64) |
Skont l-impenji, H3G mhix obbligata li twettaq l-implimentazzjoni teknika ma’ aktar minn żewġ MVNOs fi żmien partikolari. Madankollu, l-implimentazzjonijiet tekniċi li jtulu aktar minn 12-il xahar konsekuttiv ma jingħaddux f'dan il-limitu. |
|
(65) |
Il-prezzijiet bl-ingrossa huma stipulati fl-Appendiċi A mal-Offerta ta’ Referenza. Il-prezzijiet mhumiex suġġetti għal ċertu volum minimu jew impenji ta’ dħul minimu. |
|
(66) |
Għat-tranżazzjonijiet bil-vuċi u bl-SMS, japplikaw il-prezzijiet għal kull unità (kemm għall-parti tal-oriġini u għal dik ta’ terminazzjoni). Għat-tranżazzjonijiet tad-dejta, l-MVNO għandu l-għażla tal-ipprezzar tal-unità – prezz għal unità waħda jew prezz għal unità bil-livelli. |
|
(67) |
Barra minn hekk, l-MVNO jista’ jagħżel tariffa tal-bejgħ fil-livell tal-konsumatur offruta minn H3G, li għaliha l-bejgħ fil-livell tal-konsumaturi bl-ipprezzar imneħħi jiġi applikat. Il-bejgħ fil-livell tal-konsumaturi bl-ipprezzar imneħħi għandu jkun disponibbli biss għal servizzi ta’ aċċess għad-dejta bis-SIM biss (u ma għandux ikun disponibbli għal prodotti oħra jew żviluppi tas-suq bħal offerti tal-NFC (Near Field Communication), sussidji fuq il-handsets jew offerti ta’ kontenut). |
|
(68) |
L-Offerta ta’ Referenza tipprevedi Rata Bażika għal kull unità (vuċi, SMS, dejta) u Rata ta’ Skont għal kull unità. Ir-Rati ta’ Skont huma applikabbli għall-unitajiet kollha mixtrija wara li jkun intlaħaq Livell Limitu annwali speċifiku. |
|
(69) |
L-Offerta ta’ Referenza tinkludi offerta minn H3G biex tagħmel disponibbli l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerk tiegħu u dan jinkludi l-aċċess għat-teknoloġija LTE. |
|
(70) |
H3G se tikkunsidra talbiet raġonevoli għal servizzi addizzjonali (lil hinn mill-aċċess bl-ingrossa) jekk jintalbu minn MVNO, suġġett għal ftehim separat dwar it-termini. |
|
(71) |
Proċedura ta’ riżoluzzjoni mħaffa tat-tilwim ġiet implimentata għat-tilwim li jirriżulta min-negozjati bejn MVNO u H3G. |
|
(72) |
H3G impenjat ruħha li ma tiffinalizzax l-akkwiżizzjoni ta’ Orange fl-Awstrija qabel ma tkun daħlet fi ftehim ma’ MVNO bbażat fuq l-Offerta ta’ Referenza ma' MVNO wieħed, li jkun irid jiġi approvat mill-Kummissjoni. |
|
(73) |
Fiduċjarju ta’ Monitoraġġ indipendenti jinħatar biex jimmonitorja l-konformità ta’ H3G mal-impenji. Il-Fiduċjarju ta’ Monitoraġġ jirrapporta għand il-Kummissjoni perjodikament matul it-terminu kollu tal-impenji b’rabta man-negozjati ta’ Ftehimiet tal-MVNO, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk H3G kinitx qed tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Impenji. Il-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ jimmonitorja wkoll il-proċedura ta’ riżoluzzjoni mħaffa tat-tilwim. |
|
(74) |
Il-Kummissjoni ttestjat dawn l-impenji fis-suq u, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ikkonkludiet li suġġetta għal konformità sħiħa mal-impenji mogħtija minn H3G, it-Tranżazzjoni Proposta ma tfixkilx sinifikattivament il-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’xi parti sostanzjali minnu. |
V. KONKLUŻJONI
|
(75) |
Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta ma xxekkilx il-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f'xi parti sostanzjali minnu b'mod sinifikanti. |
|
(76) |
Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni kienet iddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE. |