KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

GIOVANNI PITRUZZELLA

ippreżentati fil‑21 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑53/19 P u C‑65/19 P

Banco Santander, SA,

Santusa Holding, SL

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑53/19 P)

u

Ir‑Renju ta’ Spanja

vs

Banco Santander, SA,

Santusa Holding, SL,

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑65/19 P)

“Appell – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill‑impriżi b’domiċilju fiskali fi Spanja jamortizzaw l-avvjament riżultanti minn akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji b’domiċilju fiskali barra mill-pajjiż – Kunċett tal‑għajnuna mill-Istat – Selettività”

1.

Dawn il-kawżi magħquda għandhom bħala għan l-appelli ppreżentati minn Banco Santander, SA u Santusa, SL (iktar ’il quddiem “Banco Santander u Santusa”) (Kawża C‑53/19 P), u mir-Renju ta’ Spanja (Kawża C‑65/19 P) mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ex Artikolu 263 TFUE ppreżentat minn Banco Santander u Santusa u intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/282/UE tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Jannar 2011 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin implimentata minn Spanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” ( 3 )) u, sussidjarjament, tal-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni.

2.

Dawn l-appelli jagħmlu parti minn serje ta’ tmien kawżi paralleli li għandhom bħala għan l-annullament tas-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati minn ċerti kumpanniji Spanjoli kontra d-deċiżjoni kkontestata jew kontra d-Deċiżjoni 2011/5/KE tal-Kummissjoni dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin implimentata minn Spanja (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009”) ( 4 ).

I. Il-fatti, il-miżura kontenzjuża u d-deċiżjoni kkontestata

3.

Fl‑10 ta’ Ottubru 2007, wara diversi interrogazzjonijiet bil-miktub li sarulha matul l‑2005 u l‑2006 minn Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll denunzja ta’ operatur privat li kienet id-destinatarja tagħha matul l‑2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-attwali Artikolu 108(2) TFUE ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), fir-rigward tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 12(5) introdott fil-Ley del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi Spanjola dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (il-Liġi 24/2001, li tadotta Miżuri Fiskali, Amministrattivi u ta’ Natura Soċjali), tas‑27 ta’ Diċembru 2001 ( 6 ), u riprodott fir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem it-“TRLIS”), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”). Il-miżura kontenzjuża tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist minn impriża taxxabbli fi Spanja ta’ azzjonijiet f’“kumpannija barranija”, meta dan l-akkwist ta’ azzjonijiet ikun ta’ mill-inqas 5 % u meta l-azzjonijiet inkwistjoni jinżammu għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena, l-avvjament ( 7 ) finanzjarju ( 8 ) li jirriżulta minn dan jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha hija suġġetta l-impriża. Il-miżura kontenzjuża tippreċiża li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kumpannija barranija”, kumpannija għandha tkun suġġetta għal taxxa identika għat-taxxa applikabbli fi Spanja u d-dħul tagħha għandu joriġina essenzjalment mit-twettiq ta’ attivitajiet barra mill-pajjiż.

4.

Permezz tad-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-akkwisti ta’ ishma mwettqa fi ħdan l-Unjoni Ewropea. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq intern is-sistema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja permezz tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji sabiex jitwettqu akkwisti intrakomunitarji.

5.

Il-Kummissjoni madankollu żammet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa għal dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ azzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni, bi stennija ta’ elementi ulterjuri li l-awtoritajiet Spanjoli ntrabtu li jipprovdulha. Din il-parti tal-proċedura ngħalqet permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern is-sistema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja permezz tal-miżura kontenzjuża “fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet minn barra l-Unjoni” ( 9 ). Il-punt 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “jista’ jkompli japplika għall-perjodu sħiħ tal-amortizzazzjoni stabbilit mill-iskema tal-għajnuna”“it-tnaqqis fit-taxxa li jgawdu l-benefiċjarji taħt l-Artikolu 12(5) TRLIS fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet minn barra l-Unjoni mwettqa sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li huma relatati ma’ maġġoranza ta’ azzjonijiet li huma miżmuma direttament jew indirettament f’kumpaniji barranin stabbiliti fiċ-Ċina, fl-Indja jew f’pajjiżi oħra fejn l-eżistenza ta’ ostakli legali espliċiti għal kombinamenti tan-negozju transkonfinali ntwerew jew jistgħu jintwerew”. L-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-irkupru tal-“għajnuna inkompatibbli korrispondenti għat-tnaqqis fit-taxxa taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) mingħand il-benefiċjarji li d-drittijiet tagħhom f’kumpaniji barranin, miksuba fil-kuntest tal-akkwiżizzjonijiet ekstra-Komunitarji, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 1(2)-(5)”.

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6.

Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2011, Banco Santander u Santusa ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni ( 10 ), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors bil-motivazzjoni li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżit tas-selettività previst fl-Artikolu 107(1) TFUE (iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni”). Il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009 permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il‑Kummissjoni ( 11 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni”).

7.

Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni. Dan l-appell, li ġie rreġistrat bin-numru C‑21/15 P, ġie magħqud mal-appell, irreġistrat bin-numru C‑20/15 P, li l-Kummissjoni kienet ippreżentat mis-sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-kawżi magħquda insostenn tat-talbiet ta’ WDFG u ta’ Banco Santander u Santusa. Permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et ( 12 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza WDFG”) il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u parzjalment irriżervat l-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll is-sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni.

8.

Fil‑15 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali adottat is-sentenza appellata, li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors ta’ Banco Santander u Santusa, ikkundannathom għall-ispejjeż tagħhom stess u dawk tal-Kummissjoni u kkundannat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż tagħhom stess ( 13 ).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

9.

Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil‑25 u fid‑29 ta’ Jannar 2019, Banco Santander u Santusa u r-Renju ta’ Spanja ppreżentaw dawn l-appelli.

10.

Fil-Kawża C‑53/19, Banco Santander u Santusa jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata flimkien mal-aċċettazzjoni tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-aċċettazzjoni tal-appell ta’ Banco Santander u Santusa, l-annullament tas-sentenza appellata u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Fil-Kawża C‑65/19, Spanja titlob l-annullament tas-sentenza appellata, l-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiddikjara li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob fiż-żewġ kawżi l-aċċettazzjoni tal-appelli. Il-Kummissjoni titlob, fiż-żewġ kawżi, iċ-ċaħda tal-appelli u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

11.

Għal eżami tal-istat attwali tal-ġurisprudenza fil-kwistjoni tas-selettività tal-miżuri fiskali, u, senjatament, sabiex jintwera l-metodu ta’ analiżi tas-selettività fi tliet fażijiet żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula u għall-kriterji mfakkra fil-punti minn 11 sa 21 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentati llum. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u kriterji li sejrin jiġu eżaminati l-ilmenti magħmula minn Banco Santander u Santusa u mir-Renju ta’ Spanja. Dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza WDFG għall-għan tal-eżami ta’ dawn l-appelli, nirreferi pjuttost għall-punti minn 23 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet

B.   Fuq l-appelli

12.

Banco Santander u Santusa, minn naħa, u r-Renju ta’ Spanja, min-naħa l-oħra, iqajmu aggravju uniku insostenn tal-appelli rispettivi, relatat ma’ żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju tas-selettività. Iż-żewġ aggravji huma maqsuma f’diversi partijiet: erbgħa prinċipali u tnejn sussidjarji, fir-rigward tal-aggravju uniku ppreżentat minn Banco Santander u Santusa, u erbgħa fir-rigward tal-aggravju uniku mqajjem mir-Renju ta’ Spanja.

13.

L-ilmenti mressqa fil-kuntest tal-erba’ partijiet prinċipali mqajma minn Banco Santander u Santusa u tal-erba’ partijiet li fihom jinqasam l-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja huma fil-parti kbira koinċidenti u jistgħu jkunu sovrapposti. Dawn l-ilmenti jistgħu għalhekk jiġu raggruppati u eżaminati b’mod konġunt. Suċċessivament ser neżamina l-partijiet tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa invokati sussidjarjament.

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja: żball fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza

14.

L-ilmenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u tal-ewwel u tat-tieni partijiet tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja huma bbażati fuq l-ewwel fażi tal-analiżi tas-selettività, intiża għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza. Dwar il-kunċett tas-“sistema ta’ referenza” u dwar il-kriterji applikabbli għall-għan tad-determinazzjoni tagħha, nirreferi għall-osservazzjonijiet magħmula fil-punti minn 37 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentati llum.

a) Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja

15.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fl-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma, rispettivament, fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P u fl-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C‑64/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 52 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi magħquda, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u l-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja.

b) Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja

16.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fit-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma, rispettivament, fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P u fit-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C‑64/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 62 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u t-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja.

c) Fuq it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa

17.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tal-ilment inkwistjoni, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 85 sa 87 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa.

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja: żball fid-determinazzjoni tal-għan li skontu għandu jitwettaq l-eżami tal-komparabbiltà

18.

L-ilmenti magħmula minn Banco Santander u Santusa u mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tat-tieni parti u tat-tielet parti tal-aggravji uniċi relattivi huma bbażati fuq il-punti minn 144 sa 165 tas-sentenza appellata u huma intiżi sabiex jikkontestaw il-motivi ta’ din is-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali identifikat l-għan tas-sistema ta’ referenza u qabblet, fid-dawl ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-impriżi benefiċjarji tal-vantaġġ introdott mill-miżura kontenzjuża ma’ dawk li huma esklużi minnha.

19.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ dawn il-partijiet tal-appelli ta’ Banco Santander u Santusa, minn naħa, u tar-Renju ta’ Spanja, min-naħa l-oħra, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, u tat-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C‑64/19 P, ser nillimita ruħi li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 91 sa 106 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi magħquda, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u t-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja.

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja: żball fid-dritt fit-tqassim tal-oneru tal-prova

20.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tal-partijiet inkwistjoni tal-appelli ta’ Banco Santander u Santusa, minn naħa, u tar-Renju ta’ Spanja, min-naħa l-oħra, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, u tar-raba’ parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C‑64/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti 109 sa 110 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi magħquda, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa u r-raba’ parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja.

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa: proporzjonalità

21.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma il-kuntest tar-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti 112 u 113 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa.

5. Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa: rabta kawżali

22.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tal-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 114 sa 117 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa.

6. Fuq is-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa: diviżibbiltà tal-miżura

23.

Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tas-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 119 sa 122 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi magħquda. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad anki s-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ Banco Santander u Santusa.

7. Konklużjonijiet fuq l-appelli ta’ Banco Santander u Santusa u tar-Renju ta’ Spanja

24.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli ta’ Banco Santander u Santusa u tar-Renju ta’ Spanja fit-totalità tagħhom.

V. Fuq l-ispejjeż

25.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli, mutatis mutandis, skont l-Artikolu 184(4) tal-istess regoli, għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha bħala għan appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-parti li tilfet tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba għal dan. Peress illi nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli ta’ Banco Santander u Santusa u tar-Renju ta’ Spanja, dawn għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu kkundannati għall-ispejjeż, konformement mat-talba f’dan is-sens imressqa mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[m]eta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu”. Nissuġġerixxi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tagħha stess.

VI. Konklużjoni

26.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli, tikkundanna lil Banco Santander u Santusa u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż u tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tagħha stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) T‑399/11 RENV, EU:T:2018:787.

( 3 ) Deċiżjoni Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) (ĠU 2011, L 135, p. 1). Din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal żewġ rettifiki, bid-data tat‑3 ta’ Marzu 2011 u s‑26 ta’ Novembru 2011.

( 4 ) C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) (ĠU 2011, L 7, p. 48). Il-kawżi l-oħra, li fihom qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fid-data tal-lum, huma l-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group, u C‑64/19 P, Spanja vs Il-Kummissjoni, u l-Kawżi C‑50/19 P, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni, C‑52/19 P, Banco Santander vs Il-Kummissjoni, C‑54/19 P, Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni, u C‑55/19 P, Proseguor Compañía de Seguridade vs Il-Kummissjoni.

( 5 ) ĠU 2007, C 311, p. 21

( 6 ) BOE nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951.

( 7 ) L-avvjament huwa ddefinit fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata bħala “l-valur ta’ isem tan-negozju rispettat sew, relazzjonijiet tajbin ma’ klijenti, ħiliet tal-impjegati, u tali fatturi oħra li huma mistennija li jsarrfu fi qligħ ikbar milli evidenti fil-futur”, li jikkorrispondi għall-“prezz imħallas għall-akkwiżizzjoni ta’ negozju li jaqbeż il-valur fis-suq tal-assi li jikkostitwixxu n-negozju”, u għandu jitniżżel fil-kotba, skont il-prinċipji tal-kontabbiltà Spanjoli, bħala assi intanġibbli separati, hekk kif il-kumpannija akkwirenti tieħu l-kontroll tal-kumpanija fil-mira.

( 8 ) Il-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li, “avvjament finanzjarju” kif użat fis-sistema tat-taxxa Spanjola huwa l-avvjament li kien jitniżżel fil-kotba kieku l-kumpannija li għandha l-ishma u l-kumpannija fil-mira fformaw grupp.

( 9 ) L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata eskluda mid-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u mill-ordni tal-irkupru t-tnaqqis fiskali li bbenefikaw minnu l-benefiċjarji sabiex iwettqu akkwisti barra mill-Unjoni bl-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża “li huma relatati ma’ drittijiet miżmuma direttament jew indirettament f’kumpaniji barranin li jilħqu l-kundizzjonijiet rilevanti tal-iskema tal-għajnuna sal‑21 ta’ Diċembru 2007, apparti mill-kundizzjoni li jżommu l-ishma tagħhom għal perjodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena”. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkunsidrat li sa dik id-data (li tikkorrispondi għall-pubblikazzjoni fil-ĠU tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali), il-benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża kienu jgawdu minn aspettattivi leġittimi tal-legalità ta’ din il-miżura (ara l-premessi minn 186 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata).

( 10 ) T‑399/11, EU:T:2014:938.

( 11 ) T‑219/10, EU:T:2014:939.

( 12 ) C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981.

( 13 ) Peress illi ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja, minkejja li oriġinarjament ma intervjenewx quddiem il-Qorti Ġenerali, jidhru bħala intervenjenti fil-proċedura mibdija minnha wara l-annullament u r-rinviju mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja.