Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 223 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tar-Rumanija

{SWD(2025) 223 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tar-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-enfasi tagħha fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Ir-Rumanija żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fil-31 ta’ Mejju 2021, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija 6 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fit-8 ta’ Diċembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li r-Rumanija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tar-Rumanija 8 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikoli 11 u 36(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq seba’ snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lir-Rumanija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 9 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Fit-twettiq ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għal setturi intensivi fl-enerġija, u hija mutur għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għar-Rumanija. Huwa vvaluta l-progress tar-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tar-Rumanija tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja r-Rumanija. Huwa vvaluta wkoll il-progress tar-Rumanija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjieg, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għar-Rumanija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għar-Rumanija għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 10 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet żdiedu hekk kif żdiedu d-defiċits fiskali u tal-kontijiet kurrenti tar-Rumanija, u l-kompetittività tal-kostijiet marret għall-agħar fl-2024. Id-defiċit għoli tal-gvern żdied fl-2024. It-tkabbir kontinwu fid-defiċit tal-gvern, b’mod partikolari ż-żidiet fil-pagi u l-pensjonijiet tas-settur pubbliku, iż-żieda fil-konsum privat u d-defiċit diġà kbir fil-kont kurrenti. Il-kostijiet ta’ unità lavorattiva komplew jaċċelleraw fl-2024 wara rati ta’ tkabbir diġà għoljin ħafna fis-snin preċedenti, li naqqsu l-kompetittività tal-kostijiet. Is-solidità tat-taħlita ta’ finanzjament estern, ibbażata fuq KUL nett imdaqqas u fondi tal-UE li kienu rażżnu ż-żieda tad-dejn estern, ddgħajfet fl-2024. Huwa mistenni biss tnaqqis marġinali għall-gvern u d-defiċits fil-kont kurrenti fl-2025 u l-2026. It-tkabbir u l-inflazzjoni tal-KUL huma mistennija li jiddeċelleraw iżda li jibqgħu kbar. Il-progress tal-politika kien minimu fl-2024 u r-riskji għall-istabbiltà makroekonomika żdiedu. L-inċertezza politika żdiedet lejn tmiem is-sena li għaddiet u dan ħalla lill-pajjiż vulnerabbli għal bidliet fis-sentiment tal-investituri u kostijiet ogħla tas-self. Ir-rabta bejn in-nexus sovran-bankarju hija l-akbar fl-UE u kompliet tiżdied fl-2024. Pakkett sinifikanti ta’ konsolidazzjoni fiskali adottat fi tmiem l-2024, inkluż l-iffriżar tal-pensjonijiet u tal-pagi tal-gvern għad irid jiġi kkomplementat minn miżuri ulterjuri biex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-miri tal-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju. Fil-bidu tal-2025 ġiet adottata riforma tal-iffissar tal-paga minima. L-implimentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u riforma tat-taxxa fl-2025, jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-vulnerabbiltajiet fiskali. Barra minn hekk, huma meħtieġa riformi strutturali, u b’mod partikolari dawk inkorporati fl-RRP, biex jissaħħu l-kompetittività, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u jiġi attirat aktar finanzjament mill-UE. Madankollu, x’aktarx li jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali. B’mod ġenerali, mingħajr azzjoni determinata kemm minn riformi fiskali kif ukoll strutturali, id-defiċits fiskali u esterni x’aktarx li jibqgħu għoljin wisq, u dan iħalli lir-Rumanija esposta b’mod sinifikanti għal bidliet fis-sentiment tal-investituri u xokkijiet eżoġeni.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(12)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għar-Rumanija: 5.1 % fl-2025, 4.9 % fl-2026, 4.7 % fl-2027, u 4.3 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 20.2 % fl-2025, 26.0 % fl-2026, 31.9 % fl-2027, u 37.6 % fl-2028. Fl-2025-2030 dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament 1467/97, kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv 11 . Ir-Rumanija għadha ma ppreżentatx Rapport ta’ Progress Annwali dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, l-implimentazzjoni tas-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew.

(13)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025.

(14)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija żdied minn 6.6 % tal-PDG fl-2023 għal 9.3 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 48.9 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 54.8 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 19.9 % fl-2024.  Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 13 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet espansjonarja, b’0.8 % tal-PDG, fl-2024.

(15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1.4 % fl-2025 u 2.2 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 5.1 % fl-2025 u 3.9 % fl-2026.

(16)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 8.6 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis previst fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-implimentazzjoni ta’ pakkett ta’ konsolidazzjoni fiskali fi tmiem l-2024. Dan il-pakkett kien jinkludi ffriżar nominali fil-pagi u l-pensjonijiet u xi miżuri addizzjonali li jsaħħu d-dħul. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5.4 % fl-2025. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun restrittiva, b’1.4 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 59.4 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli ħafna u, sa ċertu punt, żieda fil-pagamenti tal-imgħax.

(17)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0.9 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0.6 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tar-Rumanija.

(18)In-nefqa tal-gvern estiż għad-difiża ammontat għal 1.9 % tal-PDG fl-2021, 1.8 % tal-PDG fl-2022 u 1.7 % tal-PDG fl-2023 14 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pproġettata li tkun ta’ 1.7 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021.

(19)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill irrakkomanda 15 li r-Rumanija tissikka l-politika fiskali sabiex tikseb aġġustament fiskali għall-2024 kollha kemm hi. Fl-2024, id-defiċit strutturali fir-Rumanija żdied b’ 2.4 punti perċentwali tal-PDG għal 8.8 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fir-Rumanija hija pproġettata li tikber b’5.4 % fl-2025 u 26.4 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tar-Rumanija fl-2025 huwa pproġettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata stabbilita mill-perkors korrettiv, f’termini annwali u kumulattivi, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 16 ta’ 0.1 % tal-PDG meta mqabbel mat-tkabbir massimu tan-nefqa netta annwali rrakkomandat fl-2025, u devjazzjoni ta’ 1.7 % tal-PDG meta mqabbla mat-tkabbir massimu tan-nefqa netta kumulattiva rakkomandata fl-2024 u l-2025. Dan it-tkabbir fin-nefqa netta għoli huwa dovut għal tkabbir għoli fin-nefqa kurrenti fl-2024 (+18.7 % meta mqabbel mal-2023), b’mod partikolari fuq il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku (+21.5 % meta mqabbel mal-2023) u t-trasferimenti soċjali inklużi l-pensjonijiet (+19.5 % meta mqabbel mal-2023). Id-devjazzjonijiet previsti ma jaqbżux il-limitu ta’ 0.3 % tal-PDG għal devjazzjonijiet annwali filwaqt li jaqbżu b’mod konsiderevoli l-limitu ta’ 0.6 % tal-PDG għal devjazzjonijiet kumulattivi. Dan ifisser li hemm riskju għoli ta’ devjazzjoni kbira mit-tkabbir massimu rakkomandat fin-nefqa netta u preżunzjoni qawwija ta’ ebda azzjoni effettiva.

(20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 8.4 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 8.1 % fl-2026. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2026 jirrifletti prinċipalment titjib fit-tkabbir tad-dħul tal-gvern, xprunat mill-irkupru mbassar fl-attività ekonomika. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2026. Il-konsolidazzjoni fiskali tista’ tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-pożizzjoni esterna. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 63.3 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment il-persistenza ta’ defiċit primarju għoli ħafna.

(21)Ir-Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta’ terminu medju tar-Rumanija tispeċifika s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, flimkien ma’ skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn jinkludu miżuri eżistenti u intensifikati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħal rieżami komprensiv tal-qafas tat-taxxa li jkopri l-oqsma kollha tat-tassazzjoni, l-immodernizzar tas-sistema tal-amministrazzjoni tat-taxxa, ir-rieżamijiet annwali tal-infiq, riforma kemm tal-pensjonijiet ġenerali kif ukoll dawk speċjali, u mekkaniżmu ġdid għall-iffissar tal-pagi minimi, kif ukoll riformi u investimenti addizzjonali bħal miżuri biex jittejjeb il-finanzjament tan-negozju u riforma tas-sistema tan-nefqa tal-intrapriżi tal-Istat. Fost ir-riformi u l-investimenti li jirfdu estensjoni li kienet dovuta sat-30 ta’ April 2025, xi wħud ma ġewx implimentati bħar-riforma ewlenija tar-rieżami tas-sistema tat-taxxa.

Sfidi ewlenin tal-politika

(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tar-Rumanija permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li r-Rumanija taċċellera b’mod urġenti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza d-dewmien fl-akkwist, tiżgura governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Sabiex tiffaċilita dan il-proċess, ir-Rumanija jeħtieġ li temenda l-pjan u tneħħi l-investimenti li ma għadhomx jistgħu jinkisbu minħabba ċirkostanzi oġġettivi, filwaqt li tissalvagwardja l-komponent tal-għotja. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat fir-Rumanija. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Ir-Rumanija diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, ir-Rumanija tkompli taffaċċja sfidi, inklużi dawk relatati mal-edukazzjoni, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll tagħti spinta lill-kompetittività reġjonali permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi tiżviluppa jew timmanifattura teknoloġiji kritiċi, iżżid ir-reżiljenza tal-ilma, speċjalment fil-lvant u fin-nofsinhar tal-pajjiż u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-Rumanija hija meħtieġa — bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni — tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 17 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni — għal kull programm — tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Tipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(24)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP - Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP taħdem permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Ir-Rumanija tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, ir-Rumanija qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u l-produzzjoni tal-enerġija, it-tħejjija u l-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti kbar, il-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, il-protezzjoni soċjali u l-aċċess għal servizzi essenzjali, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u n-nuqqas ta’ ħiliet, il-faqar u l-esklużjoni soċjali.

(26)Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex tilħaq din l-ambizzjoni, ir-Rumanija jeħtieġ ukoll li tieħu azzjoni. 82 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fir-Rumanija 18 . Il-prevedibbiltà tat-teħid tad-deċiżjonijiet għadha sfida, peress li taffettwa b’mod negattiv l-ambjent tan-negozju. L-għadd ta’ ordinanzi ta’ emerġenza maħruġa 19 għadu għoli, u dan jiġġenera inċertezza u x’aktarx ifixkel l-investiment. Minkejja l-qafas istituzzjonali stabbilit għall-konsultazzjoni, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi huwa dgħajjef, u rari jseħħ djalogu ġenwin, għalkemm dan l-aħħar ittieħdu xi passi biex tittejjeb l-effettività tal-konsultazzjonijiet. Il-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju għadhom formalità, filwaqt li l-kwalità tagħhom hija dubjuża u l-użu reali tagħhom huwa inċert. L-implimentazzjoni rapida tar-riformi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità għall-koordinazzjoni tal-politika u l-analiżi tal-impatt fil-livelli kollha tal-gvern, u ż-żieda fil-kwalità tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jgħinu biex jittejbu l-eżiti ekonomiċi u soċjali.

(27)Minkejja li r-Rumanija għamlet xi progress, bl-appoġġ tal-RRF, fiż-żieda tas-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tagħha, is-sistema tal-enerġija tal-pajjiż għadha tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili, li jammontaw għal madwar 70 % tat-taħlita tal-enerġija tagħha. It-tneħħija gradwali tal-faħam u l-limitazzjoni tal-użu tal-gass naturali billi jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar nodfa, speċjalment sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, itejbu l-kwalità tal-arja tar-Rumanija, inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO₂, u jipproteġu l-ekonomija tagħha minn xokkijiet fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili, kif ukoll inaqqsu d-dipendenzi tagħha u jżidu s-sigurtà tal-enerġija. Minħabba l-potenzjal sinifikanti iżda mhux użat biżżejjed tar-Rumanija għall-enerġija rinnovabbli (eolika u solari), l-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tagħhom tista’ tappoġġa l-impenn tal-pajjiż li jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija għal 38 % sal-2030, li ma jistax jintlaħaq bil-politiki attwali. Ir-Rumanija għadha qed tiffaċċja diversi ostakli għall-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — mill-inċertezza tal-prezzijiet għal permessi kkumplikati u regoli mhux ċari dwar l-użu tal-art. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-Liġi tal-2024 dwar ir-Riħ lil hinn mill-Kosta tista’ żżid 3-7 gigawatts tal-elettriku sal-2030, filwaqt li riformi regolatorji addizzjonali, anke fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jiġu ssimplifikati u mħaffa l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi jistgħu jneħħu l-ostakli għall-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn l-isforzi jippermettu lir-Rumanija tissodisfa l-impenji klimatiċi tagħha għall-2030, toħloq l-impjiegi u tipprovdi lill-unitajiet domestiċi u lill-industrija b’enerġija aktar affordabbli.

(28)Iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli teħtieġ titjib sinifikanti fil-grilji tal-enerġija tar-Rumanija, li bħalissa ma jistgħux jakkomodaw espansjoni kbira tal-ġenerazzjoni eolika u solari 20 . Kapaċità insuffiċjenti ta’ trażmissjoni u infrastruttura skaduta jwasslu għal konġestjoni, tnaqqis tal-output tar-rinnovabbli matul il-produzzjoni massima, u diffikultajiet biex jiġu konnessi proġetti ġodda. L-istrateġija tal-enerġija tar-Rumanija għandha l-għan li tindirizza dawn il-problemi, u titlob li l-grilja tal-elettriku (kemm it-trażmissjoni kif ukoll id-distribuzzjoni) tiġi modernizzata u diġitalizzata bl-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti u l-ħżin tal-enerġija. Dan itejjeb ukoll is-sigurtà tal-enerġija, peress li grilja robusta tista’ timmaniġġja aħjar iż-żidiet qawwija fid-domanda jew ix-xokkijiet fil-provvista. Grilja nazzjonali aktar b’saħħitha tista’ tiġi kkomplementata minn rabtiet aktar b’saħħithom mal-pajjiżi ġirien (bħall-Ungerija, il-Bulgarija, il-Moldova u l-Ukrajna). Proġetti bħall-interkonnettur HVDC il-ġdid tal-Baħar l-Iswed (li jgħaqqad il-kosta tal-Baħar l-Iswed tar-Rumanija mal-Ewropa Ċentrali) jistgħu jżidu l-fluss transfruntier u jippermettu esportazzjonijiet futuri tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. It-titjib tal-interkonnessjonijiet transkonfinali tal-elettriku jista’ jintegra aħjar lir-Rumanija fis-suq Ewropew tal-enerġija u jżid l-istabbiltà tas-sistema tal-enerġija tagħha, filwaqt li jżid is-sigurtà tal-enerġija.

(29)Matul il-kriżi reċenti tal-enerġija, ir-Rumanija introduċiet miżuri ta’ emerġenza, bħal limiti massimi fuq il-prezzijiet u sussidji estensivi għall-elettriku u l-gass biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji mill-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Filwaqt li dawn l-interventi pprovdew għajnuna fuq terminu qasir u pproteġew lill-konsumaturi vulnerabbli, dawn ġew bi spiża fiskali għolja u ħolqu distorsjonijiet tas-suq. Il-limiti ġenerali tal-prezzijiet jibagħtu sinjali ħżiena lis-suq, filwaqt li jiskoraġġixxu l-iffrankar tal-enerġija u l-investiment fl-effiċjenza jew fil-kapaċità l-ġdida. Hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija stabbilizzaw ruħhom, huwa kruċjali li dawn l-iskemi ta’ appoġġ ta’ emerġenza jitneħħew gradwalment. Ir-Rumanija tagħti sussidji rilevanti mdaqqsa għall-fjuwils fossili mingħajr eliminazzjoni gradwali ppjanata qabel l-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ifixklu l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali jistgħu jitqiesu bħala prijorità ta’ eliminazzjoni gradwali.  Fir-Rumanija, is-sussidji għall-fjuwils fossili bħall-appoġġ għat-tisħin fornut lill-unitajiet domestiċi u biex jiġi kopert it-telf imġarrab mill-kumpaniji tal-fjuwils fossili huma ekonomikament ineffiċjenti u jestendu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. B’kuntrast ma’ dan, ir-Rumanija tibbenefika billi tuża l-iffrankar biex tgħin tindirizza d-defiċit ġenerali tal-gvern għoli b’mod mhux sostenibbli. Ir-restawr tal-prezzijiet tal-enerġija mingħajr distorsjoni jista’ jħeġġeġ l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza, filwaqt li jżid it-tranżizzjoni tar-Rumanija lejn enerġija nadifa.

(30)L-investimenti fl-effiċjenza enerġetika (ir-rinnovazzjoni tal-bini għal iżolament aħjar u t-titjib tas-sistemi tat-tisħin), l-infrastruttura ambjentali (l-immodernizzar tan-networks tat-tisħin distrettwali, it-titjib tas-sistemi tal-iskart u tal-ilma, u r-rimedju taż-żoni industrijali affettwati mit-tniġġis) u t-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti (l-iżvilupp ta’ industriji ġodda bħall-komponenti tal-pannelli solari, l-assemblaġġ tal-batteriji, jew saħansitra proġetti tal-idroġenu) huma miżuri komplementari għar-riformi min-naħa tal-provvista tar-Rumanija. Dawn għandhom l-għan li jiżguraw li t-tranżizzjoni tal-enerġija tkun kosteffettiva u inklużiva fir-reġjuni kollha, b’mod partikolari r-reġjuni dipendenti fuq il-faħam, biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni ġusta.

(31)L-infrastruttura tar-Rumanija, b’mod partikolari dik relatata mat-trasport sostenibbli, l-enerġija nadifa, u s-servizzi ambjentali u diġitali, għadha teħtieġ investimenti sinifikanti minkejja l-appoġġ imdaqqas ipprovdut mill-politika ta’ koeżjoni, mill-RRF u minn fondi oħra tal-UE. F’ħafna każijiet, anke proġetti maturi qed jiffaċċjaw dewmien u proġetti kbar mhux dejjem qed jiksbu l-prijorità meħtieġa biex javvanzaw fil-ħin. L-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet iżid is-sigurtà tal-ippjanar u jippermetti li l-proġetti jitwettqu fil-ħin, li spiss jgħin biex ikunu jistgħu jsiru investimenti privati komplementari. Il-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ li jittejbu aktar. L-applikazzjoni u, jekk meħtieġ, it-titjib ulterjuri tal-qafas għall-ippjanar strateġiku u baġitarju li ġie introdott bil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jappoġġa l-iżvilupp fit-tul tal-pajjiż, kif ukoll il-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet u l-koordinazzjoni tal-politika fil-livell ċentrali u lokali. B’mod partikolari, il-qafas strateġiku settorjali jidher li għadu frammentat, bi trikkib bejn is-setturi u l-ebda stabbiliment ċar ta’ prijoritajiet.

(32)Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tar-Rumanija għadha taħt il-medja tal-UE (60.3 % vs 70.8 % tal-UE). Barra minn hekk, iż-żgħażagħ jiffaċċjaw livelli għoljin ta’ qgħad peress li r-Rumanija għandha t-tielet l-ogħla rata ta’ qgħad għaż-żgħażagħ fl-UE (23.9 % vs 14.9 % fl-UE) u l-ogħla rata ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ fl-UE (19.4 % vs 11 % tal-UE). It-titjib tal-pożizzjoni rispettiva tagħhom u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jistgħu parzjalment ipattu għad-demografija negattiva, kif ukoll jipprovdu lin-nisa u liż-żgħażagħ b’opportunitajiet addizzjonali. L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-miżuri ta’ attivazzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, speċjalment fiż-żoni rurali, ikun importanti f’dak ir-rigward. Fl-2024, 11.4 % biss tat-tfal ta’ bejn it-0 u t-3 sena kienu rreġistrati f’indukrar formali tat-tfal, ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 39.2 %, u 75.7 % biss (UE: 94.6 %) tat-tfal ta’ bejn it-3 snin għall-edukazzjoni primarja obbligatorja kienu qed jieħdu sehem fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fl-2022. Ir-Rumanija tista’ tikkunsidra immirar aħjar tal-miżuri ta’ attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u tidderieġi mill-ġdid l-appoġġ lil hinn minn sussidji għall-impjiegi inqas effettivi lejn it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni.

(33)Filwaqt li r-rati tal-postijiet tax-xogħol battala għadhom baxxi, ir-Rumanija hija fost l-Istati Membri bl-ogħla għadd ta’ okkupazzjonijiet b’nuqqas ta’ persunal. L-impjegaturi jidentifikaw in-nuqqas ta’ ħiliet xierqa fil-forza tax-xogħol bħala waħda mir-restrizzjonijiet kummerċjali ewlenin tagħhom. Il-kisba tal-edukazzjoni terzjarja u s-sehem tal-popolazzjoni adulta b’mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi għadhom staġnati f’livelli baxxi, u dan ixekkel il-kompetittività. Minħabba t-tnaqqis previst fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tar-Rumanija, in-nuqqas ta’ ħiliet jista’ jmur għall-agħar mingħajr politiki mtejba biex jgħinu lin-nies isibu xogħol, itejbu l-ħiliet u jżommu t-talent. L-effettività tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid hija mxekkla min-nuqqas ta’ ħiliet bażiċi, rifless mir-riżultati mhux tajbin wisq mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2022. Ir-Rumanija għandha waħda mill-ogħla rati ta’ dawk li għandhom 15-il sena fl-UE li ma għandhomx livell bażiku ta’ profiċjenza fil-matematika (48.6 % vs l-UE: 29.5 %), qari (41.7 % vs l-UE: 26.2 %) u x-xjenza (44 % vs l-UE: 24.2 %). Ir-Rumanija qed timmodernizza s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda minoranza biss tal-istudenti jibbenefikaw minn tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u r-rati ta’ impjieg tal-gradwati reċenti huma baxxi. Sabiex l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja jsiru aktar rilevanti għas-suq tax-xogħol, huwa importanti li d-ditti lokali jiġu involuti aħjar fl-għoti tat-taħriġ u li l-informazzjoni dwar il-ħiliet tiġi tradotta aħjar fi tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza u kurrikuli adattati u offerta ta’ taħriġ.

(34)Minkejja l-progress reċenti, ir-Rumanija għad għandha waħda mill-ogħla rati għall-adulti u t-tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE (27.9 %, vs medja tal-UE ta’ 21.0 %) u sistema ta’ protezzjoni soċjali b’livell baxx ta’ adegwatezza u kopertura. Ir-Rumanija teħtieġ sforzi ffukati biex tagħmel progress fit-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali sal-2030. Dan jista’ jinkiseb billi tingħata spinta lill-effiċjenza tas-sistema tal-protezzjoni soċjali, jiġi żgurat finanzjament stabbli, monitoraġġ effettiv u evalwazzjoni tal-impatt u aċċess aħjar għal servizzi essenzjali u abilitanti, inkluż għall-komunitajiet Rom. L-iżgurar ta’ aċċess akbar għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għadu sfida, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u għall-gruppi vulnerabbli. In-nuqqas ta’ persunal kwalifikat jillimita d-disponibbiltà tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Il-programmi ffinanzjati mill-UE jipprovdu appoġġ konsiderevoli, inkluż permezz tal-2 000 servizz komunitarju integrat li se jiġu stabbiliti f’żoni rurali u t-tisħiħ tas-servizzi soċjali, edukattivi, tas-saħħa u tal-impjiegi. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jgħin ukoll biex tiġi appoġġata l-konverġenza soċjali ’l fuq, konsistenti mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tal-Kummissjoni f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 21 .

(35)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi eċċessivi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ defiċits esterni u fiskali kbar.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:

1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Tissikka b’mod konsiderevoli l-politika fiskali biex tiżgura li n-nefqa netta tibqa’ fi ħdan il-perkors korrettiv skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u biex issaħħaħ il-pożizzjoni esterna. Timplimenta s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta’ aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025.

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera b’mod urġenti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF, il-FSE+, il-FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inklużi l-opportunitajiet ipprovduti mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejbu l-kompetittività.

3.Ittejjeb il-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u l-prevedibbiltà tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li tiżgura li l-inizjattivi leġiżlattivi ma jimminawx iċ-ċertezza legali permezz ta’ konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet ikkonċernati, valutazzjonijiet tal-impatt effettivi u proċeduri amministrattivi simplifikati. Tħejji u tipprijoritizzaw aħjar proġetti infrastrutturali kbar u taċċellera l-implimentazzjoni tagħhom, tiżgura li proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jitwettqu fil-ħin, u tippromwovi l-investiment privat biex jitrawwem żvilupp ekonomiku sostenibbli.

4.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi tħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, ittejjeb il-kapaċità tal-grilja, issaħħaħ il-konnessjonijiet transfruntiera tal-elettriku, tavvanza r-riformi regolatorji li jneħħu r-riskju tal-proġetti tal-enerġija nadifa, u ttejjeb it-trasparenza u l-effiċjenza fil-proċess tal-permessi. Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, b’mod partikolari billi telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili fis-settur tat-tisħin u tinvesti fl-effiċjenza enerġetika, fl-infrastruttura ambjentali u fl-innovazzjoni, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali bħall-impatt fuq ir-reġjuni tal-faħam. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern.

5.Issaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol permezz tat-titjib tal-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet billi tagħti spinta lill-ħiliet bażiċi u lill-ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-forza tax-xogħol, kif ukoll ittejjeb l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u tagħmel l-aħjar użu mill-informazzjoni dwar il-ħiliet fil-politiki tal-edukazzjoni u tal-ħiliet.

6.Tnaqqas ir-riskji tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali billi testendi l-protezzjoni soċjali u ttejjeb l-effettività tagħha, inkluż permezz ta’ aċċess aħjar għal servizzi essenzjali u abilitanti ta’ kwalità, b’enfasi fuq servizzi integrati soċjali, tas-saħħa, edukattivi u tal-impjiegi, b’mod partikolari għar-Rom u gruppi żvantaġġati oħra, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà fiskali.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija (12319/21 + ADD1).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija (15833/23 + ADD1).
(8)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tar-Rumanija, ĠU    C/2025/647, 10.2.2025.
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http:// data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj ).)     
(10)    SWD(2025) 126 final.
(11)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija, C/2025/5038.
(12)

   Indikaturi tal-Euro-Eurostat, 22.4.2025.

(13)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(14)

   Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).

(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tar-Rumanija, ĠU C/2024/6830x, 29.11.2024.
(16)    Mill-2026 dawn iċ-ċifri se jidhru fil-kont ta’ kontroll li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(17)    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu — COM (2025) 123 final.
(18)    “Business’ attitudes towards corruption in the EU” Rapport fil-Qosor (L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE), Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).
(19)    L-Ordinanzi ta’ Emerġenza tal-Gvern huma atti leġiżlattivi li għandhom is-saħħa legali. Skont l-Artikolu 115 tal-Kostituzzjoni tar-Rumanija, il-Gvern jista’ jadotta ordinanzi ta’ emerġenza biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jeħtieġu l-adozzjoni tagħhom mingħajr dewmien, bl-obbligu li jimmotiva l-urġenza. L-ordinanzi ta’ emerġenza jidħlu fis-seħħ wara s-sottomissjoni tagħhom għad-dibattitu lill-Kamra kompetenti tal-Parlament u wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Sussegwentement, jeħtieġ li jiġu approvati bil-liġi fil-Parlament, iżda jibdew jipproduċu effetti legali fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.
(20)    Ara pereżempju l-Istħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Ir-Rumanija 2024.
(21)     SWD(2025)95 — Analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju dwar il-konverġenza soċjali f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali (SCF) , 2025.