|
28.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 202/64 |
P9_TA(2019)0044
Il-proposta ta' kodiċi kriminali ġdid fl-Indoneżja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-proposta ta' kodiċi kriminali ġdid fl-Indoneżja (2019/2881(RSP))
(2021/C 202/12)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indoneżja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Indoneżja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014, |
|
— |
wara li kkunsidra s-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indoneżja tal-1 ta' Frar 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra t-8 ċiklu ta' negozjati dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indoneżja li sar f'Ġunju 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' kodiċi kriminali kif ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR) li l-Indoneżja rratifikat fl-2006, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1987, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Indoneżja hija n-nazzjon bir-raba' l-akbar popolazzjoni fid-dinja, demokrazija stabbli fir-reġjun, l-akbar pajjiż b'maġġoranza Musulmana u soċjetà diversa magħmula minn 265 miljun ċittadin ta' reliġjonijiet, etniċitajiet, lingwi u kulturi differenti; |
|
B. |
billi l-Gvern tal-Indoneżja ppropona abbozz ta' kodiċi kriminali biex jemenda l-Kodiċi Kriminali fis-seħħ bħalissa; billi dan l-abbozz ta' kodiċi kriminali ġie ffinalizzat fil-15 ta' Settembru 2019; |
|
C. |
billi l-abbozz ta' kodiċi kriminali fih artikoli li jiksru d-drittijiet tan-nisa, tal-minoranzi reliġjużi u tal-persuni LGBTI, kif ukoll il-libertà tal-kelma u ta' assoċjazzjoni; |
|
D. |
billi, f'Settembru, eluf ta' persuni, inklużi studenti, inġabru fl-Indoneżja kollha biex jipprotestaw kontra l-abbozz ta' kodiċi kriminali u appellaw għas-sospensjoni tal-adozzjoni tiegħu; |
|
E. |
billi, fl-20 ta' Settembru 2019, il-President tal-Indoneżja ordna lill-Parlament Indoneżjan idewwem l-adozzjoni tal-proposta wara protesti fuq skala kbira; billi d-deċiżjoni dwar l-adozzjoni issa tinsab f'idejn il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Indoneżja; |
|
F. |
billi l-Artikolu 2 tal-abbozz ta' kodiċi kriminali li jirreferi għal “liġijiet tal-ħajja” huwa meqjus vag, peress li ma jelenkax id-delitti kastigabbli, u għaldaqstant jista' jintuża biex jilleġittimizza mijiet ta' liġijiet tax-Xarija eżistenti u diskriminatorji fil-livell lokali; |
|
G. |
billi l-abbozz ta' kodiċi kriminali jikkastiga s-sess ekstrakonjugali b'perjodu ta' priġunerija li jista' jdum sa sena; billi din id-dispożizzjoni fil-fatt tikkriminalizza l-imġiba kollha bejn il-persuni tal-istess sess; billi dan l-artikolu se jissoġġetta lill-persuni kollha li jaħdmu fl-industrija tas-sess għall-prosekuzzjoni kriminali; |
|
H. |
billi l-kodiċi kriminali propost jiddikjara li l-persuni mhux miżżewġin li jgħixu flimkien jistgħu jiġu kkundannati għal priġunerija ta' sitt xhur; |
|
I. |
billi r-relazzjonijiet bejn il-persuni tal-istess sess mhumiex rikonoxxuti uffiċjalment mill-awtoritajiet Indoneżjani u għalhekk huma mmirati b'mod espliċitu; billi l-Indoneżja qed tesperjenza għadd bla preċedent ta' attakki vjolenti u diskriminatorji, kif ukoll atti numerużi ta' fastidju kontra l-persuni LGBTI, u d-dikjarazzjonijiet ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTI qegħdin jiżdiedu; |
|
J. |
billi d-dispożizzjonijiet fl-abbozz ta' kodiċi kriminali huma estensjoni tal-liġi dwar il-blasfemija fis-seħħ bħalissa; billi aktar minn 150 individwu, li fil-biċċa l-kbira tagħhom jappartjenu għal minoranzi reliġjużi, ġew ikkundannati bis-saħħa tal-liġi dwar il-blasfemija fis-seħħ bħalissa minn mindu ġiet adottata fl-1965; billi l-liġi dwar il-blasfemija tqiegħed lill-minoranzi reliġjużi f'riskju f'kuntest ta' intolleranza li qed tikber fil-konfront tal-minoranzi fl-Indoneżja; |
|
K. |
billi l-abbozz ta' kodiċi kriminali jirrestrinġi l-forniment ta' informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kontraċezzjoni għal kull persuna taħt it-18; billi l-aċċess ristrett għall-kontraċezzjoni għandu impatt partikolarment iebes fuq gruppi emarġinati li diġà jġorru l-biċċa l-kbira tal-piż tal-epidemija tal-HIV fl-Indoneżja; |
|
L. |
billi l-kodiċi kriminali propost jiddikjara li mara li tkun għamlet abort tista' tiġi kkundannata għal perjodu ta' priġunerija li jista' jdum sa erba' snin; billi kull min jgħin mara tqila tagħmel abort jista' jiġi kkundannat għal perjodu ta' priġunerija li jista' jdum sa ħames snin; |
|
M. |
billi, f'Settembru, l-Indoneżja għaddiet liġi kontroversjali li ddgħajjef il-Kummissjoni nazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Korruzzjoni, magħrufa wkoll bħala “KPK”, li wettqet b'suċċess il-prosekuzzjoni ta' mijiet ta' politiċi sa mit-twaqqif tagħha fl-2002; billi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali fis-seħħ bħalissa, il-liġi dwar id-data u t-tranżazzjonijiet elettroniċi u l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu ntużaw biex jirrestrinġu b'mod arbitrarju l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
N. |
billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew attakkati għall-ħidma tagħhom li tiddenunzja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment b'rabta mal-protesti f'Papua tal-Punent; billi, sa mill-bidu tal-protesti, mill-anqas 40 ruħ sfaw maqtula u mill-anqas 8 000 ruħ – indiġeni ta' Papua u Indoneżjani oħrajn –ġew spostati minn djarhom f'Papua tal-Punent; billi l-ġurnalisti u l-korpi indipendenti tan-NU ġew ripetutament miċħuda aċċess għar-reġjun; |
|
O. |
billi, fit-2 ta' Mejju 2019, iċ-ċittadin tal-UE Jakub Fabian Skrzypski mill-Polonja ġie kkundannat mill-qorti distrettwali ta' Wamena għal priġunerija ta' ħames snin minħabba l-allegat involviment tiegħu fil-moviment separatista ta' Papua; |
|
P. |
billi, bejn l-2015 u l-2018, aktar minn 40 ruħ ġew ikkundannati għall-mewt, filwaqt li aktar minn 300 priġunier għadhom qed jistennew il-piena tal-mewt fl-Indoneżja; billi l-piena tal-mewt hija piena krudili, inumana u degradanti u tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-ħajja; |
|
1. |
Jilqa' l-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja huma msejsa fuq valuri kondiviżi ta' demokrazija u governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-progress ekonomiku; |
|
2. |
Jinsab imħasseb bil-kbir dwar id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-abbozz ta' kodiċi kriminali Indoneżjan rivedut, li jippermetti d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi; |
|
3. |
Jilqa' l-ordni tal-President Widodo biex tiġi posposta l-adozzjoni tiegħu; jistieden lill-Parlament Indoneżjan jirrevedi b'mod sostanzjali l-kodiċi kriminali propost ħalli jġibu f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jneħħi d-dispożizzjonijiet diskriminatorji kollha; |
|
4. |
Jistieden lill-awtoritajiet Indoneżjani jirrevokaw id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jallinjaw il-liġijiet kollha tal-Indoneżja mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi internazzjonali tal-pajjiż; |
|
5. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jipproteġu d-drittijiet tal-persuni LGBTI permezz tal-prosekuzzjoni ta' kwalunkwe persekuzzjoni tal-persuni LGBTI u jiddekriminalizzaw l-omosesswalità billi jemendaw il-Kodiċi Kriminali tal-pajjiż; jistieden lill-uffiċjali Indoneżjani jżommu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet xewwiexa kontra l-persuni LGBTI, li jistgħu jwasslu biss għal aktar stigmatizzazzjoni fil-konfront tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indoneżjani jrawmu djalogu politiku mal-partijiet interessati ewlenin fi ħdan is-soċjetà ċivili sabiex jippromwovu u jissalvagwardaw l-applikazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
6. |
Jappella biex issir reviżjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-liġi dwar il-blasfemija, peress li din tqiegħed lill-minoranzi reliġjużi u lill-atei f'riskju; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tan-NU biex jiġu revokati l-Artikoli 156 u 156(a) tal-Kodiċi Kriminali, il-liġi dwar il-prevenzjoni tal-abbuż u d-diffamazzjoni tar-reliġjon u l-liġi dwar id-data u t-tranżazzjonijiet elettroniċi, biex tiġi mmodifikata l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u biex jiġu rtirati l-akkużi kontra dawk akkużati bi blasfemija u l-prosekuzzjoni tagħhom; |
|
7. |
Jinnota bi tħassib ir-restrizzjoni tat-tixrid ħieles ta' informazzjoni vitali dwar is-saħħa sesswali fl-abbozz ta' kodiċi kriminali; iħeġġeġ l-aċċess għal informazzjoni mingħajr ċensura dwar il-kontraċezzjoni u l-ippjanar tal-familja għan-nisa u l-bniet; |
|
8. |
Isostni li l-aċċess għas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, huwa dritt tal-bniedem; jenfasizza li għandha tkun garantita kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva xierqa u bi prezz raġonevoli, inklużi l-edukazzjoni u l-informazzjoni sesswali, l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni, kif ukoll aborti sikuri u legali; jinnota li dawn is-servizzi huma importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa, biex titnaqqas il-mortalità tat-trabi u tat-tfal u biex jiġi evitat il-mard trażmess sesswalment, inklużi l-HIV u l-AIDS; |
|
9. |
Itenni l-appell tiegħu biex l-awtoritajiet jistabbilixxu mill-ġdid moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena tal-mewt tiġi abolita; jinnota li din ir-rakkomandazzjoni ġiet aċċettata mill-Indoneżja fl-aħħar ċiklu tal-Eżami Perjodiku Universali fl-2017; jitlob lill-UE u lill-Gvern Franċiż jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li Olivier Jover ma jiġix ikkundannat għall-mewt; |
|
10. |
Jappella għal monitoraġġ kontinwu u mill-qrib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja, b'mod partikolari permezz ta' rappurtar regolari mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Indoneżja u l-Brunei; jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Indoneżja u l-Brunei, kif ukoll lill-Istati Membri, jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu appoġġ u protezzjoni ta' emerġenza lil dawk li jinsabu f'riskju; |
|
11. |
Jiddispjaċih dwar l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida kontra l-korruzzjoni, li bis-saħħa tagħha l-KPK issir aġenzija tal-gvern aktar milli korp indipendenti, u jappella biex din il-leġiżlazzjoni tiġi riveduta; |
|
12. |
Jesprimi tħassib dwar il-vjolenza f'Papua tal-Punent; jistieden lill-awtoritajiet Indoneżjani jwettqu investigazzjoni indipendenti dwar il-protesti reċenti f'Papua tal-Punent; jappella għall-moderazzjoni fl-iskjerament tal-forzi tas-sigurtà fir-reġjun; iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jindirizza s-sitwazzjoni f'Papua tal-Punent permezz tad-djalogu politiku; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu lill-uffiċjali tan-NU, lill-NGOs u lill-ġurnalisti aċċess bla xkiel għal Papua tal-Punent; |
|
13. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-każ taċ-ċittadin Pollakk Jakub Fabian Skrzypski, li sar priġunier politiku fl-Indoneżja; jinsab imħasseb li, fid-dawl tal-ġrajjiet reċenti f'Papua, l-issuktar tal-priġunerija tiegħu f'Wamena mhux biss ikun ta' riskju għad-drittijiet tal-bniedem tiegħu, iżda saħansitra jkun ta' periklu għal ħajtu; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqajjem il-każ ta' Skrzypski matul id-djalogi li ġejjin mal-Indoneżja u jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Indoneżjani jippermettu t-trasferiment tiegħu lejn il-Polonja; |
|
14. |
Jistieden lill-Indoneżja tibgħat stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tkun tinkludi aċċess bla xkiel għall-pajjiż kollu; |
|
15. |
Jistieden lill-Gvern Indoneżjan jissodisfa l-obbligi tiegħu u jirrispetta, jipproteġi u jħares id-drittijiet u l-libertajiet minquxa fl-ICCPR; |
|
16. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indoneżja li qed jiġi nnegozjat bħalissa; |
|
17. |
Jilqa' t-tkomplija tad-Djalogu annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indoneżja u jistenna bil-ħerqa d-djalogu li ġej f'Novembru; |
|
18. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU. |