Official Journal L 167 , 18/07/1995 P. 0019 - 0021
It-18-il Direttiva tal-Kummissjoni 95/34/KE ta’ l-10 ta’ Lulju 1995 li tadatta għall-progress tekniku l-Annessi II, III, VI u VII tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (Test b’relevanza għaż-ŻEE) Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/32/KE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 8(2) tagħha, Wara li kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija, Billi l-furokoumarini huma magħrufa li huma fotomutaġeniċi u fotokarċinoġeniċi; billi l-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija ma setax jikkonkludi mill-informazzjoni xjentifika, teknika u epidemoloġika disponibbli li t-taħlit tal-filtri protettivi mal-furokoumarini tiggarantixxi s-sigurtà tal-prodotti tal-protezzjoni kontra x-xemx u tal-prodotti tas-smurija li jkun fihom il-furokoumarini ’l fuq mil-livell minimu; filwaqt li, sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, hemm bżonn li jiġu llimitati l-furokoumarini għal inqas minn 1 mg/kg f’dawn il-prodotti; Billi 4-tert-Butyl-3-methoxy-2,6-dinitrotoluene (Musk Ambrette), hu rikonoxxut li hu fotoallerġen qawwi; filwaqt li, fuq il-bażi ta’ riċerka xjentifika reċenti, l-użu ta’ din is-sustanza fi prodotti kosmetiċi joħloq riskju għas-saħħa umana; billi għalhekk hemm bżonn li l-użu tiegħu jiġi pprojbit; Billi l-valutazzjoni tossikoloġika tad-Diisobutyl-phenoxy-ethoxy-ethyldimethylbenyl-ammonium chloride (Benzethonium), turi li dan l-ingredjent hu tossikoloġiku sa grad sinifikanti; billi l-marġini tas-sigurtà għas-saħħa umana, meta dan l-ingredjent jintuża fi prodotti kosmetiċi, huwa inadegwat; billi għalhekk hemm bżonn li jiġi pprojbit l-użu tiegħu; Billi ċ-ċelluli, it-tessut jew il-prodotti ta’ oriġini umana jistgħu jittrasmettu l-marda Creutzfelt-Jakob, spongiform encephalopathy umana, u ċertu mard viroloġiku; billi għalhekk hemm bżonn, fid-dawl ta’ l-istat preżenti tat-tagħrif xjentifiku, li jiġi pprojbit l-użu tagħhom fi prodotti kosmetiċi; Billi studji tossikoloġiċi reċenti ta’ 3,3-Bis(4-hydroxyphenyl)phthalide (Phenolphthalein*); juru effett klastoġeniku nett in vitro; billi l-marġini tas-sigurtà huwa baxx, speċjalment fil-każ tat-tfal; billi għalhekk hemm bżonn li jiġi pprojbit l-użu tiegħu; Billi, fuq il-bażi ta’ l-aħħar riċerka xjentifika u teknika, 2-Cyano-3,3-diphenyl acrylic acid, jista’ jintuża 2-ethylhexyl ester bħala filter ultravjola fi prodotti kosmetiċi; Billi l-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattazzjoni għall-Progress Tekniku tad-Direttivi dwar it-Tneħħija ta’ l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ fis-Settur tal-Prodotti Kosmetiċi, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 76/768/KEE qiegħda b’dan tiġi emendata kif jidher fl-Anness ma’ din: L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li mill-1 ta’ Lulju 1996 għas-sustanzi li jidhru fl-Anness, la l-fabbrikanti u lanqas l-importaturi stabbiliti fil-Komunità ma għandhom idaħħlu fis-suq prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 u li jkun fihom sustanzi preskritti fl-Anness ma jinbiegħux jew jiġu pprovduti b’mod ieħor lill-konsumaturi finali wara t-30 ta’ Ġunju 1997. L-Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1996. Dawn għandhom jinfurmaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. L-Artikolu 4 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fl-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-10 ta’ Lulju 1995. Għall-Kummissjoni Emma bonino Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169. [2] ĠU L 181, tal-15.7.1994, p. 31. -------------------------------------------------- L-ANNESS L-Annessi għad-Direttiva 76/768/KEE huma emendati kif ġej: 1. L-Anness II: (a) In-numru ta’ referenza 358 qed jinbidel bin-numru li ġej: "358. Il-furokoumarini (e.g. trioxysalan*, 8-methoxypsoralen, 5-methoxypsoralen) minbarra l-kontenut normali fl-essenzi naturali użati. Fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx u fi prodotti għas-smurija, il-furokoumarini għandhom ikunu taħt 1 mg/kg." (b) In-numri li ġejjin qed jiġu miżjuda: "414. 4-tert-Butyl-3-methoxy-2,6-dinitrotoluene (Musk Ambrette) 415. Diisobutyl-phenoxy-ethoxy-ethyldimethylbenzylammonium chloride (Benzethonium chloride) 416. Iċ-ċelloli, it-tessuti jew il-prodotti ta’ oriġini umana 417. 3,3-Bis(4-hydroxyphenyl)phthalide (Phenolphthalein*)" 2. Fl-Anness III, it-2 Parti, in-numru ta’ referenza 3 qed jitħassar. 3. L-Anness VI, It-2 Parti: (a) In-numru ta’ referenza 15 qed jitħassar. (b) "tat-30.6.1995" fin-numri ta’ referenza 2, 16, 21, 29, 30 qed jinbidel bi "tat-30.6.1996". 4. L-Anness VII: (a) Fl-1 Parti, in-numru ta’ referenza li ġej qed jiġi miżjud: "a | b | ċ | d | e | 10 | 2-cyano-3,3-diphenyl acrylic acid, 2-ethylhexyl ester (Octocrylene) | 10 % (espress bħala aċidu)" | | | (b) Fit-2 Parti, "tat-30.6.1995" fin-numri ta’ referenza 2, 5, 6, 12, 13, 17, 25, 26, 29, 32, 33 u 34 qed jinbidel bi "tat-30.6.1996". --------------------------------------------------