European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2152

21.8.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2152

tal-15 ta’ Lulju 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll (2024-2029) li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija għas-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cabo Verde

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cabo Verde (1) (“il-Ftehim”), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 (2), daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2007. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontroparti finanzjarja previsti mill-Ftehim skadew fid-19 ta’ Mejju 2024.

(2)

Fid-19 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ Cabo Verde għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid (“il-Protokoll”) li jimplimenta l-Ftehim.

(3)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim. B’riżultat ta’ dawk in-negozjati, il-Protokoll ġie inizjalat fil-15 ta’ April 2024.

(4)

Il-Protokoll għandu l-għan li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fiż-żona tas-sajd ta’ Cabo Verde u li jippermetti lill-Unjoni u lil Cabo Verde jaħdmu flimkien mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ Cabo Verde. Din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti fis-settur tas-sajd.

(5)

Il-Protokoll jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Cabo Verde, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli u f’konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(7)

Jenħtieġ li l-protokoll japplika malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ Cabo Verde u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-perjodu li fih dawn l-attivitajiet jiġu interrotti.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-Protokoll japplika fuq bażi proviżorja mill-iffirmar tiegħu.

(9)

F’konformità mat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fil-5 ta’ Lulju, 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll (2024-2029) li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cabo Verde (“il-Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll (4).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja sakemm jidħol fis-seħħ, f’konformità mal-Artikolu 17 tiegħu, mid-data tal-iffirmar tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)  Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 3).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  It-test tal-Protokoll għandu jiġi ppubblikat fi ĠU L, 2024/2151, 21.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2151/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2152/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)