22.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1079

tal-20 ta’ Lulju 2020

dwar il-verifika u l-korrezzjoni tad-data msemmija fir-Regolament (UE) 2018/956 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2018/956 jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika l-kwalità tad-datarrappurtata mill-Istati Membri u mill-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty skont l-Artikoli 4 u 5 ta’ dak ir-Regolament. Jobbliga wkoll lill-Kummissjoni biex tikkoreġi d-diskrepanzi li jinstabu waqt verifika bħal din.

(2)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu determinati l-miżuri ta’ verifika u korrezzjoni tad-data rrappurtata mill-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty. B’mod partikolari, jeħtieġ li tiġi stabbilita proċedura biex jiġi vverifikat li d-data rrappurtata mill-manifatturi ta’ vettura heavy-duty skont il-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2018/956 tkun tikkorrispondi mas-sors tad-data rilevanti, jiġifieri ċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-fajl tar-rekords tal-manifattur.

(3)

L-għadd ta’ vetturi heavy-duty li l-kwalità tad-data tagħhom trid tiġi vverifikata jenħtieġ li jkun għoli biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika d-diskrepanzi possibbli fid-data rrapportata u tidentifika jekk in-natura ta’ dawn id-diskrepanzi hijiex sistematika jew le.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-proċess ta’ rappurtar, jenħtieġ li l-verifika tkun tikkonsisti minn verifiki tad-data rrapportata mill-manifatturi maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna u l-fajl tar-rekords tal-manifattur.

(5)

Jenħtieġ li l-manifatturi jingħataw l-opportunità li jikkoreġu d-data f’każ li l-Kummissjoni ssib xi diskrepanzi. Fejn dawk id-diskrepanzi jkunu ta’ natura sistematika, jenħtieġ li l-manifatturi jipprovdu d-data kkoreġuta għall-vetturi kollha rreġistrati fil-perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-korrettezza tad-data, fejn il-manifatturi ma jkunux ipprovdew lill-Kummissjoni bid-data kkoreġuta, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkoreġi dik id-data hi stess. Sabiex jiġi żgurat li l-manifatturi jipprovdu lill-Kummissjoni b’data korretta, fejn id-diskrepanzi misjuba jkunu ta’ natura sistematika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoreġi dik id-data billi tapplika fattur ta’ korrezzjoni għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi heavy-duty kollha rreġistrati fil-perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat.

(7)

Għal skopijiet ta’ trasparenza, jenħtieġ li jkun ċar mid-data inkluża fir-Reġistru Ċentrali għad-data dwar il-vetturi heavy-duty jekk din tkunx ġiet ikkoreġuta mill-Kummissjoni jew le.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Vetturi heavy-duty li l-kwalità tad-data tagħhom trid tiġi vverifikata

1.   Wara li l-manifatturi jirrappurtaw id-data skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2018/956, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-kwalità tad-data ta’ għadd ta’ vetturi heavy-duty ta’ kull manifattur irreġistrati fil-perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat. Għall-perjodu ta’ rappurtar tas-sena 2019, il-Kummissjoni għandha tivverifika biss id-data tal-vetturi heavy-duty li ġew irreġistrati mill-1 ta’ Jannar 2020 ’il quddiem.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-vetturi heavy-duty imsemmija fil-paragrafu 1 b’mod aleatorju. L-għadd ta’ vetturi heavy-duty magħżula għandu jkun bejn 2 % u 10 % tal-għadd totali ta’ vetturi heavy-duty ta’ kull manifattur li jkunu ġew irreġistrati fil-perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat.

Artikolu 2

Notifika mill-Kummissjoni u informazzjoni pprovduta mill-manifatturi u mill-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-manifatturi kkonċernati bin-numri ta’ identifikazzjoni tal-vettura tal-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2).

2.   Fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni għal kull vettura heavy-duty magħżula:

(a)

il-fajl tar-rekords oriġinali tal-manifattur, imfassal skont il-Parti I tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 (3);

(b)

kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009.

3.   Fuq talba mill-Kummissjoni, il-manifatturi u l-Istati Membri fejn il-vetturi heavy-duty imsemmija fil-paragrafu 1 ġew irreġistrati għall-ewwel darba, għandhom jipprovdu informazzjoni supplimentari biex jissolvew l-intoppi potenzjali.

Artikolu 3

Verifika dwar il-korrettezza tal-valur hash kriptografiku u tad-data rrapportata mill-manifatturi

1.   Il-Kummissjoni għandha, għall-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2), tikkontroverifika l-valuri hash kriptografiċi tal-fajl tar-rekords oriġinali tal-manifatturi pprovdut skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(2) mal-marka tal-valuri hash kriptografiċi korrispondenti pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat skont l-obbligu tagħhom taħt il-punt (k) tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/956.

F’każ li jkun hemm kwalunkwe diskrepanza fil-valuri hash kriptografiċi, u meta jintalab mill-Kummissjoni, il-manifatturi għandhom jivverifikaw il-korrettezza tad-data pprovduta lill-Kummissjoni u jinformaw lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dik il-verifika fi żmien xahar.

2.   Il-Kummissjoni għandha, għall-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2), tikkontroverifika d-data rappurtata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/956 mad-data korrispondenti fil-fajl tar-rekords oriġinali tal-manifattur imfassal skont il-Parti I tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2017/2400.

3.   Il-Kummissjoni tista’, għall-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2), tikkontroverifika d-data marbuta mal-magna rrappurtata skont l-entrati 75 sa 78 tal-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/956 mal-valuri korrispondenti fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009.

Artikolu 4

Notifika tas-sejbiet

1.   Il-Kummissjoni tista’ jew tikkonferma l-preċiżjoni tad-data vverifikata skont l-Artikolu 3, jew tinnotifika lill-manifatturi bi kwalunkwe diskrepanza li tinstab bejn id-data rrappurtata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/956 u d-data korrispondenti fil-fajl tar-rekords tal-manifattur u fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna pprovduti skont l-Artikolu 2(2).

2.   Fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data kkoreġuta għall-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2) u spjegazzjoni għad-diskrepanzi msemmija f’dik in-notifika.

3.   Fejn il-Kummissjoni ssib li d-diskrepanzi huma ta’ natura sistematika, il-manifattur għandu jipprovdi lill-Kummissjoni fi żmien sena mill-irċevuta tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, bid-data kkoreġuta għall-vetturi heavy-duty kollha rrappurtati fil-perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat u spjegazzjoni għad-diskrepanzi.

4.   Il-manifatturi għandhom jibagħtu d-data kkoreġuta msemmija fil-paragrafi 2 u 3 permezz tat-trasferiment ta’ data elettronika fir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Artikolu 5

Korrezzjoni tad-data

1.   Meta l-Kummissjoni tkun sodisfatta bl-ispjegazzjoni u bid-data kkoreġuta pprovduta mill-manifatturi skont l-Artikolu 4, għandha tinkludi d-data kkoreġuta fis-sett ta’ data finali li għandu jiġi ppubblikat fir-Reġistru Ċentrali għad-data dwar il-vetturi heavy-duty u timmarkaha bħala kkoreġuta.

2.   Meta l-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bl-ispjegazzjoni jew bid-data kkoreġuta pprovduta mill-manifatturi jew fejn il-manifatturi ma jipprovdux id-data kkoreġuta fl-iskadenza stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tikkoreġi l-emissjonijiet ta’ CO2 espressi fi g/tkm għall-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2), li jkunu affettwati mid-diskrepanzi, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur skont il-paragrafu 2 u 3 tal-Artikolu 2;

(b)

f’każ ta’ diskrepanzi ta’ natura sistematika, tikkoreġi l-emissjonijiet ta’ CO2 għall-vetturi heavy-duty kollha rreġistrati fil-perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat billi tapplika fattur ta’ korrezzjoni.

3.   Il-fattur ta’ korrezzjoni msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jiġi ddeterminat abbażi tad-diskrepanzi osservati fl-emissjonijiet ta’ CO2 espressi fi g/tkm tal-vetturi heavy-duty magħżula skont l-Artikolu 1(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi d-data kkoreġuta fis-sett tad-data finali li għandu jiġi ppubblikat fir-Reġistru Ċentrali għad-data dwar il-vetturi heavy-duty u timmarkaha bħala kkoreġuta.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 9.7.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, p. 1).