21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 428/2010

tal-20 ta’ Mejju 2010

li jimplimenta l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispezzjonijiet estiżi tal-bastimenti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tagħha,

Billi:

(1)

Meta ssir spezzjoni estiża ta’ bastiment, l-uffiċjal tal-kontroll tal-Istat tal-Port għandu jimxi ma’ lista ta’ oġġetti speċifiċi li għandhom jiġu vverifikati, soġġett għal kemm dawn ikunu fattibbli fil-prattika jew għal xi limitazzjonijiet relatati mas-sikurezza tal-persuni, tal-bastiment jew tal-port.

(2)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-identifikazzjoni tal-oġġetti speċifiċi li għandhom jiġu vverifikati waqt spezzjoni estiża ta’ kwalunkwe żona ta’ riskju elenkata fl-Anness VII għad-Direttiva 2009/16/KE, jidher li huwa neċessarju li dan ikompli mal-għarfien espert tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port.

(3)

L-uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-Port għandhom jeżerċitaw il-ġudizzju professjonali tagħhom sabiex jiddeċiedu l-applikabbiltà u b’mod xieraq jiddeterminaw kemm l-eżaminazzjoni għandha tidħol fil-fond ta’ kull oġġett speċifiku.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri (COSS),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Lista ta’ oġġetti speċifiċi li għandhom jiġu vverifikati fi spezzjoni estiża

Spezzjoni estiża kif imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/16/KE għandha, fejn applikabbli għall-anqas tinkludi l-verifika tal-oġġetti speċifiċi elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Fil-każ li l-oqsma speċifiċi għal tip partikolari ta’ bastiment ma jkunux indikati kif definit fid-Direttiva 2009/16/KE, l-ispettur għandu jeżerċita l-ġudizzju professjonali tiegħu meta jiddeċiedi liema oġġetti għandhom jiġu spezzjonati, u sa liema livell, sabiex tkun eżaminata l-kondizzjoni kumplessiva f’dawn l-oqsma.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.


ANNESS

OĠĠETTI SPEĊIFIĊI LI GĦANDHOM JIĠU VVERIFIKATI MATUL SPEZZJONI ESTIŻA

(kif imsemmi fl-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2009/16/KE)

A.   It-tipi kollha ta’ bastimenti

(a)   Il-kondizzjoni strutturali

—

Il-kondizzjoni tal-buq u l-gverta

(b)   Il-kondizzjoni tar-reżistenza għall-ilma jew tar-reżistenza għall-maltemp

—

il-bibien reżistenti għall-ilma/għall-maltemp

—

il-ventilaturi, il-pajpijiet tal-arja u l-kisja

—

il-bokkaporti

(c)   Is-sistemi ta’ emerġenza

—

Il-qtugħ tad-dawl f’ambjent simulat jew it-tħaddim tal-ġeneratur tal-emerġenza

—

Id-dawl tal-emerġenza

—

Eżami tal-arranġamenti tal-ippumpjar tal-ilma mill-qiegħ tal-bastiment

—

Eżami tat-tagħmir li jingħalaq jew tal-bibien reżistenti għall-ilma

—

Eżami tat-tagħmir tat-tmun inkluż it-tagħmir tat-tmun tal-emerġenza

(d)   Il-komunikazzjoni bir-radju

—

Sors ta’ enerġija ta’ riżerva għar-radju

—

Eżami tal-istallazzjoni primarja inkluż il-faċilitajiet li jirċievu informazzjoni dwar is-sikurezza marittima

—

Test tas-settijiet tal-VHF li jistgħu jinġarru tas-Sistema Globali Martittima għall-Periklu u s-Sigurtà (GMDSS)

(e)   Sikurezza kontra n-nar

—

Taħriġ fit-tifi tan-nar inkluż wirja ta’ kemm wieħed għandu l-ħila juża l-ħwejjeġ li jużaw il-pompiera u t-tagħmir u l-apparat għat-tifi tan-nar

—

Eżami tal-pompa tal-emerġenza għat-tifi tan-nar (b’żewġ (2) pajpijiet)

—

Eżami tat-twaqqif ta’ emerġenza mill-bogħod tal-ventilazzjoni u tad-dampers konnessi ma’ dan

—

Eżami tat-twaqqif ta’ emerġenza mill-bogħod tal-pompi tal-fjuwil

—

Eżami tal-valvoli li jagħlqu malajr mill-bogħod

—

Bibien kontra n-nar

—

Stallazzjonijiet mwaħħla tat-tifi tan-nar u alarms konnessi magħhom

(f)   Alarms

—

Eżami tal-alarm kontra n-nar

(g)   Kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol

—

Kondizzjoni tat-tagħmir tal-irmiġġ inkluż is-sisien tal-makkinarju

(h)   Attrezzaturi għas-salvataġġ tal-ħajja

—

Arranġamenti għall-varar tal-inġenji tal-baħar għas-salvataġġ (fil-każ li jkun hemm evidenza tal-użu ħażin, l-inġenji tal-baħar għandhom jitniżżlu fl-ilma)

(i)   Prevenzjoni tat-tniġġis

—

Eżami tat-tagħmir li jiffiltra ż-żejt

B.   Bastiment tal-ġarr bil-massa/OBO (f’każ li tkun qiegħda tinġarr tagħbija bil-massa)

Flimkien mal-oġġetti elenkati taħt it-taqsima A, l-oġġetti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispezzjoni estiża fil-każ tal-bastimenti tal-ġarr bil-massa:

(a)   Dokumentazzjoni

Verifika li d-dokumenti li ġejjin jinsabu abbord, kompluti u approvati mill-Istat tal-bandiera jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta:

—

Il-programm mtejjeb ta’ stħarriġ (ESP) jinkludi:

(i)

Rapporti ta’ stħarriġ strutturali

(ii)

Rapporti tal-kejl tal-ħxuna

(iii)

Rapporti ta’ evalwazzjoni tal-kondizzjoni

—

Eżamina jekk it-tagħbija tistax tinġarr mid-DoC għall-Oġġetti Perikolużi

—

Approvazzjoni tal-istrumenti tal-merkanzija

(b)   Il-kondizzjoni strutturali

—

Kondizzjoni tal-paratiji (bulkeads) u tal-muxxillara (coamings)

—

Tankijiet tas-saborra

Għall-anqas wieħed mit-tankijiet tas-saborra fiż-żona tat-tagħbija irid ikun eżaminat minn fetħa fit-tank/aċċess mill-gverta u minn ġewwa jekk l-ispettur jistabbilixxi raġuni ċara msejsa fuq osservazzjoni u r-reġistri tal-ESP.

C.   Tanker tal-Gass u tal-Kimika

Flimkien mal-oġġetti elenkati taħt it-taqsima A, l-oġġetti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispezzjoni estiża għat-tankers li jġorru l-gass u l-kimika:

(a)   Dokumentazzjoni

—

Eżamina jekk il-prodott li jinġarr jinsabx fuq iċ-Ċertifikat rilevanti ta’ Idoneità

(b)   Operazzjonijiet tat-tagħbija

—

Monitoraġġ tat-tank tat-tagħbija u l-mezzi ta’ sikurezza li għandhom x’jaqsmu mat-temperatura, il-pressjoni u l-kwantità li għad fadal sabiex dan jimtela

—

Analiżi tal-ossiġinu u l-mezzi tal-kejl tal-isplussività, inkluż il-kalibrazzjoni tagħhom. Disponibilità ta’ tagħmir li jidentifika l-kimika (minfaħ) b’għadd xieraq ta’ tubi xierqa li jidentifikaw il-gass fit-tagħbija li qiegħda tinġarr

—

Eżami tal-apparat kontra t-tifi tan-nar li jinsab fuq il-gverta

(c)   Sikurezza kontra n-nar

—

Eżami tal-istallazzjonijiet imwaħħla fuq il-gverta f’każ ta’ nirien (kif inhu meħtieġ mill-prodott li jinġarr)

(d)   Kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol

—

Settijiet ta’ emerġenza għall-kabini li jkun fihom tagħmir li jipproteġi s-sistema respiratorja u l-għajnejn jekk dan ikun meħtieġ mill-prodotti elenkati fiċ-Ċertifikat rilevanti ta’ Idoneità

D.   Tagħbija ġenerali, bastiment tal-merkanzija f’kontejners, bastiment li jġorr tagħbija mkessħa, bastiment fabbrika, bastiment li jġorr merkanzija tqila, bastiment li jipprovdi servizzi offshore, bastiment għall-finijiet speċjali, modu, sistemi li jżommu fil-wiċċ użati għall-ħżin u l-ħatt tal-produzzjoni (FPSO), tipi oħra ta’ bastimenti

Flimkien mal-oġġetti elenkati taħt it-taqsima A, l-oġġetti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispezzjoni estiża fil-każ tat-tipi ta’ bastimenti msemmija f’ din it-Taqsima:

(a)   Il-kondizzjoni tat-tqalfit jew tar-reżistenza għall-maltemp

—

Kondizzjoni tal-koperturi tal-bokkaporti

—

Aċċess għall-istivi/tankijiet tat-tagħbija

(b)   Operazzjonijiet tat-tagħbija

—

Tagħmir għat-tagħbija tal-merkanzija

—

Arranġamenti għall-irbit tal-merkanzija

E.   Tanker taż-żejt/OBO (meta dan ikun iċċertifikat bħala tanker taż-żejt)

Flimkien mal-oġġetti elenkati taħt it-taqsima A, l-oġġetti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispezzjoni estiża fil-każ tat-tankers taż-żejt:

(a)   Dokumentazzjoni

Verifika li d-dokumenti li ġejjin jinsabu abbord, kompluti u approvati mill-Istat tal-bandiera jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta

—

Il-programm mtejjeb ta’ stħarriġ (ESP) jinkludi:

(i)

Rapporti ta’ stħarriġ strutturali

(ii)

Rapporti tal-kejl tal-ħxuna

(iii)

Rapporti ta’ evalwazzjoni tal-kondizzjoni

—

Ċertifikat tal-fowm għal sistemi tat-tifi tan-nar li jużaw il-fowm ta’ fuq il-gverta

(b)   Il-kondizzjoni strutturali

—

Tankijiet tas-saborra

Għall-anqas wieħed mit-tankijiet tas-saborra fiż-żona tat-tagħbija irid ikun eżaminat minn fetħa fit-tank/aċċess mill-gverta u minn ġewwa jekk l-ispettur jistabbilixxi raġuni ċara msejsa fuq osservazzjoni u r-reġistri tal-ESP.

(c)   Sikurezza kontra n-nar

—

Sistema tat-tifi tan-nar li tuża l-fowm imwaħħla fuq il-gverta

—

Kontroll ta’ pressjoni tal-gas minn ġewwa u l-kontenut tal-ossiġinu tiegħu

F.   L-unità tal-inġenji b’veloċità għolja (hsc) tal-passiġġieri, bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti tal-passiġġieri ro-ro

Flimkien mal-oġġetti elenkati taħt it-taqsima A, l-oġġetti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispezzjoni estiża fil-każ tal-bastimenti tal-passiġġieri:

Jekk ikun jidher xieraq, partijiet mill-ispezzjonijiet li jsiru fuq il-laneċ Ro-Ro u l-inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri li huma msemmijin fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (1) jistgħu jibqgħu jsiru meta l-bastiment ikun qiegħed isalpa minn port għall-ieħor tal-Istati Membri bil-kunsens tal-kaptan jew tal-operatur sabiex juru li l-lanċa jew l-inġenju tal-baħar għadu jissodisfa r-rekwiżiti neċessarji sabiex jibqgħu joperaw b’mod sikur. L-uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-port ma għandhomx ixekklu l-operazzjoni tal-bastiment jew joħolqu sitwazzjonjiet, fejn fil-ġudizzju tal-kaptan, tista’ tpoġġi s-sikurezza tal-passiġġieri, l-ekwipaġġ jew il-bastiment fil-periklu.

(a)   Dokumentazzjoni

Dokumenti li jagħtu evidenza ta’:

—

Taħriġ dwar il-kontroll ta’ folol

—

Taħriġ ta’ familjarizzazzjoni

—

Taħriġ dwar is-sikurezza għall-persunal li jipprovdi assistenza diretta ta’ sigurtà lill-passiġġieri fi spazji tal-passiġġieri, u b’mod partikolari lill-persuni anzjani jew bi bżonnijiet speċjali f’każ ta’ emerġenza

—

Kontroll ta’ kriżi u taħriġ dwar l-imġiba tal-bniedem

(b)   Il-kondizzjoni tar-reżistenza għall-ilma jew tar-reżistenza għall-maltemp

—

Bibien tal-pruwa u tal-poppa kif inhu applikabbli

—

Eżami tal-kontrolli mill-bogħod u lokali tal-bibien tal-paratija reżistenti għall-ilma

(c)   Is-sistemi ta’ emerġenza

—

Il-familjarità tal-ekwipaġġ mal-pjan ta’ kontroll tal-ħsara

(d)   Operazzjonijiet tat-tagħbija

—

Arranġamenti għall-irbit tal-merkanzija kif inhu applikabbli

(e)   Sikurezza kontra n-nar

—

Eżami tal-kontrolli mill-bogħod u lokali għall-għeluq ta’ dampers għan-nar

(f)   Alarms

—

Eżami tas-sistema ta’ indirizz pubbliku

—

Eżami tas-sistema li tidentifika n-nar u tas-sistema ta’ alarm

(g)   Attrezzaturi għas-salvataġġ tal-ħajja

—

Taħriġ dwar l-abbandun tal-bastiment (inkluż it-tniżżil ta’ dgħajsa tas-salvataġġ fl-ilma)

G.   Bastiment tat-tagħbija Ro-Ro

Flimkien mal-oġġetti elenkati taħt it-taqsima A, l-oġġetti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispezzjoni estiża fil-każ tal-bastimenti tat-tagħbija Ro-Ro:

(a)   Kondizzjoni tat-tqalfit jew tar-reżistenza għall-maltemp

—

Bibien tal-pruwa u tal-poppa

(b)   Operazzjonijiet tat-tagħbija

—

Arranġamenti għall-irbit tal-merkanzija


(1)   ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1.