Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fis‑7 ta’ Mejju 2026 (1)
Kawża C‑641/24 P
L-Ungerija
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Aċċess għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Fondi ESI – Regolament Nru 1303/2013 – Programm operattiv – Talba għal aċċess għall-korrispondenza bejn l-Ungerija u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ abbozz ta’ sejħa għal proposti – Oġġezzjonijiet tal-Ungerija għall-iżvelar tad-dokumenti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-oġġezzjonijiet tal-Istat Membru u li tagħti l-aċċess għad-dokumenti – Protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri – Obbligu ta’ motivazzjoni – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Proċess deċiżjonali pendenti ta’ istituzzjoni – Kunċett ta’ ‘deċiżjoni’ – Kunċett ta’ preġudizzju serju, effettiv u konkret għall-proċess deċiżjonali pendenti”
I. Introduzzjoni
1. Permezz ta’ dan l-appell, l-Ungerija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Lulju 2024, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (2), li permezz tagħha dik il-qorti kienet ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑14 ta’ Diċembru 2021 li tagħti lil terz applikant, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3), l-aċċess għall-korrispondenza mibgħuta mill-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni dwar abbozz ta’ sejħa għal proposti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) fil-kuntest tal-Fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Fondi ESI” għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2023 (4).
2. Il-fatti li wasslu għall-kawża joħorġu mill-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata. Dawn jistgħu jiġu mfakkra kif ġej:
3. Fit‑30 ta’ April 2021, terza persuna talbet lill-Kummissjoni l-aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, għall-korrispondenza uffiċjali kollha bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. Mill-ħdax-il dokument identifikati mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu taħt it-talba għall-aċċess, ħamsa minnhom kienu provenjenti mill-awtoritajiet Ungeriżi (5).
4. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-awtoritajiet Ungeriżi informaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Mejju 2021, li huma kienu jopponu li jingħata aċċess għad-dokumenti maħruġin minnhom, skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (6). L-awtoritajiet Ungeriżi rrilevaw li, inkwantu l-proċess deċiżjonali dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 kien għadu pendenti, l-iżvelar, f’dan l-istadju, ta’ dawn id-dokumenti msemmija, kien jippreġudika serjament il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, peress li l-benefiċjarji potenzjali kienu jkunu jistgħu jaċċedu għal informazzjoni li tista’ tagħtihom vantaġġ kompetittiv żleali.
5. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lit-terz applikant l-aċċess għall-ħames dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet Ungeriżi skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan it-terz applikant ippreżenta, imbagħad, applikazzjoni konfermatorja quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
6. Fit‑13 ta’ Ottubru 2021, wara l-applikazzjoni konfermatorja, is-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni kkonsulta mill-ġdid mal-awtoritajiet Ungeriżi u informa lil dawn tal-aħħar li, wara li eżamina l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, deherlu li l-aċċess għad-dokumenti maħruġin mill-awtoritajiet Ungeriżi u affettwati mit-talba għal aċċess imsemmija iktar ’il fuq setgħet tkun irrifjutata biss fuq il-bażi tal-protezzjoni tad-data personali. Waqt l-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja, il-Kummissjoni identifikat ukoll erba’ dokumenti addizzjonali maħruġin mill-awtoritajiet Ungeriżi bħala li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess. Dawn l-awtoritajiet Ungeriżi tennew il-pożizzjoni tagħhom li tgħid li ebda aċċess għad-dokumenti tagħhom ma għandu jingħata fuq il-bażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
7. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, li biha l-Ungerija ġiet infurmata permezz ta’ ittra mill-Kummissjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2021, din tal-aħħar iddeċidiet dwar l-applikazzjoni konfermatorja tat-terz applikant u tat lil dan tal-aħħar aċċess, f’forma b’partijiet oskurati tad-data personali, għad-dokumenti kontenzjużi (7), wara li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija ma kinitx uriet, prima facie, l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
8. Fil‑15 ta’ Frar 2022, l-Ungerija ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti ressqet, essenzjalment, erba’ motivi insostenn ta’ dak ir-rikors, jiġifieri: l-ewwel nett, motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża; it-tieni nett, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali; it-tielet nett, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, ir-raba’ nett, motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
9. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel tliet motivi bħala infondati u r-raba’ motiv bħala inammissibbli. Għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.
10. Fis‑27 ta’ Settembru 2024, l-Ungerija ppreżentat dan l-appell kontra s-sentenza appellata. Fit-talbiet tagħha, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata; tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
11. Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Ungerija tkun ikkundannata għall-ispejjeż.
II. Analiżi
12. Insostenn tal-appell tagħha, l-Ungerija tressaq erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża; it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali; it-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u r-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-motiv imressaq fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
13. Skont kif talbet il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel u t-tielet aggravju (8).
A. Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża
14. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Ungerija essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li kellha l-Kummissjoni billi kkunsidrat, kif jidher minn qari konġunt tal-punti 25 sa 29 u 35 sa 37 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat, minn naħa, ir-raġunijiet għaliex kienet tat aċċess għad-dokumenti kontenzjużi minkejja l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi b’mod eżawrjenti (l-ewwel parti), u min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għaliex kienet tbiegħdet mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha (it-tieni parti).
1. Fuq in-natura eżawrjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u fuq il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-kuntest
a) Sunt tal-argument tal-partijiet
15. Essenzjalment, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża, li laqgħet it-talba tat-terz għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, ma kinitx indirizzata lill-Ungerija u ma kellhiex l-għan li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tispjega, b’mod eżawrjenti, f’dik id-deċiżjoni r-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li t-talba tal-Ungerija li ma tiżvelax dawk id-dokumenti kienet infondata.
16. Il-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri hija ta’ importanza primordjali. Għalhekk ikun inaċċettabbli li wieħed jikkunsidra li l-uniku att li jista’ jiġi kkontestat minn Stat Membru, meta istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jkollha l-ħsieb li tiżvela dokumenti li joriġinaw minnu minkejja l-oġġezzjoni tiegħu, ma għandux ikun fih ir-raġunijiet kollha għaliex din l-istituzzjoni ma kkunsidratx dik l-oġġezzjoni. Deċiżjoni li tagħti aċċess għal dokumenti minkejja l-oġġezzjoni ta’ xi Stat Membru u li ma jkunx fiha r-raġunijiet għar-rifjut ta’ dik l-oġġezzjoni, la tqiegħed lill-Istat Membru kkonċernat f’pożizzjoni li jkun jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu ta’ rikors u lanqas ma tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.
17. Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax tiġi ssupplimentata mill-kuntest li wassal għall-adozzjoni tagħha, jiġifieri l-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021.
18. Il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-parti tal-aggravju ma hijiex effettiva, peress li l-Ungerija ma tikkontestax il-punti 24 u 25 tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna s-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa ħieles minn kull żball.
b) Evalwazzjoni
19. Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, l-istat tal-ġurisprudenza stabbilita dwar ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni li tgħid li dan l-aħħar rekwiżit għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, b’mod korrett, li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fil-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.
20. L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Ungerija li jgħid li l-Kummissjoni kellha tipprovdi motivazzjoni eżawrjenti, dan jirriżulta minn qari manifestament żbaljat ta’ din il-ġurisprudenza, li ma ġiex ikkontestata (9). Fil-fatt, huwa paċifiku li l-awtur tal-att ma huwiex obbligat jipprovdi motivazzjoni eżawrjenti u l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tista’ tiġi vverifikata wkoll fid-dawl taċ-ċirkostanzi u tal-kuntest.
21. It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021 bħala li tifforma parti mill-kuntest li jippermetti li tiġi ċċarata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, jidhirli li r-riferiment għall-kuntest kien iktar u iktar neċessarju peress li l-Ungerija ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża.
22. Fil-fatt, huwa importanti li jitfakkar li l-fatti tal-każ seħħew fil-qafas ta’ relazzjoni trijangulari li tinvolvi terz applikant li jitlob mingħand istituzzjoni tal-Unjoni l-aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru, li għandu għalhekk jiġi kkonsultat (10). Ladarba l-istituzzjoni tkun ħadet il-pożizzjoni tagħha, hija għandha tikkomunikaha lit-terz applikant, li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ żvelar, kif jirriżulta mill-punti 25 u 27 tas-sentenza appellata.
23. Id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Ungerija ma tiċħadx li kienet taf biha, ħabbret li kien se jittieħed att supplimentari. Il-punt 6 ta’ dik id-deċiżjoni, intitolat “Disclosure against the explicit opinion of the author” iddikjara: “[s]ince the decision to grant partial access to documents […] is taken against the objections of the Hungarian national authorities, the European Commission will inform the authorities of the Member State of its decision to grant partial access to these documents […]. It will not grant such partial disclosure until a period of ten working days has elapsed from the formal notification of its decision to the Member State authorities […]. This time period will allow the Hungarian national authorities to inform the European Commission whether they will object to the partial disclosure using the remedies available […]” (11).
24. Għalhekk mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta espliċitament li l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom jiġu infurmati separatament bir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma kinitx qieset l-eċċezzjoni invokata applikabbli. Minnha jirriżulta wkoll li l-ittra mibgħuta l-għada tal-adozzjoni (12) tagħha kienet għalhekk speċifikament maħsuba biex tippreserva l-pożizzjoni tal-Ungerija fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1049/2001.
25. Minn dan isegwi li t-teżi tal-Ungerija, li ssostni li l-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri teħtieġ li r-raġunijiet għall-iżvelar, minkejja l-oġġezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ikunu inklużi fid-deċiżjoni ta’ żvelar indirizzata biss lill-applikant, ma hijiex iġġustifikata.
26. Minħabba l-eżistenza tal-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021, kien ikun superfluwu li l-Kummissjoni tkun obbligata tinkludi fid-deċiżjoni ta’ żvelar ir-raġunijiet għalfejn qieset li l-eċċezzjonijiet għall-iżvelar previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 – li t-terz applikant loġikament ma invokax – ma kinux japplikaw (13).
27. It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021 “tinkludi espożizzjoni iktar preċiża tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli”, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq eżami ddettaljat, mill-Qorti Ġenerali, tal-kontenut ta’ dik l-ittra, li miegħu jiżdiedu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 29 tas-sentenza appellata relatati man-nuqqas ta’ provi ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.
28. B’dan il-mod, mill-analiżi mwettqa fis-sentenza appellata jirriżulta ċar li l-Qorti Ġenerali ħadet ħsieb li tivverifika li l-kontenut tal-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021, li jifforma parti mill-kuntest li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien ippermetta lill-Ungerija tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet, finalment u wara iktar analiżi, tat l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni lit-terz applikant, u kkunsidrat li l-eċċezzjoni invokata mill-Ungerija biex topponi għal dak l-aċċess ma kinitx tapplika.
29. Ma nistax ma ninnotax, barra minn hekk, li l-kontenut tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Ungerija kontra d-deċiżjoni kontenzjuża jikkonferma li hija setgħet tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet tqis li l-eċċezzjoni invokata ma kinitx tapplika. Għalhekk, l-Ungerija ma tistax issostni li ma tqegħditx f’pożizzjoni li tkun taf b’mod dettaljat il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (14).
30. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
2. Fuq l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali preċedenti u ta’ obbligu ta’ motivazzjoni msaħħa
a) Sunt tal‑argumenti tal‑partijiet
31. L-Ungerija ssostni, essenzjalment, li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kienet obbligata tispjega r-raġunijiet għalfejn, fid-deċiżjoni kontenzjuża adottata b’risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, hija kienet tbiegħdet mid-deċiżjoni inizjali tagħha. L-Ungerija kienet stabbilixxiet l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali kostanti dwar l-ipproċessar ta’ talbiet għal aċċess li jikkonċernaw is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. Fil-preżenza ta’ tali prassi, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta jkollha l-ħsieb li tiddevja minn dik il-prassi, ħaġa li tirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
32. Fir-replika tagħha, l-Ungerija tikkontesta r-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32, 35 u 36 tas-sentenza appellata. L-Ungerija tenfasizza l-partikolarità tal-każ preżenti, li tinsab fil-fatt li l-istess partijiet ikkonċernati huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni differenti, kemm f’żewġ proċeduri differenti kif ukoll fi ħdan l-istess proċeduri, għall-istess fatti. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tipprovdi spjegazzjoni dwar dan il-punt.
33. Filwaqt li l-Kummissjoni, fl-ewwel evalwazzjoni tagħha, qieset li l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet tapplika, hija biddlet b’mod ċar il-fehma tagħha fid-deċiżjoni kontenzjuża. Din il-bidla fundamentali fid-direzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tagħmel l-analoġija mas-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (15), ċċitata mill-Qorti Ġenerali, irrilevanti.
34. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li, peress li l-Ungerija ma kkontestatx il-punt 33 tas-sentenza appellata u lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali preċedenti differenti, din il-parti tal-ewwel aggravju għandha titqies ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.
b) Evalwazzjoni
35. L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-ilment dwar l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, l-Ungerija tipprova tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tgħid li meta deċiżjoni tal-Kummissjoni titbiegħed b’mod sinjifikattiv mill-prassi deċiżjonali stabbilita u tmur lil hinn minn deċiżjonijiet preċedenti, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (16). Madankollu, billi jipprova jikklassifika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni inizjali tagħha bħala “prassi deċiżjonali stabbilita”, l-argument tal-Ungerija jiżvela interpretazzjoni żbaljata tan-natura tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.
36. Fil-fatt, mill-proċedura stabbilita mill-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li din tista’ sseħħ f’żewġ fażijiet (17). Għalhekk, it-talba għal aċċess tagħti lok għal deċiżjoni inizjali mill-Kummissjoni (l-ewwel fażi) (18). Il-Kummissjoni pproponiet li tilqa’ parzjalment it-talba għal aċċess tat-terz applikant, li wasslet lil dan tal-aħħar biex jippreżenta applikazzjoni konfermatorja (it-tieni fażi) fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-regolament, fejn il-Kummissjoni kienet mitluba tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.
37. B’mod parallel ma’ din il-proċedura bilaterali, li sseħħ bejn il-Kummissjoni u t-terz applikant, hemm ukoll proċedura ta’ konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li minnu joriġinaw, kompletament jew parzjalment, l-atti li għalihom jintalab aċċess (19). Għalkemm jitwettqu separatament, dawn iż-żewġ proċeduri jinfluwenzaw lil xulxin reċiprokament: il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-konfront tat-terz applikant tista’ tiġi ssupplimentata b’mod utli mill-osservazzjonijiet li jaslu mingħand l-Istat Membru kkonsultat dwar il-kwistjoni tal-iżvelar; l-argumenti mqajma mit-terz applikant fil-kuntest tal-applikazzjoni konfermatorja tiegħu jistgħu jinfluwenzaw ukoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.
38. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-risposta għal talba inizjali għall-aċċess għad-dokumenti, skont l-Artikolu 7(1) [tar-Regolament Nru 1049/2001] tikkostitwixxi biss l-ewwel pożizzjoni, li fil-prinċipju mhijiex soġġetta għal appell […]. Tali risposta tagħti lill-applikant id-dritt, previst fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, li jtenni talba għal aċċess minkejja rifjut motivat inizjali u tippermetti lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata li teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni inizjali tagħha qabel ma tadotta deċiżjoni finali ta’ rifjut, li tista’ tkun suġġetta għal rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni u li tirrimedja, fejn xieraq, kwalunkwe illegalità li tkun ivvizzjat ir-rifjut inizjali” (20).
39. Il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-istadju tad-deċiżjoni inizjali ma tistax għalhekk tiġi analizzata bħala l-espressjoni ta’ prassi deċiżjonali stabbilita min-naħa tal-Kummissjoni.
40. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, ikun kuntrarju għall-iskema ġenerali tar-Regolament Nru 1049/2001 li kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni inizjali tiġi kklassifikata bħala prassi deċiżjonali stabbilita, peress li kwalunkwe talba għal aċċess għad-dokumenti għandha tiġi evalwata mill-ġdid sistematikament, hekk kif it-terza persuna titlob dan, fid-dawl tal-elementi legali u fattwali eżistenti fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni (21). Fi kliem ieħor, in-natura dinamika tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna t-talbiet għal aċċess għal dokumenti tipprekludi, min-natura tagħha, kwalunkwe idea li prassi tal-Kummissjoni tiġi kkristalizzata biss fuq il-bażi tad-deċiżjoni inizjali tagħha.
41. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tas-saħħa ta’ prassi deċiżjonali stabbilita fid-deċiżjonijiet inizjali dwar din il-kwistjoni jista’ jkollu l-effett li jillimita s-saħħa tal-argumenti invokati fl-istadju tad-deċiżjoni konfermatorja u, għaldaqstant, id-drittijiet tat-terzi applikanti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, li jridu wkoll jiġu protetti.
42. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li, billi sempliċement irreferiet għad-deċiżjoni inizjali li kienet irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti, l-Ungerija ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni li hija tbiegħdet minnha fid-deċiżjoni kontenzjuża.
43. Barra minn hekk, il-punt 33 huwa wkoll ħieles minn kwalunkwe żball għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk is-saħħa ta’ prassi deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni setgħetx tingħata lit-talba għal aċċess bir-referenza GESTDEM 2020/1513. Bħala tfakkira, mill-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021 jirriżulta li t-talba għal aċċess li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija l-kontinwazzjoni ta’ din l-ewwel talba għal aċċess (22). Madankollu, jidhirli li huwa diffiċli li jingħatalha tali valur peress li, l-ewwel nett, il-konsistenza fil-prassi deċiżjonali teħtieġ element ta’ ripetizzjoni, filwaqt li d-deċiżjoni inizjali fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal aċċess bir-referenza GESTDEM 2020/1513 hija analizzata bħala deċiżjoni iżolata u, it-tieni nett, it-tifsira vera tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tinftiehem biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din it-talba għal aċċess u li kienet tikkonsisti, fi tmiem l-analiżi, fl-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti kkonċernati b’din it-talba.
44. It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ rekwiżit ta’ motivazzjoni msaħħa, indipendentement mill-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali stabbilita, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni konfermatorja li tkun kompletament jew parzjalment kuntrarja għad-deċiżjoni inizjali, għandu jiġi kkonstatat li tali rekwiżit ma huwiex issostanzjat minn xi argument testwali jew ġurisprudenzjali mressaq mill-Ungerija.
45. L-Ungerija sempliċement issostni li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata (23) ma hijiex rilevanti għaliex tikkonċerna sitwazzjoni mhux paragunabbli. Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta sempliċiment li d-deċiżjoni inizjali tikkostitwixxi biss l-ewwel pożizzjoni, li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jippreżenta applikazzjoni konfermatorja u li d-deċiżjoni konfermatorja biss, li tissostitwixxi kompletament il-pożizzjoni preċedenti, tista’ tipproduċi effetti legali tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-applikant u, konsegwentement, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet obbligata biss li tagħti l-motivazzjoni għas-soluzzjoni li waslet għaliha fid-deċiżjoni konfermatorja, tidher għalhekk li hija korretta.
46. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, dawn għandhom jiġu eżaminati, jekk ikun meħtieġ, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra t-tieni aggravju, li ma huwiex is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet iffokati.
47. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
48. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju jidher li huwa kollu kemm hu infondat.
B. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001
49. It-tielet aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. Skont l-Ungerija, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li kien għaddej proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-finalizzazzjoni tal-abbozz tas-sejħa għal proposti (l-ewwel parti). Hija kellha tikkunsidra wkoll li d-dokumenti kontenzjużi kienu relatati ma’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li kien għaddej dwar il-modifika tal-programm operattiv (it-tieni parti). Fi kwalunkwe każ, l-Ungerija ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplika wkoll fil-preżenza ta’ proċess deċiżjonali ta’ awtorità nazzjonali ta’ ġestjoni inkarigata li tiffinalizza abbozz ta’ sejħa għal proposti rregolata mir-Regolament Nru 1303/2013 (it-tielet parti). Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, kienet ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ preġudizzju serju u konkret għall-proċess deċiżjonali li kien għaddej marbut ma’ dan l-abbozz imsemmi minħabba l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi (ir-raba’ parti).
1. Fuq il-kunċett ta’ “deċiżjoni” u fuq l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ sejħa għal proposti (l-ewwel parti)
a) Sunt tal-argument tal-partijiet
50. Essenzjalment, l-Ungerija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li adottat approċċ purament formali għall-kunċett ta’ “deċiżjoni” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa dan l-approċċ formali li hija ssostni li wassalha għall-konstatazzjoni żbaljata li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tieħu deċiżjoni dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 skont ir-Regolament Nru 1303/2013 (24).
51. Anki jekk il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni formalment, din l-istituzzjoni teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tħejjija u l-kontenut konkret tal-abbozzi tas-sejħiet għal proposti, partikolarment fid-dawl tal-possibbiltà li hija tagħmel verifiki u teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament. Huwa fl-interess tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali li ssegwi l-linji gwida li tirċievi mill-Kummissjoni, u l-possibbiltà teoretika li Stat Membru jinjora t-talbiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tas-sejħa għal proposti ma tkunx alternattiva realistika.
52. Il-forma meħtieġa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tirriżultax mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-istituzzjoni bħala sempliċi indikatur temporali biex jiddistingwi din l-ewwel ipoteżi minn dik imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni. Minn perspettiva teleoloġika, filwaqt li l-aċċess għad-dokumenti għandu jkun kemm jista’ jkun wiesa’, dan ma huwiex madankollu illimitat. Għalhekk, kwalunkwe proċess deċiżjonali, irrispettivament mill-forma tiegħu u irrispettivament minn jekk ikunx irriżulta f’deċiżjoni formali jew le, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-deċiżjoni għandha qabel xejn tiġi definita minn perspettiva funzjonali.
53. L-influwenza tal-Kummissjoni fuq id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali, kif evidenzjata mill-korrispondenza bejn l-Ungerija u l-Kummissjoni rigward l-abbozz tas-sejħa għal proposti, ma tistax titnaqqas għal sempliċi parteċipazzjoni. Evidenza ta’ dan hija li, waqt wieħed minn dawn l-iskambji, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tikkunsidra li teskludi l-finanzjament Ewropew jekk l-Ungerija ma ssegwix il-proposti tagħha.
54. Fl-oqsma fejn il-ġestjoni hija kondiviża, il-proċessi deċiżjonali jintrabtu ma’ xulxin u ma jkunx possibbli li ssir distinzjoni bejn il-funzjonijiet skont jekk humiex eżerċitati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar abbozz ta’ sejħa għal proposti, il-pożizzjoni li tesprimi tkun komparabbli ma’ verifika minn qabel.
55. Il-Kummissjoni titlob li din l-ewwel parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda.
b) Evalwazzjoni
56. Infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-aċċess għal dokument imħejji minn jew miżmum minn istituzzjoni, li jirrigwarda kwistjoni li dwarha hija tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni, għandu jiġi miċħud fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ dik l-istituzzjoni, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tiegħu.
57. Bi tweġiba għall-argumenti mqajma quddiemha intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali pendenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret il-prinċipji fundamentali fil-qalba tar-Regolament Nru 1049/2001 (25) qabel ma eżaminat il-kuntest speċifiku li fih ġew skambjati d-dokumenti kontenzjużi. Dawn id-dokumenti jirrigwardaw skambju intern ta’ opinjonijiet dwar abbozz ta’ sejħa għal proposti li l-awtoritajiet Ungeriżi kienu qegħdin jiffinalizzaw bil-għan li jinkiseb finanzjament taħt il-Fondi ESI, li jaqgħu taħt ġestjoni kondiviża kif definita mir-Regolament Nru 1303/2013 (26).
58. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li, f’dan il-kuntest, il-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit huma ddelegati lill-Istati Membri u li filwaqt li l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi, dan huwa skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom (27). L-obbligi ta’ ġestjoni, ta’ kontroll u ta’ verifika għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri (28). Min-naħa tagħha, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li l-Istati Membri jkunu implimentaw sistemi ta’ kontroll effettivi matul l-implimentazzjoni tal-programmi (29). It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, kif ukoll l-eżekuzzjoni tagħhom, huma fdati lill-Istati Membri (30). It-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-gruppi ta’ azzjoni lokali nnominati mill-Istati Membri (31). L-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali tistabbilixxi u tapplika l-proċeduri u l-kriterji xierqa għall-għażla ta’ operazzjonijiet iffinanzjati minn Fondi ESI, li għandhom ikunu approvati mill-kumitat għall-monitoraġġ (32).
59. Il-Qorti Ġenerali tiddeduċi minn dan il-kuntest ġuridiku li s-sejħiet għal proposti rregolati mir-Regolament Nru 1303/2013 jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri (33) u li dan ir-regolament “ma jagħtix kompetenza partikolari lill-Kummissjoni fil-proċess ta’ finalizzazzjoni ta’ sejħa għal proposti rregolata minn dan ir-regolament, b’tali mod li din tal-aħħar [...] ma kinitx meħtieġa tieħu deċiżjoni dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5” (34).
60. L-Ungerija ma tikkontestax din il-konklużjoni u tirrikonoxxi li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tadotta deċiżjoni formali għal dak li jikkonċerna din is-sejħa għal proposti. Madankollu, hija ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ natura “funzjonali” minħabba l-influwenza li l-Kummissjoni fil-fatt teżerċita permezz ta’ skambji informali mal-Istati Membri rigward l-abbozzi ta’ sejħa għal proposti taħt il-Fondi ESI.
61. Approċċ bħal dan ma jistax jiġi adottat.
62. Il-Qorti, fil-fatt, iddeċidiet li l-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali,” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda direttament it-teħid ta’ deċiżjoni (35). Issa, it-teħid ta’ deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżupponi l-eżistenza ta’ suġġett determinat li ser ikun is-suġġett tad-deċiżjoni futura, u dan indipendentement min-natura imminenti tal-adozzjoni ta’ abbozz ta’ att speċifiku u identifikabbli. Barra minn hekk, hija ddeċidiet ukoll li l-ammissjoni li għadha ma tteħditx deċiżjoni u, konsegwentement, li jeżisti “proċess deċiżjonali” għaddej, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta s-suġġett ta’ tali proċess ma jkunx determinat, imur kontra kemm l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li r-rifjut ta’ aċċess ikun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur konkret u attwali, jiġifieri, wieħed li huwa raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċiment ipotetiku, tal-interess protett (36). Fil-fatt, sakemm is-suġġett eżatt ta’ deċiżjoni futura ma jkunx għadu ġie ddeterminat, kull riskju ta’ preġudizzju għall-proċess deċiżjonali intiż għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni minħabba l-iżvelar ta’ dokument mitlub skont ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa mid-definizzjoni tiegħu stess ipotetiku, peress li huwa, fir-realtà, impossibbli li jiġi vverifikat jekk il-kontenut ta’ dan id-dokument huwiex verament marbut ma’ dan il-proċess deċiżjonali (37).
63. Jien nirrikonoxxi li n-natura kumplessa tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-fondi Ewropej ma tiffaċilitax l-identifikazzjoni ta’ proċess deċiżjonali. Madankollu, ir-Regolament Nru 1303/2013 għandu l-għan li jagħti kompetenzi distinti lid-diversi partijiet interessati involuti (38).
64. Fil-każ preżenti, il-problema ma tinsabx tant fl-assenza ta’ deċiżjoni formali daqs kemm fil-fatt li s-suġġett tal-proċess deċiżjonali, kif l-Ungerija ssostni li jeżisti, ma huwiex, u ma jistax jiġi, iddefinit.
65. Minn naħa waħda, kif fakkret il-Kummissjoni, il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti ma teħtieġx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni peress li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri skont l-allokazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1303/2013.
66. Barra minn hekk, l-argument li l-iskambju intern ta’ opinjonijiet rifless fid-dokumenti kontenzjużi jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ verifika bil-quddiem mill-Kummissjoni ma jistax jiġi aċċettat: sakemm id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali dwar is-sejħa għal proposti ma tkunx ġiet adottata, il-Kummissjoni ma tista’ tivverifika xejn. Sakemm id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-qafas għal din is-sejħa ma tkunx ġiet adottata, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tifforma opinjoni jew teżerċita l-kompetenzi deċiżjonali tagħha skont ir-Regolament Nru 1303/2013.
67. Għalhekk, l-Ungerija ma tistax targumenta li l-influwenza tal-Kummissjoni fuq il-proċess ta’ tħejjija tas-sejħa għal proposti hija tali li l-azzjoni tagħha tammonta għal deċiżjoni ta’ verifika minn qabel, peress li għad ma hemm l-ebda ċertezza dwar l-eżistenza u l-kontenut innifsu tas-sejħa għal proposti. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li, matul id-djalogu informali bħal dak li wassal għall-iskambju intern ta’ opinjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali huma liberi li jiddeċiedu jekk isegwux il-proposti tal-Kummissjoni jew jippersistux bl-abbozz tagħhom, jew saħansitra jekk jirrinunzjawx għall-finanzjament mill-Fondi ESI, kif joħroġ ukoll mill-punt 90 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkontestat mill-Ungerija.
68. Għal dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li skambju intern ta’ opinjonijiet jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jissodisfaw l-aspettattivi tal-Kummissjoni sabiex jevitaw korrezzjonijiet finanzjarji futuri li din tista’ tiddeċiedi lanqas ma huwa konvinċenti: tabilħaqq, strateġija implimentata biex jiġi evitat teħid ta’ deċiżjoni futura ma tistax tikkorrobora l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali pendenti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
69. Għalhekk, anki kieku l-approċċ, li l-Ungerija ssejjaħ “formalistiku”, segwit mill-Qorti Ġenerali, u sostnut b’interpretazzjoni stretta tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (39), kellu jiġi abbandunat – quod non – favur l-approċċ “funzjonali” propost mill-Ungerija, ir-rabta bejn id-dokumenti li qiegħed jintalab aċċess għalihom u l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni hija wisq ipotetika u inċerta, peress li dak il-proċess ma jistax jiġi identifikat verament. Fi kliem ieħor, lanqas l-hekk imsejjaħ approċċ “funzjonali” ma rnexxilu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.
70. Fl-aħħar nett, mingħajr ma nantiċipa l-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, l-insuffiċjenza tat-teżi tal-Ungerija tidher li hija murija mill-kunsiderazzjoni li ġejja: jekk wieħed jammetti li t-teżi funzjonali tipprevali, ma narax kif jista’ jkun possibbli għall-Kummissjoni li tiġġustifika, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti billi turi li l-aċċess joħloq riskju ta’ preġudizzju raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku, għall-interess protett mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
71. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ewwel parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.
2. Fuq l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali pendenti tal-Kummissjoni dwar talba għal modifika tal-programm operattiv (it-tieni parti)
a) Sunt tal-argument tal-partijiet
72. Essenzjalment, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi naqset milli tikkunsidra li l-korrispondenza li seħħet mal-Kummissjoni dwar il-kontenut tas-sejħa għal proposti kienet relatata ma’ proċess deċiżjonali pendenti tal-Kummissjoni, peress li setgħet tiġi interpretata bħala talba biex jiġi mmodifikat il-programm operattiv, filwaqt li modifika bħal din tippreżupponi deċiżjoni mill-istituzzjoni. Madankollu, talba għal modifika ta’ programm operattiv ma tibdiex sempliċement wara t-talba formali għal modifika iżda, fil-prattika, fil-mument meta jintlaħaq qbil dwar il-kontenut tiegħu mal-Kummissjoni.
73. Il-Kummissjoni spiss tagħmel osservazzjonijiet qabel ma tiġi sottomessa talba għal modifika ta’ programm bħal dan, u dawn l-osservazzjonijiet ikunu milqugħa mill-Istat Membru kkonċernat biex jiġi evitat ir-riskju ta’ korrezzjoni finanzjarja. L-Ungerija turi l-pożizzjoni tagħha billi tirreferi għal żewġ skambji mal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Lulju 2017, u tat‑13 ta’ Lulju 2021. Stat Membru ma jippreżentax proposta ta’ modifika lill-Kummissjoni mingħajr ma din tal-aħħar tkun l-ewwel approvatha f’kuntest informali.
74. Il-Kummissjoni tinvoka n-natura parzjalment inammissibbli, minħabba t-tentattiv ta’ tressiq, fl-istadju ta’ appell, ta’ provi ġodda, u parzjalment infondata tat-tieni parti tat-tielet aggravju.
b) Evalwazzjoni
75. L-argument tal-Ungerija huwa fl-istess linja ta’ dak żviluppat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, fis-sens li huwa intiż mill-ġdid, li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ħadet approċċ formali żżejjed għall-proċess deċiżjonali billi rrifjutat li tikkunsidra li l-iskambju intern ta’ opinjonijiet bejn l-Ungerija u l-Kummissjoni kien jikkonċerna proċess deċiżjonali relatat ma’ talba għal modifika ta’ programm operattiv.
76. B’mod preliminari, ma nistax ma naħsibx li l-argument tal-Ungerija, li jsostni li l-proċess deċiżjonali pendenti li għalih jirrelataw id-dokumenti kontenzjużi jikkonċerna jew il-finalizzazzjoni ta’ sejħa għal proposti jew talba biex jiġi mmodifikat programm operattiv, għandu t-tendenza pjuttost jikkonferma n-natura indeterminata tas-suġġett tad-deċiżjoni li tkun ser tingħata u li l-proċess tagħha jkun protett bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
77. Fi kwalunkwe każ, rigward l-approċċ funzjonali, nagħmel riferiment, mutatis mutandis, għall-analiżi tal-limitazzjonijiet tiegħu magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju. Għaldaqstant, l-argument kollu dwar in-natura informali tal-influwenza tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
78. Ninnota wkoll li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-Kummissjoni tista’ tkun meħtieġa tadotta deċiżjoni fil-każ ta’ modifika tal-programm operattiv li taħtu taqa’ sejħa għal proposti, skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1303/2013 (40). Madankollu, hija nnutat ukoll li, fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx irċeviet tali talba għal modifika (41), u spjegat ir-raġunijiet li wassluha għal din il-konstatazzjoni, b’mod li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jidher li huwa mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt.
79. Fir-rigward taż-żewġ skambji msemmija mill-Ungerija, kif innutat il-Kummissjoni, anki kieku dawn kellhom jitqiesu rilevanti u suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ talba għal modifika – quod non – , nikkonstata li l-invokazzjoni tagħhom hija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-provi li ma kinux tressqu l-ewwel quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dawn ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.
80. It-tieni parti tat-tielet aggravju għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.
3. Fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-proċess deċiżjonali pendenti tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali responsabbli sabiex jiffinalizzaw l-abbozzi ta’ sejħa għal proposti taħt ir-Regolament Nru 1303/2013 (it-tielet parti)
a) Sunt tal-argumenti tal-partijiet
81. Essenzjalment, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex intiż li jipproteġi l-interessi leġittimi tal-Istati Membri u ma jistax japplika meta jkunu għaddejjin proċessi deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali, fis-sens tar-Regolament Nru 1303/2013. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali żammet ma’ interpretazzjoni strettament litterali ta’ dik id-dispożizzjoni, filwaqt li l-ħtieġa li jinstab bilanċ delikat bejn iktar trasparenza u l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri, wara l-abbandun tar-regola tal-awtur, teħtieġ li wieħed imur lil’hinn mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
82. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li dan l-artikolu jista’ jiġi invokat mill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw il-proċessi deċiżjonali tagħhom stess (42), sakemm il-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri tikkostitwixxi limitu oġġettiv li jiġġustifika r-rifjut li jiġu żvelati d-dokumenti inkwistjoni. Interpretazzjoni restrittiva ta’ tali limiti oġġettivi tista’ ddgħajjef il-fiduċja tal-Istati Membri fl-istituzzjonijiet u toħloq diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri. Filwaqt li l-Istati Membri qabel kienu jirrikorru għall-Kummissjoni f’każ ta’ dubju, sabiex jevitaw penali finanzjarji, jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha tiġi kkonfermata, dan iwassal biex titnaqqas l-effikaċità tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kummissjoni peress li dawn jirriskjaw, meta jikkomunikaw mal-Kummissjoni, li jagħmlu pubbliċi kunsiderazzjonijiet li jkunu għadhom ma ħadux deċiżjoni dwarhom. Jekk l-Istati Membri ma jistgħux jipproteġu l-proċessi deċiżjonali tal-istituzzjonijiet tagħhom, ma jkollhom l-ebda inċentiv biex javviċinaw lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li dwarhom waħda mill-awtoritajiet tagħhom għadha ma ħaditx deċiżjoni. Aċċess għal dokumenti jista’ jiġi żgurat wara l-konklużjoni tal-proċessi deċiżjonali nazzjonali.
83. Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda minħabba li hija infondata.
b) Evalwazzjoni
84. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li l-eċċezzjoni bbażata fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma setgħetx tiġi interpretata bħala li tipproteġi wkoll il-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali fis-sens tar-Regolament Nru 1303/2013. Il-Qorti Ġenerali fakkret li t-terminu “istituzzjoni” li jidher fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien iddefinit fl-Artikolu 1(a) ta’ dak ir-regolament bħala li jirreferi għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, filwaqt li mill-Artikolu 3(b) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet mhux Komunitarji jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “parti terza” (43). Il-Qorti Ġenerali mbagħad ipproċediet biex teżamina l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll l-għan u l-iskop tiegħu (44), qabel ma fakkret ir-rekwiżit għal interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu 4 (45).
85. L-argumenti tal-Ungerija żviluppati fil-kuntest ta’ din il-parti ma jfittxux li jikkontestaw din l-analiżi, li, barra minn hekk, issegwi approċċ kompletament klassiku meta l-qorti tal-Unjoni tintalab tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tmur lil’hinn mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri tikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika li jingħatalhom il-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni biex jipproteġu l-proċessi deċiżjonali tagħhom stess, kif seta’ jiġi dedott mis-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (46).
86. Il-pożizzjoni tal-Ungerija hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ din is-sentenza.
87. Huwa tabilħaqq żbaljat li wieħed jistrieħ fuq din il-ġurisprudenza biex tiġi sostnuta interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li ssir kuntrarja għall-formulazzjoni tiegħu. It-tagħlim li għandu jinstilet mill-imsemmija sentenza għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jista’ jinftiehem biss fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tafferma fil-ġurisprudenza li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi eċċezzjoni materjali u għandu l-għan li jiddefinixxi l-limiti oġġettivi ta’ interess pubbliku jew privat li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ żvelar (47), huwa ċar li dawn il-limiti dejjem jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament u li għandhom jitqiesu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tapplika din id-dispożizzjoni. Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, ma japplikax fil-każ fejn il-proċess deċiżjonali ta’ korp mhux Komunitarju jkun pendenti. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ddefinit b’riferiment għall-istituzzjonijiet elenkati minn dan, u mhux għal kategoriji ta’ dokumenti speċifiċi u lanqas għall-awtur tad-dokument miżmum minn xi waħda minn dawn l-istituzzjonijiet (48).
88. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Ungerija, l-adozzjoni ta’ tali interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jxejjinx l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament mill-kontenut tiegħu. Hija preċiżament din l-aħħar dispożizzjoni li tippermetti s-salvagwardja, matul il-proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni, tal-interessi li Stat Membru jqis leġittimi (49) billi jagħtih il-possibbiltà li jitlob lil dik l-istituzzjoni ma tiżvelax dokument li joriġina minnu (50). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat li tirrikonoxxi fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet għall-iskopijiet li tippreserva l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali jew tal-politika tal-Istati Membri fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti li ġejjin minn dawn tal-aħħar, għad-detriment tar-regoli speċifiċi ta’ dan ir-regolament (51). L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa mogħni bl-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi (1) sa (3) ta’ dan l-artikolu u fil-limiti ta’ dawk l-eċċezzjonijiet (52).
89. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament bil-mod mixtieq mill-Ungerija tkun manifestament tinjora l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jillimitaha biss għal dokumenti relatati ma’ proċess deċiżjonali ta’ xi istituzzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.
90. Ir-regoli tal-logħba huma ċari, inkluż għall-Istati Membri. Huwa għalhekk li ma naqbilx mat-tħassib espress mill-Ungerija dwar it-tnaqqir fil-fiduċja fil-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (53). Fi kwalunkwe każ, tali tħassib ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tmur lil hinn mill-kliem tiegħu, li tkun ukoll, kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, kuntrarja għar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni restrittiva prevista minn dan l-artikolu (54).
91. Fi tmiem l-analiżi preċedenti, ebda żball ta’ liġi ma seta’ jiġi identifikat. It-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
4. Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv, serju u konkret fil-proċess deċiżjonali pendenti (ir-raba’ parti)
a) Sunt tal-argumenti tal-partijiet
92. L-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li hija ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ preġudizzju serju, effettiv u konkret għall-proċess deċiżjonali dwar il-finalizzazzjoni tal-abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. L-appellanti ssostni li l-iżvelar tad-dokumenti jista’ jippreġudika l-finalizzazzjoni ta’ dan l-abbozz għaliex jipprovdi informazzjoni privileġġjata lil ċerti organizzazzjonijiet, li tippermettilhom iħejju aħjar l-offerti tagħhom għal din is-sejħa.
93. L-Ungerija tikkontesta wkoll l-affermazzjoni, li hija biss parzjalment vera, li tinsab fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-kontenut tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 kien, fil-mument tat-talba għall-aċċess għal dokumenti, aċċessibbli online għall-pubbliku filwaqt li, skont l-Ungerija, l-abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 kien ġie emendat (abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.25) u l-verżjoni emendata ġiet, min-naħa tagħha, ippubblikata biss fit‑28 ta’ Ottubru 2022.
94. Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda.
b) Evalwazzjoni
95. Din il-parti tat-tielet aggravju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, f’każ li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikun japplika għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija dwar il-finalizzazzjoni tal-abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, dwar jekk kienx hemm preġudizzju għall-proċess deċiżjonali li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.
96. Il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat sussidjarjament jekk din il-kundizzjoni kinitx issodisfatta (55), peress li kienet ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda proċess deċiżjonali pendenti fi ħdan il-Kummissjoni, u għalhekk li l-eċċezzjoni għall-iżvelar invokata mill-Ungerija ma kinitx applikabbli. Peress li jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza appellata fuq dan il-punt, bħala prinċipju, ma jkollhiex għalfejn tirrispondi għal din il-parti tat-tielet aggravju.
97. Madankollu, inkompli l-analiżi billi nindika li l-Qorti Ġenerali fakkret li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu (56), peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista teħtieġ li jintwera li l-aċċess għad-dokument ikkonċernat jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni f’kuntest ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (57). Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-preġudizzju kkaġunat għandu jilħaq ċerta grad ta’ serjetà (58).
98. Dan il-qafas analitiku huwa konformi mal-istat attwali tal-ġurisprudenza dwar din il-kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta istituzzjoni tal-Unjoni, tiddeċiedi li tiċħad talba għal aċċess abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, din għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni u r-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (59). Bl-istess mod, hija l-persuna li titlob l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, minn istituzzjoni li japplika għaliha r-Regolament Nru 1049/2001, li għandha tipprovdi, fi żmien utli, spjegazzjonijiet ekwivalenti (60). L-eżistenza ta’ tali riskju għandha tiġi stabbilita, u s-sempliċi allegazzjoni mhux sostnuta ma hijiex suffiċjenti biex l-eċċezzjoni titqies applikabbli (61).
99. L-Ungerija ma tikkontestax dan l-istandard. Għaldaqstant hija kellha l-obbligu li tistabbilixxi, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-proċess deċiżjonali relatat mal-finalizzazzjoni tal-abbozz tas-sejħa għal proposti seta’ jiġi affettwat b’mod serju, effettiv u konkret mill-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi.
100. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-motivi mressqa mill-Ungerija ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat kif l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi seta’ jaffettwa b’dan il-mod il-proċess deċiżjonali (62). L-affermazzjonijiet tal-Ungerija intiżi li jsostnu li l-iżvelar tad-dokumenti jista’ jippreġudika l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, sa fejn benefiċjarji potenzjali tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 jistgħu jiksbu informazzjoni li tagħtihom vantaġġ kompetittiv żleali ma kinux ikkorroborati, peress li l-Ungerija ma ressqet ebda argument iddettaljat u lanqas ebda prova (63). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali siltet argument mill-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma setax, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, jikkomprometti l-proċess deċiżjonali marbut ma’ din is-sejħa għal proposti, peress li l-kontenut tal-imsemmija sejħa kien, f’din id-data, aċċessibbli għall-pubbliku (64).
101. Fl-istadju tal-appell, għalkemm jidher li l-Ungerija qiegħda tikkontesta, permezz ta’ allegazzjoniiet ġeneriċi, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, hija tagħmel dan mingħajr ma qatt tkun konvinċenti, peress li l-argumentazzjoni tagħha sempliċement tirrepeti l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.
102. Fir-rigward tal-bqija, għal dak li jikkonċerna l-punt 137 tas-sentenza appellata, l-Ungerija ssostni li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li s-sejħa għal proposti kienet disponibbli fid-data tat-talba inizjali “hija vera biss parzjalment” (65) u li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li abbozz ġdid ta’ sejħa għal proposti (66) kien ġie ppubblikat wara d-data tad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni seta’ ppermetta lil ċerti partijiet interessati jiksbu informazzjoni li tagħtihom vantaġġ kompetittiv. Madankollu, nikkonstata li s-sentenza appellata ma tagħmel ebda riferiment għal tali argument li għalhekk il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li huwa ġdid u, bħala tali, barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (67), punt li l-Ungerija ma tidhirx li qiegħda tikkontesta (68). Fi kwalunkwe każ, l-Ungerija ssemmi biss il-potenzjalità ta’ aċċess li kien jagħti lok għal vantaġġ kompetittiv mhux ippreċiżat. Tali nuqqas ta’ preċiżjoni fl-allegazzjoni ta’ preġudizzju għall-proċess deċiżjonali lanqas ma tidher li tissodisfa l-istandard meħtieġ sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ preġudizzju serju, effettiv u konkret.
103. Konsegwentement, ir-raba’ u l-aħħar parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.
5. Konklużjoni dwar it‑tielet aggravju
104. Wara li ġew eżaminati l-erba’ partijiet tat-tielet aggravju, għandu jiġi konkluż li dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.
C. Konklużjoni
105. Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u t-tielet aggravju.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 T‑104/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:467.
3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1049/2001”.
4 Dan l-abbozz ta’ sejħa għal proposti, bin-numru tal-kodiċi “EFOP 2.2.5”, intitolat “Titjib tat-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura mhux istituzzjonali – sostituzzjoni tal-akkomodazzjoni istituzzjonali sal‑2023” (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal proposti EFOP 2.2.5”) kien tħejja mill-awtorità ta’ ġestjoni nnominata mill-awtoritajiet Ungeriżi għall-implimentazzjoni tal-programm operattiv għall-iżvilupp tar-riżorsi umani għad-deistituzzjonalizzazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà li attwalment jgħixu f’istituzzjonijiet fl-Ungerija (EFOP). L-EFOP kien ġie adottat mill-Kummissjoni fuq proposta tal-Ungerija skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 15).
5 Dawn kienu posta elettronika, li kienet tinkludi żewġ annessi, mill-awtoritajiet Ungeriżi tal‑11 ta’ Marzu 2020, kif ukoll erba’ ittri mill-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2020, tas‑6 ta’ Awwissu 2020, tal‑5 ta’ Jannar 2021 u tal‑14 ta’ April 2021.
6 Bħala tfakkira, l-Artikolu 4(3) sa (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa fformulat kif ġej:
“3. Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.
Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.
4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta' partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.
5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.”
7 Jiġifieri, il-ħames dokumenti tal-awtoritajiet Ungeriżi inizjalment identifikati mill-Kummissjoni u l-erba’ dokumenti addizzjonali identifikati fl-istadju tal-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontentzjużi”).
8 Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-ewwel tirrispondi għall-argument tal-Kummissjoni, li tħalli lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-ammissibbiltà tal-appell fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikoli 168 u 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 12 u 13 tar-risposta tal-Kummissjoni). Madankollu, jiena tal-fehma li, l-ewwel nett, peress li l-Kummissjoni ma qajmitx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u, it-tieni nett, il-kontenut tar-risposta tal-Kummissjoni juri l-fatt li l-Kummissjoni kienet kompletament f’pożizzjoni li tifhem l-argumenti tal-appell, dan tal-aħħar għandu jitqies ammissibbli.
9 L-Ungerija ma tidhirx, fil-fatt, li tikkontesta l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 tas-sentenza appellata, ħaġa li hija kkonfermata minn qari tal-punt 24 tal-appell.
10 Ara l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001.
11 Enfasi miżjud minni.
12 Il-bażi għaliha huwa l-Artikolu 5(5) u (6) tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 miżjuda bħala anness mar-regoli interni tal-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2001 li temenda r-regoli ta’ proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 408).
13 Raġunijiet ta’ kunfidenzjalità jistgħu saħansitra jimmilitaw favur li l-komunikazzjoni tinżamm dejjem separata mid-deċiżjoni ta’ żvelar tar-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni bi ħsiebha tagħti aċċess għad-dokumenti minkejja l-oppożizzjoni espressa minn Stat Membru.
14 Ara l-punt 29 tal-appell.
15 Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017 (T‑210/15, EU:T:2017:224).
16 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 155).
17 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Validity vs Il-Kummissjoni (C‑51/23 P, mhux ippubblikata, EU:C:2024:664, punti 49 u 62).
18 Jiġifieri d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2021: ara l-punt 7 tas-sentenza appellata.
19 Ara l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001.
20 Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Validity vs Il-Kummissjoni (C‑51/23 P, mhux ippubblikata, EU:C:2024:664, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara l-punt 28 tar-risposta tal-Kummissjoni.
22 Infakkar li l-imsemmija talba għal aċċess, li diġà kienet tikkonċerna dokumenti relatati mas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni inizjali ta’ rifjut, ibbażata fuq oġġezzjonijiet imqajma mill-Ungerija, li invokat il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pendenti. Din id-deċiżjoni inizjali ġiet ikkonfermata fl-istadju tal-applikazzjoni konfermatorja qabel ma l-applikant ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi d-deċiżjoni konfermatorja tagħha u finalment tagħti aċċess għad-dokumenti, li wassal lill-Qorti Ġenerali biex tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara d-digriet tat‑22 ta’ Novembru 2022, Validity vs Il-Kummissjoni (T‑640/20, EU:T:2022:752)). Dawn l-elementi kollha huma mfakkra fl-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021.
23 Jiġifieri s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑210/15, EU:T:2017:224).
24 Ara l-punt 76 tas-sentenza appellata.
25 Ara l-punti 60 sa 63 tas-sentenza appellata.
26 Ara l-punt 64 sa 66 tas-sentenza appellata.
27 Ara l-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata.
28 Ara l-punt 69 tas-sentenza appellata.
29 Ara l-punt 70 tas-sentenza appellata.
30 Ara l-punt 71 tas-sentenza appellata.
31 Ara l-punt 72 tas-sentenza appellata.
32 Ara l-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata.
33 Ara l-punt 75 tas-sentenza appellata.
34 Punt 76 tas-sentenza appellata.
35 Ħaġa li l-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 82 tas-sentenza appellata.
36 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Il-Kummissjoni vs Pollinis France (C‑726/22 P, EU:C:2025:17, punt 63).
37 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Il-Kummissjoni vs Pollinis France (C‑726/22 P, EU:C:2025:17, punt 74).
38 Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
39 Ara l-punti 80 sa 86 tas-sentenza appellata.
40 Ara l-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata.
41 Ara l-punt 99 tas-sentenza appellata.
42 L-Ungerija tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 57).
43 Ara l-punt 109 tas-sentenza appellata.
44 Ara l-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata.
45 Ara l-punt 113 tas-sentenza appellata.
46 Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007 (C‑64/05 P, EU:C:2007:802).
47 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 57).
48 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2017:563, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 83).
50 Jiġifieri kemm id-dokumenti li l-Istat Membru stess huwa l-awtur tagħhom kif ukoll dawk li sempliċement ġew trażmessi minn dan l-Istat Membru lill-istituzzjoni kkonċernata: sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 61).
51 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 65).
52 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 76).
53 Inżid hawnhekk li l-fatt li ma jiġix estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti relatati mal-proċess deċiżjonali ta’ awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka, fejn l-eċċezzjoni tista’ tapplika, l-osservanza ta’ ċerti regoli tad-dritt nazzjonali li jipproteġu interess pubbliku li jipprekludu l-iżvelar ta’ dokument u li jiġu invokati minn Stat Membru għal dan il-għan, u li mbagħad jistgħu jitqiesu bħala interess li jistħoqqlu protezzjoni skont din id-dispożizzjoni: ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 84).
54 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe (C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il-Kunsill vs Pech (C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 33) kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2025, Il-Kummissjoni vs Pollinis France (C‑726/22 P, EU:C:2025:17, punt 62).
55 Ara l-punt 129 tas-sentenza appellata.
56 Ara l-punt 130 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.
57 Ara l-punt 131 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.
58 Ara l-punt 132 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.
59 Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA (C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 54 u 93 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2025, Il-Kummissjoni vs Pollinis France (C‑726/22 P, EU:C:2025:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA (C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 94).
61 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA (C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 95).
62 Ara l-punt 133 tas-sentenza appellata.
63 Ara l-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata.
64 Ara l-punt 137 tas-sentenza appellata.
65 Ara l-punt 124 tal-appell. Ninnota li l-Ungerija tagħmel interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali ma tagħmilx riferiment għad-data tat-talba inizjali iżda għal dik tad-deċiżjoni kontenzjuża.
66 EFOP 2.2.25.
67 Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2026, XH vs Il-Kummissjoni (Fastidju matul leave għall-mard) (C‑75/24 P, EU:C:2026:6, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Ara l-punt 44 tar-replika tal-Ungerija.