6.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/8


P9_TA(2019)0017

Is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti (2019/2821(RSP))

(2021/C 171/02)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (1), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (3) u tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija (4),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tagħha li jakkumpanja r-Rapport 2019 dwar it-Turkija (SWD(2019)0220),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2018 u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u l-impenn tat-Turkija fir-rigward tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali,

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2260 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tal-24 ta' Jannar 2019 intitolata “The worsening situation of opposition politicians in Turkey: what can be done to protect their fundamental rights in a Council of Europe Member State?”,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fid-19 ta' Awwissu 2019 dwar is-sospensjonijiet ta' sindki eletti u d-detenzjoni ta' mijiet ta' persuni fix-Xlokk tat-Turkija,

—

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kawża Selahattin Demirtaş v. it-Turkija,

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 (2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija,

—

wara li kkunsidra l-fatt li l-valuri kostituttivi tal-UE huma msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri, li japplikaw ukoll għall-pajjiżi kollha li huma kandidati għal sħubija fl-UE,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Turkija hija Stat parti għalihom,

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE u, bħala pajjiż kandidat, mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-elezzjonijiet kredibbli, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali għal proċess ġust;

B.

billi fil-31 ta' Marzu 2019 saru elezzjonijiet lokali fit-Turkija u dawn “twettqu b'mod ordnat”, skont il-konklużjonijiet preliminari tad-delegazzjoni ta' osservazzjoni elettorali mill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa; billi l-għadd ta' persuni li vvutaw fl-elezzjonijiet lokali kien impressjonanti; billi l-elezzjoni ġiet ikkritikata fil-wisa' mill-osservaturi minħabba preġudizzju eċċessiv tal-media favur il-partit Alleanza tal-Poplu li qiegħed fil-gvern;

C.

billi, fl-elezzjonijiet lokali tal-31 ta' Marzu 2019, is-sindku Adnan Selçuk Mızraklı ta' Diyarbakır kiseb maġġoranza ta' 63 %, is-sindku Ahmet Türk ta' Mardin kiseb maġġoranza ta' 56 %, filwaqt li s-sindku Bedia Özgökçe ta' Van kisbet maġġoranza ta' 54 % tal-voti, jiġifieri, għalhekk, li t-tliet sindki kollha kisbu mandat ċar mill-poplu biex iwettqu d-dmirijiet li jikkonċernaw il-kariga tagħhom ta' sindku;

D.

billi t-tliet sindki kollha ngħataw l-approvazzjoni mill-Kunsill Elettorali Suprem tar-Repubblika tat-Turkija (YSK) biex joħorġu għall-elezzjonijiet bħala kandidati;

E.

billi s-sindki eletti demokratikament ta' Diyarbakır, Van u Mardin fix-Xlokk tat-Turkija ġew sostitwiti bi gvernaturi/amministraturi provinċjali maħtura mill-gvern minħabba li kienu għaddejjin minn investigazzjoni kriminali għal allegati rabtiet mat-terroriżmu;

F.

billi s-sostituzzjoni ta' Adnan Selçuk Mızraklı, Ahmet Türk u Bedia Özgökçe Ertan bi gvernaturi tal-Istat hija ta' tħassib serju peress li tqajjem dubji dwar ir-rispett tar-riżultati demokratiċi tal-elezzjonijiet tal-31 ta' Marzu 2019; billi 418-il persuna ċivili oħra, prinċipalment membri u impjegati tal-kunsill muniċipali minn 29 provinċja differenti madwar it-Turkija, ġew detenuti fit-18 ta' Awwissu 2019 abbażi ta' allegazzjonijiet simili u mhux sostanzjati;

G.

billi, f'Settembru 2016, il-liġi Torka dwar il-muniċipalitajiet inbidlet skont digriet ta' stat ta' emerġenza biex tiffaċilita t-tneħħija amministrattiva ta' sindki akkużati b'rabtiet mat-terroriżmu u s-sostituzzjoni tagħhom bi gvernaturi provinċjali; billi l-Kummissjoni ta' Venezja stiednet lill-awtoritajiet Torok jirrevokaw id-dispożizzjonijiet imdaħħla mid-Digriet Leġiżlattiv Tork Nru 674 tal-1 ta' Settembru 2016, li mhumiex strettament meħtieġa mill-istat ta' emerġenza, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-regoli li jippermettu l-mili ta' postijiet battala għall-karigi ta' sindku, viċi sindku u membru tal-kunsill lokali permezz ta' ħatriet;

H.

billi, fid-9 ta' April 2019, il-YSK iddikjara lil erba' sindki u membri eletti oħra ta' kunsilli muniċipali fix-Xlokk tat-Turkija bħala ineliġibbli li jokkupaw il-kariga, minkejja li kien ikkonvalida l-kandidaturi tagħhom qabel l-elezzjonijiet tal-31 ta' Marzu 2019, għaliex qal li dawn il-kandidati preċedentement kienu impjegati taċ-ċivil u tkeċċew minn xogħolhom b'digriet tal-Gvern; billi, wara din id-deċiżjoni, il-YSK ta dawn il-karigi lil kandidati mill-Partit tal-Ġustizzja u l-Iżvilupp (AKP); billi t-trażżin tal-oppożizzjoni politika Torka qed iseħħ f'kuntest fejn l-ispazju għall-ilħna demokratiċi qiegħed jiċkien u fl-isfond ta' miżuri kontinwi meħuda mill-awtoritajiet Torok bil-għan li jsikktu lil min ma jaqbilx magħhom, inklużi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-akkademiċi, l-imħallfin u l-avukati;

I.

billi ħafna mill-miżuri li ttieħdu huma sproporzjonati, jiksru kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali Torka kif ukoll l-impenji tal-pajjiż bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u jmorru kontra l-ICCPR; billi aktar minn 150 000 ruħ ġew detenuti fit-trażżin ta' wara l-kolp ta' stat u 78 000 ruħ ġew arrestati abbażi ta' akkużi ta' terroriżmu, filwaqt li aktar minn 50 000 ruħ għadhom il-ħabs – fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mingħajr evidenza konklużiva; billi, minn Diċembru 2018 'il hawn, in-numru totali ta' persuni detenuti l-ħabs mingħajr akkuża jew li qed jistennew proċess huwa ta' madwar 57 000; billi aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-ħabs qegħdin il-ħabs għal akkużi relatati mat-terroriżmu, inklużi ġurnalisti, attivisti politiċi, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dan iwassal għal aktar tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura;

J.

billi d-deċiżjonijiet tal-YSK li terġa' ssir l-elezzjoni tas-sindku f'Istanbul u li l-kariga ta' sindku ta' muniċipalitajiet individwali fix-Xlokk tat-Turkija tingħata lill-kandidati li ġew it-tieni huma ta' tħassib serju, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett tal-legalità u l-integrità tal-proċess elettorali u tal-indipendenza tal-istituzzjoni mill-indħil politiku;

K.

billi, fit-3 ta' Settembru 2019, il-Ministru tal-Intern Tork ħabbar li kienu se jingħataw ordnijiet oħra biex jitneħħew uffiċjali eletti, u hedded b'mod speċifiku li jneħħi lis-sindku ta' Istanbul, Ekrem İmamoğlu;

L.

billi, fis-6 ta' Settembru 2019, il-President Provinċjali tal-Partit Popolari Repubblikan (CHP), Canan Kaftancıoğlu, ġiet ikkundannata 9 snin u 8 xhur ħabs fuq akkużi li insolentat lill-President u lil uffiċjali pubbliċi, umiljat lill-Istat, inċitat lill-poplu għall-ostilità u l-mibegħda, u użat il-kanali tal-media soċjali tagħha biex ixxerred il-propaganda għal organizzazzjoni terroristika bejn l-2012 u l-2017;

M.

billi diversi dimostrazzjonijiet pubbliċi organizzati kontra t-tneħħija tas-sindki ġew ipprojbiti għal raġunijiet ta' sigurtà, u dawk li seħħew ġew sfrattati bil-forza mill-pulizija, ħafna drabi b'detenzjonijiet tal-massa u bil-prosekuzzjoni tal-parteċipanti; billi dan huwa r-riżultat ta' leġiżlazzjoni introdotta immedjatament wara t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza;

N.

billi t-Turkija ġarrbet numru ta' attakki u t-tentattiv ta' kolp ta' stat tal-2016 li fih inqatlu 248 ruħ;

1.

Jikkundanna d-deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet Torok biex sindki eletti demokratikament jitneħħew mill-kariga abbażi ta' evidenza dubjuża; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet ikomplu jdgħajfu l-kapaċità tal-oppożizzjoni politika li teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq ir-rwol demokratiku tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-membri tal-oppożizzjoni arrestati bħala parti mit-trażżin tal-ilħna kollha ta' dissens fil-pajjiż, u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom;

2.

Jikkritika bil-qawwa s-sostituzzjoni arbitrarja ta' rappreżentanti eletti lokali b'amministraturi mhux eletti, billi dan ikompli jdgħajjef l-istruttura demokratika tat-Turkija; jistieden lill-awtoritajiet Torok jerġgħu jagħtu l-kariga lis-sindki u lill-uffiċjali eletti l-oħra kollha li rebħu l-elezzjonijiet lokali fil-31 ta' Marzu 2019 u ma tħallewx jieħdu l-kariga jew tkeċċew jew ġew sostitwiti b'amministraturi mhux eletti abbażi ta' allegazzjonijiet mhux sostanzjati;

3.

Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza motivata politikament ta' Canan Kaftancıoğlu, li huwa ċar li qed tiġi kkastigata talli kellha rwol ewlieni fil-kampanja elettorali ta' suċċess tas-sindku ta' Istanbul, u jitlob b'insistenza li titreġġa' lura minnufih;

4.

Jikkundanna t-theddid tal-awtoritajiet Torok li jkeċċu uffiċjali eletti oħra u jistieden lit-Turkija ma tkomplix tieħu miżuri intimidatorji oħra;

5.

Itenni l-importanza ta' relazzjonijiet tajbin mat-Turkija li jkunu bbażati fuq valuri komuni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi, inkluż ir-rispett tar-riżultati elettorali, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali ta' proċess ġust; jistieden lill-Gvern Tork jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk kollha li jgħixu u jaħdmu fit-Turkija, inklużi dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

6.

Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija, u jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja, il-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minbarra mezzi oħra maħsuba biex jippersegwitaw eluf ta' ċittadini Torok, inklużi politiċi u uffiċjali eletti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, impjegati taċ-ċivil, membri ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, akkademiċi u għadd bla qies ta' ċittadini ordinarji; jesprimi tħassib dwar rapporti ta' prosekuzzjonijiet u investigazzjonijiet kontinwi rigward reati ta' terroriżmu vagi u ġenerali żżejjed;

7.

Iħeġġeġ lit-Turkija tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu definita f'termini ġenerali m'għandhiex tintuża biex tikkastiga liċ-ċittadini u lill-media talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' libertà tal-espressjoni, jew biex rappreżentanti eletti jitneħħew b'mod arbitrarju u jiġu sostitwiti b'amministraturi tal-Gvern;

8.

Jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrispettaw il-prinċipji internazzjonali, jiżguraw il-pluraliżmu u l-libertajiet tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, isegwu l-aħjar prattiki u jiggarantixxu ambjent favorevoli għal dawk eletti permezz tal-espressjoni ħielsa u ġusta tar-rieda tal-poplu Tork; jenfasizza li dawn id-deċiżjonijiet jiksru d-dritt ta' elezzjonijiet ħielsa, id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u d-dritt ta' libertà tal-espressjoni skont il-KEDB;

9.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-użu eċċessiv ta' proċedimenti legali kontra rappreżentanti eletti lokali fit-Turkija u s-sostituzzjoni tagħhom b'uffiċjali maħtura – prattika li ddgħajjef serjament il-funzjonament xieraq tad-demokrazija lokali;

10.

Jistieden lill-Gvern Tork jiżgura li l-individwi kollha jkollhom id-dritt ta' proċess ġust u li l-każijiet tagħhom jiġu eżaminati minn qorti ġudizzjarja indipendenti, f'konformità ma' standards internazzjonali, li tkun tista' tiżgura rimedju – inkluż kumpens għad-danni materjali u morali kkawżati; jistieden lit-Turkija tiżgura l-indipendenza operattiva, strutturali u finanzjarja tal-Istituzzjoni Torka tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Ugwaljanza u tal-Istituzzjoni Torka tal-Ombudsman sabiex tiggarantixxi l-kapaċità tagħhom li jipprovdu opportunitajiet ġenwini ta' rieżami u rimedju u tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.

Jikkundanna l-fatt li Selahattin Demirtaş, kap tal-oppożizzjoni u kandidat presidenzjali, għadu arrestat, u jitlob li jinħeles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-każ tiegħu, li tistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsuh minnufih;

12.

Jesprimi tħassib serju dwar il-monitoraġġ tal-pjattaformi tal-media soċjali u l-għeluq ta' kontijiet tal-media soċjali mill-awtoritajiet Torok;

13.

Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħtu lill-Parlament rendikont sħiħ dwar is-suġġetti diskussi matul id-djalogu politiku bejn l-UE u t-Turkija tat-13 ta' Settembru 2019;

14.

Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu s-sitwazzjoni tal-membri tal-oppożizzjoni arrestati, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti politiċi, tal-avukati, tal-ġurnalisti u tal-akkademiċi li jinsabu f'detenzjoni mal-interlokuturi Torok tagħhom, u jipprovdulhom appoġġ diplomatiku u politiku, inklużi l-osservazzjoni tal-proċessi u l-monitoraġġ tal-każijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-użu ta' għotjiet ta' emerġenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Tork, lill-Gvern tat-Turkija u lill-Parlament tagħha, u jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork.

(1)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 93.

(2)  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 199.

(3)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0200.