18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/27


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Ġunju 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tat-tranżitu ta’ ċerti prodotti tal-laħam u ta’ stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem li ġejjin mill-Bosnja-Ħerzegovina

(notifikata bid-dokument C(2013) 3484)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/292/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(5), l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 9(4)(c) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (2) tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u ta’ stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi għat-tranżitu, fl-Unjoni, ta’ konsenji ta’ prodotti tal-laħam li jkunu ġejjin mill-Bosnja-Ħerzegovina lejn pajjiżi terzi minħabba s-sitwazzjoni ġeografika u l-ħtieġa li, wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, jinżamm l-aċċess għall-port Kroat ta’ Ploče.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE (3) tfassal lista approvata ta’ postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera u tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet imwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni, u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi Traces. Peress li l-arranġamenti għat-tranżitu, fl-Unjoni, ta’ konsenji ta’ prodotti tal-laħam li jkunu ġejjin mill-Bosnja-Ħerzegovina lejn pajjiżi terzi jistgħu jsiru b’mod effettiv biss billi jkun hemm aċċess mill-postijiet ta’ spezzjoni, fil-fruntiera Kroata, ta’ Nova Sela u Ploče, huwa meħtieġ li dawn il-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/821/KE hekk kif ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi għall-approvazzjoni tagħhom.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2007/777/KE, jiżdied l-Artikolu 6a li ġej:

“Artikolu 6a

Deroga għat-tranżitu fil-Kroazja, ta’ konsenji li jkunu ġejjin mill-Bosnja-Ħerzegovina u destinati lejn pajjiżi terzi

1.   B’deroga mill-Artikolu 5, it-tranżitu dirett bit-triq fl-Unjoni, bejn il-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera ta’ Nova Sela u Ploče, ta’ konsenji li jkunu ġejjin mill-Bosnja-Ħerzegovina u destinati lejn pajjiżi terzi, għandu jiġi awtorizzat jekk ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konsenja tkun issiġillata b’siġill innumerat f’serje fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera għall-introduzzjoni fl-Unjoni mill-veterinarju uffiċjali fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul;

(b)

id-dokumenti li jakkumpanjaw il-konsenja u li jissemmew fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/78/KE jkunu ttimbrati “GĦAL TRANŻITU FL-UE LEJN PAJJIŻI TERŻI, BISS” fuq kull paġna mill-veterinarju uffiċjali fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul;

(c)

ikun hemm konformità mar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/78/KE;

(d)

il-konsenja tkun iċċertifikata bħala aċċettabbli għat-tranżitu fid-Dokument Veterinarju Komuni ta’ Dħul imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 (*1) mill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul.

2.   Il-ħatt jew il-ħżin, kif definiti fl-Artikolu 12(4) jew fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 97/78/KE, ta’ dawn il-konsenji fl-Unjoni ma għandux jiġi permess.

3.   L-awtorità kompetenti trid twettaq verifiki b’mod regolari biex tiżgura li l-għadd ta’ konsenji u l-kwantitajiet ta’ prodotti li jħallu l-Unjoni jaqbel mal-għadd u l-kwantitajiet li jkunu qed jidħlu fl-Unjoni.

(*1)   ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11.” "

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)   ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49.

(3)   ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1.