31993R2158



Official Journal L 194 , 03/08/1993 P. 0005 - 0006
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0003


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2158/93

tat-28 ta' Lulju 1993

dwar l-applikazzjoni ta' emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, u għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġiż minn vapuri, 1973, għall-iskop tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 613/91

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 613/91 ta' l-4 ta' Marzu 1991 dwar it-trasferiment ta' vapuri minn reġistru għal ieħor ġewwa l-Komunità [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2)(a) tiegħu,

Billi l-applikabbilità tar-regoli tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, (1974 Solas), u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż minn Vapuri, 1973, kif emendati permezz tal-Protokoll 1978 (1973/78 Marpol), għall-għan tat-trasferiment ta' vapuri hu llimitat għal dawk ir-regoli fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 613/91, jiġifieri l-4 ta' Marzu 1991;

Billi fil-frattemp, minħabba l-ħtieġa li jiġi mtejjeb l-istandard tas-sigurtà ta' vapuri, is-Solas 1974 u l-Protokoll 1978 tiegħu kienu emendati fid-9 u fl-10 ta' Novembru 1988, fil-11 ta' April 1989 u fit-23 ta' Mejju 1990; billi dawn l-emendi daħlu fis-seħħ internazzjonalment fl-1 ta' Frar 1992;

Billi fil-frattemp ukoll, minħabba l-ħtieġa li jiġu mtejba l-istandards ta' prevenzjoni tat-tniġġiż minn vapuri, il-Marpol 1973/78 kien emendat fl-4 ta' Lulju 1991, liema emendi daħlu fis-seħħ internazzjonalment fl-4 ta' April 1993;

Billi, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni ta' dawn l-istandards ta' sigurtà mtejba marittima u prevenzjoni ta' tniġġiż ġewwa l-Komunità għar-rigward tat-trasferiment ta' vapuri bejn reġistri ta' l-Istati Membri, dawn l-emendi għandhom ikunu ddikjarati applikabbli għall-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 613/91;

Billi l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tas-7 ta' Mejju 1993 tal-Kumitat dwar it-Trasferiment ta' Vapuri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-emendi segwenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali 1974 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (1974 Solas) għandhom japplikaw għall-iskop tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 613/91:

1. ir-riżoluzzjoni 1 tal-"Konferenza ta' Gvernijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974 dwar is-Sistema Globali ta' Periklu Marittimu u Sigurtà", tad-9 ta' Novembru 1988, li temenda il-Kapitoli I, II-I, III, IV, V u l-Appendiċi ta' l-Anness tas-Solas ta' l-1974;

2. ir-riżoluzzjoni 2 tal-"Konferenza ta' Gvernijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974 dwar is-Sistema Globali ta' Periklu Marittimu u Sigurtà", tad-9 ta' Novembru 1988, li tadotta r-reġistri ta' l-apparat (il-Formola E u R) biex tissupplimenta ċ-Ċertifikat dwar Apparat ta' Sigurtà ta' Vapuri tat-Tagħbija u ċ-Ċertifikat dwar ir-Radju tas-Sigurtà ta' Vapuri tat-Tagħbija kif preskritt fl-Anness tas-Solas ta' l-1974;

3. ir-riżoluzzjoni tal-"Konferenza ta' Partijiet għall-Protokoll ta' l-1978 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974 dwar is-Sistema Globali ta' Periklu Marittimu u Sigurtà", ta' l-10 ta' Novembru 1988, li temenda il-Kapitolu I u l-Appendiċi tiegħu ta' l-Anness tal-Protokoll ta' l-1978 li tirrelata dwar is-Solas ta' l-1974;

4. ir-riżoluzzjoni MSC 13(57) tas-57 laqgħa tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Marittima ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, adottata fil-11 ta' April 1989, li temenda il-Kapitoli II-1, II-2, III, IV, V u VII ta' l-Anness tas-Solas ta' l-1974;

5. ir-riżoluzzjoni MSC 19(58) tat-58 laqgħa tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Marittima ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, adottata fit-23 ta' Mejju 1990, li temenda l-Kapitolu II-1 ta' l-Anness tas-Solas ta' l-1974;

L-Artikolu 2

Ir-Riżoluzzjoni MEPC 47(31) tal-31 laqgħa tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni Ambjentali Marittima ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ta' l-4 ta' Lulju 1991, li temenda l-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġiż minn Vapuri, 1973, kif emendata permezz tal-Protokoll 1978, għandha tapplika għall-finijiet tar-Regolament (KEE) Nru 613/91.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Lulju 1993.

Għall-Kummissjoni

Abel Matutes

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 68, tal-15.3.1991, p. 1.

--------------------------------------------------