9.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1684

tat-8 ta' Novembru 2018

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu b'lieva li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u (1) (“ir-Regolament bażiku”), b'mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   L-investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1136/2006 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva (lever arch mechanisms - “LAM”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) (“il-miżuri oriġinali”). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn 'il quddiem se ssir referenza għaliha bħala “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 796/2012 (3), il-Kunsill, wara rieżami tal-iskadenza f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (4), impona mill-ġdid il-miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' LAM li joriġinaw mir-RPĊ (ir-“rieżami tal-iskadenza preċedenti”).

1.2.   Talba għal rieżami tal-iskadenza

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti, (5) il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ir-Regolament bażiku).

(4)

It-talba għal rieżami tressqet fit-30 ta' Mejju 2017 mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Mekkaniżmi li Jinfetħu u Jingħalqu b'Lieva (“l-applikant”) f'isem tliet produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw madwar 95 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' LAM. It-talba għal rieżami kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għall-kontinwazzjoni ta' dumping u għar-rikorrenza ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Il-bidu

(5)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat mal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami tal-iskadenza, fl-1 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(6)

L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.5.   Il-partijiet interessati

(7)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, lill-produtturi magħrufa l-oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, lill-importaturi/utenti li kienu magħrufa li huma kkonċernati, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ dwar il-bidu tar-rieżami tal-iskadenza.

(8)

Il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn fil-limiti ta' żmien stabbiliti fin-Notifika ta' Bidu. Il-partijiet interessati ngħataw ukoll l-opportunità li jitolbu bil-miktub seduta ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni u/jew mill-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.5.1.   Kampjunar

(9)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista' tieħu kampjun tal-partijiet interessati f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.5.1.1.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(10)

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-kampjunar kien previst fin-Notifika ta' Bidu.

(11)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. L-informazzjoni mitluba kienet tinkludi l-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(12)

Ebda wieħed mit-33 produttur/esportatur Ċiniż li ġew ikkuntattjati u ebda produttur/esportatur Ċiniż ieħor ma ppreżenta lilu nnifsu u ma pprovda l-informazzjoni mitluba.

1.5.1.2.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(13)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b'mod provviżorju kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-kampjun intgħażel fuq il-bażi tal-volum ta' bejgħ tal-prodott simili. Il-kampjun kien jikkonsisti fi tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jammontaw għal aktar minn 75 % tal-produzzjoni totali stmata tal-industrija tal-Unjoni u għal aktar minn 75 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Ma wasal l-ebda kumment u, għaldaqstant, il-kampjun provviżorju kien ikkonfermat. Il-kampjun tqies li kien rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.5.1.3.   Kampjunar ta' importaturi mhux relatati

(14)

Bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk ikun il-każ, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha ġew mistiedna jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni. Dawk il-partijiet intalbu jippreżentaw irwieħhom billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness II tan-Notifika ta' Bidu.

(15)

Barra minn hekk, fl-istadju tal-bidu, il-Kummissjoni kkuntattjat 26 importatur identifikati fit-talba għal rieżami, u dawn ġew mistiedna jispjegaw l-attività tagħhom u jimlew l-Anness II tan-Notifika ta' Bidu.

(16)

Ebda wieħed mill-importaturi ma resaq 'il quddiem u ppreżenta lilu nnifsu lill-Kummissjoni.

1.5.2.   Kwestjonarji

(17)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil tliet utenti li ġew identifikati fit-talba għal rieżami.

(18)

Intbagħtu wkoll kwestjonarji lil 38 produttur f'pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq potenzjali, jiġifieri fil-Kambodja, l-Indja, l-Iran, il-Ġappun, l-Isvizzera, it-Tajlandja u l-Ukrajna. Ebda wieħed mill-produtturi fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi analogi potenzjali ma pprovda lill-Kummissjoni bi tweġiba kompleta għall-kwestjonarju.

(19)

It-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ippreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju. Ebda utent ma pprovda tweġiba għall-kwestjonarju.

(20)

Kif imsemmi fil-premessa (12), l-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera u pprovda tweġiba għall-kwestjonarju.

1.5.3.   Żjarat ta' verifika

(21)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u ħsara u tal-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Produtturi tal-Unjoni

—

IML, Offanengo, l-Italja

—

NIKO, d.o.o., Železniki, is-Slovenja

—

INTERKOV spol. s.r.o., Benešov nad Ploučnici, ir-Repubblika Ċeka

2.   IL-PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott taħt rieżami

(22)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri LAM ġeneralment użati għall-arkivjar ta' folji tal-karti u dokumenti oħrajn f'binders jew fajls. Dawn il-LAM jikkonsistu f'elementi tal-metall robusti (normalment tnejn) f'forma ta' arkata fuq pjanċa tad-dahar u li jkollhom mill-inqas molla waħda tal-ftuħ li tippermetti li jiddaħħlu u jiġu ffajljati folji tal-karti u dokumenti oħrajn, li joriġinaw mir-RPĊ (“prodott taħt rieżami”) u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00 (kodiċi TARIC 8305100050).

2.2.   Prodott simili

(23)

Kien ikkunsidrat li l-prodott taħt rieżami manifatturat fir-RPĊ u esportat lejn l-Unjoni u l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi. Għalhekk, dawn tqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' DUMPING

(24)

F'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping mir-RPĊ.

3.1.   Kummenti preliminari

(25)

Kif imsemmi fil-premessi (12) u (20), l-ebda produttur/esportatur Ċiniż ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ċiniżi li minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista' tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-sejbiet fir-rigward tar-RPĊ. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta mingħand l-awtoritajiet Ċiniżi f'dan ir-rigward.

(26)

Konsegwentement, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b'mod partikolari l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħal siti web uffiċjali ta' kumpaniji, l-informazzjoni fit-talba għal rieżami u l-informazzjoni miksuba mill-partijiet li kkooperaw matul l-investigazzjoni ta' rieżami (jiġifieri l-applikanti u l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun).

3.2.   Dumping

(27)

In-Notifika ta' Bidu għamlet referenza għall-użu ta' pajjiż analogu sabiex ikun jista' jiġi stabbilit il-valur normali. Inkella, jekk ma kienx hemm kooperazzjoni minn xi pajjiż analogu xieraq, il-Kummissjoni pprevediet li tuża l-prezzijiet effettivament imħallsin jew pagabbli fl-Unjoni bl-iskop li jiġi stabbilit il-valur normali. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar jekk din il-bażi hijiex adegwata sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Ma wasal l-ebda kumment f'dan ir-rigward.

(28)

Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni kemm min-naħa tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ kif ukoll min-naħa tal-importaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-kwantitajiet ta' bejgħ għall-esportazzjoni jew il-prezzijiet abbażi tat-tranżazzjonijiet. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat mezzi alternattivi sabiex tiddetermina l-prezz tal-esportazzjoni.

(29)

L-ewwel nett, kien ikkunsidrat jekk id-data tal-Eurostat jew data statistika oħra, bħad-data rrapportata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6)”), kontrovverifikata ma' data disponibbli oħra, tistax tintuża bħala mezz alternattiv sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni. Madankollu, id-data tal-Eurostat ma kenitx addattata minħabba li l-istatistika tal-importazzjoni kopriet ukoll importazzjonijiet oħrajn minbarra l-prodott taħt rieżami. Bl-istess mod, il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6) ma ppermettietx il-possibbiltà li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jitqabblu ma' dawk tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip. Minbarra dan, it-TARIC jew il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6) jirreġistraw il-volum ta' LAM f'kilogrammi, filwaqt li l-valur normali huwa bbażat fuq il-biċċiet.

(30)

It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li tirrikorri għall-prezzijiet tal-esportazzjoni inklużi fit-talba għal rieżami. Ta' min ifakkar li din il-metodoloġija ntużat fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti msemmija fil-premessa (2) u li, fil-prinċipju, tippermetti wkoll li jsir tqabbil skont it-tip. Madankollu, il-fatturi inklużi fit-talba għal rieżami kienu għall-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħrajn.

(31)

Għaldaqstant, id-dumping ma setax jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u ma kienx possibbli li tiġi stabbilita determinazzjoni affermattiva tad-dumping. Għalhekk, l-investigazzjoni ffokat fuq il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping.

3.3.   Il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping

(32)

Fir-rigward tal-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: ir-relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; il-kapaċità tal-produzzjoni, il-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ; u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

3.3.1.   Ir-relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(33)

Fid-dawl tan-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-valur normali tqabbel mal-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ lejn pajjiżi terzi oħrajn f'konformità mal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

3.3.1.1.   Il-bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali

(34)

F'konformità mal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xierqa (il-pajjiż analogu), jew abbażi tal-prezz tal-esportazzjonijiet mill-pajjiż analogu lejn pajjiżi oħrajn, inkluża l-Unjoni. Meta dawk il-metodoloġiji ma jkunux disponibbli, il-valur normali jista' jiġi ddeterminat ukoll fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz effettivament imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili, aġġustat kif xieraq, jekk ikun meħtieġ, sabiex jinkludi marġini ta' profitt raġonevoli.

(35)

It-talba għal rieżami mill-industrija tal-Unjoni semmiet għadd ta' produtturi f'pajjiżi b'ekonomija tas-suq barra l-Unjoni (jiġifieri l-Indja, l-Iran u t-Tajlandja).

(36)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni pprevediet li tfittex il-kooperazzjoni mill-Indja, mit-Tajlandja u mill-Iran. Barra minn hekk, in-Notifika ta' Bidu speċifikat li jekk ma kienx se jkun hemm kooperazzjoni mill-produtturi fil-pajjiżi b'ekonomija tas-suq barra l-Unjoni, il-Kummissjoni pprevediet li tuża l-prezzijiet effettivament imħallsin jew pagabbli fl-Unjoni bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Tabilħaqq, il-prezzijiet effettivament imħallsin jew pagabbli fl-Unjoni kienu l-bażi li ntużat sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti kif imsemmi fil-premessa (2).

(37)

Kif imsemmi fil-premessa (18), wara l-bidu, il-produtturi ġew ikkuntattjati kif xieraq mill-Kummissjoni, kif ukoll minn produtturi potenzjali oħrajn f'pajjiżi oħrajn li jistgħu jiġu identifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

(38)

Produttur Iranjan wieħed tal-LAM indika li xtaq jikkoopera, iżda pprovda biss tweġiba parzjali għall-kwestjonarju. Minkejja t-talbiet mill-Kummissjoni, dan il-produttur ma pprovdiex aktar informazzjoni. L-informazzjoni pprovduta minn dan il-produttur kienet ferm inkompleta u/jew inkonsistenti u, b'hekk, ma setgħetx tintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur normali.

(39)

Ma kien hemm l-ebda produttur ieħor fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi analogi potenzjali l-oħrajn li ġew ikkuntattjati mill-Kummissjoni li kkoopera.

(40)

F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda alternattiva oħra għajr li tibbaża fuq il-prezzijiet effettivament imħallsin jew pagabbli fl-Unjoni, bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(41)

Ma kien hemm l-ebda parti interessata li kkummentat dwar l-adegwatezza ta' dik il-bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

3.3.1.2.   Valur normali

(42)

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku u kif spjegat fil-premessi minn (34) sa (41), il-valur normali kien stabbilit bl-użu tal-prezz effettivament imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili li nstab li kien fil-perkors normali tal-kummerċ.

(43)

B'riżultat ta' dan, il-valur normali ġie stabbilit bħala l-prezz tal-bejgħ domestiku medju ponderat għal klijenti mhux relatati tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(44)

L-ewwel ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienx rappreżentattiv f'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk il-volum totali ta' dan il-bejgħ kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni. Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, l-informazzjoni fir-rigward tal-volum totali tal-bejgħ esportat lejn l-Unjoni kellha tiġi ddeterminata skont il-fatti disponibbli. Kif imsemmi fil-premessa (29), l-Eurostat u statistika oħra tqiesu bħala li mhumiex addattati għall-finijiet tal-istabbiliment ta' kontinwazzjoni ta' dumping. Madankollu, huma jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-livell ta' importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Abbażi ta' dan, il-bejgħ domestiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun tqies li kien b'mod ġenerali rappreżentattiv biżżejjed matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, filwaqt li tqieset il-kunfidenzjalità tad-data kif spjegata fil-premessa (63). Fid-dawl tan-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-esportaturi fir-RPĊ, ma kienx possibbli li r-rappreżentattività tiġi analizzata skont it-tip.

(45)

Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta' kull produttur tal-Unjoni inkluż fil-kampjun jistax jitqies bħala bejgħ li sar fil-perkors normali tal-kummerċ, jiġifieri jekk għal kull produttur tal-Unjoni inkluż fil-kampjun il-prezzijiet tal-bejgħ medji kinux ekwivalenti jew ogħla mill-kostijiet medji tal-produzzjoni u, għalhekk, jekk kinux profittabbli.

(46)

Għalhekk, ġie stabbilit li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni kien, bħala medja, profittabbli, u l-valur normali kien konsegwentement stabbilit abbażi tal-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ kollu tal-LAM magħmul mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

3.3.1.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(47)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ lejn pajjiżi terzi inkluża fit-talba għal rieżami kienet l-aktar bażi xierqa għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

3.3.1.4.   Tqabbil

(48)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju ponderat u l-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat sar fuq bażi ex-works. F'dan ir-rigward, saru aġġustamenti fil-valur normali u fil-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi fil-kostijiet tat-trasport domestiku tal-merkanzija u tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar skont l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku abbażi tal-elementi inklużi fit-talba għal rieżami. Dak it-tqabbil wera li l-prezz tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi msemmi fit-talba għal rieżami kien bejn 22,1 % u 32,2 % aktar baxx mill-valur normali. Dan jindika li huwa probabbli ħafna li l-prezzijiet tal-Unjoni jkunu l-oġġett ta' dumping jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping.

3.4.   L-iżvilupp tal-importazzjonijiet jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping

3.4.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ

(49)

Minħabba li ma kienet mistennija l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-konklużjonijiet li ġejjin jiddependu prinċipalment fuq l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami, l-informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-Unjoni matul l-investigazzjoni, fejn possibbli, kontrovverifikata mal-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(50)

Abbażi ta' dan, instab li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-LAM fir-RPĊ hija stmata li hija f'medda ta' bejn 600 miljun u 850 miljun biċċa; li hija simili għall-kapaċità tal-produzzjoni stmata fl-investigazzjoni ta' rieżami tal-iskadenza (7) preċedenti (bejn 600 miljun u 700 miljun biċċa).

(51)

Barra minn hekk, kif ġie stabbilit diġà fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti (8), minħabba n-natura tal-proċess tal-manifattura fir-RPĊ (prinċipalment bil-ħaddiema), il-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ għal-LAM tista' tiżdied faċilment, fost l-oħrajn, permezz tal-impjieg ta' ħaddiema addizzjonali b'investiment limitat biss fit-tagħmir.

(52)

Għalhekk, il-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ hija minn madwar 240 % sa 340 % ogħla mill-konsum fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u ferm aktar mill-produzzjoni tal-Unjoni matul dak l-istess perjodu.

(53)

Fit-talba għal rieżami, il-produzzjoni tal-LAM fir-RPĊ kienet stmata li hija ta' madwar 350 miljun biċċa u, għalhekk, l-istima konservattiva tal-kapaċità ta' riżerva taqbeż il-260 miljun biċċa. Din il-kapaċità ta' riżerva tikkorrespondi bejn wieħed u ieħor għall-konsum kollu tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(54)

Konsegwentement, jista' jiġi konkluż b'mod raġonevoli li teżisti kapaċità ta' riżerva sostanzjali fir-RPĊ. Kif inhu spjegat fil-premessi minn (49) sa (53), hemm probabbiltà kbira li tali kapaċità ta' riżerva tkun immirata lejn is-suq tal-Unjoni jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping.

3.4.2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(55)

Minkejja l-konsum li qed jonqos tal-LAM fis-suq tal-Unjoni, id-domanda tal-Unjoni għal-LAM għadha sostanzjali u tirrappreżenta madwar 45 % tas-suq dinji. Is-suq tal-Unjoni għadu l-akbar suq dinji għal-LAM.

(56)

Hemm biss għadd limitat ta' swieq oħrajn fejn jintuża l-LAM. Barra minn hekk, dawk is-swieq għandhom daqs ferm iżgħar mis-suq tal-Unjoni u, għalhekk, ma jkunux jistgħu jassorbu l-kapaċità żejda kbira tar-RPĊ. Minbarra dan, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-konsum tal-LAM fir-RPĊ huwa baxx ħafna u mhux mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti.

(57)

Kif deskritt fil-premessa (48), tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ lejn pajjiżi terzi u l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni wera li l-prezzijiet prevalenti kienu ġeneralment ogħla fis-suq tal-Unjoni. Dan il-fatt jagħmel is-suq tal-Unjoni aktar attraenti għal importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi bħal dawn minħabba li jistgħu jiġġeneraw aktar profitti.

(58)

Għalhekk, ġie konkluż li s-suq tal-Unjoni jkun suq attraenti għall-esportazzjonijiet miċ-Ċina, jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping.

(59)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, jekk il-miżuri jiġu rrevokati, x'aktarx li l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti. Kif muri fil-premessi minn (34) sa (48), dawk l-importazzjonijiet x'aktarx isiru bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

3.4.3.   Konklużjoni

(60)

Minħabba l-kapaċità żejda notevoli fiċ-Ċina, id-daqs limitat tas-suq domestiku Ċiniż u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, ġie konkluż li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni jiżdiedu fi kwantitajiet sinifikanti jekk il-miżuri antidumping jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li dawn l-importazzjonijiet x'aktarx li jsiru bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Għalhekk, hemm probabbiltà kbira ta' rikorrenza ta' dumping.

4.   IL-PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' ĦSARA

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(61)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-LAM kienu manifatturati fl-Unjoni minn sitt produtturi magħrufa. Tlieta minn dawn il-produtturi huma rrappreżentati mill-applikant. Dawn is-sitt produtturi tal-Unjoni jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. It-tliet produtturi tal-Unjoni, irrappreżentati mill-applikant, ġew inklużi fil-kampjun, kif deskritt fil-premessi minn (13) sa (21). Il-kampjun jirrappreżenta aktar minn 75 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u l-volum tal-bejgħ kif deskritt fil-premessa (13).

(62)

Wieħed mill-produtturi mhux inklużi fil-kampjun, Mi.me.ca. Srl, l-Italja, ġiet ddikjarata falluta (9) matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami f'Jannar 2017. Żewġ produtturi tal-Unjoni oħrajn mhux inklużi fil-kampjun, EJA International, in-Netherlands, u Technosteel, l-Italja, waqfu jipproduċu l-LAM wara l-perjodu kkunsidrat fl-2018.

(63)

Meta wieħed iqis li mit-tliet kumpaniji inklużi fil-kampjun, tnejn huma relatati, id-data użata għall-analiżi tal-ħsara hija pprovduta f'forma indiċjata f'dan ir-Regolament, sabiex b'hekk tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva għan-negozju skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

(64)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami ġiet stabbilita bħala li tinsab fil-medda ta' bejn 270 u 330 miljun biċċa abbażi tal-evidenza pprovduta fit-talba għal rieżami, id-data addizzjonali pprovduta mill-applikant u t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(65)

Il-Kummissjoni stmat il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ abbażi tad-data mill-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6) matul il-perjodu kkunsidrat, billi applikat fattur ta' konverżjoni għall-volumi totali f'kilogrammi. Il-Kummissjoni użat wkoll dan il-fattur ta' konverżjoni fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti, sabiex issarraf l-istatistika dwar l-importazzjonijiet (stabbiliti f'kilogrammi) f'kemm jiġu biċċiet, billi rabtet il-konverżjoni mal-piż medju tal-aktar tip rappreżentattiv.

(66)

L-applikant ippropona li jintuża fattur ta' konverżjoni ieħor, li kien ftit aktar baxx minn dak użat fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti. Il-Kummissjoni ma laqgħetx dan is-suġġeriment abbażi tal-fatt li ma ngħatat l-ebda evidenza li tindika direzzjoni fil-bidla tax-xejriet tal-importazzjonijiet u/jew fil-konsum tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żammet il-fattur ta' konverżjoni użat fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(67)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni abbażi tad-data rrapportata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri f'konformità mal-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6).

(68)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni kien ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni fi stadju ta' qabel il-bidu u l-informazzjoni vverifikata pprovduta mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju.

(69)

Kif indikat fil-premessa (63), id-data kunfidenzjali mit-tliet kumpaniji inklużi fil-kampjun ma tistax tiġi divulgata fit-tabelli li ġejjin. Għalhekk, fejn meħtieġ, intużaw indiċijiet sabiex juru x-xejriet matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 1

Il-Konsum tal-Unjoni

 

2014

2015

2016

PIR

Indiċi (2014 = 100)

100

91

93

89

Sors: L-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni fi stadju ta' qabel il-bidu, il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6), it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni

(70)

Kif muri fit-Tabella 1, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 11 % matul il-perjodu kkunsidrat, kif spjegat mid-diġitalizzazzjoni kontinwa tal-amministrazzjoni tal-uffiċċji u l-iffajljar elettroniku, li wasslu għal inqas iffajljar ta' kopji stampati u, konsegwentement, għal tnaqqis fil-konsum tal-prodott taħt rieżami.

4.3.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(71)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ abbażi tad-data mill-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6) matul il-perjodu kkunsidrat, kif indikat fil-premessa (67).

Abbażi ta' dan, l-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ u s-sehem mis-suq tagħha żviluppaw kif muri fit-Tabella 2:

Tabella 2

Il-Volum tal-Importazzjoni tal-LAM mir-RPĊ u s-Sehem mis-Suq tar-RPĊ

 

2014

2015

2016

PIR

Indiċi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (2014 = 100)

100

55

15

0,13

Is-sehem mis-suq tal-Unjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

5,6 %

3,2 %

0,9 %

0,0 %

Sors: L-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni fi stadju ta' qabel il-bidu, il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6), it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni.

(72)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-importazzjonijiet tal-LAM mir-RPĊ naqas b'mod konsiderevoli minn sena għal sena sabiex laħaq livell insinifikanti sal-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Fl-2015, l-importazzjonijiet għal-LAM miċ-Ċina naqsu b'45 % u fis-sena ta' wara b'aktar minn 70 %. Fl-aħħar nett, fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, il-volum tal-importazzjonijiet naqas għal ftit eluf ta' biċċiet biss.

(73)

Konsegwentement, is-sehem mis-suq tar-RPĊ naqas ukoll b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Dan naqas minn 5,6 % fl-2014 għal kważi 0 % sal-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

4.3.2.   Ix-xejra fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(74)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u n-nuqqas ta' sorsi alternattivi, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit prezz tal-importazzjoni preċiż. Dan minħabba li, kif ġie spjegat fil-premessa (29), l-istatistika ma kinitx meqjusa bħala addattata minħabba li wieħed mis-sorsi kien ikopri wkoll importazzjonijiet oħrajn minbarra l-prodott ikkonċernat u s-sors l-ieħor ma kienx jippermetti l-possibbiltà li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jitqabblu ma' dawk tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip.

(75)

Madankollu, kien meqjus li l-prezzijiet tal-importazzjoni rreġistrati fil-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6) kienu addattati sabiex tiġi identifikata x-xejra globali fil-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ. Ix-xejra fil-prezzijiet tal-importazzjoni fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppat kif muri fit-Tabella 3:

Tabella 3

Il-Prezz Medju tal-Importazzjonijiet ta' LAM mir-RPĊ

 

2014

2015

2016

PIR

Indiċi (2014 = 100)

100

113

109

157

Sors: Il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6)

(76)

Kif muri fit-Tabella 3, il-prezzijiet tal-importazzjoni żdiedu bi 13 % fl-2015 u naqsu bi 3,5 % fl-2016. Il-livell tal-prezzijiet żdied b'46 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, din ix-xejra globali jenħtieġ li tiġi vvalutata fl-isfond tal-kwantità żgħira ħafna ta' importazzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, li ma tistax titqies bħala rappreżentattiva tal-livelli tal-prezzijiet fin-nuqqas ta' miżuri.

(77)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u n-nuqqas ta' sorsi alternattivi ta' informazzjoni, matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami ma seta' jiġi kkalkolat ebda marġini ta' twaqqigħ tal-prezz.

4.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra mir-RPĊ

(78)

L-importazzjonijiet ta' LAM minn pajjiżi terzi minbarra mir-RPĊ kienu prinċipalment mill-Indja. Kien hemm ukoll kwantitajiet żgħar ta' importazzjoni mill-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġappun, is-Serbja, l-Isvizzera, it-Tajwan, l-Ukrajna u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(79)

Il-volum aggregat tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet ta' LAM mill-pajjiżi terzi l-oħrajn huma murija fit-Tabella 4.

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra mir-RPĊ

 

2014

2015

2016

PIR

Indiċi tal-Importazzjonijiet (2014 = 100)

100

121

122

149

Sehem mis-suq

3,8 %

5,0 %

5,0 %

6,3 %

Il-prezz medju, Indiċi (2014 = 100)

100

140

165

148

Sors: L-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni fi stadju ta' qabel il-bidu, il-bażi ta' data tal-Artikolu 14(6), it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni

(80)

B'mod ġenerali, il-volum tal-importazzjoni mill-pajjiżi terzi l-oħrajn żdied b'mod konsiderevoli matul il-perjodu kkunsidrat b'49 %.

(81)

Billi l-konsum totali tal-Unjoni naqas matul il-perjodu kkunsidrat, din iż-żieda ssarrfet f'żieda fis-sehem mis-suq tagħhom matul l-istess perjodu minn 3,8 % fl-2014 għal 6,3 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(82)

Kif ġie spjegat fil-premessa (29), id-data statistika disponibbli ma kinitx addattata sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-LAM mir-RPĊ, huma biss ix-xejriet tal-prezzijiet tal-importazzjoni li jistgħu jiġu stabbiliti għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz medju tal-prodott importat minn pajjiżi terzi oħrajn żdied kontinwament. L-aktar żieda qawwija kienet fl-2015, meta l-prezzijiet żdiedu b'40 %. Fl-2016, il-prezzijiet komplew jiżdiedu bi 17,5 %, filwaqt li huma reġgħu naqsu b'10,3 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. B'mod ġenerali, il-prezzijiet żdiedu bi 48 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(83)

F'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(84)

Sabiex tiddetermina l-ħsara, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tal-ħsara makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi relatati mal-industrija kollha tal-Unjoni abbażi tad-data miksuba mill-applikant, kontrovverifikata mal-informazzjoni pprovduta minn għadd ta' produtturi tal-Unjoni fl-istadju ta' qabel il-bidu u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li kienu vverifikati. Iż-żewġ settijiet ta' data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Għandu jiġi nnotat li, kif ġie stabbilit fil-premessa (61), il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun irrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni tal-Unjoni.

(85)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività u d-daqs tal-marġini tad-dumping.

(86)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju medju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

(87)

Kif imsemmi fil-premessa (63), meta wieħed iqis li tnejn mit-tliet kumpaniji inklużi fil-kampjun huma relatati, id-data hija pprovduta fit-Tabella 5 f'forma indiċjata sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva għan-negozju skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità tal-Unjoni

(88)

It-Tabella 5 tistabbilixxi l-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità totali tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-Produzzjoni, il-Kapaċità tal-Produzzjoni u l-Użu tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-rigward tal-LAM

 

2014

2015

2016

PIR

Produzzjoni, Indiċi (2014 = 100)

100

97

102

102

Kapaċità tal-produzzjoni, Indiċi (2014 = 100)

100

100

100

100

Użu tal-kapaċità, Indiċi (2014 = 100)

100

97

102

102

Sors: L-applikant, informazzjoni fl-istadju ta'qabel il-bidu u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(89)

Il-volum tal-produzzjoni totali tal-Unjoni żdied bi ftit biss matul il-perjodu kkunsidrat u laħaq livell ogħla ta' 2 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(90)

Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni baqgħet stabbli matul il-perjodu kkunsidrat.

(91)

Konsegwentement, ir-rata tal-użu tal-kapaċità tal-Unjoni segwiet ix-xejra tal-volum tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat. B'mod ġenerali, ir-rata tal-użu tal-kapaċità żdiedet bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, wara ż-żieda ta' 2 % fil-volum tal-produzzjoni.

4.5.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u sehem mis-suq tal-Unjoni

(92)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif muri fit-Tabella 6:

Tabella 6

Il-Volum tal-Bejgħ u s-Sehem mis-Suq tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-LAM

 

2014

2015

2016

PIR

Volum ta' bejgħ, Indiċi (2014 = 100)

100

91

95

91

Sehem mis-suq

91,9 %

92,3 %

94,3 %

93,6 %

Indiċi (2014 = 100)

100

100

103

102

Sors: L-applikant, informazzjoni fl-istadju ta'qabel il-bidu u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(93)

Filwaqt li l-volum tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni baqa' relattivament stabbli kif indikat fit-Tabella 5, il-volum tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b'9 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 2 %, prinċipalment minħabba l-konsum tal-Unjoni li qed jonqos u t-tnaqqis fl-importazzjonijiet mir-RPĊ.

4.5.2.3.   Tkabbir

(94)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet bi 2 %, filwaqt li, kif imsemmi fil-premessi (70) u (93), il-konsum tal-Unjoni naqas bi 11 % u l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b'9 %. Din iż-żieda fil-produzzjoni hija spjegata miż-żieda fil-bejgħ mill-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

4.5.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(95)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

L-Impjiegi u l-Produttività fl-Industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-LAM

 

2014

2015

2016

PIR

Għadd ta' impjegati, Indiċi (2014 = 100)

100

97

99

102

Produttività, Indiċi (2014 = 100)

100

101

103

100

Sors: L-applikant, informazzjoni fl-istadju ta'qabel il-bidu u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(96)

L-għadd ta' impjegati fl-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat bi 2 % u l-produttività baqgħet stabbli.

4.5.2.5.   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat

(97)

Kif ġie spjegat fil-premessa (31), ma kienx possibbli li tiġi stabbilita determinazzjoni affirmattiva ta' dumping. Għalhekk, l-investigazzjoni ffokat fuq il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping.

(98)

Fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti, l-industrija tal-Unjoni wriet sinjali ta' rkupru mill-effetti ta' dumping fil-passat. Matul il-perjodu kkunsidrat tal-investigazzjoni attwali, il-proċess ta' rkupru kompla kif muri minn xejra favorevoli għall-industrija tal-Unjoni tal-indikaturi tal-ħsara ewlenin. Barra minn hekk, domanda aktar baxxa fis-suq tal-Unjoni, li wasslet sabiex il-konsum jitnaqqas bi 11 % matul il-perjodu kkunsidrat (ara t-Tabella 1), kienet ikkumpensata b'żieda fil-bejgħ tal-esportazzjoni kif imsemmi fil-premessa (94).

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(99)

Il-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Il-Prezzijiet tal-Bejgħ Medji u l-Kostijiet Unitarji tal-Unjoni

 

2014

2015

2016

PIR

Il-prezz tal-bejgħ medju għal kull unità fl-Unjoni, Indiċi (2014 = 100)

100

97

96

95

Il-kost unitarju tal-produzzjoni fl-Unjoni, Indiċi (2014 = 100)

100

97

93

96

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(100)

Il-prezz tal-bejgħ unitarju medju tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqas b'5 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(101)

Matul l-istess perjodu, il-kost unitarju medju tal-produzzjoni naqas b'4 %.

4.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(102)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif muri fit-Tabella 9:

Tabella 9

Il-Kostijiet Lavorattivi Medji għal kull Impjegat fl-Industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-LAM

 

2014

2015

2016

PIR

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat, Indiċi (2014 = 100)

100

99

102

104

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(103)

B'mod ġenerali, il-kostijiet lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.5.3.3.   Inventarji

(104)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-livelli tal-ħażna tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif muri fit-Tabella 10:

Tabella 10

Inventarji tal-LAM fl-Industrija tal-Unjoni

 

2014

2015

2016

PIR

Ħażniet tal-għeluq, Indiċi (2014 = 100)

100

109

111

185

Ħażniet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

7,4 %

8,3 %

8,1 %

13,5 %

Indiċi (2014 = 100)

100

112

108

182

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(105)

Il-livell tal-inventarji żdied bi 8 % sal-2016 u bi 82 % matul il-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda qawwija tal-ħażniet fi tmiem il-perjodu kkunsidrat kienet spjegata mill-industrija tal-Unjoni bħala effett tal-bejgħ staġjonali li seħħ biss minħabba l-fatt li l-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami jintemm f'Lulju minħabba li l-ogħla livell ta' bejgħ għal-LAM tradizzjonalment tintlaħaq f'Diċembru, filwaqt li l-produzzjoni hija stabbli matul is-sena.

4.5.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(106)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Il-Profittabbiltà, il-Fluss tal-Flus, l-Investimenti u r-Redditu fuq l-Investiment

 

2014

2015

2016

PIR

Profittabbiltà tal-bejgħ totali fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati, Indiċi (2014 = 100)

100

105

134

90

Fluss tal-flus, Indiċi (2014 = 100)

100

107

120

42

Investiment, Indiċi (2014 = 100)

100

87

91

103

Redditu fuq l-investiment

42 %

47 %

63 %

36 %

Indiċi (2014 = 100)

100

113

151

87

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(107)

Matul l-ewwel sentejn, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'34 % u mbagħad naqset b'mod qawwi matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. B'mod ġenerali, hija naqset b'10 % matul il-perjodu kkunsidrat, iżda baqgħet fuq il-profitt fil-mira ta' 5 % kif stabbilit fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti.

(108)

Huwa żdied b'20 % mill-2014 sal-2016 u mbagħad naqas b'mod qawwi matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami. B'mod ġenerali, huwa naqas bi 58 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(109)

L-investimenti tal-industrija tal-Unjoni fil-produzzjoni tal-prodott simili naqsu bi 13 % fl-2015, imbagħad reġgħu żdiedu bi ftit, jiġifieri b'4 %, fl-2016 u komplew jiżdiedu bi 12 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Dan irriżulta f'żieda modesta ta' 3 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(110)

Ir-redditu fuq l-investiment ikejjel il-qligħ jew it-telf iġġenerat fuq investiment b'mod relattiv għall-ammont ta' flus investiti. Matul il-perjodu kkunsidrat, dan beda bħala 42 % u żdied b'51 % wara sentejn fl-2016. Madankollu, matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, ir-redditu fuq l-investiment naqas għal livell aktar baxx milli kien fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, iżda xorta baqa' 36 %.

4.5.4.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(111)

L-investigazzjoni wriet li matul il-perjodu kkunsidrat, minħabba d-dazji antidumping fis-seħħ, l-industrija tal-Unjoni setgħet tkompli tirkupra mill-ħsara mġarrba qabel. Indikaturi tal-ħsara bħall-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità u s-sehem mis-suq kollha wrew xejriet pożittivi u l-profittabbiltà baqgħet 'il fuq mill-profitt fil-mira matul il-perjodu kollu. Dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni tinvesti f'miżuri li jżidu l-produttività, tnaqqas il-kost unitarju tal-produzzjoni, filwaqt li l-kostijiet lavorattivi medji żdiedu.

(112)

L-importazzjonijiet tal-LAM mir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat kellhom biss impatt limitat fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Minħabba l-miżuri fis-seħħ, is-sehem mis-suq tagħhom kien baxx matul il-perjodu kollu. Madankollu, l-importazzjonijiet tal-LAM miċ-Ċina baqgħu preżenti fis-suq tal-Unjoni, ħlief matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, li jindikaw interess kontinwu.

(113)

B'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Industrija tal-Unjoni bbenifikat mill-miżuri antidumping fis-seħħ, minħabba li kompliet tirkupra mill-effett ta' dumping dannuż fil-passat.

4.6.   Il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara

4.6.1.   Kummenti preliminari

(114)

Kif imsemmi fil-premessa (31), ma kienx possibbli li tiġi stabbilita determinazzjoni affirmattiva ta' dumping. Madankollu, ġie stabbilit li hemm probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping jekk il-miżuri antidumping jitħallew jiskadu (ara l-premessa (60)).

(115)

Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-ħsara materjali terġax isseħħ, jekk il-miżuri kontra r-RPĊ jitħallew jiskadu.

(116)

Sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: (i) il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva disponibbli fir-RPĊ, (ii) il-livelli possibbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, (iii) l-imġiba tal-produtturi esportaturi Ċiniżi f'pajjiżi terzi oħrajn, (iv) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u (v) l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

4.6.1.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva disponibbli fir-RPĊ

(117)

Kif ġie spjegat fil-premessi (52) u (53), il-produtturi fir-RPĊ għandhom kapaċità tal-produzzjoni sinifikanti fiċ-Ċina u, bħala riżultat, kapaċità ta' riżerva li taqbeż bil-kbir il-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(118)

Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda element li jista' jindika xi żieda sinifikanti fid-domanda domestika tal-LAM fir-RPĊ jew fi kwalunkwe suq ta' pajjiż terz ieħor fil-futur qrib. Meta wieħed iqis it-tnaqqis fil-konsum tal-LAM tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-domanda domestika fiċ-Ċina jew fi swieq ta' pajjiżi terzi oħrajn ma setgħetx tassorbi l-kapaċità ta' riżerva disponibbli.

4.6.1.2.   Il-livelli tal-prezzijiet possibbli tal-importazzjonijiet Ċiniżi

(119)

Kif imsemmi fil-premessa (47), ma kien hemm ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fiċ-Ċina. Għal din ir-raġuni, l-aktar bażi xierqa għal-livelli tal-prezzijiet possibbli tal-importazzjonijiet Ċiniżi nstabet li kienet il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ lejn pajjiżi terzi inklużi fit-talba għal rieżami.

(120)

Il-livelli tal-prezzijiet ta' dawn l-esportazzjonijiet tqiesu wkoll bħala stima raġonevoli għal-livelli tal-prezzijiet futuri possibbli lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(121)

Kif ġie spjegat fil-premessi (42) u (48), il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi kienu bejn 22,1 % u 32,2 % aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Bl-istess mod, il-marġnijiet ta' twaqqigħ tal-prezzijiet instabu li kienu bejn 8,9 % u 17,8 %.

(122)

Abbażi ta' dan, il-konklużjoni hija li l-importazzjonijiet miċ-Ċina x'aktarx li jeżerċitaw pressjoni għolja fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping.

4.6.1.3.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(123)

Kif imsemmi fil-premessi minn (55) sa (57), is-suq tal-Unjoni huwa l-akbar suq uniku għal-LAM u, barra minn hekk, il-prezzijiet huma attraenti għall-produtturi Ċiniżi. Ma hemmx swieq tal-esportazzjoni ewlenin oħrajn li jassorbu l-kapaċità żejda Ċiniża, minħabba li l-LAM jintużaw biss f'għadd limitat ta' swieq. Dawn ir-raġunijiet huma inċentiv kbir għall-produtturi esportaturi Ċiniżi sabiex ibiddlu d-direzzjoni tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni fejn dawn jiksbu prezzijiet ogħla, filwaqt li xorta jkunu jistgħu jwaqqgħu b'mod sinifikanti l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, huma jkollhom inċentiv sabiex jesportaw mill-inqas parti mill-kapaċitajiet ta' riżerva tagħhom bi prezzijiet baxxi lejn is-suq tal-Unjoni.

(124)

Għalhekk, il-konklużjoni hija li l-produtturi esportaturi fir-RPĊ għandhom il-potenzjal u l-inċentiv li jżidu b'mod sostanzjali l-volum tal-esportazzjonijiet tagħhom tal-LAM lejn l-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping u li jwaqqgħu b'mod sostanzjali l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, jekk il-miżuri antidumping jitħallew jiskadu.

4.6.2.   L-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni

(125)

Żieda tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi toħloq pressjoni sinifikanti tal-prezzijiet fuq is-suq tal-Unjoni, li hija sensittiva għall-prezzijiet. L-industrija tal-Unjoni, fix-xenarju fejn hija żżomm il-livell tal-prezzijiet attwali, mhux se tkun tista' żżomm il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tagħhom fil-konfront tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi miċ-Ċina. Huwa probabbli ħafna li s-sehem mis-suq Ċiniż jiżdied b'mod rapidu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Dan x'aktarx ikun għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. It-telf tal-volum tal-bejgħ iwassal għal rata aktar baxxa tal-użu u għal żieda fil-kost medju tal-produzzjoni. Dan iwassal għal deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni u għal tnaqqis tal-profittabbiltà tagħha li, filwaqt li hija 'l fuq mill-profitt fil-mira matul il-perjodu kkunsidrat, naqset b'aktar minn 40 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. F'dan ix-xenarju, kwalunkwe żieda fil-kost twassal sabiex il-profittabbiltà taqa' taħt il-profitt fil-mira f'perjodu ta' żmien qasir, sabiex b'hekk tneħħi l-isforzi ta' rkupru magħmula fil-passat mill-industrija tal-Unjoni li, sa issa, setgħet iżżomm il-livell meħtieġ ta' investimenti sabiex tibqa' kompetittiva.

(126)

Madankollu, jekk l-industrija tal-Unjoni tiddeċiedi li tbaxxi l-livelli tal-prezzijiet tagħha f'tentattiv sabiex iżżomm il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tagħha, id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha jseħħ kważi immedjatament. Tabilħaqq, jekk l-industrija tal-Unjoni jkollha tbaxxi l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni bi 8,9 %, il-firxa aktar baxxa tat-twaqqigħ tal-prezzijiet misjuba (ara l-premessa (121)) sabiex tqabbel il-prezzijiet tal-prodotti Ċiniżi li jidħlu, dawn jibdew jagħmlu t-telf immedjatament.

(127)

Barra minn hekk, f'dan ix-xenarju, l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx li jkollha impatt negattiv dirett fuq l-industrija tal-Unjoni, minħabba li twassal direttament għal sitwazzjoni fejn isir telf. F'nofs it-terminu, dan ma jkunx sostenibbli u jwassal għall-għeluq tas-siti tal-produzzjoni u, eventwalment, għall-għejbien tal-industrija tal-Unjoni. Għandu jiġi nnotat li, matul il-perjodu kkunsidrat, l-għadd ta' produtturi tal-Unjoni kien diġà naqas minn sitta għal tlieta.

(128)

Għalhekk, jista' jiġi konkluż li hemm probabbiltà kbira li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti twassal għal rikorrenza tal-ħsara mill-importazzjonijiet Ċiniżi tal-LAM u li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li tiddeterjora u twassal għal ħsara materjali.

(129)

Il-fatt li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-LAM bħalissa qegħdin jidħlu fis-suq tal-Unjoni f'numri ferm aktar baxxi milli qabel l-impożizzjoni ta' miżuri juri li d-dazji antidumping attwali rnexxielhom jistabbilixxu mill-ġdid kundizzjonijiet kompetittivi mhux imxekkla bejn l-esportaturi Ċiniżi tal-prodott taħt rieżami u l-industrija tal-Unjoni. Madankollu, kif stabbilit fil-premessi minn (128) u (130), il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà kbira li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal rikorrenza ta' ħsara.

4.6.3.   Konklużjoni

(130)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li revoka tal-miżuri x'aktarx li tirriżulta f'żieda sinifikanti tal-importazzjonijiet tal-LAM Ċiniżi li huma l-oġġett ta' dumping bi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u li jwasslu sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta' ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni fiż-żmien meta ġew implimentati għall-ewwel darba l-miżuri. Bħala konsegwenza, il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni tkun f'riskju serju.

5.   INTERESS TAL-UNJONI

(131)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

(132)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(133)

Ta' min ifakkar li, fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti, l-adozzjoni tal-miżuri ma kinetx meqjusa li tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li din l-investigazzjoni hija rieżami tal-iskadenza u, b'hekk, tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri antidumping diġà kienu fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta' kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri antidumping attwali.

(134)

Abbażi ta' dan, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping u rikorrenza ta' ħsara, kienx hemm raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri f'dan il-każ partikolari.

5.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(135)

L-investigazzjoni wriet li jekk il-miżuri jiskadu, dan x'aktarx ikollu effett negattiv sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni. Dan ma jdumx ma jwassal għal tnaqqis fil-profittabbiltà u saħansitra għal sitwazzjoni ta' telf tal-industrija tal-Unjoni, b'impatt negattiv ukoll fuq fatturi ta' ħsara oħrajn, bħall-volum tal-produzzjoni, ir-rati tal-użu, l-investimenti u l-impjiegi. Fuq perjodu ta' żmien itwal, sitwazzjoni bħal din ma tkunx vijabbli, tant li ġġiegħel lill-produtturi tal-Unjoni jtemmu l-operazzjonijiet tagħhom fis-suq tal-Unjoni.

(136)

Fil-passat, l-industrija tal-Unjoni wriet li hija industrija vijabbli b'riżultati ekonomiċi u finanzjarji pożittivi. Fin-nuqqas virtwali tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping miċ-Ċina, hija rnexxielha tibqa' profittabbli b'marġini ta' profitt li jaqbeż il-profitt fil-mira.

(137)

Għalhekk, iż-żamma tal-miżuri antidumping fis-seħħ hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

5.2.   L-interess tal-importaturi

(138)

Kif indikat fil-premessa (16), l-ebda importatur ma kkoopera f'din l-investigazzjoni jew ipprovda l-informazzjoni mitluba. Huwa mfakkar li fl-investigazzjonijiet preċedenti nstab li l-impatt tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-importaturi mhux se jkun sinifikanti. Fin-nuqqas ta' evidenza li tissuġġerixxi mod ieħor, jista' għalhekk jiġi kkonfermat li l-miżuri fis-seħħ bħalissa ma kellhom l-ebda effett negattiv sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u li l-kontinwazzjoni tal-miżuri ma taffettwax lill-importaturi b'mod mhux xieraq.

5.3.   L-interess tal-utenti

(139)

L-importaturi tal-LAM ġeneralment ikunu wkoll l-utenti tal-LAM, minħabba li jimportawhom sabiex jipproduċu l-fajls b'lieva f'forma ta' arkata. Kif imsemmi fil-premessa (15), ġew ikkuntattjati 26 importatur/utent magħrufa fil-bidu, iżda ħadd minnhom ma wieġeb għall-formola tal-kampjunar jew ma ppreżenta xi kummenti.

(140)

L-investigazzjonijiet preċedenti stabbilixxew li l-kost tal-LAM fil-prezz bl-imnut tal-fajls b'lieva f'forma ta' arkata rrappreżenta biss perċentwal żgħir ħafna u, għalhekk, l-impatt tad-dazji (jekk kien hemm) ma kienx meqjus bħala sinifikanti.

(141)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li huwa probabbli li mingħajr miżuri kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-industrija tal-Unjoni titlef il-biċċa l-kbira mill-preżenza tagħha fis-suq u, fuq perjodu ta' żmien itwal, tista' saħansitra tgħib. Dan ċertament iwassal għad-dipendenza tal-produtturi tal-fajls b'lieva f'forma ta' arkata fuq l-importazzjonijiet u għal tnaqqis sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni.

(142)

Abbażi ta' dan, jista' jiġi konkluż li l-miżuri fuq il-LAM ma jmorrux kontra l-interess globali tal-Unjoni.

5.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(143)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx raġunijiet konvinċenti għall-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' LAM li joriġinaw mir-RPĊ.

6.   MIŻURI ANTIDUMPING

6.1.   Miżuri

(144)

Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet ta' LAM li joriġinaw mir-RPĊ. Huma ngħataw ukoll perjodu sabiex jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din id-divulgazzjoni. Ma wasal l-ebda kumment.

(145)

Fid-dawl tal-każistika riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, (10) huwa xieraq li tiġi prevista r-rata ta' mgħax ta' inadempjenza li għandha titħallas fil-każ ta' rimborż ta' dazji definittivi, minħabba li d-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ b'rabta mad-dazji doganali ma jipprevedux għal tali rata ta' mgħax, u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali twassal għal distorsjonijiet bla bżonn bejn l-operaturi ekonomiċi, skont liema Stat Membru jintgħażel għall-approvazzjoni doganali.

(146)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet ta' mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu b'lieva, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00 (Kodiċijiet TARIC 8305100050) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun din li ġejja:

Manifattur

Dazju antidumping

Kodiċi TARIC addizzjonali

DongGuan Humen Nanzha World Wide Stationery Mfg. Co., Ltd,

27,1 %

A729

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

47,4 %

A999

Artikolu 2

1.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

2.   L-imgħax ta' inadempjenza li għandu jitħallas f'każ ta' rimborż li jwassal għal dritt ta' ħlas ta' mgħax ta' inadempjenza għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje Ċ ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, b'żieda ta' punt perċentwali wieħed.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1136/2006 tal-24 ta' Lulju 2006 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' mekkaniżmi b'lever arch li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 205, 27.7.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 796/2012 tat-30 ta' Awwissu 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-mekkaniżmi tat-tip lever arch u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 238, 4.9.2012, p. 5).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(5)  Avviż tal-iskadenza imminenti ta' ċerti miżuri antidumping (ĠU C 466, 14.12.2016, p. 20).

(6)  Notifika ta' bidu ta' rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu b'lieva li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 290, 1.9.2017, p. 3).

(7)  Il-premessa (40) tar-Regolament ta' Implementazzjoni (UE) Nru 796/2012.

(8)  Il-premessa (41) tar-Regolament ta' Implementazzjoni (UE) Nru 796/2012.

(9)  http://www.portalecreditori.it/procedura?id=6rKz4dlB2Y; aċċessat fis-16 ta' Awwissu 2018.

(10)  Sentenza tal-Qorti (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Jannar 2017, C-365/15, Wortmann vs Hauptzollamt Bielefeld, EU:C:2017:19, il-paragrafi minn 35 sa 39.