KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 ( 1 )
Kawża C-691/15 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Bilbaína de Alquitranes, SA
Deza, a.s.
Industrial Química del Nalón, SA
Koppers Denmark A/S
Koppers UK Ltd
Koppers Netherlands BV
Rütgers basic aromatics GmbH
Rütgers Belgium NV
Rütgers Poland Sp. z o.o.
Bawtry Carbon International Ltd
Grupo Ferroatlántica, SA
SGL Carbon GmbH
SGL Carbon GmbH
SGL Carbon
SGL Carbon, SA
SGL Carbon Polska S.A.
ThyssenKrupp Steel Europe AG
Tokai erftcarbon GmbH
“Appell — Ambjent — Klassifikazzjoni, ittikkettar u ppakkettjar ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet — Adattament għal progress tekniku — Klassifikazzjoni ta’ żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410)”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Dan il-każ jikkonċerna r-rikonċiljazzjoni ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi bil-ħtieġa ta’ legalità ta' azzjoni amministrattiva. F’każijiet fejn il-leġiżlazzjoni tkun stabbilixxiet lista ta’ “fatturi rilevanti” li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt evalwazzjoni bħal din, dik il-lista għandha tiġi interpretata bħala waħda eżawrjenti, li tirrikjedi lill-amministraturi li jinjoraw il-fatturi l-oħra kollha? Din hija l-kwistjoni fundamentali ta’ dritt mertu ta’ dan l-appell. |
|
2. |
Żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (iktar ’il quddiem “CTPHT”) (KE Nru 266-028-2) huwa solidu iswed, ir-residwu mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam b’temperatura għolja. Huwa tip ta’ “UVCB”, jiġifieri sustanza li għandha kompożizzjoni kumplessa u varjabbli. Is-CTPHT ġie kklassifikat taħt ir-Regolament (UE) Nru 944/2013 (ir-“regolament ikkontestat”) ( 2 ) bħala Aquatic Acute 1 (H400), u Aquatic Chronic 1 (H410). Dik il-klassifikazzjoni ġiet ibbażata fuq il-“metodu ta’ addittività”, li jikklassifika sustanzi skont il-klassifikazzjoni tal-kostitwenti tagħhom. |
|
3. |
Bilbaína de Alquitranes, SA et ( 3 ) (l-“appellati”) huma fornituri u utenti downstream tas-CTPHT. Huma kkontestaw il-validità tar-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali. B’sentenza fil-kawża T‑689/13, ( 4 ) il-Qorti Ġenerali annullat partijiet mir-regolament ikkontestat li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tas-CTPHT (is-“sentenza kkontestata”). Essenzjalment għamlet dan abbażi li, bil-klassifikazzjoni ta’ CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410), il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li CTPHT bilkemm jinħall fl-ilma. |
|
4. |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tirribatti s-sentenza kkontestata u tirrileva tliet aggravji. L-ewwel, il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest, b’mod partikolari billi sostniet li l-Kummissjoni, meta applikat il-“metodu ta’ addittività” ta’ klassifikazzjoni, kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ. It-tielet, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha fl-istħarriġ tal-kwistjoni, u b’hekk iddisturbat l-evidenza ppreżentata lilha. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament CLP”)
|
5. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament CLP dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ( 5 ) jipprovdi li “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti […] billi: (a) jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet […]”. |
|
6. |
It-Titolu V jistabbilixxi regoli għall-armonizzazzjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanzi, li jantiċipa li Stati Membri jistgħu jipproponu klassifikazzjoni armonizzata f’ċerti każijiet [Artikolu 37(1)]. F’każijiet bħal dawn, il-proposta hija sottomessa lill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju stabbilit taħt l-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) ( 6 ), li jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni wara li jagħti lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw [Artikolu 37(4)]. |
|
7. |
L-Artikolu 37(5) jipprovdi li: “Fejn il-Kummissjoni ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanza kkonċernata hija adatta, hija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien ma’ l-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar […]” |
|
8. |
Wara, dak l-abbozz jiġi adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 54(3). |
|
9. |
Il-Parti 4 tal-Anness I tar-Regolament CLP hija intitolata “Perikli Ambjentali”. Il-Punt 4.1 jinkludi r-regoli dwar klassifikazzjoni ta’ perikoli akwatiċi. |
|
10. |
Skont il-punti 4.1.2.3 u 4.1.2.4 u t-tabella 4.1.0: “Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-Kategorija Akuta 1 huma definiti abbażi tad-dejta dwar it-tossiċità akuta akwatika biss (EC50 jew LC50). Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-kategoriji Kronika 1 sa 3 isegwu approċċ maqsum fi stadji fejn l-ewwel pass huwa l-verifika ta’ jekk hemmx informazzjoni disponibbli dwar il-merti tat-tossiċità kronika fil-klassifikazzjoni tal-periklu fit-tul. Fin-nuqqas ta’ dejta adattata ta’ tossiċità kronika, il-pass sussegwenti huwa li jingħaqdu żewġ tipi ta’ informazzjoni, jiġifieri dejta dwar it-tossiċità akkwatika akuta u dejta dwar id-destin ambjentali (dejta dwar id-degradabbiltà u l-bijoakkumulazzjoni) […] Is-sistema tintroduċi wkoll klassifikazzjoni ta’ ‘xibka tas-sigurtà’ (msejħa kategorija Kronika 4) biex tintuża’ meta d-dejta disponibbli ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni skont il-kriterji formali għal akut 1 jew kronika minn 1 sa 3 iżda li dwarhom xorta hemm raġunijiet għal tħassib (ara l-eżempju fit-tabella 4.1.0). […] Klassifikazzjoni ta’ ‘xibka tas-sigurtà’ Il-Kategorija Kronika 4 Każijiet fejn id-dejta ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni skont il-kriterji ta’ hawn fuq, iżda hemm xorta waħda raġunijiet għal tħassib. Dan jinkludi, pereżempju, sustanzi li ma jinħallux malajr li għalihom l-ebda tossiċità akuta m’hi reġistrata f’livelli sas-solubilità fl-ilma (nota 4), u li mhumiex degradabbli malajr skont it-Taqsima 4.1.2.9.5 u li għandhom BCF determinata b’mod sperimentali ta’ ≥ 500 (jew, f’nuqqas ta’ dan, log Kow ≥ 4), li tindika potenzjal ta’ bijoakkumulazzjoni, li għandhom jiġu kklassifikati f’din il-kategorija sakemm ma teżistix evidenza xjentifika oħra li turi li l-klassifikazzjoni mhix meħtieġa. Din l-evidenza tinkludi NOECs ta’ tossiċità kronika > solubilità fl-ilma jew > 1 mg/l, jew evidenza oħra ta’ degradazzjoni malajr fl-ambjent minbarra dawk provduti permezz ta’ kwalunkwe wieħed mill-metodi mniżżla fit-Taqsima 4.1.2.9.5. […] Nota 4: ‘L-ebda tossiċità akuta’ hi meqjusa li tfisser li l-L(E)C50(s) hija/huma ’l fuq minn meta l-ilma jibda jinħall. Anki għas-sustanzi li ma jinħallux malajr fl-ilma, (meta l-ilma jibda jinħall < 1 mg/l), fejn hemm evidenza li t-test akut ma jkunx ta miżura vera tat-tossiċità intrinsika.” |
|
11. |
Il-punt 4.1.3 tal-Anness I, intitolat “Kriterji dwar il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet” jipprovdi kif ġej:
|
|
12. |
Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I jiddeskrivi l-metodu ta’ addittività fid-dettall. Dak il-metodu essenzjalment jikkonsisti f’: (i) identifikazzjoni tal-proporzjon tas-sustanza investigata rrappreżentata minn kull kostitwent ikklassifikat (f’perċentwali); (ii) multiplikazzjoni ta’ kull wieħed mill‑perċentwali b’fattur‑M (koeffiċjent li jirrifletti l-perikolożità tal-kostitwenti inkwistjoni); u, (iii) l-għadd tar-riżultati għall-kostitwenti kollha sabiex takkwista figura perċentwali finali. Imbagħad, dak ir-riżultat jiġi pparagunat ma’ serje ta’ livelli li jirrappreżentaw klassifikazzjonijiet differenti (Kroniku 1, 2, 3 u Akut 1). |
2. Ir-Regolament Nru 944/2013
|
13. |
Ir-Regolament Nru 944/2013, fost l-oħrajn, jikklassifika s-CTPHT fir-rigward tat-tossiċità akwatika bħala Aquatic Acute 1 u Aquatic Chronic 1. |
III. Il-fatti u l-proċedura
|
14. |
L-isfond ta’ din it-tilwima jinsab fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza kkontestata. |
|
15. |
L-appellati huma fornituri u utenti downstream tas-CTPHT, solidu iswed, ir-residwu mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam b’temperatura għolja. Is-CTPHT hija fost dawk is-sustanzi li għandha kompożizzjoni li ma hijiex magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi li jirreaġixxu jew materjal bijoloġiku peress li ma tistax tkun identifikata b’mod sħiħ mill-kompożizzjoni kimika tagħha. |
|
16. |
Fil-21 ta’ Novembru 2011, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (iktar ’il quddiem “RAC”) ( 7 ) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem “ECHA”) adotta opinjoni dwar is-CTPHT. Dik l-opinjoni, li ġiet akkumpanjata b’dokument ta’ sfond li jinkludi l-analiżi ddettaljata tal-RAC (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ sfond”), ippropona inter alia li jikklassifika s-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400), u Aquatic Chronic 1 (H410). |
|
17. |
L-RAC kkunsidra li klassifikazzjoni ta’ tossiċità akwatika ma tistax tkun “diretta”, ibbażata fuq dejta relatata mas-CTPHT innifsu, u kkwota dgħjufijiet f’dik id-dejta. Id-dejta kienet ġiet akkwistata fl-assenza ta’ irradjazzjoni ultraviolet (UV), anki jekk ċerti kostitwenti idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (iktar ’il quddiem “PAH”) tas-CTPHT huma fototossiċi. Barra minn hekk, l-istudji kkonċernati kienu saru biss b’kariku singlu. |
|
18. |
Għalhekk, l-RAC argumenta li l-klassifikazzjoni tas-CTPHT kellu jkun ibbażat fuq approċċ alternattiv għall-klassifikazzjoni, il-“metodu ta’ addittività”. Skont dan l-approċċ, is-16-il kostitwenti tas-CTPHT, li ġew iddefiniti bħala sustanzi ta’ prijorità mill-Aġenzija tal-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA), u li għaliha kien hemm disponibbli dejta ta’ effett u espożizzjoni suffiċjenti (is-“16-il kostitwenti PAH”), ġew analizzati separatament skont l-effetti akwatiċi tossiċi tagħhom. Bl-applikar ta’ metodu li jikkonsisti fid-determinazzjoni tas-somma tar-riżultati miksuba bl-attribuzzjoni ta’ fatturi multiplikanti għall-PAH differenti sabiex tpoġġi iktar piż fuq il-kostitwenti ferm tossiċi tas-CTPHT, dik l-analiżi weriet, skont l-opinjoni tal-RAC, li s-CTPHT kellha tiġi kklassifikata bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410). |
|
19. |
Fit-2 ta’ Ottubru 2013, abbażi tal-opinjoni tal-RAC, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat li jikklassifika s-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400), u Aquatic Chronic 1 (H410). |
IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
|
20. |
Fl-20 ta’ Diċembru 2013, l-appellati intavolaw azzjoni għal annullament parzjali tar-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, sal-punt li kklassifikat is-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410). |
|
21. |
Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti Ġenerali laqgħet dik l-azzjoni, u parzjalment annullat ir-regolament ikkontestat. |
|
22. |
Fil-punti 32 sa 34 tas-sentenza kkontestata, li ser tiġi diskussa fid-dettall iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet is-segwenti:
|
V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23. |
Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrevoka s-sentenza kkontestata, tirrinvija l-kawża lura lejn il-Qorti Ġenerali, u tirriżerva l-ispejjeż. |
|
24. |
L-appellati jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. L-appellati jitolbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż anki fl-eventwalità li l-appell jintlaqa’. |
|
25. |
ECHA u GrafTech Iberica, SL, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, insostenn tal-Kummissjoni u tal-appellati rispettivament, huma wkoll partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
26. |
Il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi intervjenew fil-proċeduri ta’ appell insostenn tal-Kummissjoni. |
|
27. |
Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talba tal-appellati għal miżuri provviżorji, imressqa fl-24 ta’ Marzu 2016, effettivament immirata għall-ksib ta’ sospensjoni tar-regolament ikkontestat. |
|
28. |
Il-Kummissjoni, l-appellati, l-ECHA u l-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni, l-appellati, l-ECHA, GrafTech Ibercia SL u l-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Ġermanja ppreżentaw l-argumenti tagħhom waqt is-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017. |
VI. Evalwazzjoni
|
29. |
L-appell tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq tliet aggravji, li ser neżaminahom wara xulxin. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti raġunijiet (A). It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ (B). It-tielet, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limitu tal-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ il-kwistjoni, u b’hekk iddisturbat l-evidenza ppreżentata lilha (C). |
A. L-ewwel aggravju: in-nuqqas li tagħti raġunijiet
|
30. |
Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet, u b’hekk kisret l-Artikolu 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li mis-sentenza kkontestata ma huwiex ċar jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidrax li (i) il-Kummissjoni kienet żbaljata meta applikat il-metodu ta’ addittività (għall-kuntrarju ta’ metodu ieħor, pereżempju, il-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta), jew (ii) il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta b’mod żbaljat. |
|
31. |
Ma naqbilx li s-sentenza kkontestata ma hijiex ċara f’dak ir-rigward. |
|
32. |
Il-punti fundamentali tas-sentenza kkontestata (punti 32 sa 34, riprodotti iktar ’il fuq fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jagħmluha ċara li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività b’mod skorrett. |
|
33. |
Il-punt 30 tas-sentenza kkontestata jipprovdi li l-Kummissjoni “naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha biex b’hekk tieħu kont tal-proporzjon ta’ preżenza ta’ dawn is-16-il kostitwent fis-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom”. |
|
34. |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tirreferi għan-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jippermettulha tevalwa b’mod xieraq l-effetti kimiċi tal-kostitwenti tas-CTPHT. Dik ir-referenza għall-evalwazzjoni tal-kostitwenti tindika b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali qed tirreferi għal tħassib fil-mod li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività (il-metodu bbażat fuq klassifikazzjoni ta’ kostitwenti iktar milli s-sustanza b’mod sħiħ). |
|
35. |
Il-punt 31 tas-sentenza kkontestata jipprovdi li: “Skont il-punt 7.6 tad-dokument ta’ sfond, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ CTPHT abbażi tal-kostitwenti tagħha, ġie preżunt li l-PAH kollu preżenti fis-CTPHT jinħall fil-fażi tal-ilma u huwa għalhekk disponibbli għal organiżmi akwatiċi.” (Enfasi miżjuda) |
|
36. |
Fi kliem ieħor, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq klassifikazzjoni ta’ kostitwenti – il-metodu ta’ addittività – il-Kummissjoni għamlet assunzjoni dwar is-solubbiltà ta’ dawk il-kostitwenti. |
|
37. |
F’kull punt minn 32 sa 34 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali tkompli tgħaqqad dik l-assunzjoni man-nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ. ( 8 )Pereżempju, fil-punt 34 il-Qorti Ġenerali tgħid: “Fid-dawl tas-solubbiltà baxxa tal-ilma tas-CTPHT, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma uriet li tista’ tibbaża l-klassifikazzjoni inkwistjoni ta’ dik is-sustanza fuq l-assunzjoni li l-PAH kollu preżenti fis-CTPHT jinħall fil-fażi tal-ilma u huwa disponibbli għal organiżmi akwatiċi.” (Enfasi miżjuda) |
|
38. |
Speċifikament huwa dak in-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà baxxa tas-CTPHT b’mod sħiħ li jammonta għal żball manifest ta’ evalwazzjoni li jiġġustifika l-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat. |
|
39. |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li t-tħassib tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-mod li bih il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività minflok l-għażla ta’ dak il-metodu nnifsu. |
|
40. |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet. Nipproponi li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
41. |
Bħala kumment konklussiv, ninnota li l-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali kinitx żbaljata li ssostni li l-Kummissjoni kienet legalment obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT bħala parti mill-applikazzjoni tagħha tal-metodu ta’ addittività, hija kwistjoni ta’ sustanza (ikkunsidrata taħt it-tieni aggravju iktar ’il quddiem). Ma hijiex kwistjoni ta’ adegwatezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u għalhekk ma hijiex rilevanti għall-ewwel aggravju. |
B. It-tieni aggravju: l-għażla tal-metodu ta’ klassifikazzjoni u/jew l-applikazzjoni żbaljata tiegħu
1. L-ewwel parti: għażla ta’ metodu żbaljat
|
42. |
Fl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza kkontestata ma hijiex ċara dwar jekk: (i) il-Kummissjoni kinitx żbaljata li tapplika l-metodu ta’ addittività, jew (ii) il-Kummissjoni applikatx il-metodu ta’ addittività b’mod żbaljat. Fit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra dawn iż-żewġ verżjonijiet alternattivi tas-sentenza kkontesta wara xulxin (taħt l-ewwel u t-tieni parti rispettivament) u tikkonkludi li kull waħda minnhom hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. |
|
43. |
Fid-dawl tar-risposta tiegħi fl-ewwel aggravju, li tikkonkludi li l-ewwel interpretazzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni tikkostitwixxi interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, nipproponi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
2. It-tieni parti: applikazzjoni tal-metodu ta’ addittività b’mod żbaljat
i) L-argument tal-Kummissjoni: il-metodu ta’ addittività huwa eżawrjenti
|
44. |
Il-Kummissjoni targumenta li għandha diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk hemmx dejta suffiċjenti li tippermetti l-użu tal-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta, jew fin-nuqqas, il-prinċipji li jgħaqqdu. Madankollu, ġaladarba jkun iddeterminat li hemm dejta insuffiċjenti sabiex tapplika xi wieħed mill-metodi, u għalhekk tkun għażlet li tapplika l-metodu ta’ addittività, il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe dejta jew evidenza għajr għal dik speċifikament intiża fir-regoli ddettaljati li jiddeskrivu l-metodu ta’ addittività fl-Anness I tar-Regolament CLP. |
|
45. |
Il-Kummissjoni tasal għal erba’ konklużjonijiet minn dik l-osservazzjoni. L-ewwel, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, meta kklassifikat dik is-sustanza. Tabilħaqq, ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT. |
|
46. |
It-tieni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta assumiet, waqt l-applikar tal-metodu ta’ addittività, li l-PAH rilevanti u preżenti fis-CTPHT jinħallu fl-ilma. Dik l-assunzjoni hija integrali għall-metodu ta’ addittività nnifsu. |
|
47. |
It-tielet, il-Kummissjoni ħadet kont tal-proporzjon li jinsab fil-kostitwenti rilevanti preżenti fis-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom, kif mitlub mill-metodu ta’ addittività u l-ġurisprudenza (iċċitata fil-punt 29 tas-sentenza kkontestat). |
|
48. |
Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata li timplika li, sabiex japplika l-metodu ta’ addittività, il-kostitwenti rilevanti għandhom ikopru proporzjon kbir tas-sustanza li għandha tiġi kklassifikata. |
|
49. |
F’dak li jikkonċerna r-raba’ punt, il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx din l-implikazzjoni, u l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sentenza kkontestata hija kjarament żbaljata f’dak ir-rigward. Tabilħaqq, il-Kummissjoni nnifisha ressqet ’il quddiem l-argument kemmxejn tentattivament. Għalhekk, m’iniex ser niddiskuti dak il-punt ulterjorment. |
|
50. |
Essenzjalment, l-ewwel, it-tieni u t-tielet punt tal-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq jirrilevaw l-istess kwistjoni. Fir-rigward tal-ewwel u t-tielet punt, fiż-żewġ każijiet il-Kummissjoni bażikament ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ kienet fattur rilevanti li kellha l-obbligu legali li tieħu inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tat-tieni punt, is-sentenza kkontestata fil-fatt ma tikkritikax lill-Kummissjoni għall-assunzjoni nnifisha, iżda minflok għall-fatt li ma ittieħed l-ebda kunsiderazzjoni għas-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ. |
|
51. |
Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. |
ii) X’inhu “fattur rilevanti” li għandu jiġi kkunsidrat?
|
52. |
Il-qofol tal-kwistjoni hija r-“rilevanza” ta’ element fattwali partikolari u kif dan huwa ddeterminat. |
|
53. |
Is-sentenza kkontestata ( 9 ) tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita li, qabel tadotta att, il-Kummissjoni għandha obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni “il-fatturi u ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li l-att kellu jirregola.” Dak l-obbligu jista’ kjarament jiġi intraċċat lura mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal obbligu iktar ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li timplika “obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-aspetti kollha rilevanti tal-każ individwali [u] d-dritt tal-persuna kkonċernata li tagħmel l-opinjonijiet tagħha magħrufa u li jkollha deċiżjoni raġonevolment xierqa.” ( 10 ) |
|
54. |
Ma nikkunsidrax – u tassew ħadd mill-partijiet ma jargumenta – li dik il-ġurisprudenza hija ħażina meta tgħid li l-Kummissjoni għandha obbligu legali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. Ukoll, ħadd mill-partijiet ma jargumenta li l-Kummissjoni f’dan il-każ effettivament ħadet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ fl-applikazzjoni tagħha tal-metodu tal-addittività. Pjuttost il-vertenza hija essenzjalment dwar jekk solubbiltà ta’ CTPHT b’mod sħiħ hijiex “fattur rilevanti” li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-metodu ta’ addittività. |
|
55. |
Għandu jiġi osservat, sa mill-bidu, li jekk parti speċifika minn dejta, rapport, sejba eċċ hija “fattur rilevanti”, li tagħti lok għal obbligu legali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, u jekk dak il-fattur rilevanti kienx fil-prattika ttieħed kont tiegħu huma, fil-prinċipju, kwistjonijiet ta’ fatt. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva, fl-ewwel lok, sabiex tikseb il-fatti, ħlief meta l-ineżattezza sostantiva tal-istħarriġ tagħha hija evidenti mid-dokumenti sottomessi lilha, u fit-tieni lok, li tevalwa dawk il-fatti. ( 11 ) B’riżultat ta’ dan, fl-assenza ta’ xi talba li l-fatti ġew iddisturbati, ( 12 ) fil-prinċipju, (ri)evalwazzjoni ta’ rilevanza hija ’l barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. ( 13 ) |
|
56. |
Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni essenzjalment iwassal għall-konklużjoni li s-solubbiltà tas-CTPHT hija “irrilevanti”, peress li l-metodu ta’ addittività ma jidentifikahiex rilevanti. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma għandhiex diskrezzjoni li tiddetermina x’jikkonsisti bħala “fattur rilevanti” u hija legalment obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni dawk l-elementi u dawk l-elementi biss mogħtija fir-Regolament CLP (Anness I, punti 4.1.3.5, 4.1.3.5.2 u 4.1.3.5.5). |
|
57. |
Dwar jekk ir-Regolament CLP jiddefinixxix b’mod eżawrjenti jew le x’jikkostitwixxi fattur rilevanti – u fl-istess waqt jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra– hija kwistjoni ta’ liġi. |
|
58. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ma hijiex imċaħħda mid-diskrezzjoni tagħha b’dak il-mod. Għandha tevalwa jekk hemmx fatturi rilevanti oħra u, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, fejn tali fatturi huma identifikati, għandha obbligu legali li tikkunsidrahom. ( 14 ) |
|
59. |
Bħala riassunt ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u sabiex inkun ċar daqs il-kristall dwar il-punt legali dibattut, f’dan l-istadju huwa ta’ għajnuna li nenfasizza erba’ kwistjonijiet legali differenti li potenzjalment jistgħu jkunu suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju:
|
|
60. |
Huwa biss l-ewwel mill-punti msemmija iktar ’il fuq li qiegħed jiġi diskuss fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju. |
iii) Il-Kummissjoni kellha diskrezzjoni?
|
61. |
Bħala punt ta’ prinċipju, huwa possibbli għal-leġiżlatur tal-UE li jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti u, f’dan it-twettiq, teskludi l-kunsiderazzjoni ta’ ċerti fatturi. Eżempju ovvju jkun il-projbizzjoni li fl-evalwazzjoni tagħha tieħu inkunsiderazzjoni avvenimenti li seħħew qabel data partikolari. Huwa ugwalment possibbli għal-leġiżlatur tal-UE li jimponi fuq il-Kummissjoni kompitu li effettivament ma jinvolvi ebda diskrezzjoni, pereżempju l-kalkolu ta’ tunnellaġġi jew pagamenti monetarji bl-applikazzjoni ta’ formuli matematiċi. |
|
62. |
Madankollu, ma nikkunsidrax li wieħed jista’ jipparaguna dawk it-tipi ta’ sitwazzjonijiet ma’ sitwazzjonijiet bħal dik odjerna li tinvolvi stadju (potenzjalment deċiżiv) f’evalwazzjoni xjentifika ferm kumplessa, li huma ta’ natura differenti ħafna. |
|
63. |
Kif preċedentement stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “din id-diskrezzjoni fuq l-amministrazzjoni, li hija essenzjali sabiex tippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni fatti imprevedibbli varji li huma partikolari għal kull każ, ma hijiex inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali, li tistrieħ fuqu l-appellanta, ta’ ugwaljanza fit-trattament […] Dan il-prinċipju ġenerali ma jfissirx li, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata, l-amministrazzjoni għandha biss twettaq applikazzjoni mekkanika ta’ regoli u kriterji predeterminati. Tali interpretazzjoni tkun f’konflitt mal-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet fattwali li sikwit huma kkomplikati li huma partikolari għal kull każ individwali”. ( 15 ) |
|
64. |
Għalkemm il-kuntest ta’ dik il-kwotazzjoni kien pjuttost differenti, il-punt l-iktar ġenerali jinftiehem sew. Li tirrikjedi amministrazzjoni sabiex tevalwa fatti kumplessi ferm filwaqt li tkun limitata ħafna jista’ jwassal għal riżultati inġusti u anki strambi. |
|
65. |
Bla dubju, il-Kummissjoni ma tirrilevax l-assenza ta’ diskrezzjoni matul l-evalwazzjoni kollha, iżda biss f’partijiet speċifiċi minnha. |
|
66. |
Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dik l-analiżi tal-inqas tinkludi, jekk mhux kontradizzjoni inerenti, mill-inqas ġustapożizzjoni skomda ferm. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkonferma li hija tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tan-natura xierqa ta ’ tip ta ’ metodu ta ’ klassifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandha tikkunsidra kull metodu tal-approċċ imtarraġ f’ordni ġerarkika stretta (il-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta, il-prinċipji li jgħaqqdu, ( 16 )u l-metodu ta’ addittività). Barra minn hekk, f’każ li l-Kummissjoni tagħżel il-metodu ta’ addittività, tiċħad li għandha xi diskrezzjoni fi ħdan dak il-metodu ta ’ klassifikazzjoni. Għandha ssegwi l-metodu b’mod “mekkaniku ” għamja għal xi fatturi li ma humiex elenkati b’mod espliċitu fir-Regolament CLP. |
|
67. |
Ma naqbilx. |
|
68. |
L-ewwel u qabel kollox, m’iniex konvint bid-dikotomija proposta mill-Kummissjoni ta’ (i) diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-metodu xieraq, u (ii) assolutament l-ebda diskrezzjoni fl-applikazzjoni tiegħu. Min-natura tagħhom, iż-żewġ passi, jiġifieri, l-għażla u r-realizzazzjoni tal-metodu huma partijiet tal-istess evalwazzjoni ferm kumplessa dwar perikolu xjentifiku. Fil-prattika, huwa mistenni li amministratur diliġenti l-ewwel jgħaqqad id-dejta disponibbli kollha. Abbażi tal-(in)suffiċjenza ta’ elementi individwali ta’ dik id-dejta, wara jiddeċiedi dwar il-metodu li għandu jadotta, naturalment billi jieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ dejta li hija meħtieġa għal kull metodu. |
|
69. |
Ma nistax neskludi li f’każijiet fejn il-Kummissjoni tgawdi diskrezzjoni meta l-evalwazzjoni tittieħed b’mod globali hemm ċerti parti(jiet) diskreti tagħha li fil-fatt hija mċaħħda mid-diskrezzjoni. Madankollu, għandu jkun hemm bażi ċara għad-dissezzjoni tal-evalwazzjoni b’dak il-mod. F’dan il-każ, ma narahx hekk. |
|
70. |
Nixtieq nenfasizza li jien bl-ebda mod ma qiegħed nissuġġerixxi li fuq il-mertu tiegħu, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni huwa insostenibbli. Ma ngħaddi assolutament l-ebda ġudizzju dwar il-klassifikazzjoni (s)korretta tas-CTPHT. Qiegħed biss insemmi dan l-element sabiex nuri d-diskrezzjoni inerenti li teżisti fl-għażla tal-metodu u b’hekk fl-evalwazzjoni xjentifika kumplessa globali. |
|
71. |
Inżid li fil-fatt ma huwiex ċar li, f’dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni żammet b’mod riġidu mal-approċċ li tipproponi. Il-Kummissjoni tirrileva li għandha tikkunsidra kull metodu f’ordni ġerarkika riġidu u ma għadhiex diskrezzjoni f’dak is-sens. Madankollu, fir-realtà jidher li fl-evalwazzjoni tagħha dwar is-CTPHT, il-Kummissjoni qabżet direttament mill-ewwel metodu (klassifikazzjoni diretta) għat-tielet metodu (metodu ta’ addittività) mingħajr ma espliċitament ikkunsidrat u warrbet it-tieni metodu (li tgħaqqad il-prinċipji) bħala alternattiva. |
|
72. |
Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi hemm mill-inqas erba’ elementi ulterjuri li jikkonfermaw li l-argument tal-Kummissjoni dwar l-assenza assoluta ta’ diskrezzjoni għandu jiġi miċħud. |
|
73. |
L-ewwel, b’ħarsa lejn it-test innifsu, taħt il-punt 4.1.3. tal-Anness I tar-Regolament CLP, intitolat “Kriterji ta’ klassifikazzjoni tat-taħlitiet” hemm bla dubju ċertu diskrezzjoni implikata fl-għażla tal-kliem “Sabiex tintuża d-data kollha li teżisti għall-finijiet li jiġu kklassifikati l-perikoli ambjentali akwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt.” (Enfasi miżjuda) |
|
74. |
It-taqsima tkompli b’deskrizzjoni tal-approċċ imtarraġ ta’ klassifikazzjoni. Ma hemm l-ebda dikjarazzjoni fil-partijiet tal-Anness I tar-Regolament CLP li jipprovdu għal rimedju ta’ u d-deskrizzjoni tal-kontenut tal-metodu ta’ addittività, li jipprojbixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi lil hinn minn dawk espliċitament imsemmija. ( 17 ) |
|
75. |
Nifhem il-punt tal-Kummissjoni dwar il-legalità tal-azzjoni amministrattiva f’dan il-kuntest, li fi ftit kliem jissuġġerixxi li billi hija awtorità pubblika, din tista’ taġixxi biss fi ħdan il-limiti tal-liġi. B’mod ġenerali, din il-perspettiva tista’ biss tkun imfaħħra. Madankollu, f’dan ix-xenarju partikolari, il-limiti testwali u sistematiċi tal-liġi ma humiex daqstant dojoq daqs kif deskritti mill-Kummissjoni. |
|
76. |
It-tieni nett, hemm il-kuntest iktar wiesgħa u l-oriġini internazzjonali tar-Regolament CLP. Skont il-premessa 6 tar-Regolament CLP: “Dan ir-Regolament isegwi diversi dikjarazzjonijiet li fihom il-Komunità kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni globali tal-kriterji tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar, mhux biss fil-livell tan-NU, iżda anki permezz tal-inkorporazzjoni tal-kriterji tal-GHS miftehma internazzjonalment fid-dritt Komunitarju.” |
|
77. |
L-approċċ imtarraġ għall-klassifikazzjoni ta’ perikolu akwatiku jirrifletti l-approċċ meħud fuq livell internazzjonali taħt is-Sistema Globalment Armonizzata ta’ Klassifikazzjoni u Tikkettar ta’ Kimiċi (Globally Harmonised System of Classification and Labelling of Chemicals, iktar ’il quddiem “GHS”). Tabilħaqq, hemm partijiet sinifikanti ta’ dak l-approċċ fl-Anness I tar-Regolament CLP li huma testwalment identiċi għall-gwida GHS ekwivalenti. ( 18 ) |
|
78. |
L-Anness 9 tal-GHS huwa iktar kumpless mill-punt 4 tal-Anness I tar-Regolament CLP. Fl-opinjoni tiegħi, l-Anness 9 jagħmilha ċara li tista’ tingħata gwida dettaljata iżda huwa diffiċli li tipprovdi regoli f’dan il-qasam li japplikaw b’mod kompletament sistematiku u mekkaniku. Pereżempju, l-Anness 9 tal-GHS jelenka sfidi għal “problemi ta’ interpretazzjoni” li jikkonċernaw “sustanzi diffiċli”, li jinkludu sustanzi li “diffiċli jinħallu” u “sustanzi kumplessi jew multi-komponenti”. ( 19 ) |
|
79. |
Qabel ngħaddi sabiex niddeskrivi l-iskema ta’ klassifikazzjoni armonizzata, l-Anness 9 tal-GHS jibda billi jgħid li “ma tistax tittama li tkopri s-sitwazzjonijiet kollha li joħorġu fi klassifikazzjoni. Għalhekk għandu jintwera bħala dokument ħaj li f’parti jiddeskrivi l-prinċipji fundamentali tas-sistema, [jiġifieri] bbażat fuq perikolu iktar milli bbażat fuq riskju, u l-kriterju fiss. F’parti, għandu wkoll ikun repożitorju għall-esperjenza akkumulata fl-użu tal-iskema sabiex tinkludi l-interpretazzjonijiet li jippermettu l-kriterji apparentement fissi sabiex jiġu applikati f’varjetà wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet mhux standard.” (Enfasi miżjuda) ( 20 ) |
|
80. |
Għalhekk huwa ċar li l-istandards internazzjonali li l-leġiżlatur tal-UE xtaq li jinkorpora permezz tar-Regolament CLP jieħdu pożizzjoni iktar sfumata. Jistabbilixxu prinċipji u, filwaqt li gwida hija dettaljata ħafna, huwa aċċettat fil-miftuħ li hemm każijiet diffiċli u r-regoli ma jistgħux jitqiesu bħala listi kompletament eżawrjenti. |
|
81. |
It-tielet nett, fl-opinjoni tiegħi, huwa wkoll importanti li tħares lil hinn mill-każ individwali u tesplora fuq is-sistema u operat globali tar-Regolament CLP. Fil-każ odjern, il-Kummissjoni tirrileva assenza ta’ diskrezzjoni, u fuq dik il-bażi, tikkonkludi li hija meħtieġa klassifikazzjoni ta’ perikolu l-iktar severa. Fil-każ odjern, dik il-konklużjoni hija tassew konformi mal-għan tar-Regolament CLP li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Madankollu, x’jingħad fuq każijiet oħrajn fejn l-inabbiltà tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra rilevanti, fl-aħħar twassal għal klassifikazzjoni ta’ perikolu iktar baxxa minn dik li kieku tkun iġġustifikata? |
|
82. |
Huwa minnu li teżisti klassifikazzjoni bħala “xibka ta’ sikurezza”, li tippermetti li sustanzi li ma jkunux ġew ikklassifikati bħala Aquatic Acute 1 jew Aquatic Chronic 1, 2 jew 3, u li iżda xorta waħda jikkawżaw tħassib, jiġu kklassifikati bħala Aquatic Chronic 4. Dik il-possibbiltà tnaqqas ir-riskju ta’ klassifikazzjonijiet li huma “baxxi wisq”. |
|
83. |
Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, “xibka ta’ sikurezza” għandha tiġi kkunsidrata bħala tali. L-użu tagħha huwa proprju bħala rimedju aħħari. Jekk jinkixfu fatturi rilevanti u ta’ importanza kbira li serjament jikkontestaw klassifikazzjoni ta’ perikolu li hija “baxxa wisq”, dawn għandhom jitqiesu bħala parti mill-evalwazzjoni prinċipali. |
|
84. |
Jekk tassew hemm diskrezzjoni, għandu jiġi aċċettat li din id-diskrezzjoni tista’ taqta’ miż-żewġ naħat. Jekk jinkixfu fatturi rilevanti u ta’ importanza kbira li juru li l-klassifikazzjoni tal-perikolu hija “għoli wisq”, dawk il-fatturi wkoll għandhom jitqies bħala parti mill-evalwazzjoni prinċipali. Din hija effettivament il-pożizzjoni tal-appellati. |
|
85. |
Nenfasizza li xejn minn dak li ssemma’ iktar ’il fuq ma jispeċifika x’jikkostitwixxi “fattur rilevanti” jew dwar x’piż irid jingħata għalih (ara l-punt 59 iktar ’il fuq). Fl-ewwel istanza, dawk huma domandi għall-Kummissjoni. Fl-eventwalità ta’ stħarriġ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkunsidra jekk twettaqx żball manifest f’dak ir-rigward. |
|
86. |
Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà semgħet każ relatat mas-CTPHT. Il-każ omonimu T‑93/10 Bilbaína vs ECHA (fl-appell, C‑287/13 P Bilbaína vs ECHA) (iktar ’il quddiem “Bilbaína I”) ( 21 ) ikkonċerna, sal-punt li huwa ta’ interess hawnhekk, l-identifikazzjoni tas-CTPHT bħala li huwa persistenti ħafna u bijoakkumulattiv ferm (iktar ’il quddiem “vPvB”). |
|
87. |
Sabiex tidentifika sustanza bħala vPvB, il-Kummissjoni għandha ssegwi r-rekwiżiti mogħtija fost l-oħrajn, fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien, il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ sustanza bħal vPvB ingħataw fis-Sezzjonijiet 1.1, 1.2 u 1.3 tal-Anness XIII. Dawk il-kriterji ma semmewx l-elementi tal-kostitwenti tas-sustanza. Madankollu, ġie identifikat CTPHT bħala vPvB abbażi tal-elementi tal-kostitwenti. |
|
88. |
L-appellanti kkontestaw dak it-tluq mill-kriterji mogħtija fl-Anness XIII. Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-approċċ tal-Kummissjoni. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dik is-sentenza u fil-punt 34 ta’ Bilbaína I tgħid: “Tassew, huwa veru li, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Anness XIII tar-Regolament REACH ma pprovdiex li sustanza tista’ tiġi identifikata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi PBT jew vPvB tal-kostitwenti rilevanti tagħha. Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-appellanti, madankollu dan ma jfissirx li l-Anness XIII tar-Regolament REACH jipprekludi li jittieħed kont mill-elementi PBT jew vPvB fuq il-kostitwenti rilevanti ta’ sustanza.” |
|
89. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ kostitwenti kien, barra minn hekk, konformi mal-għanijiet tar-Regolament REACH. |
|
90. |
Hemm differenzi ovvji bejn dawn il-każijiet. B’mod partikolari, Bilbaína I tirrigwarda r-Regolament REACH għall-kuntrarju tar-Regolament CLP. Madankollu, iż-żewġ każijiet iqajmu l-istess domanda ta’ prinċipju. Il-Kummissjoni meta għandha diskrezzjoni li titbiegħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza mogħtija f’regolament sabiex tidentifika fatturi rilevanti oħra? F’Bilbaína I, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ibbażaw il-konferma ta’ diskrezzjoni tagħhom sabiex jidentifikaw fatturi rilevanti oħra fuq: (i) l-assenza ta’ kliem li jipprekludi tali diskrezzjoni, u (ii) il-fatt li tieħu dawk il-fatturi inkunsiderazzjoni kien konformi mal-għanijiet tar-Regolament REACH. |
|
91. |
Kif innotat iktar ’il fuq, fil-każ odjern ukoll ma hemmx kliem fl-Anness I tar-Regolament CLP li kjarament jipprekludi identifikazzjoni ta’ fatturi rilevanti oħra meta jiġi applikat il-metodu ta’ addittività. |
|
92. |
Fir-rigward ta’ għanijiet, nirreferi għall-kummenti tiegħi fil-punti 81 sa 84 iktar ’il fuq. Jekk wieħed jaċċetta xi grad ta’ diskrezzjoni bħala kwistjoni ta’ prinċipju, wieħed għandu jaċċetta li dik id-diskrezzjoni tista’ taqta’ minn żewġ naħat. Tista’ tiġi eżerċitata b’mod li kjarament tmur fid-direzzjoni tal-għanijiet billi timponi klassifikazzjoni ta’ perikolu ogħla u iktar stretti. Madankollu, tista’ wkoll tiġi eżerċitata b’mod li tirriżulta fi klassifikazzjoni iktar baxxa u inqas stretta. Dan ma jfissirx li l-għanijiet tar-Regolament CLP ġew kompromessi, iżda sempliċiment tfisser kunsiderazzjoni iktar estensiva ta’ informazzjoni disponibbli sabiex tagħmel il-klassifikazzjoni l-iktar preċiża possibbli. |
|
93. |
Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha flimkien, nikkunsidra li legalment, il-Kummissjoni kellha diskrezzjoni li tidentifika fatturi rilevanti oħra fil-kors tal-applikazzjoni tal-metodi ta’ addittività, mingħajr ma tikser ir-Regolament CLP. |
|
94. |
Għal dik il-konklużjoni, mill-ġdid nenfasizza li dwar x’inhuma dawk il-fatturi rilevanti, hija kwistjoni ta’ fatt li, salv xi distorsjoni tal-fatti, ġiet deċiża mill-Qorti Ġenerali u ma tistax terġa tinfetaħ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, ninnota li fl-ebda punt il-Qorti Ġenerali ma (jew tassew setgħet) tistabbilixxi li jekk, ipotetikament, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà baxxa tas-CTPHT, tkun wettqet żball manifest fl-ikklassifikar tas-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 jew Aquatic Chronic 1. Pjuttost, hija l-falliment oġġettiv tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dak l-element fir-raġunament tagħha, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali, li rriżulta fl-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat. |
|
95. |
Finalment, l-evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq tindirizza l-kwistjoni stretta tal-eżistenza ta’ diskrezzjoni fil-kuntest speċifiku ta’ dan il-każ. Għalkemm talludi għall-kwistjoni, ma tgħid xejn konklussiv dwar firxa ta’ diskrezzjoni fejn tingħata gwida sinifikanti u dettaljata fil-leġiżlazzjoni bażika. Fl-opinjoni tiegħi din hija kwistjoni importanti li tiġi murija, iżda mhux waħda li għandha tiġi indirizzata f’dan l-appell. |
iv) Konklużjoni dwar it-tieni parti tat-tieni aggravju
|
96. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma nqisx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività b’mod skorrett, u nipproponi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. B’referenza għall-punt 55 iktar ’il fuq, sa fejn it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi interpretata li tikkontesta evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rilevanza tas-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
C. It-tielet aggravju: l-eċċess tal-limiti ta’ stħarriġ u d-disturbazzjoni tal-evidenza
|
97. |
Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha billi marret lil hinn mill-evalwazzjoni ta’ żball manifest u ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni, u b’hekk iddisturbat il-provi prodotti quddiemha. |
|
98. |
Essenzjalment, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata li tagħti daqstant importanza lill-assunzjoni li l-kostitwenti PAH tas-CTPHT jinħallu fl-ilma. Dak kien biss fattur wieħed fost ħafna li fuqu ġiet ibbażata l-evalwazzjoni xjentifika. Barra minn hekk, ittieħdet barra mill-kuntest tagħha mill-Qorti Ġenerali. |
|
99. |
Ma naqbilx. |
|
100. |
Inqis li l-argument tal-Kummissjoni huwa difettuż billi jistrieħ fuq interpretazzjoni skorretta tas-sentenza kkontestata. Kif spjegat iktar ’il fuq fil-punt 50, il-Qorti Ġenerali tilmenta kontra l-Kummissjoni mhux speċifikament għaliex tassumi li l-kostitwenti tas-CTPHT jinħallu fl-ilma. Ma sabitx li l-Kummissjoni ġiet ipprojbita milli tagħmel dik l-assunzjoni. Minflok, it-tħassib tal-Qorti Ġenerali huwa li, bil-ħsieb ta’ dik l-assunzjoni, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ. |
|
101. |
Fuq dik il-bażi waħedha, it-tielet aggravju tal-Kummissjoni jista’ jiġi miċħud bħala infondat. |
|
102. |
Madankollu, sa fejn it-tielet aggravju jista’ jiġi interpretat li jfisser li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha billi (i) tidentifika s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ bħala li hija fattur rilevanti, jew (ii) billi tagħti wisq piż lil dak il-fattur, nagħmel l-osservazzjonijiet segwenti. |
|
103. |
L-ewwel, jekk il-Kummissjoni għandhiex diskrezzjoni sabiex tidentifika s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ bħala li huwa fattur rilevanti, ġie diskuss iktar ’il fuq taħt it-tieni parti tat-tieni aggravju. Għandha diskrezzjoni. |
|
104. |
It-tieni, kif jingħad iktar ’il fuq fil-punt 55 dwar jekk is-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ hijiex “fattur rilevanti”, li tagħti lok għal obbligu legali li teħodha inkunsiderazzjoni, hija kwistjoni ta’ fatt fi ħdan il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali, sakemm ma kienx hemm disturbazzjoni tal-fatti. ( 22 ) |
|
105. |
Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali ddisturbat il-fatti billi ħadet ir-referenza għas-solubbiltà tal-kostitwenti tas-CTPHT ’il barra mill-kuntest u ma kkunsidratx l-importanza tagħha fil-kuntest tal-metodu ta’ addittività. Il-Kummissjoni ma targumentax b’mod espliċitu li l-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti meta identifikat is-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ bħala fattur rilevanti. |
|
106. |
Madankollu, sal-punt li l-argumenti tagħha jistgħu jiġu interpretati b’dak il-mod, biżżejjed jingħad li s-solubbiltà tas-sustanza b’mod sħiħ kjarament ma hijiex element marġinali jew dettall minuri. Isiru diversi referenzi għas-solubbiltà ta’ sustanza fil-punt 4 tal-Anness I għar-Regolament CLP fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tossiċità akwatika u espliċitament identifikata bħala sors ta’ diffikultajiet f’każ ta’ solubbiltà baxxa. ( 23 ) Hija wkoll diskussa fit-tul fl-Anness 9 tal-GHS, li huwa inkorporat fid-dritt tal-UE b’mod partikolari permezz tal-punt 4 tal-Anness I tar-Regolament CLP. ( 24 ) Għalhekk, ma hemm l-ebda distorsjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rilevanza ta’ dak il-fattur. |
|
107. |
It-tielet, fir-rigward tal-importanza mogħtija mill-Qorti Ġenerali għas-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, ninnota sempliċiment li s-sentenza kkontestata hija siekta dwar dik il-kwistjoni. Is-sentenza kkontestata ma tgħidx li, jekk il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, kienet inevitabbilment “tinjora” l-fatturi l-oħra kollha. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi biss li l-Kummissjoni wettqet żball manifest billi oġġettivament naqset milli tikkunsidra s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ (ara wkoll il-punt 93 iktar ’il fuq). |
|
108. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Qorti Ġenerali ma eċċedietx il-limiti tagħha ta’ stħarriġ tal-legalità tar-regolament ikkontesta jew iddisturbat il-fatti. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
VII. Konklużjoni
|
109. |
Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013 L 261, p. 5)
( 3 ) Deza, a.s.; Industrial Química del Nalón, SA; Koppers Denmark A/S; Koppers UK Ltd; Koppers Netherlands BV; Rütgers basic aromatics GmbH; Rütgers Belgium NV; Rütgers Poland Sp. z o.o.; Bawtry Carbon International Ltd; Grupo Ferroatlántica, SA; SGL Carbon GmbH; SGL Carbon GmbH; SGL Carbon; SGL Carbon, SA; SGL Carbon Polska S.A.; ThyssenKrupp Steel Europe AG; Tokai erftcarbon GmbH.
( 4 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767).
( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006 L 396, p. 1)
( 7 ) Li saret referenza għalih fl-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament Nru 1907/2006.
(
8)
“[…] la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma kienu kapaċi jistabbilixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li […] il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li […] l-kostitwenti tas-CTPHT kienu rilaxxati minn CTPHT sa ċertu punt biss u li dik is-sustanza kienet stabbli ħafna. […] la l-opinjoni tal-RAC dwar is-CTPHT u lanqas id-dokument ta’ sfond ma kienu jinkludu xi raġunament li juri li […] ittieħed kont tas-solubbiltà baxxa tal-ilma tas-CTPHT […] Madankollu, dan ir-raġunament ma jistabbilixxix li s-solubbiltà baxxa ta’ [CTPHT] ittieħdet inkonsiderazzjoni.”
( 9 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767, punt 24).
( 10 ) Sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14); u s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L‑Estonja (C-505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95).
( 11 ) Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
( 12 ) Il-Kummissjoni fil-fatt tirrileva li l-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-evidenza quddiemha iżda b’mod separat taħt it-tielet aggravju u b’mod li ma tħallix impatt fuq din l-analiżi (ara b’mod partikolari iktar ’il quddiem il-punti 104 u 105).
( 13 ) Digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Polyelectrolyte Producers Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑199/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:205, punti 33 sa 36).
( 14 ) Jekk ibiddlux l-eżitu tal-evalwazzjoni hija kwistjoni differenti u fil-prinċipju taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi kif fil-fatt ikkonfermat bl-istess ġurisprudenza.
( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1972, Brandau vs Il-Kunsill (46/71, EU:C:1972:50, punti 12 sa 14). Ara wkoll f’dak is-sens is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1992, Il-Kunsill vs Brems (C‑70/91 P, EU:C:1992:201) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Il‑Kunsill vs Brems (C-70/91 P, EU:C:1992:77 fil-punti 2993 u 2994).
( 16 ) Bażikament klassifikazzjoni li tuża dejta relatata ma’ sustanzi simili.
( 17 ) Ara d-digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599, punt 34), fejn assenza simili ta’ limitazzjonijiet espliċiti ġiet użata bħala fattur insostenn ta’ kisba ta’ diskrezzjoni (ara wkoll iktar ’il quddiem, punt 90).
( 18 ) Anness 9 tas-Sistema Globali Armonizzata għat-Tikkettar u l-Klassifikazzjoni ta’ Kimiċi (GHS), ir-raba’ edizzjoni. Disponibbli fuq: https://www.unece.org/fileadmin/DAM/trans/danger/publi/ghs/ghs_rev04/English/ST-SG-AC10-30-Rev4e.pdf.
( 19 ) F’A9.1.10, ara wkoll A9.3.5.7 u A9.3.5.10.
( 20 ) F’A9.1.16.
( 21 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (T‑93/10, EU:T:2013:106). Digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599).
( 22 ) Digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Polyelectrolyte Producers Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑199/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:205, punt 33).
( 23 ) Punt 4.1.2.10 tal-Anness I li jidentifika kwistjonijiet bil-klassifikazzjoni ta’ komponenti inorganiċi u metalli ta’ solubbiltà baxxa; punt 4.1.2.6 u l-kategorija 4 klassifikazzjoni “xibka ta’ sikurezza” li saret referenza għaliha fil-punti 82 u 83. Is-solubbiltà tifforma parti mid-definizzjoni ta’ “disponibbiltà” taħt il-punt 4.1.1.1.
( 24 ) Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.