Brussell, 30.1.2019

COM(2019) 63 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-Trattament Internazzjonali tal-Banek Ċentrali u tal-Korpi Pubbliċi li Jamministraw id-Dejn Pubbliku fir-rigward tat-Tranżazzjonijiet ta’ Finanzjament tat-Titoli


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2015/2365 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u ta’ użu mill-ġdid (SFTR) ġie adottat fil-25 ta’ Novembru 2015 u daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2016. L-SFTR għandu l-għan li jżid it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (SFTs) billi jirrikjedi li:

·l-SFTs kollha għandhom jiġu rrapportati f’bażijiet ta’ data ċentrali magħrufa bħala repożitorji tat-tranżazzjonijiet (obbligu ta’ rapportar),

·l-informazzjoni dwar l-użu ta’ SFTs minn fondi ta’ investiment li għandha tiġi divulgata lill-investituri fir-rapporti regolari u dokumenti ta’ qabel l-investiment maħruġa mill-fondi,

·għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet minimi ta’ trasparenza meta jiġi użat mill-ġdid il-kollateral, bħad-divulgazzjoni tar-riskji u l-obbligu li jinkiseb kunsens minn qabel (rekwiżiti ta’ trasparenza fl-użu mill-ġdid).

Skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-SFTR, il-banek ċentrali tal-Unjoni u l-korpi pubbliċi tal-Unjoni inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha, huma eżentati mill-obbligu ta’ rapportar u mir-rekwiżit ta’ trasparenza fl-użu mill-ġdid skont l-SFTR.

Fil-ħin tal-adozzjoni tal-SFTR, kien hemm inċertezzi dwar it-trattament ta’ banek ċentrali barranin fl-applikazzjoni tar-riformi li jirrigwardaw l-SFTR f’ġuriżdizzjonijiet oħra. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għalhekk ipposponew deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-SFTR għal banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi sakemm ikun hemm aktar ċarezza dwar din il-kwistjoni.

L-Artikolu 2(4) tal-SFTR jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta att delegat biex testendi l-lista ta’ entitajiet eżentati taħt l-SFTR. Bħala prerekwiżit għal tali eżenzjoni, il-Kummissjoni Ewropea hija meħtieġa skont l-istess Artikolu tal-SFTR biex tanalizza t-trattament internazzjonali tal-banek ċentrali u tal-korpi pubbliċi li jamministraw id-dejn pubbliku fil-qafas legali ta’ ġuriżdizzjonijiet oħra u biex tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-analiżi tagħha. Jekk ir-rapport jikkonkludi li hija meħtieġa l-eżenzjoni tar-responsabbiltajiet monetarji tal-banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi mir-rekwiżiti ta’ trasparenza fl-użu mill-ġdid, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta att delegat skont dan.

2.Il-Bażi Ġuridika tar-Rapport: Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tal-SFTR

L-Artikolu 2(2) tal-SFTR jipprovdi li “l-Artikoli 4 u 15 ma japplikawx: (a) għall-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), korpi oħra tal-Istati Membri li jwettqu funzjonijiet simili, u korpi pubbliċi oħra tal-Unjoni inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha; (b) għall-Bank ta’ Ħlasijiet Internazzjonali”.

Fir-rigward tal-banek ċentrali barranin u tal-entitajiet pubbliċi barranin li jamministraw id-dejn pubbliku, l-Artikolu 2(4) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-lista tal-entitajiet eżentati fl-Artikolu 2(2) u, għal dak il-għan, jobbliga lill-Kummissjoni biex “tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa t-trattament internazzjonali ta’ banek ċentrali u ta’ korpi pubbliċi inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha.”

L-Artikolu 2(4) jispeċifika wkoll li “Ir-Rapport għandu jinkludi analiżi komparattiva tat-trattament ta’ banek ċentrali u ta’ dawk il-korpi fil-qafas legali ta’ għadd ta’ pajjiżi terzi. Dment li r-rapport jikkonkludi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi komparattiva u l-effetti potenzjali, li tkun meħtieġa l-eżenzjoni mir-responsabbiltajiet monetarji ta’ dawk il-banek ċentrali u l-korpi ta’ pajjiżi terzi mill-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat li jżidhom fil-lista li tinsab fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”"

3.Ġuriżdizzjoni Kkunsidrata: Ir-Renju Unit

L-SFTR jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq analiżi komparattiva tat-trattament tal-banek ċentrali u l-korpi pubbliċi li jamministraw id-dejn pubbliku f’“għadd ta’ pajjiżi terzi”. Minħabba l-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika fir-Renju Unit, l-eżenzjoni għall-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u għall-korpi pubbliċi inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha fih fl-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 2015/2365 1 (“ SFTR”) mhux se tibqa’ tapplika għall-banek ċentrali tar-Renju Unit jew għall-korpi tal-ġestjoni tad-dejn pubbliku. F’dan l-isfond, dan ir-rapport jirrestrinġi l-analiżi tat-trattament tal-banek ċentrali u tal-korpi pubbliċi li jamministraw id-dejn pubbliku għar-Renju Unit. Aktar pajjiżi se jiġu analizzati f’rapport futur.

L-approċċ li fl-ewwel pass il-fokus ikun fuq ir-Renju Unit huwa sostnut mill-fatt li l-European Union (Withdrawal) Act 2018 adottat mir-Renju Unit jikkonverti fil-liġi domestika tar-Renju Unit il-korp eżistenti ta’ liġi tal-UE applikabbli direttament, inkluż l-SFTR. Barra minn hekk, il-gvern tar-Renju Unit ippubblika abbozz ta’ strument statutorju 2 , li ladarba inkorporat fil-European Union (Withdrawal) Act 2018 se jagħmel emendi fid-dritt tal-UE li se jinżamm, u fid-dritt eżistenti tar-Renju Unit, relatati mat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli. L-abbozz tal-istrument statutorju jirrifletti d-dispożizzjoni tal-SFTR fis-sens li l-Bank tal-Ingilterra u l-korpi ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku tar-Renju Unit huma eżentati mill-obbligu ta’ rapportar u mir-rekwiżiti tat-trasparenza fl-użu mill-ġdid. Bl-istess mod, l-abbozz tal-istrument statutorju fih dispożizzjoni biex din il-lista tiġi estiża b’mod li jipparaguna mad-dispożizzjoni tal-SFTR.

4.Konklużjonijiet

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-abbozz ta’ qafas leġiżlattiv domestiku tar-Renju Unit li jinkorpora l-SFTR jeżenta lill-bank ċentrali u lill-korpi pubbliċi tar-Renju Unit inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha mill-obbligu ta’ rappurtar għal SFTs u r-rekwiżiti ta’ trasparenza fl-użu mill-ġdid . L-abbozz ta’ qafas leġiżlattiv tar-Renju Unit jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-estensjoni tal-eżenzjoni lill-banek ċentrali u lill-korpi pubbliċi ta’ ġestjoni tad-dejn ta’ pajjiżi barranin.

Iż-żieda tal-bank ċentrali tar-Renju Unit u tal-korpi ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku mal-lista ta’ entitajiet eżentati mill-obbligu ta’ rapportar u mir-rekwiżiti ta’ trasparenza fl-użu mill-ġdid skont l-SFTR, mhux se tippermetti li jkun hemm interferenza fit-twettiq tar-responsabbiltajiet monetarji tagħhom u se tippromwovi kundizzjonijiet ekwi fl-applikazzjoni tar-riformi tal-SFT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ma’ banek ċentrali bejn il-ġuriżdizzjonijiet. Dan se jikkontribwixxi wkoll għal aktar koerenza u konsistenza internazzjonali.

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Artikolu 2(2) tal-STFR jenħtieġ li jiġi emendat biex jeżenta minn ċerti rekwiżiti tal-SFTR lill-bank ċentrali tar-Renju Unit u lil korpi pubbliċi oħrajn inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha.

L-analiżi komparattiva f’dan ir-rapport mhijiex eżawrjenti. Hija bbażata fuq il-liġi domestika tar-Renju Unit li tinkorpora l-SFTR, li partijiet minnu għadhom ma ġewx adottati kompletament.

Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza fuq bażi regolari t-trattament internazzjonali tal-banek ċentrali u tal-korpi pubbliċi fir-rigward tal-obbligu ta’ rapportar u tar-rekwiżiti ta’ trasparenza fl-użu mill-ġdid għall-SFT f’pajjiżi terzi, inkluż f’pajjiżi terzi elenkati fl-Artikolu 2(2) tal-SFTR. Il-lista ta’ entitajiet eżentati tista’ tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżvilupp ta’ arranġamenti regolatorji f’pajjiżi terzi u tqis kull sors ġdid rilevanti ta’ informazzjoni. Tali rivalutazzjoni tista’ twassal ukoll għat-tneħħija ta’ ċerti pajjiżi terzi mil-lista ta’ entitajiet eżentati.

(1)      Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u ta’ użu mill-ġdid, ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1–34
(2)      https://www.gov.uk/government/publications/draft-transparency-of-securities-financing-transactions-and-of-reuse-amendment-eu-exit-regulations-2019