European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/623

31.3.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/623

tat-28 ta’ Marzu 2025

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati ta’ persuni fiżiċi u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali ċertifikati fir-rigward tal-irkupru tas-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 306/2008

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 jinkludi l-obbligi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi biex iwettqu ċerti attivitajiet li jinvolvu l-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew alternattivi rilevanti għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, inkluż refriġeranti naturali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 introduċa regoli ġodda dwar l-obbligi taċ-ċertifikazzjoni għall-irkupru tas-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir ikkonċernat. B’mod partikolari, ir-regoli l-ġodda jkopru lista estiża ta’ sustanzi.

(3)

Għalhekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/573, jeħtieġ jiġu aġġornati r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tas-susranzi u tal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti b’rabta mal-irkupru tas-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir u li jiġu speċifikati r-regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 issostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 306/2008 (3) jitħassar.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbiliti bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal persuni fiżiċi li jirkupraw is-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir ikkonċernat.

Artikolu 2

Ċertifikazzjoni għal persuni fiżiċi

1.   Il-persuni fiżiċi li jirkupraw is-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir għandu jkollhom ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 3.

2.   Il-persuni fiżiċi li jirkupraw is-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu rreġistrati f’kors tat-taħriġ biex jiksbu ċertifikat li jkopri l-attività rilevanti; u

(b)

jwettqu l-attività taħt is-superviżjoni ta’ persuna li għandha ċertifikat li jkopri l-attività u li hija responsabbli b’mod sħiħ għat-twettiq tal-attività b’mod korrett.

Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika tul il-perjodi li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, u li b’kollox ma għandhomx jaqbżu l-24 xahar.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi

1.   Korp taċ-ċertifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 għandu joħroġ ċertifikat lill-persuni fiżiċi li jkunu għaddew minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien stipulati fl-Anness I, li jkun organizzat minn korp tal-evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp taċ-ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tad-detentur tiegħu, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data tal-iskadenza, jekk ikun hemm;

(b)

l-attività li jista’ jwettaq id-detentur taċ-ċertifikat;

(c)

id-data tal-ħruġ u l-firma tal-emittent.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jeżentaw lill-applikanti mir-rekwiżit li jgħaddu mill-eżami msemmi fil-paragrafu 1, meta l-applikant preċedentement ikun kiseb kwalifiki, ħiliet u għarfien ekwivalenti għal dawk elenkati fl-Anness I.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jirrikjedu li l-applikanti jgħaddu biss minn eżami supplimentari, meta l-ħiliet u l-għarfien miksuba preċedentement tal-applikant ikunu parzjalment koperti skont dawk elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Korp ta’ ċertifikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fid-dritt nazzjonali, jew jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, biex jaħtru korp taċ-ċertifikazzjoni awtorizzat li joħroġ iċ-ċertifikati lill-persuni fiżiċi involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

2.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u japplika proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.

3.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jżomm rekords li jippermettu l-verifika tal-istatus ta’ persuna fiżika ċċertifikata. Ir-rekords għandhom juru li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni twettaq b’mod effettiv. Ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin.

Artikolu 5

Korp tal-evalwazzjoni

1.   Korp tal-evalwazzjoni maħtur f’kull Stat Membru għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1). Il-korp taċ-ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 jista’ wkoll jikkwalifika bħala korp tal-evalwazzjoni. Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

2.   L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’tali mod li jiġi żgurat li l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I ikunu koperti. Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jipprovdi l-post tal-eżamijiet li jiżgura s-sikurezza tal-applikanti, b’mod partikolari meta jwettqu attivitajiet li jinvolvu solventi fjammabbli.

3.   Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jadotta l-proċeduri tar-rappurtar u jżomm ir-rekords biex ikun hemm dokumentazzjoni dwar l-individwu u dwar ir-riżultati ġenerali tal-evalwazzjoni.

4.   Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti rilevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku

1.   Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati bejn l-Istati Membri għandu japplika biss għaċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mal-Artikolu 3 għal persuni fiżiċi għall-attivitajiet speċifikati f’dawn iċ-ċertifikati.

2.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda evalwazzjoni jew tip ieħor ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni jew rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati fuq id-detenturi ta’ ċertifikati maħruġa minn Stat Membru ieħor biex jiġu rikonoxxuti dawk iċ-ċertifikati jew biex jippermettu l-aċċess għall-impjieg lid-detenturi ta’ dawk iċ-ċertifikati għall-attivitajiet speċifikati fihom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-detenturi ta’ ċertifikati maħruġa fi Stat Membru ieħor jipprovdu traduzzjoni taċ-ċertifikat b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 7

Ċertifikati eżistenti, korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew proċessi ta’ evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew il-proċessi ta’ evalwazzjoni kif meħtieġ skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573 jagħtu prova tal-għarfien u l-ħiliet prattiċi u teoretiċi tal-persuni fiżiċi ċċertifikati speċifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi taċ-ċertifikati eżistenti skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 306/2008 jitħallew ikomplu jużaw dawk iċ-ċertifikati biss jekk jaġġornaw il-ħiliet u l-għarfien tagħhom sal-livell tal-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għaċ-ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u speċifikat fl-Anness I tiegħu.

Artikolu 8

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 306/2008 jitħassar.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/517/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 306/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat mit-tagħmir (ĠU L 92, 3.4.2008, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/306/oj).


ANNESS I

Ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi tal-evalwazzjoni

L-eżami msemmi fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5(2) għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

eżami teoretiku b’mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b’(T) fil-kolonna msejħa “Tip ta’ Test”;

(b)

test prattiku li matulu l-applikant għandu jwettaq il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir relevanti, kif muri b’(P) fil-kolonna msejħa “Tip ta’ Test”.

Nru

Għarfien u Ħiliet Minimi

Tip ta’ test

1.

Fehim bażiku tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u dik nazzjonali, b’mod partikolari r-Regolament dwar il-gassijiet F. Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali rilevanti (it-tibdil fil-klima, l-objettivi klimatiċi tal-UE, il-Ftehim ta’ Pariġi, l-emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal, il-potenzjal ta’ tisħin globali tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, l-impatti tas-sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS, per- and polyfluoroalkyl substances))

T

2.

Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u ambjentali tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra użati bħala solventi u l-alternattivi rilevanti tagħhom għall-aktar użi komuni

T

3.

Użu tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra bħala solventi u l-alternattivi rilevanti tagħhom għall-aktar użi komuni

T

4.

Irkupru tas-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mit-tagħmir

P

5.

Ħżin, trasferiment u trasport tas-solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-alternattivi rilevanti tagħhom għall-aktar użi komuni

T

6.

Tħaddim tat-tagħmir ta’ rkupru fir-rigward tat-tagħmir li fih solventi b’bażi ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra

P


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 306/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

—

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

—

Artikolu 3(4)

—

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 5(4)

Artikolu 6(1)

—

Artikolu 6(2)

—

Artikolu 6(3)

—

Artikolu 7(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 8

Artikolu 9


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/623/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)