|
29.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 283/22 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 545/14/COL
tat-8 ta' Diċembru 2014
li tawtorizza lill-Iżlanda biex tidderoga minn ċerti regoli komuni ta' sikurezza tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 14(6) tal-Att imsemmi fil-punt 66n tal-Anness XIII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE, kif emendata) u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 362/14/COL tal-14 ta' Settembru 2014 [2015/1946]
L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 14(6) u (7) tal-Att imsemmi fil-punt 66n tal-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE, kif adattat mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 163/2011 tad-19 ta' Diċembru 2011, Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE kif emendat; u l-Artikolu CAT.POL.A.210(b)(2), (b)(4) u (b)(5) tal-Anness IV tal-Att imsemmi fil-punt 66nf tal-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE, kif adattat mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 147/2013 tal-15 ta' Lulju 2013, Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat; it-tnejn kif adattati għall-Ftehim ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA mogħtija fit-3 ta' Settembru 2014.
Billi:
|
(1) |
L-Iżlanda talbet li tapplika ċerta deroga mir-regoli komuni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili inklużi fir-regoli li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 216/2008. |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 14(7) ta' dak ir-Regolament, kif adattat, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA evalwat il-ħtieġa għad-deroga mitluba, u l-livell ta' protezzjoni li joħroġ minnha, abbażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni maħruġa fis-17 ta' Ġunju 2011, il-31 ta' Lulju 2014 u t-12 ta' Novembru 2014. L-Awtorità kkonkludiet li l-varjazzjoni tkun tipprovdi livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dik miksuba bl-applikazzjoni tar-regoli komuni dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni, sakemm ċerti kondizzjonijiet jiġu ssodisfati. |
|
(3) |
F'konformita mal-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, kif adattat, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istati kollha tal-EFTA, li għandhom jkunu intitolati wkoll japplikaw din id-deroga. |
|
(4) |
F'konformità mal-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, kif adattat, meta l-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA jiskambjaw informazzjoni fuq deċiżjoni li tittieħed skont l-Artikolu 14(7), il-Kummissjoni Ewropea tikkomunika l-informazzjoni li tkun waslet mingħand l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA lill-Istati Membri tal-UE, u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tikkomunika l-informazzjoni li rċiviet mill-Kummissjoni Ewropea lill-Istati tal-EFTA. |
|
(5) |
Id-deskrizzjoni tad-deroga, kif ukoll il-kondizzjonijiet marbuta magħha, għandhom ikunu tali li jippermettu lil Stati oħra tal-EFTA li japplikaw dik il-miżura meta dawn isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta' iktar approvazzjoni mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA. Madankollu, l-Istati tal-EFTA għandhom jinnotifikaw l-applikazzjoni tad-derogi peress li jista' jkollhom effetti barra dak l-Istat. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'din id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni Nru 362/14/COL hi revokata.
Artikolu 2
L-Iżlanda tista' tidderoga mill-obbligi tal-Artikolu CAT.POL.A. 210(b)(2), (b)(4) u (b)(5) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, kif speċifikat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
L-Istati kollha tal-EFTA jkunu intitolati japplikaw l-istess miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2, kif speċifikat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, u suġġett għall-obbligu ta' notifika stabbilit fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, kif adattat.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Iżlanda. Hija awtentika fil-lingwa Ingliża.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u lill-Kummissjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2014.
Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA
Helga JÓNSDÓTTIR
Membru tal-Kulleġġ
Xavier LEWIS
Direttur
ANNESS
DEROGA MILL-IŻLANDA MIR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 965/2012 FIR-RIGWARD TAT-TNEĦĦIJA TA' OSTAKLI WAQT IT-TLUGĦ TAL-AJRUPLANI FL-AJRUPORT TA' ÍSAFJÖRÐUR, L-IŻLANDA (BIIS)
1. DESKRIZZJONI TAD-DEROGA
L-Iżlanda tista', b'deroga mill-Artikolu CAT.POL.A.210(b)(2), (b)(4) u (b)(5) Distanza mill-ostakoli waqt it-tlugħ tal-Anness IV (il-Parti-CAT) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 (1), kif emendat, tippermetti lill-operatur tal-ajru Air Iceland (Flugfélag Íslands) biex juża angolu ta' timjil ta' 25 grad fil-livell ta' 100 pied għall-ajruplani tiegħu F50 u Dash 8 fl-ajruport ta' Ísafjörður, l-Iżlanda (BIIS), biex ikun hemm konformità mal-obbligi rigward id-distanzi mill-ostakoli waqt it-tlugħ speċifikati fl-Artikolu CAT.POL.A.210 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.
2. KUNDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA
Id-deroga hija ristretta fir-rigward tal-kundizzjonijiet operattivi għall-ajurport ta' Ísafjörður, l-Iżlanda (BIIS), fir-rigward tal-kriterji tal-ogħla limiti tal-valuri minimi tat-temp u tal-viżibilità, u tal-kriterji tar-riħ u l-kontaminazzjoni fuq ir-runway kif deskritt fir-“Rapport ta' Evalwazzjoni Operattiva” tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni, li jġib id-data tas-17 ta' Ġunju 2011.
Din id-deroga tapplika għall-operatur tal-ajru Air Iceland (Flugfélag Íslands) fuq il-bażi tal-miżuri addizzjonali implimentati mill-operatur tal-ajru biex jinkiseb livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak milħuq permezz tal-applikazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi komuni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 965/2012 kif emendat. Il-miżuri addizzjonali jirrigwardaw il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru, is-selezzjoni u t-taħriġ tal-ekwipaġġ, il-kwalifiki tal-ekwipaġġ u l-perjodu ta' validità tal-kompetenza, ir-restrizzjonijiet MEL (listi tat-tagħmir minimu) tal-inġenji tal-ajru, is-sistema tal-kwalità u s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-operatur tal-ajru, proċeduri operattivi addizzjonali u għoti ta' informazzjoni b'mod elettroniku lill-ekwipaġġ għall-operazzjoni lejn BIIS u huma deskritti fir-Rapport ta' Evalwazzjoni Operattiva tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni, msemmi aktar 'l fuq.
(1) L-Att imsemmi fil-punt 66nf tal-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE, kif adattat mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 147/2013 tal-15 ta' Lulju 2013 (ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 800/2013 tal-14 ta' Awwissu 2013 u mir-Regolament (UE) Nru 83/2014 tad-29 ta' Jannar 2014, kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu (“ir-Regolament (UE) Nru 965/2012”).