Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fid‑29 ta’ Jannar 2026 (1)
Kawża C‑98/24 [Koda] (i)
bl-intervent ta’:
A.K.,
R.K.,
R.F. von K.-K,
L.P.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn nutar fil-kwalità ta’ kummissarju ġudizzjarju tal-Obvodní soud pro Prahu (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1, ir-Repubblika Ċeka))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (UE) Nru 650/2012 — Kunċett ta’ trasferiment causa mortis — Ftehim ta’ suċċessjoni — Effetti vinkolanti tal-ftehim ta’ suċċessjoni — Dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni — Kapaċità tal-persuna li tagħmel it-trasferiment — Liġi applikabbli — Bidla fil-liġi applikabbli — Dispożizzjonijiet tranżitorji”
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 (2). Hija tfittex li tiddetermina min huma l-werrieta ta’ persuna li għamlet trasferiment causa mortis tal-assi tagħha f’diversi okkażjonijiet, kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa ta’ dan ir-regolament.
2. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet minn nutar fir-Repubblika Ċeka li, fi kliemu stess (3), qiegħed iressaqha fil-kapaċità tiegħu bħala kummissarju ġudizzjarju maħtur minn qorti b’ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjonijiet.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 650/2012
3. Fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”):
“[g]ħall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
b) ‘patt ta’ suċċessjoni’ tfisser ftehim, inkluż ftehim li jirriżulta minn testmenti reċiproċi, li, bi jew mingħajr konsiderazzjoni, joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim;
c) ‘testment konġunt’ tfisser testment imfassal fi strument wieħed minn żewġ persuni jew aktar;
d) ‘trasferiment causa mortis’ tfisser testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni;
[…]”
4. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”) jiddikjara kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:
a) jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll
b) għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.
[…]”
5. Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21 (“Regola ġenerali”):
“Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt”.
6. Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 22 (“Għażla ta’ liġi”) jistabbilixxi:
“Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.
[…]”.
7. B’konformità mal-Artikolu 25 (“Ftehimiet dwar suċċessjoni”):
“[…]
2. Ftehim dwar is-suċċessjoni rigward is-suċċessjoni ta’ diversi persuni għandu jkun ammissibbli biss jekk huwa ammissibbli skont il-liġijiet kollha li, skont dan ir-Regolament, kienu jirregolaw is-suċċessjoni tal-persuni involuti kollha fil-każ tal-mewt tagħhom fil-jum li fih ġie konkluż il-ftehim.
Ftehim rigward suċċessjoni li huwa ammissibbli skont l-ewwel subparagrafu għandu jkun irregolat, fir-rigward tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, mil-liġi, minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, li magħha jkollu l-eqreb rabta.
3. Irrispettivament mill-paragrafi 1 u 2, il-partijiet jistgħu jagħżlu bħala l-liġi li tirregola l-ftehim tagħhom rigward is-suċċessjoni, fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, il-liġi li l-persuna jew waħda mill-persuni li l-patrimonju tagħha huwa involut setgħet tagħżel f’konformità mal-Artikolu 22 bil-kondizzjonijiet stabbiliti hawnhekk”.
8. L-Artikolu 26 (“Validità sostantiva tat-trasferimenti causa mortis”) jistipula kif ġej:
“1. Għall-finijiet tal-Artikoli 24 u 25 l-elementi li ġejjin għandhom jappartjenu għall-validità sostantiva:
a) il-kapaċità tal-persuna li tagħmel it-trasferiment causa mortis li tagħmel tali trasferiment;
b) il-kawżi partikolari li jipprojbixxu lill-persuna li tagħmel it-trasferimenti milli tiddisponi favur ċerti persuni jew li jipprojbixxu persuna milli tirċievi proprjetà tas-suċċessjoni mill-persuna li tagħmel it-trasferiment;
[…]
2. Meta persuna jkollha l-kapaċità li tagħmel trasferiment causa mortis skont il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25, bidla sussegwenti tal-liġi applikabbli ma għandhiex taffettwa l-kapaċità tagħha li timmodifika jew tirrevoka tali trasferiment”.
9. Skont l-Artikolu 83 (“Dispożizzjonijiet transizzjonali”):
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni ta’ persuni li mietu fi jew wara is‑17 ta’ Awwissu 2015.
[…]
3. Trasferiment causa mortis magħmul qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 għandu jkun ammissibbli u validu f’termini sostantivi u fir-rigward tal-forma jekk ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk huwa ammissibbli u validu f’termini sostantivi u fir-rigward tal-forma fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument li fih ikun sar it-trasferiment, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza jew fl-Istat Membru tal-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni.
4. Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni”.
10. L-Artikolu 84 (“Dħul fis-seħħ”) jipprovdi:
“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mis‑17 ta’ Awwissu 2015, ħlief għall-Artikoli 77 u 78 li għandhom japplikaw mis‑16 ta’ Novembru 2014 u l-Artikoli 79, 80 u 81 li għandhom japplikaw mill‑5 ta’ Lulju 2012”.
B. Id-dritt Ċek
11. Il-kompetenza tan-nutara sabiex jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji fi proċeduri ta’ suċċessjoni hija rregolata miż-Zákon č. 292/2013 Sb., o zvláštních řízeních soudních (4). L-Artikoli 100 sa 105, 113, 123, 138, 168 sa 170, u 185 tagħha huma partikolarment rilevanti.
12. Skont iż-Zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (5), it-trasferimenti causa mortis fis-sens strett jikkonsistu fi ftehimiet ta’ suċċessjoni, testmenti jew kodiċilli (l-Artikolu 1491). Testmenti konġunti huma espressament ipprojbiti (l-Artikolu 1496).
II. Il-fatti, il-proċedura ta’ suċċessjoni u d-domandi preliminari
13. L.K., id-deċedut li s-suċċessjoni tiegħu hija s-suġġett ta’ din it-tilwima, miet fl‑24 ta’ Awwissu 2022, fir-Repubblika Ċeka, fejn kien residenti abitwali.
14. Fil-mument tal-mewt tiegħu, L.K. kellu n-nazzjonalità doppja Ġermaniża u Ċeka u kien armel (6). Kellu żewġt ibniet (E.D. u N.K.) u tliet neputijiet (A.K., R.K., u R.F. von K.-K.), ulied N.K.
15. Skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-każ, L.K. kien għamel id-dispożizzjonijiet li ġejjin għal wara mewtu:
– Fit‑2 ta’ Novembru 1999, quddiem nutar Ġermaniż, hu u martu għamlu “gemeineschaftliches Testament” (7) skont il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“BGB”) (8). Dan it-tip ta’ testment huwa magħruf bħala “testment ta’ Berlin”. It-testment tat‑2 ta’ Novembru 1999 ġie emendat parzjalment permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-konjuġi, magħmula fit‑8 ta’ Frar 2001, quddiem l-istess nutar.
– Fit‑23 ta’ Ġunju 2015, ġiet esegwita dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni (att notarili) quddiem nutar fir-Repubblika Ċeka) (9).
– Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, ġie esegwit testment bħala dokument pubbliku quddiem nutar ieħor fir-Repubblika Ċeka, li fih L.P. ġiet innominata bħala werrieta. Dan it-testment (ġdid) kien fih għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012, favur id-dritt Ċek.
16. Ladarba nfetħet is-suċċessjoni, l-avukat ta’ N.K. (waħda minn ulied L.K.) u ta’ A.K., R.K., u R.F. von K.-K. (in-neputijiet ta’ L.K.) sostna li t-testment esegwit fit‑2 ta’ Novembru 1999 mid-deċedut u mill-mara tiegħu kien dikjarazzjoni valida tal-aħħar xewqa konġunta, magħmula skont id-dritt Ġermaniż (10).
17. L-Obvodní soud pro Prahu (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1, ir-Repubblika Ċeka), permezz tad-deċiżjoni 37 D 227/2022‑118, iddeċidiet li:
– Il-qrati Ċeki kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012.
– Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012, il-liġi li kellha tirregola s-suċċessjoni kollha kemm hi kienet il-liġi Ċeka.
– Il-proċedura tas-suċċessjoni tkompli biss b’L.P., bħala l-unika werrieta tad-deċedut, bis-saħħa tat-testment esegwit fl‑20 ta’ Diċembru 2017.
18. N.K. (bint id-deċedut) u A.K., R.K., u R.F. von K.-K. (in-neputijiet tad-deċedut) appellaw id-deċiżjoni 37 D 227/2022‑118.
19. Il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) ikkonfermat, fl-appell, id-deċiżjoni kkontestata rigward l-esklużjoni ta’ N.K. (bint il-mejjet) mill-proċedura tas-suċċessjoni, iżda annullatha fl-aspetti l-oħra kollha u bagħtet lura l-kawża lill-qorti tal-ewwel istanza, fuq it-termini li ġejjin:
– Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012, meta persuna jkollha l-kapaċità li tagħmel trasferiment causa mortis skont l-ordinament applikabbli taħt l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012, bidla sussegwenti tal-liġi applikabbli ma għandhiex taffettwa l-kapaċità tagħha li timmodifika jew tirrevoka tali trasferiment.
– Minn din il-premessa jirriżulta li l-kapaċità ta’ L.K. (kapaċità legali li jkollu drittijiet) li jimmodifika jew jirrevoka l-parti tat-“testment ta’ Berlin” li fiha n-neputijiet tiegħu ġew innominati bħala werrieta, jekk martu tmut qablu, hija neċessarjament irregolata mid-dritt Ġermaniż, bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha “magħżula” skont l-Artikolu 83(4) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012.
– Jekk it-testatur kellu l-kapaċità li jesegwixxi l-ftehim ta’ suċċessjoni skont il-liġi Ġermaniża, kellu wkoll id-dritt li jimmodifikah jew jirrevokah fi kwalunkwe ħin skont l-istess liġi. Dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat irrispettivament minn dak li tgħid il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha kemm hi fil-ħin tal-modifika jew ir-revoka, jiġifieri, irrispettivament mil-liġi Ċeka magħżula sussegwentement mit-testatur.
– Il-fatt li l-liġi Ċeka mhux biss ma pprojbixxietx lit-testatur milli jirrevoka d-deżinjazzjoni tal-werrieta magħmula fit-“testment ta’ Berlin”, iżda fil-fatt ippermettietlu jagħmel dan mingħajr ebda restrizzjoni, ma jaffettwax l-applikabbiltà tal-liġi Ġermaniża (għall-finijiet tal-modifika jew ir-revoka ta’ dak it-testment).
– Konsegwentement, il-qorti tal-ewwel istanza, wara li eżaminat il-kontenut tal-liġi Ġermaniża, kellha tiddetermina jekk il-parti tal-ftehim ta’ suċċessjoni bejn il-konjuġi dwar id-deżinjazzjoni tan-neputijiet A.K., R.K., u R.F. von K.-K. bħala werrieta setgħetx tiġi injorata skont il-liġi Ġermaniża, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet.
– Huwa biss ladarba din il-kwistjoni tkun ġiet solvuta li jkun possibbli li jiġi ddeterminat jekk it-trasferimenti sussegwenti tat-testatur (id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, u t-testment tal‑20 ta’ Diċembru 2017) jippermettux is-soluzzjoni tat-tilwima bejn il-werrieta nnominata fit-testment tal‑20 ta’ Diċembru 2017, u n-neputijiet ta’ L.K.
20. F’dan il-kuntest, in-nutar li jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju tal-Obvodní soud pro Prahu 1 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1) jagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 83(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 [...], moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment causa mortis jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni?
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta t-testatur ikun għamel, qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, diversi dispożizzjonijiet causa mortis li kienu konformi mal-liġi ta’ Stat li t-testatur seta’ jagħżel skont ir-Regolament Nru 650/2012, il-liġi li titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija dik li taħtha t-testatur jkun għamel l-aħħar dispożizzjoni causa mortis qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015?
3) L-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-kapaċità tat-testatur kienet limitata bis-saħħa ta’ dispożizzjoni causa mortis magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, konformement mal-liġi li kienet tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu, u jekk emenda sussegwenti ta’ din il-liġi tkun bidlet il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kapaċità testamentarja tiegħu, il-kapaċità testamentarja tat-testatur tibqa’ limitata skont il-liġi li kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu li kieku miet fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ suċċessjoni, indipendentement mill-fatt li, skont il-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu, it-testatur kellu d-dritt li jannulla l-ftehim ta’ suċċessjoni (li jirrevokah jew li jemendah)?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2024.
22. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn L.P. u, b’mod konġunt, minn A.K., R.K. u R.F. von K.-K., kif ukoll mill-Gvern Ċek, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni.
23. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet kjarifiki mingħand il-Gvern Ċek dwar ċerti aspetti tas-sistema legali applikabbli għan-nutara li jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji fi proċeduri ta’ suċċessjoni. Ir-risposta tal-Gvern Ċek waslet fl‑10 ta’ Ottubru 2025.
24. Fis-seduta li saret fl‑20 ta’ Novembru 2025, dehru L.P. u, b’mod konġunt, A.K., R.K. u R.F. von K.-K., kif ukoll il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.
IV. Evalwazzjoni
A. Ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari
25. Fil-proċedura miftuħa fir-Repubblika Ċeka dwar is-suċċessjoni ta’ L.K., huwa n-nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju li għandu jiddetermina min huma l-werrieta tad-deċedut.
26. Fil-prinċipju, xejn ma jipprevjeni lil nutar, li jaġixxi f’isem jew taħt is-superviżjoni ta’ korp ġudizzjarju, milli jitqies bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012.
27. Madankollu, il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 ma hijiex, fiha nnifisha, biżżejjed sabiex in-nutar ikun jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE (11).
28. Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fl-Artikolu 267 TFUE jirrikjedi l-eżami awtonomu ta’ sensiela ta’ elementi, bħal jekk huwiex stabbilit b’liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (12).
29. Fil-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tqajmu l-ebda oġġezzjonijiet formali għall-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (13). In-nutar li kien għamel ir-rinviju ddikjara minn qabel li, fl-opinjoni tiegħu, kellu d-dritt li jagħmel dan (14).
30. Madankollu, fil-fażi orali tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, sar dibattitu dwar dan il-punt, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, u tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka; iktar ’il quddiem imsejħa il-“Qorti Kostituzzjonali”), min-naħa l-oħra.
1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
31. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, mogħtija fi proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rigward il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE (15), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-funzjonijiet imwettqa min-nutara fir-Repubblika Ċeka.
32. B’mod partikolari, analizzat fid-dettall is-setgħat tan-nutara fi proċeduri ta’ suċċessjoni u r-raġunijiet għaliex dawn jiġu eżerċitati fuq bażi kunsenswali (16).
33. Bħala riżultat ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dawn is-setgħat ma setgħux jitqiesu bħala manifestazzjoni diretta u speċifika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (17).
34. Nippreċiża minn issa li din id-deċiżjoni waħedha hija biżżejjed sabiex issolvi d-dibattitu dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju: jekk in-nutar involut f’dawn il-proċeduri ta’ suċċessjoni ma jeżerċitax funzjonijiet ta’ awtorità pubblika, huwa diffiċli li jiġi rrikonoxxut bħala qorti jew tribunal, li, mid-definizzjoni, jifforma parti mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.
2. Il-pożizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali
35. Fir-rigward tal-Qorti Kostituzzjonali, din ċaħdet il-locus standi ta’ “korpi kważi-ġudizzjarji” (nutara li jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji fi proċeduri ta’ suċċessjoni) sabiex iqajmu kwistjoni ta’ inkostituzzjonalità skont l-Artikolu 95(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka (18).
36. Fid-deċiżjoni tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2025 (il-punt 9), il-Qorti Kostituzzjonali Ċeka tenfasizza d-differenzi fundamentali bejn il-protezzjoni ġuridika mogħtija mill-“qrati” u dik mogħtija minn “persuni oħra,” bħal kummissarji ġudizzjarji.
37. Fil-fehma tal-Qorti Kostituzzjonali: “[…] in-nutara ma għandhomx il-kwalitajiet essenzjali attribwiti lill-korpi ġudizzjarji. B’mod partikolari, in-nutara ma jgawdux livell għoli ta’ indipendenza daqs il-qrati, jistgħu jitneħħew mill-Ministru għall-Ġustizzja, u ma humiex suġġetti għal inkompatibbiltà daqshekk wiesgħa ma’ funzjonijiet oħra daqs l-imħallfin, partikolarment fir-rigward tal-fergħat l-oħra tal-gvern” (19).
38. Fid-dibattitu dwar l-ammissibbiltà li sar waqt is-seduta, il-parteċipanti kollha, ħlief il-Kummissjoni, sostnew li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ma kinitx rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti li jikkaratterizzaw “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE kinux issodisfatti.
39. Madankollu, jiena naqbel mal-Kummissjoni li, anki jekk mogħtija f’kuntest differenti, id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tiċċara s-sistema legali applikabbli għan-nutara li jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji fil-proċeduri ta’ suċċessjoni.
3. Evalwazzjoni
40. Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, nemmen li ma humiex biss il-garanziji, iżda wkoll is-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li l-ordinament ġuridiku Ċek jagħti lin-nutara li jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji li huma sostanzjalment differenti minn dawk li jikkaratterizzaw il-“funzjoni ġurisdizzjonali” proprja tal-imħallfin.
a) Il-garanziji
41. Rigward il-garanziji ta’ indipendenza u sigurtà tal-kariga offruti min-nutara, il-Gvern Ċek iddikjara li l-ħatra tal-kummissarju ġudizzjarju inkarigat minn kull kawża ta’ suċċessjoni ssir skont skeda stabbilita minn qabel u kriterji ddeterminati minn qabel, li jiggarantixxu distribuzzjoni ekwa u prevedibbli tal-każijiet (20).
42. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, il-Gvern Ċek argumenta fis-seduta li, minn naħa, il-garanziji ta’ indipendenza u sigurtà tal-kariga ta’ qorti jew tribunal, għall-finijiet tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, huma interpretati b’mod iktar strett milli meħtieġ mill-Artikolu 267 TFUE. Min-naħa l-oħra, huwa insista li n-nutara jgawdu minn garanziji ta’ sigurtà tal-kariga sostanzjalment paragunabbli ma’ dawk tal-imħallfin. Id-dibattitu ffoka, b’mod partikolari, fuq is-setgħat ta’ revoka tal-imħallfin u n-nutara mogħtija lill-Ministru għall-Ġustizzja, li jidher li huma strettament limitati għal każijiet eċċezzjonali ddeterminati minn qabel skont il-liġi (21).
43. Madankollu, id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, meta tenfasizza li l-Ministru jista’ jordna r-revoka tan-nutar u li n-nutar ma jgawdix l-istess grad ta’ indipendenza bħall-qrati, hija tagħmel dan preċiżament sabiex tikkuntrasta s-sistema li tirregola n-nutara ma’ dik applikabbli għall-korpi ġudizzjarji (22).
44. Minbarra dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħat ta’ revoka (mill-Ministru) tan-nutara b’mod ġenerali u l-każijiet ta’ revoka (mill-qorti kompetenti) ta’ nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura speċifika ta’ suċċessjoni.
45. F’dan l-aħħar rigward, il-Gvern Ċek iddikjara, b’risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti kompetenti fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni żżomm is-setgħa li tirrevoka l-mandat tan-nutar maħtur b’dan il-mod “għal żball” (23) imwettaq fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu. Dan l-iżball “jista’ jseħħ, b’mod partikolari, meta jkun hemm riskju li l-kawża ma tiġix solvuta fi żmien raġonevoli” (24).
46. Din ir-raġuni għar-revoka, riflessa fil-Liġi Ċeka Nru 292/2013 (25), tikkonferma li n-nutar, li jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju, ma għandux l-istess stat ta’ sigurtà tal-kariga li għandha qorti jew tribunal.
47. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, in-nutara li jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji fi proċeduri ta’ suċċessjoni fir-Repubblika Ċeka ma jgawdux il-garanziji ta’ indipendenza u sigurtà tal-kariga ekwivalenti għal dawk normalment mogħtija lil imħallef. L-Artikolu 104(1) tal-Liġi Nru 292/2013 jikkonferma li l-kummissarji ġudizzjarji huma taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-qorti kompetenti, li tibqa’ tkun l-“awtorità prinċipali” fil-proċeduri.
b) Is-setgħat deċiżjonali fit-tilwim
48. F’dak li jirrigwarda s-setgħat deċiżjonali attribwiti lin-nutara fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet:
– Meta t-tilwima tkun tikkonċerna biss l-interpretazzjoni ġuridika (u l-aspetti fattwali ma jkunux ikkontestati), hija r-responsabbiltà tan-nutar li jsolvi din il-“kwistjoni ta’ dritt”.
– Meta t-tilwima testendi għal fatti kkontestati mill-partijiet, in-nutar ma għandux l-awtorità li jsolviha u għandu jistedinhom sabiex jadixxu lill-qorti kompetenti.
49. Id-differenzjazzjoni tas-setgħat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont jekk il-kwistjonijiet humiex ta’ fatt jew ta’ dritt, fl-opinjoni tiegħi, tikkostitwixxi evidenza ulterjuri li n-nutar, bħala kummissarju ġudizzjarju, għandu setgħa ta’ evalwazzjoni u setgħa deċiżjonali iktar limitati minn dik li ġeneralment tikkorrispondi għal imħallef proprju.
50. Għalhekk, minkejja l-opinjoni kuntrarja espressa mill-Gvern Ċek, insibha diffiċli li ninjora r-rilevanza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka: il-kompetenza tan-nutara hija eżerċitata esklużivament fuq bażi kunsenswali.
51. Filwaqt li huwa minnu li, f’dik l-okkażjoni, l-eżami sar sabiex jiġi evalwat ksur possibbli tal-Artikolu 49 TFUE, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija rilevanti sabiex jiġi eskluż l-“eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.
52. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta ma jkunx mitlub jiddeċiedi tilwima, organu tar-rinviju, anki jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja” (26).
c) Konklużjoni interim
53. Fil-qosor, nikkunsidra li nutar li jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura ta’ suċċessjoni ma għandux l-istatus ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.
54. Is-soluzzjoni li nipproponi ma ddgħajjifx l-effettività tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE u l-uniformità tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dak l-artikolu jfittex li jissalvagwardja.
55. Fi kwalunkwe każ, it-twettiq ta’ dawn l-objettivi huwa żgurat mill-possibbiltà li jitressqu azzjonijiet ġudizzjarji kontra d-deċiżjonijiet ta’ nutar li, għalkemm jista’ jkollu l-istatus ta’ “qorti” skont ir-Regolament Nru 650/2012, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jitqies, fl-istess ħin, bħala “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE (27). Fil-kuntest ta’ tali azzjonijiet, l-istanzi suċċessivi jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
56. Fid-dawl ta’ dak li ntqal sa issa, nikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda. Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-fehma, ser nipproponi risposta għad-domandi magħmula.
B. Evalwazzjoni tal-mertu
57. Qabel kollox, għandu jiġi determinat jekk it-testatur, li kien iffirma ftehim ta’ suċċessjoni fl‑1999 skont id-dritt Ġermaniż, setax sussegwentement jinħall mit-termini ta’ dan il-ftehim, għad-detriment tal-persuni (in-neputijiet tiegħu) imsemmija fih bħala werrieta.
58. L-azzjoni sussegwenti tat-testatur, għad-detriment ta’ dawk li kien innomina bħala werrieta fl‑1999, irriżultaw f’dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni tagħhom (2015). Sussegwentement, it-testatur iffirma testment ġdid (2017) fejn ħatar persuna barra miċ-ċirku tal-familja bħala l-unika werrieta tiegħu.
59. L-ewwel domanda preliminari teħtieġ kjarifika dwar jekk ir-Regolament Nru 650/2012 japplikax għal dikjarazzjonijiet li jesprimu l-intenzjoni ta’ L.K. li jeskludi ċerti werrieta mis-suċċessjoni tiegħu.
60. Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll li tkun taf:
– Liema liġi tapplika għas-suċċessjoni ta’ L.K. kollha kemm hi. Il-korp tar-rinviju ma huwiex ċert dwar kif jidentifika din il-liġi, peress li d-dispożizzjonijiet causa mortis suċċessivi jippreċedu d-data tal-applikabbiltà sħiħa tar-Regolament (KE) Nru 650/2012 u huma rregolati minn ordinamenti differenti.
– X’piż għandha r-regola fis-soluzzjoni tat-tilwima, skont liema, jekk persuna jkollha l-kapaċità li tagħmel dispożizzjoni causa mortis skont il-liġi applikabbli fil-ħin li tagħmilha, bidla sussegwenti fil-liġi applikabbli ma taffettwax il-kapaċità tagħha li tirrevoka jew timmodifika t-trasferiment magħmul.
1. Is-sistema legali
61. Qabel ma nindirizza dawn id-domandi, naħseb li huwa xieraq li nfakkar xi aspetti tas-sistema legali stabbilita mir-Regolament Nru 650/2012 għas-suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali.
a) Id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għat-trasferimenti causa mortis
62. Skont ir-Regolament Nru 650/2012, jistgħu jkunu differenti l-liġijiet li japplikaw: (a) għas-suċċessjoni ta’ persuna; u (b) għal trasferiment causa mortis (rectius: għal aspetti speċifiċi ta’ dan it-trasferiment) magħmul mill-istess persuna.
63. Ir-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi, bħala regola, li liġi waħda għandha tkun tapplika għas-suċċessjoni kollha. Dan jidentifika din il-liġi ma’ dik tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-ħin tal-mewt (28). Alternattivament, jippermetti lid-deċedut jinnomina l-liġi tal-Istat li jkun ċittadin tiegħu fil-ħin li jagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt (29).
64. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali għal dawk li jixtiequ jippjanaw is-suċċessjoni tagħhom (30), il-liġi li tirregola l-ammissibbiltà u l-validità sostantiva (31) tad-diversi trasferimenti għandha tkun:
– Fil-każ ta’ trasferiment causa mortis differenti minn ftehim ta’ suċċessjoni, il-liġi li tkun applikabbli għas-suċċessjoni jekk it-testatur miet fid-data li fiha sar dak it-trasferiment (“liġi ipotetika”) (32) jew, jekk it-testatur jagħżel hekk, il-liġi tal-Istat li t-testatur kien ċittadin tiegħu fil-ħin li sar it-trasferiment (33).
– Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ suċċessjoni, ir-regolamenti jvarjaw skont jekk jirrelatawx mas-suċċessjoni ta’ individwu wieħed (34) jew ma’ dik ta’ diversi individwi (35).
b) Applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 650/2012
65. Skont l-Artikolu 83(1) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, id-data li tiddetermina l-applikazzjoni tiegħu hija d-data tal-mewt tad-deċedut.
66. Mill-kombinazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 84 jirriżulta li r-Regolament Nru 650/2012 japplika fl-intier tiegħu għas-suċċessjonijiet ta’ persuni li mietu fis‑17 ta’ Awwissu 2015 jew wara.
67. Madankollu, l-Artikolu 83(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi sistema tranżitorja għas-suċċessjonijiet li fihom sar trasferiment causa mortis qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015.
68. Skont l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012, jekk ikun sar trasferiment causa mortis qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li d-deċedut seta’ jagħżel skont dan ir-regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha.
2. L-ewwel domanda preliminari
69. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun jaf jekk l-Artikolu 83(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(d) tiegħu, jistax jiġi interpretat fis-sens li “l-kunċett ta’ trasferiment causa mortis jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni”.
70. F’din il-kawża, id-domanda hija rilevanti sabiex jiġi ċċarat jekk id-dikjarazzjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 li biha L.K. iddiżeredita lin-neputijiet tiegħu kienx trasferiment causa mortis.
71. Ir-risposta affermattiva tfisser li din id-dikjarazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament (KE) Nru 650/2012. Jekk ikun hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 83(3), tali trasferiment causa mortis għandu jitqies ammissibbli u validu sa fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet (formali u sostantivi) stabbiliti mir-regoli dwar il-kunflitt:
– tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012, jew
– fis-seħħ fl-Istat fejn kien jgħix id-deċedut fil-ħin li tkun saret id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni, jew
– fis-seħħ fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li t-testatur kien ċittadin tiegħu fil-ħin li saret id-dikjarazzjoni.
72. Ir-risposta affermattiva tiftaħ ukoll il-bieb għall-finzjoni (36) tal-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha (u mhux biss għad-diżeredazzjoni), stabbilita, bħala dispożizzjoni tranżitorja, mill-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012. Din it-tieni dimensjoni hija dik li tidher li hija ta’ interess għall-korp tar-rinviju: skont liema liġi tapplika, L.K. seta’ jirrevoka, jew le, il-kontenut tal-ftehim ta’ suċċessjoni tat‑2 ta’ Novembru 1999 (u, għalhekk, jiddiżereda lin-neputijiet tiegħu).
73. Għar-raġunijiet li ser nispjega fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda preliminari, nifhem li, fiċ-ċirkustanzi preżenti, ma huwiex neċessarju li wieħed jirrikorri għas-sistema tranżitorja tal-Artikolu 83 tar-Regolament (KE) Nru 650/2012 sabiex jiġi stabbilit liema liġi tirregola s-suċċessjoni kollha kemm hi, sa fejn id-deċedut għażel espressament dik il-liġi fit-testment tal‑20 ta’ Diċembru 2017. Peress li dan huwa l-każ, lanqas ma huwa essenzjali li tiġi eżaminata il-portata tal-kunċett ta’ “trasferiment causa mortis” (u jekk jinkludix dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni jew le) f’din id-dispożizzjoni tranżitorja.
74. Madankollu, ser inwettaq din l-analiżi, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha opinjoni differenti.
75. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-kunċett ta’ trasferiment causa mortis għandu jiġi interpretat bl-istess mod fil-postijiet kollha fejn ir-Regolament (KE) Nru 650/2012 jużah. Sabiex tiġi żgurata din il-konsistenza u l-uniformità fl-interpretazzjoni tat-test, l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 fih sensiela ta’ definizzjonijiet.
76. L-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 jiddefinixxi, speċifikament, “trasferiment causa mortis” bħala “testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni”. Ma jsemmix espliċitament dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni.
77. Għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja dan is-silenzju, id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “trasferiment causa mortis” li teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett imsemmi l-aħħar. Peress li ma hemm l-ebda riferiment espress għal-liġijiet tal-Istati Membri, din l-interpretazzjoni ser tkun awtonoma (37).
78. Bħala prinċipju, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 jipprovdi lista eżawrjenti. Madankollu, analiżi tal-kontenut tiegħu tissuġġerixxi li l-kunċett iddefinit fil-punt (d) tiegħu jirreferi għan-natura formali, iktar milli sostantiva, tat-trasferiment causa mortis korrispondenti (kemm jekk ikun testment, testment konġunt, jew ftehim ta’ suċċessjoni).
79. Filwaqt li, huwa minnu li, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jinkludix id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni, lanqas ma jinkludi—sabiex insemmu xi wħud mit-trasferimenti causa mortis tipiċi skont il-kontenut tagħhom—il-ħatra ta’ werriet jew legatarju.
80. Jiena nemmen li, minn din il-perspettiva sostantiva, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment causa mortis” għandha tkun wiesgħa, sabiex tirrifletti l-applikazzjoni wiesgħa maħsuba mir-Regolament Nru 650/2012, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) u l-premessa 9 tiegħu (38), u li hija konsistenti mal-objettivi tiegħu (39).
81. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “testment” (bħala kategorija differenti minn “testment konġunt” u “ftehim ta’ suċċessjoni”), għalkemm ma huwiex iddefinit bħala tali mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 (40), jinkludi d-dikjarazzjonijiet unilaterali kollha li bihom persuna torganizza d-destinazzjoni tal-patrimonju tagħha għaż-żmien ta’ wara mewtha, sabiex is-suċċessjoni tagħha ma tkunx (jew ma tkunx kompletament) ab intestato.
82. Id-diżeredazzjoni taqa’ taħt din id-definizzjoni. Il-fatt li ma huwiex att bil-għan li jittrasferixxi proprjetà ta’ wirt, iżda pjuttost li jċaħħad ċerti persuni mill-wirt, ma jipprekludix li tiġi kklassifikata bħala trasferiment causa mortis. Jekk l-espressjoni tar-rieda tat-testatur li jirregola d-dispożizzjoni tal-patrimonju tiegħu hijiex pożittiva jew negattiva ma jidhirlix li huwa deċiżiv; dak li huwa deċiżiv huwa li l-espressjoni tar-rieda tiegħu taffettwa s-suċċessjoni minħabba mewt.
83. Dan huwa l-każ bid-diżeredazzjoni: l-esklużjoni ta’ ċerti persuni li, fil-prinċipju, kellhom id-dritt li jirtu mingħand id-deċedut għandha l-konsegwenza (jekk tkun valida) li dawn il-persuni jiġu esklużi mill-wirt, u tiġi stabbilita ordni ġdida ta’ suċċessjoni.
84. Abbażi ta’ din il-premessa, dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni magħmula fis‑17 ta’ Awwissu 2015 jew wara, għandha tkun suġġetta għar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet preskritti fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 650/2012. L-Artikolu 83(3) u (4), japplika jekk din tkun saret qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 u l-persuna li għamlitha tmut f’dik id-data jew warajha.
3. It-tieni domanda preliminari
85. Fl-ipoteżi (kif nipproponi) li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 83(4) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012.
86. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ testatur li, qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, ikun għamel diversi trasferimenti causa mortis “konformi mal-liġi ta’ Stat li t-testatur seta’ jagħżel skont ir-Regolament Nru 650/2012”. Hija tixtieq tkun taf jekk, f’din is-sitwazzjoni, “il-liġi li titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni [hijiex] dik li taħtha t-testatur jkun għamel l-aħħar dispożizzjoni causa mortis qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015”.
87. Din id-domanda hija bbażata fuq żewġ premessi li ma jidhirlix li huma korretti:
– Minn naħa, u għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, ma nemminx li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha għandha tintuża sabiex jiġi ddeterminat jekk L.K. setax jiddiżeredita lin-neputijiet tiegħu (jew jagħmel testment favur xi ħadd barra miċ-ċirku tal-familja), billi jirrevoka jew jimmodifika unilateralment il-ftehim ta’ suċċessjoni li kien għamel preċedentement mal-mara tiegħu.
– Min-naħa l-oħra, anki kieku kellha tintuża l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha, nemmen li, fiċ-ċirkustanzi preżenti, ma jkunx neċessarju li din il-liġi tiġi ddeterminata fit-termini proposti mill-qorti tar-rinviju. Fl-opinjoni tiegħi, id-determinazzjoni ta’ din il-liġi applikabbli ma hijiex irregolata, f’dan il-każ, mill-Artikolu 83(4) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, kif issostni l-qorti tar-rinviju.
88. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju turi li d-deċedut għamel testment quddiem nutar fl‑20 ta’ Diċembru 2017 u li inkluda fih għażla ta’ liġi konformi mal‑Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012 (41): jiġifieri, liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha kemm hi (42).
89. Abbażi ta’ dan l-aħħar element, nifhem li jekk it-testatur juża l-possibbiltà li jagħżel il-liġi applikabbli (possibbiltà offruta mir-Regolament Nru 650/2012) ladarba, ratione temporis, dan ir-regolament ikun diġà applikabbli bis-sħiħ, ma huwiex xieraq li wieħed jirrikorri għall-finzjoni tal-Artikolu 83(4) tiegħu. Il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tkun, sempliċement, dik magħżula mit-testatur fit-testment tiegħu eżegwit wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.
90. Din il-konklużjoni interim hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn tar-Regolament Nru 650/2012.
91. Skont l-Artikolu 83(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 650/2012 japplika għas-suċċessjonijiet ta’ persuni li jmutu fis‑17 ta’ Awwissu 2015 jew wara. Sabiex tiġi ddeterminata l-liġi li tirregola t-trasferimenti causa mortis magħmula minn dawn il-persuni fi kwalunkwe ħin qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 (43), għandu jsir riferiment għall-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012.
92. Madankollu, din l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 650/2012 hija akkumpanjata minn ċerti aġġustamenti, kif stipulat fl-Artikolu 83. Dan l-artikolu jipprevedi sistema tranżitorja sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ eventwali għażla ta’ liġi (il-paragrafu 2) magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, jew l-ammissibbiltà u l-validità ta’ trasferimenti causa mortis (il-paragrafu 3) magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015.
93. Kif diġà nnutajt f’post ieħor (44), l-iskop ta’ din is-sistema tranżitorja huwa li tipproteġi dawn l-atti minn bidliet leġiżlattivi wara d-data li fiha t-testatur ikun organizza t-trasferiment tal-patrimonju tiegħu wara mewtu, li tkun seħħet wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (KE) Nru 650/2012. Dan għandu l-għan li jippreserva l-volontà tat-testatur u jirrispetta l-aspettattivi leġittimi maħluqa mill-ippjanar tas-suċċessjoni tiegħu.
94. Skont l-Artikolu 83(4) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, jekk trasferiment causa mortis magħmul qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 ikun ġie esegwit “skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont [...] ir-Regolament [proprju], dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni”.
95. Din il-finzjoni għandha l-istess effett bħal għażla ta’ liġi skont ir-Regolament (KE) Nru 650/2012, li, fl-aħħar mill-aħħar, hija li tindika l-ordinament applikabbli għas-suċċessjoni kollha kemm hi (45). Il-finzjoni hija bbażata fuq il-premessa li d-deċedut, li miet fis‑17 ta’ Awwissu 2015 jew wara, kien għamel trasferiment causa mortis qabel skont il-liġi tan-nazzjonalità tiegħu (46), u eleva din il-liġi sabiex tirregola s-suċċessjoni kollha.
96. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ argumenti li jispjegaw l-introduzzjoni ta’ din il-finzjoni:
– Minn naħa, minħabba fiha tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-liġi tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut (47) għall-kwistjonijiet li ma jkunux ġew indirizzati fit-testment tiegħu. Fil-prattika, dan jgħin sabiex jiġi evitat li liġijiet multipli jirregolaw suċċessjoni (48), u b’hekk jiġi ffaċilitat il-proċess tas-suċċessjoni.
– Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 83(4), flimkien mal-paragrafi 2 u 3 tal-istess dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, tissuġġerixxi li tkun ġiet ifformulata b’kunsiderazzjoni tal-isfond leġiżlattiv dwar is-suċċessjoni transkonfinali fl-Istati Membri qabel l-adozzjoni tar-Regolament.
97. Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-parti l-kbira tal-ordinamenti tal-Istati Membri kienu jqisu n-nazzjonalità tad-deċedut bħala punt ta’ konnessjoni għar-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni (49). Konsegwentement, kien hemm żieda fil-probabbiltà li persuna li, meta tagħmel trasferiment causa mortis tal-assi tagħha, tkun għażlet li ssegwi l-liġi tan-nazzjonalità tagħha, x’aktarx li kienet temmen li din il-liġi kienet tirregola kull aspett tas-suċċessjoni tagħha.
98. B’kuntrast ma’ dan, fir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-punt ta’ konnessjoni awtomatiku huwa l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut (50). Mingħajr is-sistema tal-Artikolu 83(4), numru sinjifikattiv ta’ suċċessjonijiet ikunu f’riskju li jkunu rregolati minn liġi differenti minn dik li, preżumibbilment, xtaq id-deċedut (u dawk b’interess fis-suċċessjoni tiegħu).
99. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nikkunsidra li l-finzjoni stabbilita mill-Artikolu 83(4) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ma hijiex meħtieġa meta, kif iseħħ f’dan il-każ, ikun hemm għażla ta’ liġi magħmula wara s‑17 ta’ Awwissu 2015, inkorporata espliċitament fit-testment eżegwit fl‑2017 (51), sabiex tirregola s-suċċessjoni kollha.
100. Mis‑17 ta’ Awwissu 2015 ’il quddiem, id-deċedut huwa preżunt li jaf (52) jew li għandu kien jaf is-sistema ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 650/2012. Meta, wara dik id-data, it-testatur jagħżel il-liġi tan-nazzjonalità tiegħu (il-liġi Ċeka) bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha tiegħu, ikun qiegħed jagħmel użu konxju mill-għażla prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012.
4. It-tielet domanda preliminari
101. It-tielet domanda preliminari titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012 (53).
102. Din id-dispożizzjoni tirregola s-sitwazzjoni fejn: (a) persuna jkollha l-kapaċità li tagħmel trasferiment causa mortis skont il-liġi applikabbli skont l-Artikoli 24 jew 25 tar-Regolament Nru 650/2012; u (b) ikun hemm bidla sussegwenti tal-liġi applikabbli.
103. Fejn japplikaw iż-żewġ ċirkustanzi, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jindika li l-bidla sussegwenti tal-liġi applikabbli ma taffettwax il-kapaċità ta’ dik il-persuna li temenda jew tirrevoka t-trasferiment causa mortis li jkun diġà sar.
104. Il-qorti tar-rinviju tifformula s-sitwazzjoni f’dawn it-termini:
– “il-kapaċità tat-testatur kienet limitata bis-saħħa ta’ dispożizzjoni causa mortis magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, konformement mal-liġi li kienet tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu”; u
– “emenda sussegwenti ta’ din il-liġi tkun bidlet il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kapaċità testamentarja tiegħu”.
105. F’din is-sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “il-kapaċità testamentarja tat-testatur [tibqax] limitata skont il-liġi li kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu li kieku miet fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ suċċessjoni, indipendentement mill-fatt li, skont il-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu, it-testatur kellu d-dritt li jannulla l-ftehim ta’ suċċessjoni (li jirrevokah jew li jemendah).”
106. Il-qorti tar-rinviju tindirizza l-kwistjoni tar-revokabbiltà jew le tal-ftehim ta’ suċċessjoni f’termini ta’ “kapaċità”. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ ma huwiex korrett.
107. Il-kunċett ta’ “kapaċità” użat fl-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jirreferix għal-limitazzjonijiet fuq it-trasferiment li, bħal ma jiġri f’din il-kawża, jirriżultaw minn ftehim ta’ suċċessjoni. Dawn il-limitazzjonijiet jikkorrispondu għall-“effetti vinkolanti [tal-ftehim] bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment [tal-ftehim]”, li huwa rregolat mill-Artikolu 25 tal-istess strument (54).
108. Fil-fatt, il-kunċett ta’ kapaċità skont it-tifsira tal-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jinkludi l-ebda aspett assoċjat mal-possibbiltà li wieħed jittrasferixxi l-proprjetà tiegħu wara l-mewt. Dan huwa evidenzjat, l-ewwel, mill-fatt li l-istess Artikolu 26(1) jirreferi separatament għall-kapaċità li jsir trasferiment causa mortis [punt (a)] u għar-raġunijiet speċifiċi li jipprevjenu t-trasferiment favur ċerti persuni [punt (b)]:
– L-Artikolu 26(1)(a) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi sabiex isir trasferiment causa mortis, meħtieġa sabiex jiġi żgurat li t-testatur ikollu l-kapaċità jifhem xi jkun qiegħed jagħmel. Tipikament, dawn huma regoli li jimponu rekwiżiti ta’ età (55), jew jeħtieġu li t-testatur ikollu l-kapaċitajiet mentali kollha fil-ħin li jagħmel it-trasferiment inkwistjoni.
– B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 26(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012 jirreferi għal restrizzjonijiet oħrajn li ma jaffettwawx il-kapaċità tat-testatur, iżda pjuttost raġunijiet speċifiċi li jipprevjenuh milli jagħmel trasferiment favur ċerti persuni (56). Dawn huma raġunijiet li, minħabba r-relazzjoni funzjonali bejn dawn il-persuni u d-deċedut, ma jaffettwawx il-“kapaċità” tiegħu fis-sens proprju, iżda pjuttost jillimitaw il-libertà tiegħu li jagħmel trasferiment.
109. Il-kapaċità ta’ trasferiment, skont it-tifsira tal-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012, tibqa’ ma tkunx affettwata meta d-deċedut stess, permezz ta’ ftehim validu, ikun illimita l-libertà tiegħu li fil-futur jirrevoka jew jimmodifika trasferiment causa mortis (stabbilit qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015).
110. Ir-riferiment fl-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 għall-kapaċità tat-testatur li jagħmel it-trasferiment taqa’, kif indikat mit-titolu ta’ dak l-artikolu, taħt l-intestatura “validità sostantiva tat-trasferimenti causa mortis”.
111. Fl-enumerazzjoni tal-aspetti rregolati mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 650/2012, il-validità sostantiva tal-ftehimiet ta’ suċċessjoni hija mqabbla mal-effetti vinkolanti li dawn il-ftehimiet jipproduċu bejn il-partijiet (inklużi l-kundizzjonijiet għax-xoljiment tagħhom): ma għandhiex tiġi konfuża magħhom.
112. Fi kliem ieħor: ir-restrizzjoni jew, fejn applikabbli, it-telf totali tas-setgħa ta’ revoka jew modifika unilateralment ta’ dak li jkun ġie miftiehem fi ftehim ta’ suċċessjoni (57) ma humiex l-istess bħall-kapaċità ta’ trasferiment. Persuna li kienet kapaċi tidħol fi ftehim ta’ suċċessjoni tkun kapaċi bl-istess mod (sakemm ma jinbidlux iċ-ċirkustanzi personali tagħha) (58) li timmodifikah jew tirrevokah.
113. Madankollu, meta teżerċita l-kapaċità tagħha li tagħmel it-trasferiment causa mortis li jbiddel il-ftehim ta’ suċċessjoni preċedenti, jista’ jkun il-każ li l-liġi nazzjonali li tirregola dawn it-tipi ta’ ftehimiet ma tippermettix lit-testatur jimmodifikahom. Jekk dan ikun il-każ, ir-restrizzjoni fuq il-libertà (iżda mhux il-kapaċità) ta’ trasferiment ma tirriżultax, intenni, minn nuqqasijiet fil-kapaċità tal-persuna, iżda minn ċerti kawżi speċifiċi li jipprevjenu lit-testatur milli jwettaq il-modifiki għall-ftehim ta’ suċċessjoni.
114. Għalhekk, nemmen li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ trasferiment inerenti fi ftehim ta’ suċċessjoni ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala kwistjoni ta’ “kapaċità” skont it-tifsira tal-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 u, konsegwentement, għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu (59).
115. Fir-Regolament Nru 650/2012, ir-regolamentazzjoni tal-effetti tal-ftehim ta’ suċċessjoni tinsab f’post ieħor u tiddependi minn liġi applikabbli, li hija ddeterminata minn dispożizzjonijiet oħra. Speċifikament:
– għall-ftehimiet ta’ suċċessjoni konklużi fis‑17 ta’ Awwissu 2015 jew wara, l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 jistabbilixxi li l-liġi applikabbli għall-effetti vinkolanti tal-ftehim hija dik fis-seħħ fil-ħin li fih ġie konkluż;
– għall-ftehimiet ta’ suċċessjoni konklużi qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 (bħal fil-kawża preżenti), minn persuni li s-suċċessjoni tagħhom tinfetaħ wara, ir-regola applikabbli tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83(3) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 (60).
V. Konklużjoni
116. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli.
117. Alternattivament, jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari titqies ammissibbli, nissuġġerixxi li n-nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju mill-Obvodní soud pro Prahu n.º 1 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1) jingħata risposta fit-termini li ġejjin:
“L-Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 25, l-Artikolu 26(1) u (2), u l-Artikolu 83(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li
– Il-kunċett ta’ ‘trasferiment causa mortis’ fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 650/2012 jinkludi dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni, li għaliha għalhekk japplika l-Artikolu 83(3) u (4) ta’ dan ir-regolament.
– Il-finzjoni tal-għażla tal-liġi prevista fl-Artikolu 83(4) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ma tapplikax meta d-deċedut ikun għamel għażla ta’ liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa ta’ dan ir-regolament stess, skont l-Artikolu 22(1) tiegħu.
– L-Artikolu 26(1)(a) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 dwar il-kapaċità tat-testatur li jagħmel trasferiment causa mortis, ma għandux l-għan li jirregola jekk min jagħmel ftehim ta’ suċċessjoni relatat mas-suċċessjoni ta’ iktar minn persuna waħda jistax sussegwentement jemendah jew jirrevokah, u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet jista’ jagħmel dan. L-effetti vinkolanti tal-ftehim ta’ suċċessjoni huma rregolati mill-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).
3 Sottomissjoni bil-miktub tas‑26 ta’ Frar 2025, ippreżentata b’risposta għad-domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Jannar 2025.
4 Il-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 292/2013”.
5 Il-Liġi Nru 89/2012 Sb., li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili.
6 Il-mara tiegħu, E.K., kienet mietet fid‑9 ta’ Jannar 2007.
7 Id-deċiżjoni tar-rinviju tuża t-termini “testment konġunt” u “ftehim ta’ suċċessjoni” mingħajr distinzjoni sabiex tirreferi għat-testment esegwit fit‑2 ta’ Novembru 1999 (u mmodifikat fl‑2001). Fiha huwa spjegat li testment konġunt jista’ jitqies bħala “ftehim ta’ suċċessjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012. Madankollu, it-terminu “testment konġunt” għandu post speċifiku f’dik id-dispożizzjoni: ara l-Artikolu 3(1)(c). Barra minn hekk, l-istess artikolu, meta jiċċara t-terminu “trasferiment causa mortis” fil-punt (d) tiegħu, jippreżenta ż-żewġ kunċetti separatament. Fil-fehma tiegħi, dak li jikkaratterizza “testment konġunt” skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 650/2012 huwa l-uniformità tal-att (jiġifieri, element formali). Il-ftehim ta’ suċċessjoni, min-naħa l-oħra, huwa ddefinit mill-interdipendenza tad-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu. Fis-seduta, diversi parteċipanti (inklużi l-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġermaniż) adottaw dan l-istess approċċ u indikaw li l-kunċetti ta’ “testment konġunt” u “ftehim ta’ suċċessjoni” ma humiex esklużivi għal xulxin: jekk, permezz ta’ “testment ta’ Berlin,” jingħataw dispożizzjonijiet sostantivi interdipendenti u reċiproċi f’att wieħed, ma jkunx żbaljat li jiġi deskritt bħala “ftehim ta’ suċċessjoni” jew “testment konġunt” (għalkemm ikun preferibbli li dan ma jsirx, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni). Mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti li ser tiddeċiedi t-tilwima, kollox jidher li jindika li kien jeżisti “ftehim ta’ suċċessjoni” ġenwin, u għalhekk ser nirreferi għall-ewwel testment ta’ L.K. bħala t-“testment tat‑2 ta’ Novembru 1999”, it-“testment ta’ Berlin,” jew il-“ftehim ta’ suċċessjoni”.
8 Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax b’mod ċar min inħatar bħala werriet fit-testment tat‑2 ta’ Novembru 1999. Fis-seduta, l-avukati taż-żewġ partijiet qablu li l-werrieta kienu n-neputijiet tat-testaturi (kien hemm nuqqas ta’ qbil ukoll dwar jekk il-konjuġi superstiti nħatarx bħala werriet).
9 Id-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma tiddikjara liema persuni ġew diżereditati. Fis-seduta, ġie żvelat li L.K. iddiżeredita lil uliedu l-bniet u lin-neputijiet tiegħu.
10 F’dokument tat‑30 ta’ Novembru 2022, dan l-avukat elenka fid-dettall il-qafas legali tal-BGB (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) u l-kontenut ta’ dak it-testment. Huwa argumenta li t-testatur u martu kienu espressament illimitaw il-libertà tagħhom ta’ trasferiment causa mortis (bil-Ġermaniż, “Testierfreiheit”) f’każ ta’ mewt ta’ wieħed minnhom. Il-konjuġi superstiti seta’ biss jimmodifika ċ-ċirku tal-werrieta billi jillimita l-għażla tiegħu għal dawk imsemmija fit-testment tal-konjuġi.
11 Ara l-kawża tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Domanda preliminari magħmula minn nutar ikkonċernat) (C‑387/20, EU:C:2021:751; iktar ’il quddiem il-“kawża OKR”), punt 31.
12 Il-kawża OKR, punt 22, bil-ġurisprudenza ċċitata.
13 L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ċek u tal-Kummissjoni inkludew kummenti favorevoli għall-ammissibbiltà. Fis-seduta, il-Kummissjoni kkwalifikat il-pożizzjoni tagħha, billi ddikjarat li l-ammissibbiltà kienet dubjuża.
14 Fit-taqsima intitolata “Dwar il-kwalità tal-kummissarju ġudizzjarju sabiex jaġixxi f’isem l-Obvodní soud pro Prahu 1 [il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1] għall-iskop li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari”, in-nutar jiddikjara li, skont l-Artikolu 103(4) tal-Liġi Nru 292/2013, meta jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċeduri ta’ suċċessjoni, huwa għandu “s-setgħat kollha ta’ qorti fil-kapaċità tagħha bħala awtorità pubblika fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji” (enfasi miżjuda minni). Din l-affermazzjoni, madankollu, ma hijiex konsistenti ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑575/16, EU:C:2018:186; iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka”).
15 Il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE rriżulta mill-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ nazzjonalità għall-eżerċizzju tal-prattika bħala nutar. Dan ir-rekwiżit tneħħa sussegwentement b’riżultat tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka.
16 Il-punti 117 sa 127 tas-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka. Kuntrarjament għall-argumenti ppreżentati mill-Gvern Ċek waqt is-seduta, din is-sentenza ma llimitatx ruħha għall-eżami tas-setgħat ġenerali tan-nutara, iżda pjuttost ikkunsidrat b’mod sinjifikattiv ir-rwol speċifiku tagħhom fil-proċeduri ta’ suċċessjoni bħal fil-każ preżenti.
17 Il-punt 126 tas-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka.
18 Deċiżjoni Pl. ÚS 29/25, tas‑17 ta’ Settembru 2025.
19 Ibidem, il-punt 10.
20 Il-punti 3 sa 5 tar-risposta bil-miktub tal-Gvern Ċek tal‑10 ta’ Ottubru 2025 għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja.
21 Il-leġiżlazzjoni li tirregola r-revoka u t-tkeċċija tan-nutara Ċeki jista’ jkun li għandha ċerti similaritajiet mar-regoli applikabbli għall-membri tal-qorti tar-rinviju fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et (C‑115/22, EU:C:2024:384). Dik il-kawża kienet tikkonċerna lill-Unabhängige Schiedskommission Wien (il-Kummissjoni Indipendenti tal-Arbitraġġ ta’ Vjenna, l-Awstrija), u l-membri tagħha setgħu jitneħħew “b’mod antiċipat ‘għal raġunijiet serji’, mingħajr ma dan il-kunċett jiġi ddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali” b’deċiżjoni li kienet “tappartjeni biss lill-Ministru Federali […], jiġifieri membru eżekuttiv, mingħajr ma jkunu ġew stabbiliti minn qabel kriterji preċiżi jew garanziji preċiżi” (punti 49 u 52). Fis-seduta, il-Gvern Ċek argumenta li l-Ministru ma għandu l-ebda diskrezzjoni f’dan ir-rigward u seta’ jneħħi nutar biss meta tkun preżenti waħda mir-raġunijiet predeterminati mil-liġi.
22 Fis-seduta, il-Gvern Ċek irrikonoxxa li l-Qorti Kostituzzjonali ddeskriviet b’mod adegwat, fid-deċiżjoni tagħha, is-sistema legali tan-nutara Ċeki.
23 Il-punt 6 tar-risposta bil-miktub tal-Gvern Ċek tal‑10 ta’ Ottubru 2025 għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja.
24 Il-punt 7 tar-risposta bil-miktub tal-Gvern Ċek tal‑10 ta’ Ottubru 2025 għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja. Enfasi miżjuda minni.
25 L-Artikolu 104(1) tal-Liġi Nru 292/2013: “Il-qorti tirrevoka l-mandat tan-nutar, anki mingħajr ma tkun tressqet applikazzjoni, jekk ikun hemm riskju li l-kawża ma tiġix solvuta fi żmien raġonevoli u jekk in-nutar ikun ġie nnotifikat bil-miktub dwar il-possibbiltà li l-qorti tista’ tirrevoka l-mandat”.
26 Kawża OKR, punti 23 u 24. Enfasi miżjuda minni. Fil-każ preżenti, ma huwiex ċar għalkollox jekk it-tilwima tikkonċernax biss kwistjoni ta’ dritt jew jekk testendix ukoll għall-fatti. Meta ġew mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, l-avukati tal-partijiet ikkonfermaw li teżisti tilwima fattwali dwar ir-raġunijiet li wasslu għad-diżeredetazzjoni tan-neputijiet.
27 Kawża OKR, punt 33.
28 L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
29 L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
30 Il-premessa 48 tar-Regolament Nru 650/2012.
31 Rigward il-kunċett ta’ “validità sostantiva” skont it-tifsira tal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, ara l-Artikolu 26(1).
32 L-Artikolu 24(1). Dan l-ordinament huwa ddeterminat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 650/2012.
33 L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012. L-għażla għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22. Skont il-premessa 51, tista’ tkun biss il-liġi tan-nazzjonalità li kellu d-deċedut fid-data tat-trasferiment.
34 Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ suċċessjoni, u suġġett għall-għażla tal-liġi, l-ammissibbiltà, il-validità sostantiva u l-effetti vinkolanti bejn il-partijiet tal-ftehimiet relatati mas-suċċessjoni ta’ persuna waħda huma rregolati mil-liġi li, skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni kieku dik il-persuna mietet fid-data li fiha ġie konkluż il-ftehim. Ara l-Artikolu 25(3), b’riferiment għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22, u l-premessa 51 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012.
35 L-ammissibbiltà ta’ dawn il-ftehimiet ta’ suċċessjoni tiddependi mill-applikazzjoni kumulattiva tal-liġijiet li jirregolaw is-suċċessjoni ta’ kull parti li tkun mietet fid-data li fiha ġie konkluż il-ftehim. Minn dawk il-liġijiet, dik li hija l-iktar relatata mill-qrib mal-ftehim tirregola l-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet. Ara l-Artikolu 25(1), (2) u (3) tar-Regolament Nru 650/2012. Skont l-Artikolu 22 moqri flimkien mal-premessa 51, l-għażla tal-liġi hija limitata għan-nazzjonalità li kellhom il-partijiet, jew waħda minnhom, fil-ħin tal-ftehim.
36 Jiena nuża dan it-terminu fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:230), punti 104, 107, 112. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeskrivi l-mekkaniżmu bħala “preżunzjoni”: sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, RK (Rifjut ta’ ġurisdizzjoni) (C‑422/20, EU:C:2021:718), punt 53.
37 B’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis) (C‑277/20, EU:C:2021:708), punt 29.
38 Il-premessa 9 tqabbel is-suċċessjoni minħabba mewt ma’ “kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.
39 Ara, rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis) (C‑277/20, EU:C:2021:708), punt 33: “Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex minn dan ir-regolament jikkonsisti f’li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, konformement mal-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni, u sabiex jistabbilixxi sistema uniformi applikabbli għall-aspetti kollha tad-dritt ċivili dwar suċċessjoni causa mortis li għandha effett transkonfinali u b’mod partikolari għal ‘kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt’, kif jirriżulta mill-premessa 9 [...]”. Dawn l-għanijiet huma ssupplimentati minn dawk espressi fil-premessa 7: b’mod partikolari, l-għan li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom.
40 Li jipprovdi definizzjoni għat-tnejn l-oħrajn: ara l-Artikolu 3(1)(b) u (c).
41 Għandu jiġi nnutat ukoll li l-qorti li ħarġet id-deċiżjoni 37 D 227/2022‑118 (sussegwentement ikkontestata) kienet ikkunsidrat il-liġi Ċeka bħala applikabbli għas-suċċessjoni kollha, filwaqt li qieset l-għażla ta’ L.K.
42 Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis) (C‑277/20, EU:C:2021:708), punt 39. Id-diverġenza tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 650/2012 dwar dan il-punt, fis-sens li xi wħud biss jispeċifikaw li jirreferi għas-suċċessjoni kollha, ġiet innutata mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża (C‑277/20, EU:C:2021:531), punt 53 u nota ta’ qiegħ il-paġna 42, u għadha teżisti.
43 Huwa irrilevanti jekk it-trasferiment causa mortis ingħatax qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012 (is‑16 ta’ Awwissu 2012) jew bejn dik id-data u s‑17 ta’ Awwissu 2015.
44 Konklużjonijiet tal-kawża E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:230), punti 101 u 102.
45 Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, RK (Rifjut ta’ ġurisdizzjoni) (C‑422/20, EU:C:2021:718), punt 53.
46 Din hija l-unika għażla offruta mir-Regolament Nru 650/2012 lid-deċedut: ara l-Artikolu 22(1) tiegħu.
47 Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, din ġeneralment tkun il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi.
48 Skont l-Artikolu 83(2) tar-Regolament (KE) Nru 650/2012, liġijiet oħra għajr il-liġi tan-nazzjonalità tat-testatur jistgħu japplikaw biex jiddeterminaw l-ammissibbiltà, il-validità formali, u l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis magħmul qabel is‑17 ta' Awwissu 2015. Il-prerekwiżit tal-paragrafu 4 huwa, fi kwalunkwe każ, li t-trasferiment ikun sar skont il-liġi nazzjonali tad-deċedut.
49 Mid-dsatax-il Stat Membru li rregolaw is-suċċessjonijiet b’riperkussjoni transkonfinali b’mod unifikat, sittax kienu għażlu dan il-punt ta’ konnessjoni.
50 L-għażla tal-liġi hija eċċezzjoni: sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, OP (L-għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:766), punt 31.
51 Lanqas ma jkun neċessarju li kieku kien hemm għażla ta’ liġi qabel dak il-punt, valida skont l-Artikolu 84(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012. Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E.E. (Ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569), punt 92.
52 Jista’ jiġi preżunt li dan kien il-każ għal L.K., anki jekk biss minħabba li nutar kien involut fit-testment esegwit fl‑2017.
53 L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ġie introdott fid-dibattitu mill-qorti tal-appell. Meta rrevokat id-deċiżjoni kkontestata, din il-qorti tat struzzjonijiet lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex tiddetermina, fid-dawl tad-dritt Ġermaniż (u mhux Ċek), jekk id-deċedut setax jirrevoka jew jemenda t-“testment ta’ Berlin” wara l-mewt ta’ martu. Id-digriet tar-rinviju ma jeżaminax jekk il-fatt li t-“testment ta’ Berlin” ġie eżegwit qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 jaffettwax l-applikabbiltà tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012.
54 Għal ftehimiet wara s‑17 ta’ Awwissu 2015 ara, iktar ’il quddiem, il-punt 115 fir-rigward ta’ dawk konklużi qabel dik id-data.
55 Din hija l-fehma tal-Kummissjoni fil-punt 62 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn tikkwota l-età ta’ iktar minn tmintax-il sena bħala eżempju ta’ kundizzjoni relatata mal-kapaċità testamentarja.
56 Jew kawżi speċifiċi li jipprevjenu lil persuna milli tirċievi assi ta’ suċċessjoni mingħand it-testatur.
57 Li jammonta għall-istess ħaġa: jekk u kif terġa’ tinkiseb il-libertà li jsir trasferiment causa mortis mill-assi suġġetti għall-ftehim ta’ suċċessjoni.
58 Jew jekk il-liġi li tirregola dawn iċ-ċirkustanzi personali tinbidel bħala konsegwenza ta’ alterazzjoni fil-punt ta’ konnessjoni speċifiku: pereżempju, jekk ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-ħin li jsir it-trasferiment causa mortis ma tkunx l-istess bħar-residenza abitwali tiegħu fil-ħin li jipprova jimmodifikah jew jirrevokah. Funzjoni waħda tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012 tkun preċiżament li jannulla l-effetti ta’ dik il-bidla meta dawn jipprevjenu lid-deċedut milli jagħmel il-modifika jew ir-revoka mixtieqa.
59 Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa, l-ewwel u qabel kollox, eċċezzjoni għall-Artikolu 24(3), dwar il-modifika jew ir-revoka ta’ trasferimenti causa mortis għajr ftehimiet ta’ suċċessjoni. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-liġi li tirregola dawn l-azzjonijiet ma hijiex dik applikabbli fid-data li fiha ġiet eżegwit it-trasferiment inkwistjoni, iżda pjuttost dik fis-seħħ fil-ħin tar-revoka jew il-modifika. Sabiex jiġi evitat li testatur ikun “marbut” b’mod mhux mistenni bit-trasferiment tiegħu skont dik il-liġi, l-Artikolu 26(2) jeskludi l-kapaċità mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-prattika, ir-regola timplimenta l-prinċipju ġeneralment aċċettat li t-trasferimenti causa mortis (unilaterali) huma essenzjalment revokabbli.
60 Litteralment, dan il-paragrafu jikkontempla biss il-liġi li tirregola l-ammissibbiltà u l-validità formali u sostantiva tat-trasferimenti causa mortis, iżda mhux il-liġi applikabbli għall-effetti tagħhom.