17.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/62


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/971

tas-16 ta’ Ġunju 2021

li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE dwar it-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf, l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież, l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa tal-pitravi, l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ħxejjex u l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra, fir-rigward tal-użu ta’ tekniki bijokimiċi u molekulari

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21a tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 21b tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa tal-pitravi (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 45 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, iż-żrieragħ tal-ispeċijiet rispettivi jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss fl-Unjoni jekk ikunu ġew eżaminati u ċċertifikati uffiċjalment jew taħt superviżjoni uffiċjali, f’konformità mar-regoli għaċ-ċertifikazzjoni fir-rigward tal-ġenerazzjoni taż-żrieragħ prebażiċi, taż-żrieragħ bażiċi jew taż-żrieragħ iċċertifikati.

(2)

F’konformità mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, l-eżaminazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni hija bbażata fuq l-osservazzjoni viżiva fenotipika tal-għalla fl-għalqa mill-awtorità taċ-ċertifikazzjoni ta’ kull Stat Membru jew taħt is-superviżjoni tagħha u f’kontroll uffiċjali a posteriori. Madankollu, id-Direttivi msemmija hawn fuq, ma jirreferux espliċitament għall-użu ta’ kwalunkwe teknika oħra biex tiġi vverifikata l-identità varjetali fl-għalqa jew fil-kontroll a posteriori fil-kuntest taċ-ċertifikazzjoni, fatt li jista’ joħloq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu.

(3)

Bis-saħħa tat-tekniki bijokimiċi u molekulari (“BMT”) tista’ tiġi indikata informazzjoni dwar l-istruttura ġenetika ta’ organiżmi ħajjin. L-użu tal-BMT jippermetti lill-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni biex jidentifikaw il-varjetà tal-pjanti abbażi ta’ analiżi fil-laboratorju minflok l-osservazzjoni fenotipika viżiva tal-pjanti fl-għalqa.

(4)

Il-BMT fit-tnissil tal-pjanti u fl-ittestjar taż-żrieragħ qed jiżviluppaw malajr u l-użu tagħhom fis-settur taż-żrieragħ qed isir dejjem aktar importanti. Fl-Iskemi taż-Żrieragħ tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (6), ġew stabbiliti l-proċeduri, il-miżuri u t-tekniki biex jippermettu l-użu tal-BMT bħala għodda supplimentari għall-ispezzjonijiet fl-għalqa u għall-ittestjar bl-irqajja’ ta’ kontroll, meta jkun hemm dubji fir-rigward tal-identità varjetali taż-żrieragħ, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni fenotipika.

(5)

Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-użu tal-BMT jiffaċilita l-analiżi ulterjuri taż-żrieragħ u tal-pjanti, huwa xieraq li jiġu emendati d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE biex jippermettu espliċitament l-użu tal-BMT bħala metodu supplimentari għall-eżaminazzjoni tal-identità tal-varjetà kkonċernata, f’każ li l-ispezzjoni fuq il-post u l-kontroll uffiċjali a posteriori jkunu ħallew xi dubji. Dan huwa meħtieġ sabiex il-liġi tal-Unjoni tiġi adattata għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku u sabiex tiġi allinjata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mal-istandards internazzjonali applikabbli inkorporati fl-Iskemi taż-Żrieragħ tal-OECD.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u sistematika tagħhom, f’konformità mal-evidenza xjentifika u teknika l-aktar aġġornata, jenħtieġ li d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE jirreferu biss għall-BMTs rikonoxxuti mill-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (UPOV), l-OECD u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ (ISTA), peress li dawk l-organizzazzjonijiet jistabbilixxu l-istandards internazzjonali tal-BMT uffiċjalment rikonoxxuti f’dan ir-rigward.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Annessi rilevanti tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE jiġu emendati skont dan, sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza li l-BMT jistgħu wkoll jintużaw f’każ li jkun għad hemm dubju dwar l-identità varjetali taż-żrieragħ.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADDOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE

Id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE huma emendati skont dan:

(1)

L-Anness I tad-Direttiva 66/401/KEE huwa emendat f’konformità mal-Parti A tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(2)

L-Anness I tad-Direttiva 66/402/KEE huwa emendat f’konformità mal-Parti B tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(3)

L-Anness I tad-Direttiva 2002/54/KE huwa emendat f’konformità mal-Parti C tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(4)

L-Anness I tad-Direttiva 2002/55/KE huwa emendat f’konformità mal-Parti D tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(5)

L-Anness I tad-Direttiva 2002/57/KE huwa emendat f’konformità mal-Parti E tal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2022. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298.

(2)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309.

(3)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12.

(4)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.

(5)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74.

(6)  Skemi taż-Żrieragħ tal-OECD; Rules and Regulation 2021, Common Rules and Regulation 7.4.5, p. 3, https://www.oecd.org/agriculture/seeds/documents/oecd-seed-schemes-rules-and-regulations.pdf, u l-Iskemi taż-Żrieragħ tal-OECD; Guidelines for control plot tests and field inspection for seed crops, Lulju 2019., Parti III, p. 31, https://www.oecd.org/agriculture/seeds/documents/guidelines-control-plot-and-field-inspection.pdf


ANNESS

Emendi għad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, kif imsemmija fl-Artikolu 1

PARTI A

Emenda għall-Anness I tad-Direttiva 66/401/KEE

Fl-Anness I tad-Direttiva 66/401/KEE, jiżdied il-punt 7 li ġej:

“7.

Fil-każ fejn, wara l-implimentazzjoni tal-punti 4 u 6, xorta jkun hemm dubju fir-rigward tal-identità varjetali taż-żrieragħ, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni tista’ tuża, għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-identità, teknika bijokimika jew molekulari rikonoxxuta internazzjonalment u riproduċibbli, f’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli.”

PARTI B

Emenda għall-Anness I tad-Direttiva 66/402/KEE

Fl-Anness I tad-Direttiva 66/402/KEE, jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.

Fil-każ fejn, wara l-implimentazzjoni tal-punti 3 u 7, xorta jkun hemm dubju fir-rigward tal-identità varjetali taż-żrieragħ, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni tista’ tuża, għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-identità, teknika bijokimika jew molekulari rikonoxxuta internazzjonalment u riproduċibbli, f’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli.”

PARTI C

Emenda għall-Anness I tad-Direttiva 2002/54/KE

Fil-Parti A. Uċuħ tar-raba’ tal-Anness I tad-Direttiva 2002/54/KE, il-punt 5a li ġej jiddaħħal bejn il-punti 5 u 6:

“5a.

Fil-każ fejn, wara l-implimentazzjoni tal-punti 2 u 5, xorta jkun hemm dubju fir-rigward tal-identità varjetali taż-żrieragħ, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni tista’ tuża, għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-identità, teknika bijokimika jew molekulari rikonoxxuta internazzjonalment u riproduċibbli, f’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli.”

PARTI D

Emenda għall-Anness I tad-Direttiva 2002/55/KE

Fl-Anness I tad-Direttiva 2002/55/KE, il-punt 3a li ġej jiddaħħal bejn il-punti 3 u 4:

“3a.

Fil-każ fejn, wara l-implimentazzjoni tal-punti 1, 2 u 3, xorta jkun hemm dubju fir-rigward tal-identità varjetali taż-żrieragħ, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni tista’ tuża, għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-identità, teknika bijokimika jew molekulari rikonoxxuta internazzjonalment u riproduċibbli, f’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli.”

PARTI E

Emenda għall-Anness I tad-Direttiva 2002/57/KE

Fl-Anness I tad-Direttiva 2002/57/KE, il-punt 3a li ġej jiddaħħal bejn il-punti 3 u 4:

“3a.

Fil-każ fejn, wara l-implimentazzjoni tal-punti 1 u 3, xorta jkun hemm dubju fir-rigward tal-identità varjetali taż-żrieragħ, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni tista’ tuża, għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-identità, teknika bijokimika jew molekulari rikonoxxuta internazzjonalment u riproduċibbli, f’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli.”