SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(a) – Kanċellazzjoni ta’ titjira – Artikolu 8(1) – Obbligu ta’ assistenza – Kunċett ta’ “rotta differenti” – Kumpens tal-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Pandemija tal-COVID-19 – Titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ missjoni ta’ assistenza konsulari – Titjira operata mill-istess trasportatur tal-ajru li jopera u fl-istess ħin tat-titjira kkanċellata – Spejjeż tal-passiġġier li jaqbżu l-ispejjeż netti għal dik it-titjira”
Fil-Kawża C‑49/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
Austrian Airlines AG
vs
TW
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Austrian Airlines AG, minn M. Brenner u M. Klemm, Rechtsanwälte, |
|
– |
għal TW, minn F. Puschkarski, A. Skribe u P. Zwifelhofer, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Austrian Airlines AG u TW dwar ir-rifjut ta’ Austrian Airlines li tirrimborsa lil TW u lil martu s-somma li dawn kellhom iħallsu sabiex jibbenefikaw minn titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tal-funzjonijiet konsulari tagħha, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom minn Austrian Airlines minħabba l-pandemija tal-Covid‑19. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 261/2004
|
3 |
Il-premessi 1 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Definizzjonijiet”. It-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” huwa ddefinit, fil-punt (b) ta’ dan l-artikolu, bħala li jfisser “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”. |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li mhux qiegħed għad-dispożizzjoni direttament jew indirettment għall-pubbliku. Madankollu, għandu japplika għall-passiġġieri li għandhom biljetti maħruġa taħt programm ta’ min itir ta’ spiss jew programm kummerċjali ieħor minn trasportatur ta’ l-ajru jew operator tat-tour.” |
|
6 |
L-Artikolu 5 tal-istess Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:
[…]
[…] 2. Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli. 3. Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi kumpens standardizzat tal-passiġġieri li l-ammont tiegħu jvarja, b’mod partikolari, skont id-distanza tat-titjira. |
|
8 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprevedi: “1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:
2. Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn package, ħlief għad-dritt għal rimbors fejn dan id-dritt iqum taħt id-[Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1). […]” |
|
9 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament huwa intitolat “Kumpens ulterjuri”. Dan jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.” |
Id‑Direttiva (UE) 2015/637
|
10 |
Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal‑20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU 2015, L 106, p. 1). “Il-protezzjoni konsulari msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tinkludi għajnuna, fost l-oħrajn, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Id‑dritt Awstrijak
|
11 |
Il-punt 5 tal-Artikolu 3(2) tal-Bundesgesetz über die Wahrnehmung konsularischer Aufgaben (Konsulargesetz) (il-Liġi Federali dwar l-Eżerċizzju tal-Funzjonijiet Konsulari (il-Liġi Konsulari)), (BGBl. 40/2019) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Konsulari”), jipprevedi: “Il-protezzjoni konsulari hija l-parti tal-funzjonijiet konsulari li tinkludi l-provvista ta’ assistenza f’sitwazzjonijiet ta’ protezzjoni legali u ta’ emerġenza. Din tinkludi, fost l-oħrajn, il-provvista ta’ assistenza fil-każijiet ta’ […] sokkors u ripatrijazzjoni f’każ ta’ emerġenza.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Fil-kuntest ta’ pakkett ta’ vvjaġġar, TW u martu kellhom kull wieħed minnhom riżervazzjoni kkonfermata għat-titjira OS 17, tas‑7 ta’ Marzu 2020, mill-ajruport ta’ Vjenna (l-Awstrija) lejn l-ajruport tal-Mawrizju, kif ukoll għat-titjira OS 18, tal‑20 ta’ Marzu 2020, mill-ajruport tal-Mawrizju lejn l-ajruport ta’ Vjenna. Dawn iż-żewġ titjiriet kellhom jiġu operati minn Austrian Airlines. |
|
13 |
It-titjira OS 17 saret. Min-naħa l-oħra, fit‑18 ta’ Marzu 2020, Austrian Airlines ikkanċellat it-titjira OS 18 wara miżuri meħuda mill-Gvern Awstrijak minħabba l-pandemija tal-Covid-19. |
|
14 |
Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, minkejja li Austrian Airlines kellha d-dettalji ta’ TW u ta’ martu, hija ma informathomx b’din il-kanċellazzjoni, u lanqas bid-drittijiet li huma kellhom skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Kien biss fid‑19 ta’ Marzu 2020 li huma ġew avżati, mill-organizzatur tal-vjaġġ tagħhom, bil-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom lura kif ukoll bl-organizzazzjoni ta’ titjira ta’ ripatrijazzjoni mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak, prevista għall‑20 ta’ Marzu 2020, data li fiha ma kienet saret l-ebda titjira regolari iktar. |
|
15 |
TW u martu rreġistraw għal din it-titjira ta’ ripatrijazzjoni fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Għal dan l-għan, kull wieħed minnhom kellu jħallas kontribuzzjoni għall-ispejjeż obbligatorji ta’ somma ta’ EUR 500. Din it-titjira ta’ ripatrijazzjoni ġiet operata minn Austrian Airlines bin-numru tat-titjira OS 1024, fil-ħin inizjalment irriżervat għat-titjira OS 18. |
|
16 |
Permezz ta’ azzjoni mressqa quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) fl‑14 ta’ Settembru 2020, TW, li jaġixxi f’ismu u dak ta’ martu, talab li Austrian Airlines tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 1000, flimkien mal-interessi, fejn din is-somma tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni obbligatorja li martu u huwa stess kellhom iħallsu għat-titjira ta’ ripatrijazzjoni. |
|
17 |
Insostenn ta’ din l-azzjoni, TW invoka l-fatt li Austrian Airlines mhux biss naqset milli toffri u torganizza rotta differenti, iżda ffatturat ukoll spejjeż għat-trasport li TW stess organizza, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Sa fejn Austrian Airlines b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni, dan it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għad-dannu li TW u martu ġarrbu meta kienu mġiegħla jsibu, bi spejjeż tagħhom, soluzzjoni alternattiva għat-titjira ta’ ritorn ikkanċellata. |
|
18 |
Peress li l-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) laqgħet it-talba prinċipali ta’ TW, Austrian Airlines ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
19 |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-assistenza insostenn u għar-ripatrijazzjoni f’każ ta’ emerġenza hija waħda mill-funzjonijiet konsulari tar-Repubblika tal-Awstrija. L-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet jaqa’ taħt attività sovrana ta’ dan l-Istat Membru skont il-punt 5 tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Konsulari. Austrian Airlines ikkontribwixxiet hemmhekk bħala sieħeb kuntrattwali tar-Repubblika tal-Awstrija, mingħajr ma kellha l-iċken influwenza fuq id-deċiżjoni ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, din il-qorti tqis li kieku Austrian Airlines ma kellhiex il-possibbiltà li tipprogramma mill-ġdid hija stess il-passiġġieri fuq it-titjira ta’ ripatrijazzjoni, hija kienet tista’ tirreġistrahom hija stess fis-sit internet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u tirrimborsahom il-kontribuzzjoni tagħhom għall-ispejjeż obbligatorji. |
|
20 |
Skont l-imsemmija qorti, l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi għalhekk mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kliem “offruti” u “rotta differenti”, li jinsabu rispettivament fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004. |
|
21 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li titjira ta’ ripatrijazzjoni, organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ miżura ta’ assistenza konsulari, wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira, tikkostitwixxi “rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li għandha tiġi offruta mit-trasportatur tal-ajru li jopera lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata. |
|
23 |
Skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, joffri assistenza lill-passiġġieri kkonċernati konformement mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. |
|
24 |
Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, il-passiġġieri għandhom għażla bejn tliet possibbiltajiet: jew ir-rimbors tal-biljett taħt ċerti kundizzjonijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, titjira lura lejn il-punt ta’ tluq inizjali mill-iktar fis possibbli; jew rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli u mill-iktar fis possibbli, jew, fl-aħħar nett, rotta differenti lejn din id-destinazzjoni f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli f’data sussegwenti, skont il-konvenjenza tagħhom, bla ħsara għad-disponibbiltà ta’ postijiet. |
|
25 |
Il-kunċett ta’ “rotta differenti” ma huwiex iddefinit mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kunċett għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 28). |
|
26 |
Fir-rigward, qabelxejn, tas-sens abitwali tal-kunċett ta’ “rotta differenti”, dan jirreferi, b’mod ġenerali, għall-idea ta’ itinerarju alternattiv għal dak inizjalment previst, b’mod partikolari f’termini ta’ vjaġġ jew ta’ ħinijiet, li madankollu jwassal għall-istess destinazzjoni finali. F’dan ir-rigward, dan il-kunċett ma jinkludi ebda karatteristika partikolari li tillimita r-“rotta differenti” fil-kuntest ta’ offerta kummerċjali. |
|
27 |
Sussegwentement, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004, l-għan prinċipali mfittex minn dan tal-aħħar jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 69, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 44). |
|
28 |
Għaldaqstant, l-offerta ta’ “rotta differenti”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, ma tistax tillimita ruħha, għat-trasportatur tal-ajru kkonċernat li jopera, li tipproponi lill-passiġġier tal-ajru li jwasslu għad-destinazzjoni finali tiegħu permezz tat-titjira sussegwenti dik li dan it-trasportatur tal-ajru kkanċella. Tali offerta tista’ tinkludi titjiriet oħra, inklużi dawk b’konnessjonijiet, eventwalment operati minn trasportaturi tal-ajru oħra li jappartjenu jew le għall-istess alleanza tal-ajru u li jaslu b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti għat-titjira kkanċellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses, C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 59). |
|
29 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu madankollu jiġi rrilevat, kif ikkonstata, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 u 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament Nru 261/2004 huwa bbażat fuq l-Artikolu 80(2) KE, li sar l-Artikolu 100(2) TFUE, li jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet xierqa b’mod partikolari għan-navigazzjoni bl-ajru, fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport. Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi estiż għal titjiriet mhux kummerċjali. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, b’mod partikolari, mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 261/2004, li tirreferi espressament għall-attivitajiet tat-trasportaturi tal-ajru f’suq illiberalizzat, mill-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” b’riferiment għal kuntratt konkluż ma’ passiġġier, kif ukoll mill-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu għall-passiġġieri li jivvjaġġaw b’tariffa aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
30 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huma biss it-titjiriet kummerċjali li jistgħu joperaw fl-implimentazzjoni ta’ tali rotta differenti. |
|
31 |
Issa, titjira ta’ ripatrijazzjoni ma għandhiex natura kummerċjali, sa fejn l-organizzazzjoni tagħha taqa’, bħala prinċipju, fil-kuntest tal-miżuri ta’ assistenza konsulari ta’ Stat, kif juru, f’dan il-każ, il-punt 5 tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Konsulari, iżda wkoll, fid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 9(e) tad-Direttiva 2015/637. |
|
32 |
Minn dan il-fatt jirriżulta, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 34, 35 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kundizzjonijiet ta’ titjira ta’ ripatrijazzjoni jistgħu jkunu sinjifikattivament differenti minn dawk ta’ titjira kummerċjali f’dak li jirrigwarda kemm il-kundizzjonijiet ta’ imbark kif ukoll is-servizzi abbord. Fuq kollox, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw ma jistgħux joffru lill-passiġġieri tagħhom titjira ta’ ripatrijazzjoni bħala “rotta differenti”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li ma humiex awtorizzati jagħtu lil dawn il-passiġġieri dritt li jiġu ttrasportati fuq din it-titjira. |
|
33 |
Mill-motivi preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira ta’ ripatrijazzjoni, organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ miżura ta’ assistenza konsulari, wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira, ma tikkostitwixxix “rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li għandha tiġi offruta mit-trasportatur tal-ajru li jopera lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata. |
Fuq it‑tieni domanda
|
34 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil passiġġier li, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu lura, kellu jirreġistra huwa stess għal titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ miżura ta’ assistenza konsulari u jħallas f’dan ir-rigward lil dan l-Istat kontribuzzjoni għall-ispejjeż obbligatorji, dritt għar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mit-trasportatur tal-ajru li jopera. |
|
35 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-azzjoni ta’ TW hija intiża sabiex Austrian Airlines tiġi kkundannata tikkumpensaha għad-dannu li huwa jallega li ġarrab billi kellu jħallas EUR 1000 bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż obbligatorji għalih u għal martu, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn żewġ postijiet fuq it-titjira ta’ ripatrijazzjoni msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. Din l-azzjoni, sa fejn tirrigwarda dannu speċifiku għal TW, li huwa intiż li jiġi evalwat individwalment u a posteriori, u li joriġina mill-kanċellazzjoni ta’ titjira li għaliha din tal-aħħar u martu kellhom riżervazzjoni kkonfermata, hija intiża sabiex tikseb kumpens addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu,C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 35 u 36). |
|
36 |
Issa, għalkemm mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dan ir-regolament japplika bla ħsara għad-dritt ta’ passiġġier għal kumpens addizzjonali, tali kumpens ulterjuri għandu madankollu jkun ibbażat fuq id-dritt nazzjonali jew id-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 35 u 36). |
|
37 |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jistax għalhekk jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu lura, jirreġistra huwa stess fuq titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru għandu, abbażi tal-imsemmi regolament, dritt għar-rimbors mit-trasportatur tal-ajru li jopera tal-kontribuzzjoni għall-ispejjeż addizzjonali li huwa kellu jħallas għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fuq din it-titjira. |
|
38 |
Tali passiġġier huwa madankollu fondat li jinvoka dritt għal kumpens abbażi tal-elementi stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 meta trasportatur tal-ajru li jopera jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn l-artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punti 43 u 44). |
|
39 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “[Assistenza:] Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-passiġġieri għandhom għażla bejn tliet possibbiltajiet li huma speċifikati hemmhekk, jiġifieri, l-ewwel, ir-rimbors tal-biljett u, jekk ikun il-każ, titjira ta’ ritorn lejn il-punt ta’ tluq inizjali mill-iktar fis possibbli, it-tieni, rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli u mill-iktar fis possibbli u, it-tielet, rotta differenti lejn din id-destinazzjoni f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli f’data sussegwenti, skont il-konvenjenza tagħhom, bla ħsara għad-disponibbiltà ta’ postijiet. |
|
40 |
Dan l-artikolu jipprevedi b’hekk espressament bħala alternattiva għar-rotta differenti r-rimbors tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma twettqux jew li saru inutli meta mqabbla mal-pjan ta’ vjaġġ inizjali, bil-kundizzjoni li dan il-biljett ma jistax diġà jiġi rrimborsat abbażi tad-Direttiva 2015/2302. |
|
41 |
Għaldaqstant, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta r-rotta differenti tirriżulta impossibbli fl-iqsar żmien possibbli jew f’data sussegwenti li hija konvenjenti għall-passiġġier ikkonċernat, it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jistax jinħeles mill-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, li jirrimborsa l-biljett għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma twettqux jew li saru inutli meta mqabbla mal-pjan ta’ vjaġġ inizjali, bil-kundizzjoni li dan il-biljett ma jistax diġà jiġi rrimborsat abbażi tad-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, l-obbligu li tiġi offruta l-assistenza prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament ikun mingħajr effett jekk ma jkunx possibbli li din tiġi osservata, jekk ikun il-każ permezz ta’ azzjoni għal rimbors ippreżentata a posteriori. |
|
42 |
Tali obbligu ta’ rimbors huwa, barra minn hekk, konformi mal-għan prinċipali mfittex mir-Regolament Nru 261/2004 li jikkonsisti, kif indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. |
|
43 |
Barra minn hekk, l-obbligu tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jipproponi lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata d-diversi possibbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jippreżupponi li dan jipprovdi lil dawn il-passiġġieri l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effikaċi fil-każ ta’ kanċellazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 53 u 54, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et, C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038, punti 99 u 100). |
|
44 |
Dan id-dritt tal-passiġġieri li jingħataw l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla effikaċi u informata jeskludi kull obbligu min-naħa tagħhom li jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tfittxija tad-data li għandha tinkludi l-proposta tat-trasportatur tal-ajru li jopera (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu,C‑354/18, EU:C:2019:637, punt 55). Bl-istess mod, huwa dan tal-aħħar li għandu jinforma b’mod utli lill-passiġġieri tal-ajru meta rotta differenti ma tkunx possibbli. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-obbligu ta’ assistenza skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa impost fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera jkun xi jkun l-avveniment li ta lok għall-kanċellazzjoni tat-titjira. Fil-fatt, anki meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Artikolu 5(3) ta’dan ir-regolament jeżenta t-trasportatur tal-ajru li jopera biss mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 31). |
|
46 |
Ir-Regolament Nru 261/2004 ma għandu ebda indikazzjoni li tippermetti l-konklużjoni li dan jirrikonoxxi, lil hinn miċ-“ċirkustanzi straordinarji” msemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kategorija distinta ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” bħall-pandemija tal-Covid-19, li jkollhom il-konsegwenza li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligi kollha tiegħu, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 30). |
|
47 |
Interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-konsegwenza li trasportatur tal-ajru li jopera jkun obbligat jipprovdi l-assistenza skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 lil passiġġieri li jkunu jinsabu, minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira, f’sitwazzjoni ta’ inkonvenjenza limitata, filwaqt li passiġġieri, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jkunu jinsabu fi stat ta’ vulnerabbiltà partikolari minħabba l-assenza ta’ kull titjira kummerċjali, jiġu mċaħħda minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 33). |
|
48 |
Passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata huwa għalhekk iġġustifikat li jikseb kumpens ekwivalenti, mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, minn dan tal-aħħar, tal-obbligu ta’ assistenza tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, inkluż mid-dmir tiegħu ta’ informazzjoni kif iddefinit fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza. |
|
49 |
Dan il-passiġġier jista’ għalhekk jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza minn trasportatur tal-ajru li jopera, minn naħa, tal-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma twettqux jew li saru inutli fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ inizjali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ assistenza tiegħu, inkluż miegħu d-dmir ta’ informazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, u dan sabiex jikseb kumpens mingħand dan it-trasportatur tal-ajru li jopera (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 24). Madankollu, dan il-kumpens ikun limitat għal dak li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jirriżulta li huwa neċessarju, xieraq u raġonevoli sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas tal-imsemmi trasportatur tal-ajru li jopera (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 73). |
|
50 |
Mill-motivi preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu lura, jirreġistra huwa stess għal titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ miżura ta’ assistenza konsulari, u li huwa obbligat iħallas f’dan ir-rigward lil dan l-Istat kontribuzzjoni fl-ispejjeż obbligatorji, ma għandux dritt għar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera abbażi ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, tali passiġġier jista’ jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza mit-trasportatur tal-ajru li jopera, minn naħa, tal-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma twettqux jew li saru inutli meta mqabbla mal-pjan ta’ vjaġġ inizjali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ assistenza tiegħu, inkluż id-dmir ta’ informazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, u dan sabiex jikseb kumpens mingħand dan it-trasportatur tal-ajru li jopera. Tali kumpens għandu madankollu jkun limitat għal dak li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, huwa neċessarju, xieraq u raġonevoli sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas tal-imsemmi trasportatur tal-ajru li jopera. |
Fuq l‑ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.