|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6822 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Litwanja
(C/2024/6822)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Litwanja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f’termini ta’ disa’ fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat, jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Litwanja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta’ April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta’ Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ erba’ jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ‘l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta’ appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta’ progress annwali tagħhom. F’konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. F’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Litwanja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja (9), li ġiet emendata fid-9 ta’ Novembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Litwanja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal-Litwanja. Huwa vvaluta l-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Litwanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(9) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja żdied minn 0,6 % tal-PDG fl-2022 għal 0,8 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 38,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 38,3 % fi tmiem l-2023. |
|
(10) |
Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (11) li l-Litwanja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika fiskali newtrali kumplessiva (12), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Litwanja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Litwanja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (13) kienet espansjonarja, b’0,6 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni kumplessivament newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ -0,2 % tal-PDG. Dan jinkludi ż-żieda ta’ 0,1 % tal-PDG fil-kostijiet tal-offerta ta’ protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022. Il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis b’0,9 punti perċentwali fil-kost tal-miżuri ta’ appoġġ (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-pagi tas-settur pubbliku, il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet kienu fost il-fatturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul). In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali jammonta għal 3,5 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,9 punti perċentwali mqabbla mal-2022. Il-Litwanja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni. Il-Litwanja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-installazzjoni ta’ erba’ faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku Litwana. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(11) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,0 % fl-2024 u 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta’ 1,9 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025. |
|
(12) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 38,9 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti żidiet fl-infiq li mhumiex kompletament akkumpanjati minn żieda fid-dħul. L-infiq qed jiżdied minħabba l-indiċjar tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, iż-żieda fil-pagi tas-settur pubbliku, it-trasferimenti kurrenti mħallsa mill-gvern u n-nefqa fuq l-imgħax. Il-pagi tas-settur pubbliku huma pprojettati li jiżdiedu b’pass simili għal dak tal-pagi tas-settur privat sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tas-settur pubbliku bħala impjegatur. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja b’1,6 % tal-PDG fl-2024. |
|
(13) |
In-nefqa li tammonta għal 0,8 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser jippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħalli impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Litwanja. In-nefqa li tammonta għal 0,5 % tal-PDG hija mistennija tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità, fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. |
|
(14) |
Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-Litwanja (14) żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Litwanja huwa pprojettat li jkun -0,8 % tal-PDG fl-2024, wara li kien 0,1 % fl-2023, u b’hekk jibqa’ qrib l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta’ -1,0 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(15) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Litwanja tieħu azzjoni biex telimina gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, il-Litwanja tiżgura li tali miżuri ta’ appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (15) tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun inqas minn 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, il-kumpens tat-taxxa fuq il-valur miżjud ikkalkulat fuq l-enerġija għas-sħana u l-ilma sħun għall-konsumaturi domestiċi ser jibqa’ fis-seħħ fl-2024. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(16) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Litwanja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos minn 3,5 % tal-PDG fl-2023 għal 3,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa dovut għal investiment eċċezzjonalment għoli fl-2023 għall-infrastruttura, inkluż għad-difiża u s-sigurtà. Meta mqabbel ma’ dan, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali kien ta’ 2,8 % tal-PDG bħala medja matul il-perjodu 2019-2022. B’kont meħud ta’ dawk il-fatturi addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat bħala li jikkonforma ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tiżdied minn 1,2 % tal-PDG fl-2023 għal 1,8 % tal-PDG fl-2024. |
|
(17) |
Abbażi tal-miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta’ suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fl-infiq soċjali minħabba l-indiċjar tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, filwaqt li d-dħul huwa pprojettat li jibqa’ stabbli bħala perċentwal tal-PDG. Iż-żieda ipprojetta fid-dħul mill-kontribuzzjonijiet soċjali u mit-taxxi indiretti ser tkun kontrobilanċjata minn tnaqqis fid-dħul mit-taxxi korporattivi fuq l-introjtu minħabba t-tneħħija gradwali tal-“kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà” li tiġi bħalissa imposta fuq il-banek (16), kif ukoll it-tnaqqis ipprojettat fl-introjtu mill-imgħax hekk kif il-gvern qed jippjana li jnaqqas id-depożiti ta’ flus tiegħu fil-bank ċentrali. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG għandu jiżdied għal 41,6 % sa tmiem l-2025, hekk kif dan jiġi mbuttat ‘l fuq miż-żieda fid-defiċit. |
|
(18) |
Id-dħul mit-taxxa tal-Litwanja bħala sehem tal-PDG żdied fl-2023 iżda huwa taħt il-medja tal-Unjoni b’mod sinifikanti. Dan jillimita l-finanzjament disponibbli għall-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi ġenerali. Fl-2022, id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà, li huwa fost it-taxxi l-inqas detrimentali għat-tkabbir, ammonta biss għal 0,3 % tal-PDG, madwar seba’ darbiet inqas mill-medja tal-Unjoni. Il-Litwanja ġabret anqas minn nofs il-medja tal-Unjoni mit-taxxi kapitali (bħala sehem tal-PDG), għandha uħud mill-aktar taxxi baxxi fuq it-trasport fl-Unjoni u hija waħda mill-ftit Stati Membri mingħajr taxxa annwali fuq il-karozzi. L-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali żdied fl-2023, iżda għadu taħt il-medja tal-Unjoni b’mod sinifikanti. Dan jissarraf f’livelli relattivament baxxi u kopertura limitata tal-benefiċċji soċjali, bil-pensjonijiet tal-irtirar fost l-aktar baxxi fl-Unjoni meta mqabbla mal-introjti tal-impjiegi (17). In-nefqa fuq is-servizzi pubbliċi ġenerali hija partikolarment baxxa, u tirċievi anqas min-nofs il-finanzjament (bħala perċentwal tal-PDG) mill-medja tal-Unjoni. Riżorsi finanzjarji inadegwati għall-kura tas-saħħa jirriżultaw f’livelli għoljin ta’ ħtiġijiet mhux issodisfati għall-pazjenti u b’mod partikolari għal gruppi b’introjtu baxx, dipendenza qawwija fuq pagamenti mill-but u l-inabbiltà li jiġu offruti salarji u kundizzjonijiet kompetittivi lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa. |
|
(19) |
F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Litwanja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Litwanja tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza sfidi rilevanti, speċjalment fejn tidħol ir-riforma tat-taxxa. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(20) |
Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), il-Litwanja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta’ kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f’kull programm. Filwaqt li l-Litwanja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti bejn ir-reġjun tal-belt kapitali u l-bqija tal-Litwanja fejn jidħlu l-attività ekonomika, l-investimenti u l-indikaturi soċjali. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa importanti li jkomplu jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali filwaqt li ssir enfasi fuq il-kontej li għadhom lura. It-titjib tal-kwalità u l-aċċess għall-edukazzjoni (inkluż bl-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal), għas-servizzi soċjali u għas-saħħa, jibqa’ rilevanti. Il-Litwanja tista’ tagħmel użu wkoll mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-industrija permezz tal-iżvilupp u l-manifattura ta’ innovazzjoni diġitali u tat-teknoloġija profonda b’valur miżjud għoli kif ukoll teknoloġiji u bijoteknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, inkluż fil-qasam tad-difiża u l-użu doppju. |
|
(21) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, il-Litwanja qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet, il-kompetittività, is-servizzi pubbliċi, kif ukoll l-ambjent u l-ġestjoni tar-riżorsi. |
|
(22) |
Il-firxa ta’ servizzi ta’ kura preventiva, dijanjostika bikrija u primarja hija limitata fil-Litwanja, u hemm nuqqas ta’ kompetenzi xierqa fit-timijiet tal-kura primarja. B’riżultat ta’ dan, il-livell ta’ mortalità li tista’ tiġi evitata u li tista’ tiġi ttrattata għadu għoli. Dan huwa influwenzat minn dgħufijiet fl-interventi ta’ prevenzjoni, fl-iskrinjar tal-kura tas-saħħa u fit-twassil tal-kura, iżda wkoll minn fatturi ta’ imġiba riskjuża. L-infiq fuq is-saħħa għadu fost l-aktar baxxi fl-Unjoni (68,6 % biss minnu kien iffinanzjat mis-settur pubbliku fl-2021). Il-Litwanja qed tibda tieħu azzjoni leġiżlattiva u tuża investimenti biex issaħħaħ il-kura primarja u preventiva, iżda r-riżultati għadhom ma mmaterjalizzawx. |
|
(23) |
Għalkemm il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet tax-xjuħija kienu qed jiżdiedu bħala medja f’dawn l-aħħar snin, il-kapaċità tas-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa biex ittaffi l-faqar (20,9 % imqabbel mal-Unjoni 16,5 %) u l-inugwaljanza fl-introjtu (S80/S20 proporzjon 6,39 imqabbel mal-Unjoni 4,74) fil-Litwanja għadha insuffiċjenti. L-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija fir-rigward tal-introjtu ta’ qabel l-irtirar marret għall-agħar u għadha f’livell baxx kritiku. Fl-2022, l-introjtu disponibbli medjan tal-persuni akbar fl-età (65 sena jew aktar) kien jikkostitwixxi 65 % tal-medjan ta’ qabel l-irtirar, (20) 15-il punti perċentwali inqas mill-medja tal-Unjoni. Id-differenza tal-aħħar bejn l-introjtu ta’ qabel l-irtirar u ta’ wara l-irtirar ilha tikber mill-2014. Ir-rata aggregata ta’ sostituzzjoni għall-pensjonijiet tal-irtirar (21), li tkejjel id-daqs tal-pensjonijiet bħala sehem mis-salarji ta’ qabel l-irtirar qabel it-taxxi, kienet l-aktar waħda baxxa fl-Unjoni fl-2022. Għalkemm il-pensjoni medja mħallsa mill-fond tal-assigurazzjoni soċjali tal-Istat żdiedet b’mod sinifikanti (minn EUR 277 fl-2017 għal EUR 539 fl-2023), xorta għadha taħt il-livell limitu tal-faqar (EUR 564 fl-2023). L-adegwatezza ġenerali baxxa tal-pensjonijiet hija fattur ewlieni tal-faqar fix-xjuħija. Fl-2022, ir-rata ta’ persuni akbar fl-età fir-riskju ta’ faqar kienet waħda mill-ogħla fl-Unjoni (il-Litwanja 39,5 % imqabbel mal-Unjoni 17,3 %). Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, il-faqar enerġetiku għadu fost l-ogħla fl-Unjoni. L-indirizzar ta’ dawk l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ‘l fuq, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali, li ġie pilotat fl-2024. F’konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Semestru Ewropew għandu jinkludi s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali. |
|
(24) |
Id-differenzi reġjonali għadhom jippersistu fil-Litwanja, aggravati minn żviluppi demografiċi negattivi. Il-Litwanja qed tesperjenza diskrepanza urbana-rurali ferm akbar għar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni (10,7 punti perċentwali mqabbla ma’ 0,4 punti perċentwali fl-2022, ikkalkulati bħala d-differenza fis-sehem tal-popolazzjoni). Fil-każ ta’ muniċipalitajiet iżgħar u aktar remoti, qed isir dejjem aktar diffiċli li jiġi pprovdut aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni, servizzi soċjali, trasport, enerġija, provvisti tal-ilma u servizzi pubbliċi oħra ta’ kwalità b’mod effiċjenti, u li jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku. Il-muniċipalitajiet ma jikkooperawx biex jiġbru flimkien l-għarfien espert u l-investimenti sabiex iżidu u jtejbu l-effiċjenza u l-effettività fil-forniment tas-servizzi pubbliċi. Sistema tat-trasport pubbliku frammentata u żviluppata b’mod mhux uniformi, in-nuqqas ta’ konnettività interna u ta’ intermodalità (22), l-ippjanar tal-vjaġġi u servizzi bażiċi oħra tal-passiġġieri jfixklu l-aċċess għall-impjiegi u s-servizzi pubbliċi, speċjalment f’żoni remoti u rurali, u jikkontribwixxu għad-disparitajiet reġjonali. Il-Litwanja għandha l-inqas network tat-trasport pubbliku żviluppat u l-inqas użat fl-Unjoni, b’5,3 % biss tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri li jitwettaq fuq it-trasport pubbliku, inkluż 0,9 % bil-ferrovija. Il-Litwanja għandha lok sinifikanti biex ittejjeb il-koordinazzjoni tas-sistema tat-trasport pubbliku tagħha kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak ċentrali. |
|
(25) |
Il-Litwanja kienet qed tesperjenza tkabbir limitat fil-produttività parzjalment minħabba nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet. Għalkemm il-pajjiż għandu waħda mill-ogħla rati ta’ kisba fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja, l-iskarsezza ta’ persunal ikkwalifikat hija ostaklu kbir għall-investiment fit-tul għal 72 % fost il-kumpaniji Litwani, filwaqt li 47 % biss tal-gradwati tal-kulleġġ isibu impjiegi li jaqblu mal-livell ta’ edukazzjoni tagħhom. L-involviment tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju u l-kontroll tal-kwalità tal-programmi ta’ studju tal-edukazzjoni għolja għadhom dgħajfa. In-network tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ma ġiex adattat għan-numru dejjem jonqos ta’ studenti u ser jiffaċċa aktar pressjonijiet ladarba tidħol fis-seħħ sistema ġdida ta’ ammissjoni tal-istudenti din is-sena. Filwaqt li l-Litwanja ppjanat diversi proġetti ta’ riorganizzazzjoni tal-kulleġġi, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiżdied l-effiċjenza tan-netwerk tal-edukazzjoni għolja u tiġi kkonsolidata s-sistema frammentata tar-riċerka. |
|
(26) |
Il-Litwanja tinsab f’livell inqas mill-medja tal-Unjoni fejn jidħlu indikaturi differenti tal-innovazzjoni bħalma huma l-intensità tar-riċerka u l-innovazzjoni, is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni. In-nefqa fir-riċerka u l-innovazzjoni kienet ta’ 0,53 % tal-PDG fl-2022, l-inqas livell tagħha mill-2007. Regoli kumplessi jillimitaw l-aċċess għal miżuri pubbliċi ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-akkademja u n-negozju. L-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni staġna f’dawn l-aħħar snin u huwa tliet darbiet aktar baxx mill-medja tal-Unjoni. Dan huwa aggravat minn aċċess ristrett għall-finanzi li jfixkel it-tkabbir ta’ ditti innovattivi, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jiffaċċjaw disponibbiltà limitata ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament. |
|
(27) |
L-ekonomija tal-Litwanja, u b’mod partikolari l-industrija tagħha, hija konsiderevolment inqas effiċjenti fl-użu tal-materjali biex tipproduċi l-ġid mill-medja tal-Unjoni. Il-produttività tar-riżorsi baqgħet konsistentement taħt il-medja tal-Unjoni mill-2018, ikkaratterizzata minn impronta materjali ogħla. Ir-rata tal-Litwanja tal-użu tal-materjal ċirkolari kienet tliet darbiet inqas mill-medja tal-Unjoni fl-2022 (4,1 % meta mqabbla ma’ 11,5 %) u mill-2018 ma wriet l-ebda sinjal ta’ titjib. Dan ifisser li madwar 96 % tal-materjali kollha ma jerġgħux jintużaw fil-Litwanja, u dan jindika li hemm lok konsiderevoli biex tittejjeb is-sistema frammentata tas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart u jiġi promoss l-użu ta’ materjali sekondarji għall-ħolqien tal-valur. Barra minn hekk, tliet kwarti tal-erja tas-superfiċje tal-istokk tal-bini tal-Litwanja nbniet qabel l-1992, li jirriżulta f’effiċjenza enerġetika baxxa u konsum ogħla tal-enerġija (u faqar enerġetiku). It-titjib tal-produttività tar-riżorsi jista’ jnaqqas id-dipendenza fuq swieq volatili tal-materja prima, inaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni u għalhekk jagħti spinta lill-kompetittività permezz ta’ kisbiet fl-effiċjenza, filwaqt li jgħin ukoll biex jiġu minimizzati l-impatti negattivi fuq l-ambjent. Fl-istess ħin, żewġ terzi tal-ħabitats protetti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli, filwaqt li nofs il-korpi tal-ilma tal-wiċċ biss jiksbu status ekoloġiku tajjeb. Il-Litwanja esperjenzat telf sinifikanti tal-bijodiversità fil-pajsaġġi agrikoli. Dan huwa eżempju ta’ tnaqqis bi kważi nofs il-popolazzjoni tal-għasafar tal-art agrikola matul il-perjodu 2000-2020. Barra minn hekk, is-settur agrikolu huwa t-tieni l-akbar emittent ta’ gassijiet serra fil-Litwanja u l-emissjonijiet tiegħu żdiedu mill-2005. B’mod ġenerali, id-diskrepanza fl-investiment ambjentali kienet stmata li hu fil-livell ta’ 2,2 % tal-PDG fil-Litwanja matul l-2014-2020, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni ta’ 0,8 %. Bħala tali, għad hemm lok biex il-prattiki agrikoli jiġu allinjati aktar mal-objettivi ambjentali. |
|
(28) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Litwanja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2024 u fl-2025 il-Litwanja tieħu azzjoni biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f’waqtu. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (23) fl-2025 għal rata konsistenti, fost l-oħrajn, maż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f’livell prudenti fuq terminu medju. Tipprovdi finanzjament adegwat għall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi ġenerali. |
|
2. |
Tindirizza l-isfidi rilevanti biex jippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Ittejjeb ir-riżultati fil-qasam tas-saħħa u r-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa billi ssaħħaħ il-kura primarja u tespandi l-kura preventiva. Iżżid l-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Tindirizza d-disparitajiet reġjonali billi tippromwovi l-kooperazzjoni fost il-muniċipalitajiet fit-titjib tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi, inkluż it-trasport pubbliku. |
|
4. |
Tindirizza l-ispariġġ fil-ħiliet billi ttejjeb ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol. Tiffaċilita l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni. Iżżid il-produttività tar-riżorsi biex isir progress lejn ekonomija ċirkolari. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta’ April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.04.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 10477/21 INIT; ST 10477/21 ADD 1.
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-28 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja (ST 14637/23 INIT; ST 14637/23 ADD 1).
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Litwanja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja tal-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 120).
(12) Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Litwanja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat fil-livell ta’ 10,5 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(13) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Litwanja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 135).
(15) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(16) Fit-18 ta’ Ġunju 2024, il-Parlament Litwan estenda l-“kontribuzzjoni ta’ solidarjetà temporanja” b’sena, sa tmiem l-2025. Id-dħul addizzjonali pprojettat (madwar 0,1 % tal-PDG) mhuwiex rifless fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.
(17) Fil-Litwanja, il-pensjonijiet tal-irtirar mhumiex taxxabbli u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali ma jitħallsux. It-tqabbil isir bejn il-pensjonijiet netti tal-irtirar u l-introjtu gross mill-impjieg.
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(19) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(20) Introjtu medjan disponibbli tal-kategorija tal-età bejn 55-64 sena.
(21) L-indikatur huwa definit bħala l-proporzjon tal-pensjoni gross individwali medjana tal-kategorija tal-età ta’ 65-74 sena meta mqabbel mal-qligħ gross medjan individwali tal-kategorija tal-età ta’ 50-59 sena, esklużi benefiċċji soċjali oħra.
(22) Karatteristika ta’ sistema ta’ trasport fejn jintużaw mill-anqas żewġ modi differenti b’mod integrat sabiex titlesta sekwenza ta’ trasport minn bieb sa bieb.
(23) Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6822/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)