Official Journal L 245 , 29/09/2003 P. 0025 - 0027
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1649/2003 tat-18 ta'Ġunju 2003 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1365/75 dwar il-ħolqien Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-Kondizzjonijiet tal-ĦAJJA u tax-Xogħol u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1417/76 IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [3], Billi: (1) Ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-Ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol [4] għandhom jinġiebu f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [5], (hawnhekk iżjed 'il-quddiem imsejjaħ bħala r-Regolament Finanzjarju Ġenerali), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu. Skond dak l-Artikolu, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għandha tadotta regoli finanzjarji in konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [6]. B'konsegwenza, r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1417/76 ta' l-1 ta' Ġunju 1976 dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji li japplikaw għall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol [7] għandu jiġi revokat b'effett mid-dħul fis-seħħ tar-regoli finanzjarji adottati mill-Bord Amministrattiv ta' l-imsemmija Fondazzjoni. (2) Il-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti kif provdut fl-Artikolu 255 tat-Trattat ġew preskritti bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 fir-rigward ta' l-aċċess pubbliku għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u d-dokumenti tal-Kummissjoni [8]. (3) Meta r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 kien adottat, it-tliet istituzzjonijiet ftehmu f'dikjarazzjoni konġunta li aġenziji u korpi simili għandhom jimplimentaw regoli li jikkonformaw ma' dawk ta' dak ir-Regolament. (4) Disposizzjonijiet xierqa għandhom għalhekk jiġu nklużi fir-Regolament (KE) Nru 1365/75 biex ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jintgħamel applikabbli għall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, bħal ma għandu jsir ukoll għal disposizzjoni dwar appelli kontra rifjut għall-aċċess ta' dokumenti. (5) Ir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandu għalhekk jiġi hekk emendat, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 huwa b'dan emendat kif ġej: 1. L-Artikoli 13, 14, 15 u 16 għandhom ikunu sostitwiti b'dan li ġej: "L-Artikolu 13 1. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni u prospetti, u jibgħatu l-aktar tard sal-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Qorti ta' l-Awdituri. 2. Il-Fondazzjoni għandha tibgħat kull sena lill-awtorità ta' l-estimi kull tagħrif relevanti dwar ir-riżultat tal-proċeduri ta' evalwazzjoni. Artikolu 14 1. Estimi dwar id-dħul u n-nefqa kollha tal-Fondazzjoni għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi mas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fl-estimi tal-Fondazzjoni, li għandhom jinkludu pjan ta' stabbiliment. 2. Id-dħul u n-nefqa murija fl-estimi tal-Fondazzjoni għandhom jibbilanċjaw. Artikolu 15 1. Kull sena, l-Bord Amministrattiv, fuq il-bażi ta' abbozz imħejji mid-Direttur tiegħu, għandu jipproduċi estimi tad-dħul u n-nefqa għall-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja ta' wara. Dawn l-estimi li għandhom jinkludu abbozz tal-pjan stabbilit, għandhom jintbagħtu mill-Bord Amministrattiv lill-Kummissjoni l-aktar tard sal-31 ta' Marzu. 2. L-estimi għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjħa l-awtorità ta' l-estimi) flimkien ma' l-abbozz preliminari ta' l-estimi ġenerali ta' Unjoni Ewropea. 3. Fuq il-bażi ta' l-estimi l-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari ta' l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-estimi li tqies meħtieġa għall-pjan ta' l-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jintalab fl-estimi ġenerali, li għandha tqiegħed quddiem l-aworità ta' l-estimi, skond l-Artikolu 272 tat-Trattat. 4. L-awtorità ta' l-estimi għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Fondazzjoni. L-awtorità ta' l-estimi għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Fondazzjoni. 5. L-estimi tal-Fondazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv. Għandhom isiru finali wara l-adozzjoni finali ta' l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn xiearq, għandhom jiġi aġġustati skond kif meħtieġ. 6. Il-Bord Amministrattiv għandu, kemm jista' jkun malajr, jinnotifika lill-awtorità ta' l-estimi bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji fuq l-iffinanzjar ta' l-estimi tiegħu, b'mod partikolari xi proġetti li jirrelataw ma' proprjetà bħal kiri jew xiri ta' bini. Huwa għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni. Fejn fergħa ta' l-awtorità ta' l-estimi tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv f'perijodu ta' sitt ġimgħat mid-data tan-notifikazzjoni tal-proġett. Artikolu 16 1. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Fondazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Huma ma jistgħux jiddevjaw mill-qafas tar-Regolament Finanzjarju tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [9] sakemm mhux speċifikament meħtieġ mill-operazzjoni tal-Fondazzjoni u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni. 2. Id-Direttur għandu jimplimenta l-estimi tal-Fondazzjoni. 3. L-aktar tard sa l-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Fondazzjoni għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. 4. L-aktar tard sal-31 ta' Marzu ta' kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u dik finanzjarja għas-sena finanzjarja għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Fondazzjoni taħt ir-responsabiltà tiegħu stess u jibgħathom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni. 6. Il-Bord Amministrattiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Fondazzjoni. 7. Id-Direttur għandu, l-aktar tard sal-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat dawn il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv. 8. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppublikati. 9. Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba dwar l-osservazzjonijiet tagħha l-aktar tard sat-30 ta' Settembru. Hu għandu wkoll jibgħat tweġiba lill-Bord Amministrattiv. 10. Id-Direttur għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan imsemmi l-aħħar, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' disċarġ għas-sena finanzjarja in kwistjoni kif preskritt fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. 11. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti d-disċarġ lid-Direttur tal-Fondazzjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-estimi għas-sena N."; 2. L-Artikolu li ġej għandu jiżdied: "L-Artikolu 18a 1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [10] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Fondazzjoni. 2. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1649/2003 tat-18 ta' Ġunju 2003 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1365/75 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1417/76 [11]. 3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Fondazzjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament." Artikolu 2 Ir-regolament (KEE) Nru 1417/76 għandu jiġi revokat b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli finanzjarji adottati mill-Bord Amministrattiv skond l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fit-18 ta' Ġunju 2003. Għall-Kunsill Il-President G. Drys [1] ĠU C 331 E, tal-31.12.2002, p. 65. [2] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Marzu 2003 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 285, tal-21.11.2002, p. 4. [4] ĠU L 139, tat-30.5.1975, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994. [5] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1 b'Corrigendum fil-ĠU L 25, tat-30.1.2003, p. 43. [6] ĠU L 357, tal-31.12.2002, p. 72 b'Corrigendum fil-ĠU L 2, tas-7.1.2003, p. 39. [7] ĠU L 164, ta' l-24.6.1976, p. 16. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1949/93 (ĠU L 181, tat-23.7.1993, p. 26). [8] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43. [9] ĠU L 357, tal-31.12.2002, p. 72 b'Corrigendum fil-ĠU L 2, tas-7.1.2003. [10] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43. [11] ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 25. --------------------------------------------------