28.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/527/PESK

tas-27 ta’ Settembru 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2010/573/PESK li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/573/PESK li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova (1).

(2)

Fid-dawl tal-progress fil-kisba ta’ ftehim politiku għall-konflitt Transnistrijan u fir-restawr tal-moviment liberu tal-persuni matul il-fruntiera amministrattiva tar-reġjun Transnistrijan, għandhom jitneħħew il-miżuri restrittivi li japplikaw fir-rigward tal-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/573/PESK.

(3)

Il-miżuri restrittivi li japplikaw fir-rigward tal-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/573/PESK għandhom jiġu estiżi sat-30 ta’ Settembru 2013. Madankollu, sabiex jiġi mħeġġeġ progress fl-indirizzar tal-problemi pendenti fir-rigward tal-iskejjel li jgħallmu bl-alfabett Latin, il-persuni inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/573/PESK għandhom jitneħħew mil-lista.

(4)

Id-Deċiżjoni 2010/573/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/573/PESK hi b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom tal-persuni li huma responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-kampanja ta’ intimidazzjoni u l-għeluq tal-iskejjel Moldavi li jgħallmu bl-alfabett Latin fir-reġjun Transnistrjan tar-Repubblika tal-Moldava, kif elenkati fl-Anness.”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   F’każijiet fejn skont il-paragrafi 3, 4, 6 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tiegħu lill-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat u lill-persuni konċernati minnha.”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jadotta emendi għal-listi li jinsabu fl-Anness kif meħtieġ minn żviluppi rilevanti fir-Repubblika tal-Moldova.”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2013. Hija għandha tkun riveduta b’mod kontinwu. Hija tista tiġi mġedda jew emendata, kif adegwat, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”.

(4)

L-Anness I huwa mħassar.

(5)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)   ĠU L 253, 28.9.2010, p. 54.


ANNESS

“ANNESS

Persuni msemmija fl-Artikolu 1(1)

…”